Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR2613

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-isfidi għat-trasport pubbliku fil-bliet u r-reġjuni metropolitani”

COR 2020/02613

ĠU C 37, 2.2.2021, p. 51–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/51


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-isfidi għat-trasport pubbliku fil-bliet u r-reġjuni metropolitani”

(2021/C 37/09)

Relatur:

Adam STRUZIK (PL/PPE), President tal-Provinċja ta’ Mazowieckie

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jirrimarka li jeħtieġ jitnaqqsu l-ispejjeż esterni tat-trasport sabiex tiġi promossa d-dekarbonizzazzjoni tal-mobbiltà. It-trasport huwa responsabbli għal madwar kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE. Fl-istess ħin, xi forom tiegħu jħallu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa tan-nies minħabba t-tniġġis tal-arja, il-konġestjoni tat-traffiku, l-istorbju, l-inċidenti u l-użu mhux ottimali tal-ispazju;

2.

jenfasizza li sabiex tiġi żgurata kwalità tajba tal-ħajja fil-bliet u biex dawn isiru aktar aċċessibbli, nodfa u kompetittivi, neħtieġu bidla modali lejn modi sostenibbli ta’ trasport;

3.

jinnota li l-problema tat-tixrid tal-funzjonijiet urbani fil-forma ta’ suburbanizzazzjoni u tifrix urban hija riskju fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli tal-bliet u r-reġjuni. Dan ma jikkawżax biss id-degradazzjoni tal-ispazju u jnaqqas l-ispazji agrikoli, ekoloġiċi u dawk miftuħa, iżda jikkawża wkoll żieda fl-ispejjeż esterni tal-użu tal-art residenzjali u l-ivvjaġġar relatat, li jiġġarrbu prinċipalment mill-awtoritajiet tal-gvern lokali;

L-isfidi relatati mal-mobbiltà fil-bliet — li għandhom jiġu kkunsidrati fl-Istrateġija ta’ Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti (1)

4.

jinnota li ż-żieda fit-traffiku tal-karozzi fil-bliet u ż-żoni metropolitani twassal għal żieda fl-ispejjeż esterni relatati mat-tniġġis tal-arja u t-telf ta’ ħin, li konsegwentement jaffettwa wkoll il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata b’mod negattiv. Għalhekk, it-trasport pubbliku għandu jsir wieħed mill-aktar komponenti ewlenin tal-mobbiltà urbana. Fl-istess ħin, għandhom jissaħħu diversi forom ta’ mobbiltà attiva, bħaċ-ċikliżmu u l-mixi biex tiżdied is-sostenibbiltà tal-mobbiltà urbana;

5.

jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi tar-reġjuni metropolitani f’sens usa’ u jirrimarka li n-natura tar-reġjuni metropolitani tirrikjedi livell għoli ta’ vjaġġar taċ-ċittadini lejn iċ-ċentri urbani. Dan jagħmel l-aċċess għat-trasport pubbliku li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u li jkun kosteffettiv waħda mill-akbar sfidi tar-reġjuni metropolitani (2);

6.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li s-sistema tat-trasport tiġi ttrattata bħala sistema integrata. L-importanza dejjem tikber tal-mobbiltà bħala servizz u l-ħtieġa li jiġu introdotti soluzzjonijiet innovattivi fil-ġestjoni u l-organizzazzjoni tat-trasport għandhom iħeġġu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jorbtu t-trasport pubbliku mat-trasport individwali (b’mod partikolari l-mixi, iċ-ċikliżmu u l-użu ta’ apparat personali tat-trasport) fil-ġestjoni tat-territorju u l-pjani dwar it-trasport;

7.

jinnota li l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni stabbiliti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-għan tal-UE li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050 huma ambizzjużi iżda indispensabbli. Sabiex il-bliet u r-reġjuni metropolitani jilħqu dawn l-objettivi, id-deċiżjonijiet ta’ politika għandhom jittieħdu abbażi ta’ ħidma kunċettwali, organizzattiva u edukattiva, u għandu jkun żgurat ukoll finanzjament adatt biex dawn l-objettivi jintlaħqu;

8.

jirrakkomanda l-ġbir ta’ data li turi l-flussi tal-mobbiltà fir-reġjuni metropolitani bil-għan li tinkiseb stampa komprensiva dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku sabiex jitfasslu miżuri aktar adatti, jiġu żviluppati Pjani ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli bbażati fuq l-evidenza, u biex l-investiment mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u minn sorsi oħrajn jiġi dirett b’mod aktar immirat;

9.

jenfasizza li waħda mill-kawżi tal-problemi tal-mobbiltà urbana hija n-nuqqas ta’ finanzjament għall-infrastruttura tat-trasport pubbliku urban u l-mobbiltà mhux motorizzata. L-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-kumpaniji tat-trasport pubbliku tagħhom jeħtieġu sorsi addizzjonali ta’ finanzjament li jkun strettament immirat biex, fit-taħlita tat-trasport, jiżdied is-sehem tas-soluzzjonijiet alternattivi u sostenibbli, aktar milli t-trasport motorizzat privat;

10.

jenfasizza li l-politika tat-trasport pubbliku għandha tkun integrata f’politika soċjali usa’. Għandu jiġi evitat li l-ispejjeż esterni tat-trasport pubbliku bħall-istorbju, it-tniġġis, l-esproprjazzjoni, ix-xogħlijiet infrastrutturali eċċ., ma jiġux orjentati b’mod sproporzjonat lejn l-aktar persuni soċjalment vulnerabbli. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat aċċess ġust għal kulħadd fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet jew tal-konnettività, b’mod li jippermetti kwalità tal-ħajja aħjar għal kulħadd;

Niżguraw il-possibbiltà ta’ għażla reali bi preferenza għal mezzi sostenibbli ta’ trasport bit-triq fl-ispirtu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

11.

jirrimarka li, fejn l-istandards prevalenti attwali jiffavorixxu l-karozzi privati fl-ippjanar u l-finanzjament, jeħtieġ li l-kundizzjonijiet jinbidlu b’mod li jippromovi modi ta’ trasport aktar sostenibbli u effiċjenti. Madankollu, id-drawwiet attwali huma dovuti għad-disponibbiltà u l-attraenza tad-diversi modi ta’ trasport, filwaqt li l-parti l-kbira tan-nies hija flessibbli fid-deċiżjonijiet tagħha f’dan il-qasam; Meta t-trasport pubbliku jsir aktar attraenti f’termini ta’ prezzijiet, disponibbiltà, frekwenza u kontinwità tal-konnessjonijiet tat-trasport, tinħoloq l-alternattiva reali għall-mobbiltà individwali tal-karozzi;

12.

jenfasizza l-importanza li tinħoloq sħubija pubblika-privata fil-bliet u fir-reġjuni sabiex jiġi mobilizzat l-investiment privat u jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi fit-trasport pubbliku. F’dan ir-rigward, jappella għal qafas regolatorju favorevoli għan-negozju, li jinċentiva t-tkabbir ta’ mudelli kummerċjali ġodda u joħloq suq kompetittiv;

13.

jenfasizza l-importanza li jiġi pprovdut trasport pubbliku effiċjenti u sostenibbli lil hinn mill-fruntieri amministrattivi tal-bliet, speċjalment għal min jivvjaġġa lejn ix-xogħol u lura, għall-anzjani u għaż-żgħażagħ. Il-kooperazzjoni u l-governanza tajba bejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell metropolitan huma kruċjali f’dan ir-rigward;

14.

jirrimarka li t-tibdil fid-drawwiet tas-soċjetà lejn proporzjon ogħla ta’ modi ta’ trasport li jniġġsu inqas jirrikjedi sensibilizzazzjoni mill-utenti u fuq kollox li f’dan il-qasam ikun hemm verament għażliet fattibbli;

15.

jinnota li preferenza intenzjonata għal trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent huwa pass ulterjuri. Jenħtieġ li jinħoloq spazju favorevoli għall-mixi u ċ-ċikliżmu u preferenza spazjali għall-mobbiltà mhux motorizzata u t-trasport pubbliku f’termini tal-aċċessibbiltà u l-attraenza tar-rotot u l-organizzazzjoni tat-traffiku. Għalhekk, bidla bħal din tirrikjedi koordinazzjoni tal-politiki spazjali, urbani u tat-trasport u kooperazzjoni f’diversi livelli lil hinn mill-fruntieri amministrattivi biex jinfetaħ spazju għal forom alternattivi ta’ trasport għall-karozzi;

16.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tifformula, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-miri dwar l-investimenti għall-iżvilupp tat-trasport pubbliku b’mod aktar preċiż; jinnota li hemm tendenza negattiva li l-investiment fit-trasport pubbliku jintrabat mal-espansjoni u ż-żieda fil-kapaċità tas-sistema tat-toroq. Minflok, għandha tingħata prijorità ċara lit-trasport pubbliku u kollettiv fil-forom kollha tiegħu. Kull meta t-trasport bil-ferrovija ma jkunx fattibbli, is-sistemi tat-trasport rapidu permezz tax-xarabank (BRT — Bus Rapid Transit) u l-korsiji għal vetturi b’okkupazzjoni għolja (HOV — high occupancy vehicle) għandhom jingħataw prijorità. Monitoraġġ u arranġamenti regolatorji adatti għandhom jillimitaw prattiki li jmorru kontra l-objettivi tal-politika tat-trasport sostenibbli;

17.

jirrimarka li mezzi tat-trasport li huma verament favur l-ambjent huma dawk li mhux biss inaqqsu l-emissjonijiet, iżda jiffrankaw l-ispazju, il-ħin u l-enerġija. Minbarra l-mixi u ċ-ċikliżmu, dawn jinkludu t-trasport ferrovjarju jew it-trasport rapidu permezz tax-xarabank (l-hekk imsejjaħ BRT — Bus Rapid Transit) u l-korsiji għal vetturi b’okkupazzjoni għolja (HOV — high occupancy vehicle). Din hija r-raġuni għaliex il-metros, it-trammijiet, u x-xarabanks b’emissjonijiet baxxi, b’mod partikolari t-trasport rapidu permezz tax-xarabank għandhom ikunu l-bażi tat-trasport pubbliku għaż-żoni metropolitani u l-bliet il-kbar;

Il-mobbiltà u t-trasport pubbliku bħala kompetenzi ewlenin tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

18.

ifakkar li ammont sinifikanti ta’ vjaġġar huwa dovut għall-fatt li mhux possibbli li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet kollha fil-postijiet fejn jgħixu n-nies. Għalhekk il-politika għandha timmira lejn l-aċċessibbiltà tat-tipi kollha ta’ oġġetti u servizzi, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-isport, il-kultura u l-appoġġ soċjali u mhux biss il-mobbiltà fiha nnifisha; jindika fl-istess ħin, in-natura fit-tul tal-bidliet spazjali, li jappoġġjaw rabtiet urbani-rurali li jiffunzjonaw tajjeb u li jevitaw id-depopolazzjoni taż-żoni rurali, kif ukoll il-ħtieġa li jittieħdu azzjonijiet korrettivi ad hoc fil-qasam tas-sistema tat-trasport;

19.

huwa tal-fehma li l-objettiv primarju tal-politika spazjali u tat-trasport għandu jkun li tiġi massimizzata l-possibbiltà li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet filwaqt li tiġi minimizzata l-ħtieġa għall-ivvjaġġar. Fil-pass li jmiss, l-għan għandu jkun li l-ivvjaġġar jiġi razzjonalizzat, b’mod partikolari permezz ta’ taħlita adatta tat-trasport, sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-ispejjeż esterni tat-trasport imġarrba mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza wkoll li ż-żieda fit-telexogħol, kif esperjenzat matul il-pandemija tal-COVID-19, tista’ tkun ta’ opportunità għaż-żoni rurali li joffru lill-ħaddiema aktar flessibbiltà fl-għażla tal-post ta’ residenza tagħhom;

20.

jinnota x-xejra l-ġdida lejn inqas ħtiġijiet ta’ mobbiltà ta’ kuljum fuq distanzi twal minħabba ż-żieda fit-telexogħol b’riżultat tal-kriżi tal-COVID-19, u li din ix-xejra tista’ tkun dejjiema flimkien mal-implimentazzjoni ta’ kunċetti bħal “15 minutes city”;

21.

ifakkar li n-networks tat-trasport pubbliku għandhom iqisu l-iżviluppi residenzjali ġodda jew il-mudelli ta’ insedjament emerġenti kemm jista’ jkun malajr u jipprovdu aċċessibbiltà sa mill-istadji bikrin, għaliex ladarba n-nies jixtru karozza dawn għandhom it-tendenza li jużawha; residenti ta’ proġetti ta’ abitazzjoni ġodda għandu jkollhom aċċess għal trasport pubbliku sa mill-ewwel persuna li tidħol toqgħod fid-djar il-ġodda;

22.

jenfasizza l-ħtieġa li tiġi limitata s-suburbanizzazzjoni, li qed tavvanza b’mod rapidu f’żoni periurbani sa ftit għexieren ta’ kilometri miċ-ċentri tal-bliet — u aktar ma tkun kbira ż-żona affettwata, aktar tkun akuta l-problema. Għalhekk huwa importanti li nerġgħu lura għal struttura ta’ insedjament ibbażata fuq densifikazzjoni u network ta’ ċentri fejn il-funzjonijiet ewlenin jkunu jinsabu f’ċentri fuq skala adatta, li jiġu indikati fl-ippjanar u jkunu konnessi permezz ta’ trasport pubbliku effiċjenti. Huwa importanti wkoll li l-iżvilupp ta’ djar ġodda jiġi ppjanat flimkien man-nodi tat-trasport pubbliku;

23.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprovdi finanzjament mhux biss għall-investimenti l-ġodda fl-organizzazzjoni tat-trasport urban, iżda wkoll għall-konverżjoni ta’ soluzzjonijiet antikwati u ineffiċjenti. Dawn l-investimenti għandhom ikunu mmirati prinċipalment lejn il-modernizzazzjoni tas-sistemi ferrovjarji, is-sigurtà ferrovjarja u d-diġitalizzazzjoni, u b’hekk jinħolqu sistemi tat-trasport aktar rapidi, sikuri u aktar konvenjenti. Fl-istess ħin, l-investimenti proposti għandhom jinkludu aspetti bħar-rotot mingħajr kolliżjonijiet fil-bliet, toroq urbani adatti li jippermettu użu aktar effiċjenti tal-ispazju, tnaqqis tal-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar, żieda fl-ammont ta’ mezzi effiċjenti tat-trasport fit-taħlita tat-trasport u tnaqqis tal-ispejjeż esterni tat-trasport. Miżuri bħal dawn jiffavorixxu kemm l-għażla tat-trasport tal-massa kif ukoll mezzi tat-trasport alternattivi għall-karozzi individwali, u jnaqqsu l-illużjoni li l-ivvjaġġar bil-karozza mis-subborgi huwa irħis u faċli, peress li l-ispejjeż esterni tiegħu fil-fatt iħallsu għalihom l-abitanti tal-belt;

Taħlita adatta tat-trasport u internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni b’finanzjament garantit mill-fondi tal-UE fir-reġjuni

24.

jinnota li huwa neċessarju li jitqiesu l-possibbiltajiet biex jissaħħu l-investimenti fil-mobbiltà sostenibbli, pereżempju permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fond għall-Modernizzazzjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Huwa importanti wkoll li tiżdied il-mobbiltà permezz ta’ investiment fl-infrastruttura li ttejjeb l-aċċessibbiltà għan-nodi urbani fin-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u li dawn in-nodi jingħataw prijorità;

25.

jenfasizza l-importanza tal-isfida kruċjali li jiżdied is-sehem ta’ trasport li jirrispetta aktar l-ambjent, jiġifieri li jikkonsma inqas enerġija u spazju. Għalhekk, modi sostenibbli u innovattivi ta’ mobbiltà jistgħu jkunu parti integrali tar-riformi ppreżentati fi ħdan il-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Dan ifisser li għandu jsir użu xieraq tal-modi differenti ta’ trasport sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji u jiġu minimizzati l-ispejjeż għas-soċjetà, f’konformità mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”;

26.

jappella għall-ikkompletar tal-proċess tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tat-trasport, sabiex l-għażliet tal-utenti jkunu jistgħu jqisu wkoll il-benesseri tas-soċjetà. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-kunsiderazzjoni tal-ispejjeż reali tat-trasport bit-triq, li bħalissa huma sottovalutati b’mod sinifikanti. Bilanċ aħjar f’dan ir-rigward se jkun fattur importanti biex jiżdied l-użu ta’ trasport bl-inqas spejjeż esterni bħat-trasport ferrovjarju u t-trasport rapidu permezz tax-xarabank, li għandu jkun il-bażi għat-trasport pubbliku fiż-żoni metropolitani;

27.

jenfasizza li l-kompetittività tal-ispejjeż tat-trasport pubbliku għandha tiġi żgurata mill-perspettiva tal-passiġġieri. Peress li t-trasport bil-karozzi huwa l-akbar sors ta’ spejjeż esterni, l-attraenza tat-trasport pubbliku għandha tiġi żgurata permezz ta’ livell għoli biżżejjed ta’ sussidji pubbliċi, parzjalment iffinanzjati minn fondi li joriġinaw mill-internalizzazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport motorizzat privat;

28.

jenfasizza li l-ferroviji, li huma s-sinsla tal-mobbiltà reġjonali, jikkontribwixxu bil-kbir għall-koeżjoni territorjali. Jappella biex jiżdied l-investiment fin-nodi ferrovjarji urbani, l-integrazzjoni aħjar tagħhom fin-network TEN-T, it-titjib tal-konnessjonijiet transfruntiera u l-iżvilupp taċ-ċirkwit lokali (“last mile”) biex il-ferroviji jiġu integrati aħjar fil-ktajjen tal-mobbiltà urbana u suburbana (3).

29.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati wkoll modi ta’ trasport pubbliku sostenibbli oħra bħal xarabanks b’emissjonijiet baxxi, bħala mezz biex titnaqqas il-konġestjoni fil-bliet, jitnaqqsu l-emissjonijiet u jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li jingħataw inċentivi ekonomiċi għat-tiġdid tal-flotta, għall-adozzjoni ta’ teknoloġiji nodfa, u għall-investimenti fl-infrastruttura (pereżempju, korsiji għal xarabanks b’okkupazzjoni għolja f’żoni metropolitani, interkambji tat-trasport li jgħinu biex jiffaċilitaw it-trasferimenti, waqfiet għall-imbark u l-iżbark u parkeġġi park and ride, eċċ.)

30.

jappella li jiġi żgurat sehem akbar ta’ finanzjament għat-trasport pubbliku urban mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, użu aktar rapidu tagħhom u impatt akbar tal-finanzjament fil-livell reġjonali u lokali. Dawn il-miżuri se jaqdu rwol deċiżiv fl-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet operattivi u teknoloġiċi fil-livell urban u fl-iżgurar ta’ soluzzjonijiet sostenibbli u favur l-ambjent;

31.

jappella li jingħata appoġġ għall-mobbiltà urbana u l-konnessjoni aħjar tagħha mal-partijiet periurbani u rurali tar-reġjuni metropolitani, billi jinħolqu sistemi integrati tat-trasport pubbliku li jiffunzjonaw tajjeb, primarjament permezz tal-awtoritajiet reġjonali u l-programmi operattivi tagħhom fil-qafas finanzjarju li jmiss 2021-2027. L-esperjenza rikka, l-għarfien u l-kapaċità tal-awtoritajiet reġjonali għandhom jintużaw biex tiġi żgurata azzjoni koordinata, effettiva u effiċjenti;

32.

jappoġġja, f’dan ir-rigward, it-trasport pubbliku sostenibbli li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent biex ikun eliġibbli taħt l-objettiv speċifiku għal Ewropa aktar ekoloġika, b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, billi jiġu promossi t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ġusta, l-investiment ekoloġiku u blu, l-ekonomija ċirkolari, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju (“PO 2”) skont ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni — il-proposta tal-Kummissjoni COM(2018) 372 final (kif emendata minn COM(2020)452 final), li se jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-arja u t-tnaqqis tal-istorbju, u se jgħin b’mod sinifikanti lir-reġjuni metropolitani jiksbu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika;

Il-kwalità tas-servizz tat-trasport pubbliku u l-antiċipazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi u l-iżgurar tas-sigurtà f’każ ta’ theddid, inklużi l-pandemiji

33.

jirrimarka li sabiex it-trasport pubbliku jsir kompetittiv meta mqabbel mat-trasport motorizzat privat, jeħtieġ li jiġu żgurati standards ta’ kwalità għolja tat-trasport pubbliku. Fatturi b’rabta ma’ dan jinkludu: id-disponibbiltà spazjali, il-ħinijiet operattivi u l-frekwenza tas-servizz, il-puntwalità u l-affidabbiltà, il-kompetittività fir-rigward tal-ħin tal-ivvjaġġar, il-konnessjonijiet diretti jew it-trasferimenti effiċjenti, u l-kumdità u s-sigurtà tal-mezzi tat-trasport;

34.

jirrimarka li minħabba s-sitwazzjoni kritika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, ir-reġjuni metropolitani jistgħu jesperjenzaw treġġigħ lura tal-bidla lejn l-użu tat-trasport pubbliku. Iċ-ċittadini huma għal darb’oħra aktar ħerqana li jużaw il-karozzi u, f’ħafna każijiet, jivvjaġġaw lejn ix-xogħol u lura bħala vjaġġaturi waħedhom. Fl-istess ħin, ir-reġjuni metropolitani għandhom jinvestu riżorsi finanzjarji sinifikanti meta japplikaw miżuri iġjeniċi preventivi fil-vetturi tat-trasport pubbliku. Madankollu, l-ispejjeż ogħla ma rriżultawx f’aktar passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku u r-reġjuni metropolitani tilfu sehem kbir mill-prezz tal-biljetti. Fl-istess ħin ir-reġjuni metropolitani qed iħabbtu wiċċhom ma’ tnaqqis sostanzjali fil-baġits reġjonali tagħhom minħabba nuqqas ta’ finanzjament fis-settur pubbliku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, il-baġits tar-reġjuni metropolitani jeħtieġ li jiġu kkumpensati u għandna nitgħallmu minn din l-esperjenza u niżviluppaw sistemi reżiljenti tat-trasport pubbliku, li jistgħu jkunu għażla ġusta fi żmien ta’ kriżi potenzjali fil-ġejjieni.

35.

jappella għall-użu tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta biex jappoġġja lill-bliet u liż-żoni metropolitani fil-bidla tagħhom lejn trasport pubbliku dekarbonizzat;

36.

jissuġġerixxi offerti konġunti ta’ akkwist pubbliku fl-UE kollha wkoll għal minibuses nodfa, użati għat-trasport ta’ persuni anzjani, persuni b’diżabbiltà u tfal tal-iskola, li jeħtieġu aktar soluzzjonijiet imfassla apposta. Dawn il-minibuses huma aktar għaljin għal kull kilometri tal-passiġġieri minn vetturi akbar u għandhom żminijiet itwal ta’ deprezzament iżda huma importanti għal network tat-trasport pubbliku kompletament nadif;

37.

jirrimarka li l-integrazzjoni spazjali, organizzattiva u tariffarja tat-trasport pubbliku hija kruċjali għall-effiċjenza tiegħu. Dan huwa partikolarment importanti f’żoni metropolitani, reġjuni bi bliet kapitali u agglomerazzjonijiet urbani akbar, fejn l-ivvjaġġar ilaqqa’ flimkien it-trasport urban, suburban u lokali mat-trasport nazzjonali u dak bl-ajru, iżda wkoll f’żoni rurali, fejn b’mod partikolari l-frekwenza tat-trasport pubbliku tista’ tkun ta’ sfida. L-integrazzjoni tfisser sistema komuni ta’ pprezzar u interoperabbiltà aħjar bejn kumpaniji differenti tat-trasport pubbliku li huma attivi fl-istess żona metropolitana, inklużi l-kumpaniji ferrovjarji. L-integrazzjoni tikkonċerna wkoll il-mobbiltà mhux motorizzata, il-faċilità ta’ aċċess għal stazzjonijiet tat-trasport pubbliku għal persuni li ma għandhomx vettura proprja bil-mutur u, fil-każ ta’ stazzjonijiet ferrovjarji f’żoni periurbani b’densità anqas ta’ bini, anke għat-trasport motorizzat privat;

38.

jenfasizza li għandna wkoll intejbu l-faċilitajiet tal-istazzjonijiet ferrovjarji u noħolqu ċentri ta’ mobbiltà intelliġenti, li jikkonsistu f’ċentri loġistiċi iżda wkoll f’postijiet fejn jiltaqgħu n-nies li joħolqu ambjent pjaċevoli kemm għall-bidla fil-mod tat-trasport kif ukoll għall-interazzjonijiet umani;

39.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħtieġa li jitħaffef l-iżvilupp tal-ħidma fuq kooperazzjoni fil-livell tal-UE dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar it-trasport pubbliku, b’kooperazzjoni mal-operaturi tat-trasport pubbliku. Għandu jkun aktar faċli li wieħed jippjana u jivvjaġġa bit-trasport pubbliku billi juża wkoll is-siti web tal-operaturi tat-trasport reġjonali individwali;

40.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mal-operaturi tat-trasport pubbliku, tistabbilixxi u tadotta qafas fl-Ewropa kollha li jippermetti l-użu effiċjenti tat-trasport pubbliku fil-bliet Ewropej. Jeħtieġ li jiġu kkunsidrati għażliet li jkunu sostenibbli fit-tul;

41.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jiġi żviluppat, f’kooperazzjoni mal-operaturi tat-trasport pubbliku, qafas fl-Ewropa kollha biex il-biljetti ferrovjarji jkunu kkombinati mal-biljetti tat-trasport urban fil-bliet tat-tluq u tad-destinazzjoni (eż. permezz ta’ ħlas fiss). L-utenti japprofittaw ħafna minn pjattaforma unika jew app għall-apparati mobbli u sistema ta’ pagament. Soluzzjonijiet bħal dawn diġà jinsabu applikati f’diversi Stati Membri u l-introduzzjoni ta’ possibbiltà bħal din fl-Unjoni Ewropea kollha tiffaċilita l-ippjanar tal-vjaġġi;

42.

jappella li jkun hemm soluzzjoni sistemika għall-kwistjoni ta’ tariffi għaljin li l-operaturi tan-networks ferrovjarji jimponu bla ġustifikazzjoni fuq it-trasportaturi b’rabta mal-qsim tal-fruntieri nazzjonali fl-UE, li mbagħad jiġu mgħoddija lill-passiġġieri. Dawn it-tariffi m’għandhomx jaqbżu l-ispejjeż tekniċi attwali tal-bidla tan-network, jekk ikun hemm, u għandhom jitneħħew f’każ li ma jkunx hemm. Din hija waħda mill-kundizzjonijiet fundamentali biex l-ivvjaġġar ferrovjarju fuq distanzi twal jerġa’ jsir kompetittiv, li min-naħa tiegħu jippromovi żieda fl-użu tat-trasport pubbliku fil-bliet tad-destinazzjoni;

43.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati standards fl-Ewropa kollha għall-prevenzjoni u d-detezzjoni ta’ theddid speċifiku, inklużi pandemiji, u li jiġu żviluppati prattiki li jiżguraw li l-vjaġġaturi jkunu jistgħu jivvjaġġaw b’mod sikur jekk ikun hemm tali theddid. Jenħtieġ li jintużaw l-esperjenzi u l-eżempji ta’ miżuri ppruvati li ttieħdu f’ħafna reġjuni u bliet tal-UE biex jiġu miġġielda l-effetti tal-COVID-19, fil-ħidma li għaddejja dwar Strateġija Komprensiva għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti, li se tissostitwixxi l-White Paper — Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport — Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti (4).

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Konsultazzjoni pubblika dwar Strateġija ta’ Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti tinsab għaddejja bħalissa, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni (perjodu ta’ feedback sat-23/9/2020) (Ref. Ares(2020)3438177 – 01/07/2020): https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12438-Sustainable-and-Smart-Mobility-Strategy

(2)  Opinjoni KtR 1896/2019 (ĠU C 79, 10.3.2020, p. 8).

(3)  Opinjoni KtR 2633/2020 (ĠU C 440, 18.12.2020, p. 183).

(4)  Konsultazzjoni pubblika dwar Strateġija ta’ Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti tinsab għaddejja bħalissa, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni (perjodu ta’ feedback sat-23/9/2020) (Ref. Ares(2020)3438177 – 01/07/2020): https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12438-Sustainable-and-Smart-Mobility-Strategy


Top