Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IP0365

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87751 × MON 87701 × MON 87708 × MON 89788, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D069145/02 – 2020/2891(RSP))

    ĠU C 445, 29.10.2021, p. 36–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 445/36


    P9_TA(2020)0365

    Sojja ġenetikament modifikata MON 87751 × MON 87701 × MON 87708 × MON 89788

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87751 × MON 87701 × MON 87708 × MON 89788, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D069145/02 – 2020/2891(RSP))

    (2021/C 445/05)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87751 × MON 87701 × MON 87708 × MON 89788, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D069145/02,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,

    wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tas-26 ta' Ottubru 2020, li matulha ma ngħatat ebda opinjoni,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (2),

    wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-25 ta' Settembru 2019, u ppubblikata fil-11 ta' Novembru 2019 (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (“OĠM”) (4),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

    A.

    billi, fis-17 ta' Diċembru 2015, Monsanto Europe N.V. ressqet, f'isem il-Kumpanija Monsanto, l-Istati Uniti, applikazzjoni lill-awtorità kompetenti nazzjonali tan-Netherlands għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkun fihom, li jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja ġenetikament modifikata (“ĠM”) MON 87751 × MON 87701 × MON 87708 × MON 89788, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (“l-applikazzjoni”); billi l-applikazzjoni kienet tkopri wkoll it-tqegħid fis-suq tal-prodotti li fihom jew li jikkonsistu minn fażola tas-sojja ĠM MON 87751 × MON 87701 × 87708 × MON 89788 (“il-fażola tas-sojja ĠM derivata minn trasformazzjoni multipla”) għal użi oħra għajr għall-ikel u l-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

    B.

    billi l-fażola tas-sojja ĠM derivata minn trasformazzjoni multipla hija derivata mill-qsim ta' erba' eventi tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata (“ĠM”) (MON 87751, MON 87701, MON 87708 × MON 89788), tagħti tolleranza lill-erbiċidi li fihom il-glifosat, il-glufosinat u d-dikamba u tipproduċi tliet proteini insettiċidi (Cry1A.105, Cry2Ab2 u Cry1Ac) (magħrufa wkoll bħala proteini “tossini Bt”) li huma tossiċi għal ċerti larvi ta' pesti lepidopteri (farfett u kamla) (5);

    C.

    billi valutazzjonijiet preċedenti tal-erba' avvenimenti uniċi tal-fażola tas-sojja ĠM derivata minn trasformazzjoni multipla, li diġà ġew awtorizzati, intużaw bħala bażi għall-valutazzjoni tal-fażola tas-sojja ĠM derivata minn trasformazzjoni multipla b'erba' eventi (6);

    D.

    billi, fil-25 ta' Settembru 2019, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli, li ġiet ippubblikata fil-11 ta' Novembru 2019 (7);

    Il-kummenti tal-Istati Membri u punti addizzjonali

    E.

    billi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bagħtu diversi kummenti kritċi lill-EFSA matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur (8); billi dawk il-kummenti kritiċi jinkludu tħassib li ma saret l-ebda analiżi dwar ir-residwi tal-glifosat jew il-metaboliti tal-glifosat fuq fażola tas-sojja ĠM derivata minn trasformazzjoni multipla, li ma sar l-ebda ttestjar tal-effetti sinerġistiċi jew antagonistiċi possibbli tat-tossini Bt Cry bir-residwi tal-erbiċidi, li l-mistoqsijiet dwar is-sikurezza tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata u l-ikel u l-għalf derivati jibqgħu mhux imwieġba, li l-effetti potenzjali fit-tul fuq ir-riproduzzjoni jew l-iżvilupp tal-ikel jew l-għalf ma ġewx ivvalutati u li, minħabba informazzjoni nieqsa, is-sikurezza tal-fażola tas-sojja ĠM derivata minn trasformazzjoni multipla ma tistax tiġi vvalutata kompletament;

    F.

    billi analiżi xjentifika indipendenti sabet li, fost l-oħrajn, ma tista' ssir l-ebda konklużjoni finali rigward is-sikurezza tal-fażola tas-sojja ĠM derivata minn trasformazzjoni multipla, li l-valutazzjoni tossikoloġika u l-valutazzjoni tar-riskju ambjentali huma inaċċettabbli u li l-valutazzjoni tar-riskju ma tissodisfax ir-rekwiżiti għall-valutazzjoni tar-riskji għas-sistema immunitarja (9);

    Erbiċidi komplementari

    G.

    billi ntwera li l-kultivazzjoni ta' għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi tirriżulta f'użu akbar ta' erbiċidi, fil-biċċa l-kbira dovuta għall-emerġenza ta' ħaxix ħażin tolleranti għall-erbiċidi (10); billi, bħala konsegwenza, huwa mistenni li l-għelejjel tal-fażola tas-sojja ĠM derivata minn trasformazzjoni multipla se jkunu esposti kemm għal dożi ogħla kif ukoll dożi ripetuti ta' erbiċidi komplementari (glufosinat, dikamba u glifosat) li potenzjalment se jwasslu għal kwantità ogħla ta' residwi fil-ħsad;

    H.

    billi l-glufosinat huwa kklassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni 1B u għalhekk jissodisfa l-“kriterji ta' limitu” stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11); billi l-approvazzjoni għall-użu tal-glufosinat fl-Unjoni skadiet fil-31 ta' Lulju 2018 (12);

    I.

    billi studju ta' evalwazzjoni bejn il-pari sab li l-glifosat jakkumula fil-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata, b'impatt negattiv korrispondenti fuq il-kompożizzjoni nutrittiva meta mqabbla ma' fażola tas-sojja mhux ġenetikament modifikata (13); billi proġett pilota mwettaq fl-Arġentina sab livelli sorprendenti għoljin ta' residwi tal-glifosat fuq fażola tas-sojja ġenetikament modifikata (14);

    J.

    billi għad hemm dubji dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat; billi, f'Novembru 2015, l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx mhuwiex karċinoġenu, filwaqt li, f'Marzu 2017, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi kkonkludiet li l-ebda klassifikazzjoni ma kienet ġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, l-aġenzija speċjalizzata dwar il-kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ikklassifikat il-glifosat bħala karċinoġenu possibbli għall-bnedmin; billi għadd ta' studji xjentifiċi riċenti bejn il-pari jikkonfermaw il-potenzjal karċinoġeniku tal-glifosat (15);

    K.

    billi studju xjentifiku ppubblikat f'Awwissu 2020 sab li l-użu tad-dikamba jista' jżid ir-riskju ta' żvilupp ta' kanċer fil-fwied u fil-kanal tal-bila intraepatiku (16);

    L.

    billi fil-pjanti ġenetikament modifikati, tista' tkun il-ġenetika mmodifikata nnifisha li tiddetermina l-mod li erbiċidi komplementari jiddekomponu skont il-pjanta, kif ukoll il-kompożizzjoni u għalhekk it-tossiċità tal-prodotti ta' dekompożizzjoni (“metaboliti”) (17);

    M.

    billi, filwaqt li huwa ddikjarat fl-opinjoni tal-EFSA li “l-evalwazzjoni tar-residwi tal-erbiċida rilevanti għal din l-applikazzjoni ġiet investigata mill-Unità tal-Pestiċidi tal-EFSA”, dan mhuwiex biżżejjed peress li ma tqisux it-tossiċità kkombinata tal-erbiċidi komplementari u l-prodotti ta' dekompożizzjoni u l-interazzjoni potenzjali tagħhom mal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata stess;

    N.

    billi bosta awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri identifikaw in-nuqqas ta' analiżi tar-residwi tal-erbiċidi fuq l-għelejjel ġenetikament modifikati bħala tħassib fil-kummenti tagħhom dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA;

    Nuqqas ta' livelli massimi ta' residwi (“MRLs”) u kontrolli relatati

    O.

    billi, skont ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), li għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-livelli massimi tal-MRLs, ir-residwi fuq l-għelejjel importati ta' sustanzi attivi li mhumiex awtorizzati għall-użu fl-Unjoni, bħall-glufosinat, għandhom jiġu kkontrollati u mmonitorjati b'attenzjoni (19);

    P.

    billi skont l-aħħar programm ta' kontroll pluriennali kkoordinat tal-Unjoni (għas-snin 2020, 2021 u 2022), l-Istati Membri mhumiex obbligati jkejlu r-residwi tal-glufosinat fuq kwalunkwe prodott, inkluża l-fażola tas-sojja (20);

    Proteini Bt

    Q.

    billi għadd ta' studji juru li ġew osservati effetti kollaterali li jistgħu jaffettwaw is-sistema immunitarja wara esponiment għal proteini Bt u li xi proteini Bt jista' jkollhom karatteristiċi aġġuvanti (21), li jfisser li dawn jistgħu jżidu l-allerġeniċità ta' proteini oħra li jidħlu f'kuntatt magħhom;

    R.

    billi opinjoni tal-minoranza adottata minn membru tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM fil-proċess tal-valutazzjoni ta' tip ieħor ta' qamħirrum ĠM derivat minn trasformazzjoni multipla u s-sottokombinazzjonijiet tiegħu sabet li, filwaqt li effetti mhux intenzjonati fuq is-sistema immunitarja qatt ma ġew identifikati fl-ebda applikazzjoni li fiha huma espressi proteini Bt, dawn “ma setgħux jiġu osservati mill-istudji tossikoloġiċi […] irrakkomandati attwalment u mwettqa għall-valutazzjoni tas-sikurezza ta' pjanti ġenetikament modifikati fl-EFSA minħabba li ma jinkludux it-testijiet xierqa għal dan l-iskop” (22);

    S.

    billi ma jistax jiġi konkluż li l-konsum ta' fażola tas-sojja ĠM derivata minn trasformazzjoni multipla huwa sikur għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali;

    Proċess deċiżjonali mhux demokratiku

    T.

    billi l-votazzjoni fis-26 ta' Ottubru 2020 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma tat l-ebda opinjoni, li jfisser li l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri;

    U.

    billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-OĠM għadhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti b'mod ġenerali iżda sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet ta' ikel u għalf ĠM, huwa problematiku;

    V.

    billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta total ta' 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq tal-OĠM għall-ikel u għall-għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Unjoni (tliet riżoluzzjonijiet); billi, sal-lum, il-Parlament adotta ħdax-il oġġezzjoni fid-disa' leġiżlatura tiegħu; billi ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe wieħed minn dawk l-OĠM; billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, tan-nuqqas ta' appoġġ mill-Istati Membri u tal-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qiegħda tkompli tawtorizza OĠM;

    W.

    billi, skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li ma tawtorizzax OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat ta' Appell (23); billi f'dan ir-rigward m'hemm bżonn tal-ebda bidla fil-liġi;

    Il-ħarsien tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni

    X.

    billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jipprevedi li ikel jew għalf ĠM ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qiegħda titqies fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha; billi dawn il-fatturi leġittimi għandhom jinkludu l-obbligi tal-Unjoni skont l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (“SDGs”) tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (“KDB tan-NU”);

    Y.

    billi fir-rapport riċenti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-Ikel instab li, b'mod partikolari fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, il-pestiċidi perikolużi għandhom impatti katastrofiċi fuq is-saħħa (24); billi l-Mira tal-SDG 3.9 għandha l-għan, li sal-2030, tnaqqas b'mod sostanzjali l-għadd ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u tniġġis u kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija (25);

    Z.

    billi l-EFSA sabet li l-esponiment tal-operatur għall-glufosinat, ikklassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni, meta jintuża għall-kontroll tal-ħaxix ħażin fil-qamħirrum ĠM huwa stmat li jaqbeż il-livell aċċettabbli ta' esponiment tal-operatur anke meta jintuża tagħmir ta' protezzjoni personali (26); billi r-riskju ta' żieda fl-esponiment tal-operaturi huwa ta' tħassib partikolari fir-rigward ta' għelejjel ĠM li huma tolleranti għall-erbiċidi, meta jitqies il-volumi ogħla ta' erbiċidi użati;

    AA.

    billi d-deforestazzjoni hija kawża ewlenija tat-tnaqqis tal-bijodiversità; billi l-emissjonijiet mill-użu tal-art u mit-tibdil fl-użu tal-art, l-aktar minħabba d-deforestazzjoni, huma t-tieni l-akbar kawża tat-tibdil fil-klima wara l-ħruq tal-fjuwils fossili (27); billi l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020 adottat fi ħdan il-KDB tan-NU u l-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, l-isforzi ta' protezzjoni u ta' restawr (28); billi l-SDG 15 jinkludi l-mira li titwaqqaf id-deforestazzjoni sal-2020 (29); billi l-foresti għandhom rwol multifunzjonali li jappoġġjaw l-ilħuq tal-biċċa l-kbira tal-SDGs (30);

    AB.

    billi l-produzzjoni tas-sojja hija xprunatur ewlieni tad-deforestazzjoni tal-foresti fl-Amażonja, f'Cerrado u fi Gran Chaco fl-Amerka t'Isfel; billi 97 % u 100 % tas-sojja kkultivata fil-Brażil u fl-Arġentina rispettivament, hija sojja ĠM (31);

    AC.

    billi l-maġġoranza l-kbira tal-fażola tas-sojja ĠM awtorizzata għall-kultivazzjoni fil-Brażil u fl-Arġentina hija awtorizzata wkoll għall-importazzjoni fl-Unjoni (32); billi l-fażola tas-sojja ĠM diġà hija awtorizzata għall-kultivazzjoni fil-Brażil (33);

    AD.

    billi analiżi mill-Kummissjoni sabet li s-sojja storikament kienet il-kontributur ewlieni tal-Unjoni għad-deforestazzjoni globali u l-emissjonijiet relatati, li tirrappreżenta kważi nofs id-deforestazzjoni inkorporata fl-importazzjonijiet kollha tal-Unjoni (34);

    AE.

    billi studju xjentifiku riċenti rieżaminat bejn il-pari sab li l-Unjoni hija r-reġjun bl-akbar marka tal-karbonju fid-dinja assoċjata mal-importazzjonijiet tas-sojja mill-Brażil, 13,8 % akbar minn dik taċ-Ċina, l-akbar importatur tas-sojja, minħabba sehem akbar ta' emissjonijiet mid-deforestazzjoni inkorporata (35); billi studju riċenti ieħor sab li madwar waħda minn kull ħames sojja esportati lejn l-Unjoni mir-reġjuni tal-Amażonja u ta' Cerrado fil-Brażil, l-aktar għall-għalf tal-annimali, jistgħu jkunu “kkontaminati bid-deforestazzjoni illegali” (36);

    AF.

    billi n-nirien fil-foresti fl-Amażonja huma xprunati minn livelli għoljin ta' deforestazzjoni; billi f'Komunikazzjoni tal-2019, il-Kummissjoni esprimiet l-ambizzjoni tagħha li tipproteġi u treġġa' lura l-foresti tad-dinja (37); billi l-ħarsien globali tal-bijodiversità, inklużi l-foresti, huwa objettiv ewlieni tal-Istrateġija tal-UE dwar il-bijodiversità li ġiet ippubblikata reċentement mill-Kummissjoni (38);

    1.

    Iqis li dan l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

    2.

    Iqis li dan l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhux kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward tal-ikel u l-għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa umana, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

    3.

    Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

    4.

    Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni, f'ittra tal-11 ta' Settembru 2020 lill-Membri, finalment irrikonoxxiet il-ħtieġa li titqies is-sostenibbiltà f'dak li għandu x'jaqsam mad-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni dwar l-OĠM (40); jesprimi d-diżappunt qawwi tiegħu, madankollu, li fit-28 ta' Settembru 2020, il-Kummissjoni awtorizzat fażola tas-sojja ĠM oħra biex tiġi importata (41) minkejja oġġezzjonijiet mill-Parlament u mill-maġġoranza tal-Istati Membri;

    5.

    Jistieden lill-Kummissjoni timxi 'l quddiem bl-akbar urġenza rigward l-iżvilupp ta' kriterji ta' sostenibbiltà, bl-involviment sħiħ tal-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar kif se jitwettaq dan il-proċess u f'liema perjodu ta' żmien;

    6.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, għal darb'oħra, tqis l-obbligi tal-Unjoni skont ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, il-KDB tan-NU u l-SDGs tan-NU;

    7.

    Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tieqaf tawtorizza OĠM, kemm jekk għall-kultivazzjoni kif ukoll jekk għall-użu fl-ikel u fl-għalf, meta ma tingħata l-ebda opinjoni mill-Istati Membri fil-Kumitat ta' Appell, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011;

    8.

    Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex ma tawtorizzax għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi sa ma r-riskji għas-saħħa assoċjati mar-residwi jkunu ġew investigati b'mod komprensiv fuq bażi ta' każ b'każ, li jirrikjedi valutazzjoni sħiħa tar-residwi mill-bexx ta' dawn l-għelejjel ĠM b'erbiċidi komplementari, valutazzjoni tal-prodotti ta' dekompożizzjoni tal-erbiċidi u kwalunkwe effett kombinatorju;

    9.

    Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex ma tawtorizzax l-importazzjoni, għall-użu bħala ikel jew għalf, ta' kwalunkwe pjanta ĠM li saret tolleranti għal sustanza erbiċida attiva mhux awtorizzata għall-użu fl-Unjoni;

    10.

    Itenni t-talba tiegħu lill-EFSA biex tkompli tiżviluppa u tuża b'mod sistematiku metodi li jippermettu l-identifikazzjoni tal-effetti mhux maħsuba tal-eventi ĠM ta' trasformazzjoni multipli, bħal fir-rigward tal-karatteristiċi aġġuvanti tat-tossini Bt;

    11.

    Itenni l-biża' kbira tiegħu li d-dipendenza għolja tal-Unjoni mill-importazzjonijiet ta' għalf tal-annimali fil-forma ta' fażola tas-sojja tikkawża d-deforestazzjoni f'pajjiżi terzi (42);

    12.

    Jilqa' t-tħabbira ta' proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni dwar “Miżuri biex jiġi evitat jew minimizzat it-tqegħid ta' prodotti fis-suq tal-UE assoċjati mad-deforestazzjoni jew id-degradazzjoni tal-foresti” mistennija sa Ġunju 2021; sadanittant, minħabba l-urġenza li tiġi indirizzata d-deforestazzjoni tal-foresti fl-Amażonja, f'Cerrado u fi Gran Chaco u l-fatt li d-domanda tal-Unjoni għall-fażola tas-sojja ĠM tikkontribwixxi għad-deforestazzjoni f'dak ir-reġjun, itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tissospendi minnufih l-importazzjoni ta' fażola tas-sojja ĠM ikkultivata fil-Brażil u fl-Arġentina bl-użu tal-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jekk meħtieġ, sakemm jiġu stabbiliti mekkaniżmi legalment vinkolanti effettivi biex jipprevjenu t-tqegħid ta' prodotti fis-suq tal-Unjoni assoċjati mad-deforestazzjoni u ksur relatat tad-drittijiet tal-bniedem;

    13.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

    (3)  Opinjoni Xjentifika tal-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar il-valutazzjoni tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87751 × MON 87701 × MON 87708 × MON 89788 għall-użi ta' ikel u għalf, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (l-applikazzjoni EFSA-GMO-NL-2016-128), EFSA Journal 2019; 17(11):5847, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2019.5774

    (4)  Fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM. Barra minn hekk, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta r-riżoluzzjonijiet li ġejjin:

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0028).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0029).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × MON 88017 × 59122 × DAS-40278-9 u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina żewġ, tlieta jew erbgħa mill-eventi uniċi MON 89034, 1507, MON 88017, 59122 and DAS-40278-9 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0030).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikat LLCotton25 (ACS-GHØØ1-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0054).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 (MON-89788-1), li jikkonsistu minn tali fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0055).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u s-subkombinazzjonijiet MON 89034 × NK603 × DAS-40278-9, 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u NK603 × DAS-40278-9, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0056).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × 1507 × 5307 × GA21, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn, tlieta, erbgħa jew ħamsa mill-eventi uniċi Bt11, MIR162, MIR604, 1507, 5307 u GA21 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Trsti adottati, P9_TA(2019)0057).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Mejju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708 × MON 89788 × A5547-127, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0069).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × NK603, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u NK603, u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1111 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0291).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata SYHT0H2 (SYN-ØØØH2-5), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0292).

    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 87460 × MON 89034 x MIR162 x NK603, ikunu jikkonsistu minnu jew li jkunu magħmulin minnu, u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-avvenimenti MON 87427, MON 87460, MON 89034, MIR162 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0293).

    (5)  Opinjoni tal-EFSA, p. 11, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.2903/j.efsa.2019.5847

    (6)  Opinjoni tal-EFSA, p. 3, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.2903/j.efsa.2019.5847

    (7)  Idem.

    (8)  Kummenti tal-Istati Membri:

    http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2016-00009

    (9)  Kumment ta' Testbiotech dwar il-valutazzjoni tal-EFSA tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON87751 x MON87701 x MON87708 x MON89788 għall-użi ta' ikel u għalf, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (applikazzjoni EFSA-GMO-NL-2016- 128) minn Bayer/Monsanto, Diċembru 2019, https://www.testbiotech.org/sites/default/files/Testbiotech_Comment_MON87751%20x%20MON87701%20x%20MON87708%20x%20MON89788_fin.pdf

    (10)  Ara, pereżempju, Bonny, S., “Genetically Modified Herbicide-Tolerant Crops, Weeds, and Herbicides: Overview and Impact” (Għelejjel, Ħaxix Ħażin u Erbiċidi Tolleranti għall-Erbiċidi Ġenetikament Modifikati: Ħarsa Ġenerali u Impatt), Environmental Management, Jannar 2016; 57(1), pp. 31-48,

    https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/26296738, Benbrook, C.M., “Impacts of genetically engineered crops on pesticide use in the U.S. – the first sixteen years” (Impatti ta' għelejjel modifikati bl-inġinerija ġenetika fuq l-użu tal-pestiċidi fl-Istati Uniti – l-ewwel sittax-il sena), Environmental Sciences Europe 24, 24 (2012), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/2190-4715-24-24, u Schütte, G., Eckerstorfer, M., Rastelli, V. et al., “Herbicide resistance and biodiversity: agronomic and environmental aspects of genetically modified herbicide-resistant plants” (Reżistenza għall-erbiċidi u l-bijodiversità: aspetti agronomiċi u ambjentali ta' pjanti reżistenti għall-erbiċidi ġenetikament modifikati), Environmental Sciences Europe 29, 5 (2017),

    https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/s12302-016-0100-y

    (11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

    (12)  https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/active-substances/index.cfm?event=as.details&langFromHeader=MT&token=EA01AE0135D32A90DEDE58D6479CBC26A7E3DA90

    (13)  https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/24491722

    (14)  https://www.testbiotech.org/sites/default/files/TBT_Background_Glyphosate_Argentina_0.pdf

    (15)  Ara, pereżempju, https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S1383574218300887

    https://academic.oup.com/ije/advance-article/doi/10.1093/ije/dyz017/5382278

    https://journals.plos.org/plosone/article?id=10.1371/journal.pone.0219610 u

    https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC6612199/

    (16)  https://academic.oup.com/ije/advance-article-abstract/doi/10.1093/ije/dyaa066/5827818?redirectedFrom=fulltext

    (17)  Dan huwa fil-fatt il-każ għall-glifosat, kif iddikjarat fir-Rieżami tal-EFSA tal-livelli massimi ta' residwi eżistenti għall-glifosat skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, EFSA Journal 2018; 16(5):5263, p. 12, https://www.efsa.europa.eu/fr/efsajournal/pub/5263

    (18)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

    (19)  Ara l-premessa 8 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

    (20)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/533 tat-28 ta' Marzu 2019 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2020, l-2021 u l-2022 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 88, 29.3.2019, p. 28).

    (21)  Għal rieżami, ara Rubio-Infante, N., & Moreno-Fierros, L., “An overview of the safety and biological effects of Bacillus thuringiensis Cry toxins in mammals” (Ħarsa ġenerali lejn is-sikurezza u l-effetti bijoloġiċi tat-tossini Cry ta' Bacillus thuringiensis fil-mammiferi), Journal of Applied Toxicology, Mejju 2016, 36(5): pp. 630-648, http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.1002/jat.3252/full

    (22)  Application EFSA-GMO-DE-2010-86 (Bt11 x MIR162 x 1507 x GA21 maize and three sub combinations independently of their origin)" (Applikazzjoni EFSA-GMO-DE-2010-86 (Qamħirrum Bt11 x MIR162 x 1507 x GA21 u tliet sottokombinazzjonijiet irrispettivament mill-oriġini tagħhom)) Opinjoni tal-Minoranza, Wal, J.M., Membru tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM, EFSA Journal 2018; 16(7):5309, p. 34, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2018.5309

    (23)  Il-Kummissjoni “tista'”, u mhux “għandha”, tmexxi bl-awtorizzazzjoni jekk ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat tal-Appell skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    (24)  https://www.ohchr.org/EN/Issues/Environment/SRToxicsandhumanrights/Pages/Pesticidesrighttofood.aspx

    (25)  https://www.un.org/sustainabledevelopment/health/

    (26)  Konklużjoni tal-EFSA dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva tal-glufosinate, Rapport Xjentifiku tal-EFSA (2005) 27, 1-81, p. 3 https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/pdf/10.2903/j.efsa.2005.27r

    (27)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2019, “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja”, COM(2019)0352, p. 1.

    (28)  Idem, p. 2.

    (29)  Ara l-mira 15.2: https://www.un.org/sustainabledevelopment/biodiversity/

    (30)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2019, “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja”, COM(2019)0352, p. 2.

    (31)  Servizz Internazzjonali għall-Akkwist ta' applikazzjonijiet agro-bijoteknoloġiċi, “Global status of commercialized biotech/GM crops in 2017: Biotech Crop Adoption Surges as Economic Benefits Accumulate in 22 Years” (Status globali ta' għelejjel ĠM bijoteknoloġiċi kummerċjalizzati fl-2017: L-Adozzjoni tal-Għelejjel Bijoteknoloġiċi Tiżdied hekk kif il-Benefiċċji Ekonomiċi Jakkumulaw fi 22 sena), ISAAA Nota Nru 53 (2017), pp. 16 u 21, http://www.isaaa.org/resources/publications/briefs/53/download/isaaa-brief-53-2017.pdf

    (32)  Permezz ta' kontroverifika ta' żewġ bażijiet tad-data f'Ottubru 2020 (ir-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf ĠM (https://webgate.ec.europa.eu/dyna/gm_register/index_en.cfm) u l-bażi tad-data tal-approvazzjoni tal-ISAAA ĠM (http://www.isaaa.org/gmapprovaldatabase/)) jista' jiġi kkalkulat kemm huma awtorizzati għelejjel tal-fażola tas-sojja ĠM għall-kultivazzjoni fil-Brażil u l-Arġentina għall-importazzjoni fl-Unjoni. Għall-Brażil: Minn 17-il prodott ta' għelejjel tal-fażola tas-sojja ĠM awtorizzati għall-kultivazzjoni, 12 huma attwalment awtorizzati għall-importazzjoni fl-Unjoni filwaqt li l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni hija pendenti għal tlieta mill-fażola tas-sojja ĠM. Għall-Arġentina: minn total ta' 15-il prodott ta' għelejjel tal-fażola tas-sojja ĠM awtorizzati għall-kultivazzjoni, 10 huma attwalment awtorizzati għall-importazzjoni fl-Unjoni filwaqt li l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni hija pendenti għal tlieta mill-fażola tas-sojja ĠM.

    (33)  https://www.isaaa.org/gmapprovaldatabase/event/default.asp?EventID=438&Event=MON87751%20x%20MON87701%20x%20MON87708%20x%20MON89788

    (34)  Rapport Tekniku – 2013 – 063 tal-Kummissjoni, “The impact of EU consumption on deforestation: Comprehensive analysis of the impact of EU consumption on deforestation”, (L-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni: Analiżi Komprensiva tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni) studju ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, DĠ ENV, u mwettaq minn VITO, IIASA, HIVA u IUCN NL, http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/1.%20Report%20analysis%20of%20impact.pdf, pp. 23-24: Bejn l-1990 u l-2008, l-Unjoni importat għelejjel u prodotti mill-bhejjem li jinkorporaw 90 000 km2 ta' deforestazzjoni. Il-prodotti tal-għelejjel kienu jammontaw għal 74 000 km2 (82 %) minn dawn, u l-għelejjel taż-żejt għandhom l-akbar sehem (52 000 km2). Il-fażola tas-sojja u l-espellent tas-sojja ammontaw għal 82 % ta' dan (42 600 km2), ekwivalenti għal 47 % tal-importazzjoni totali tal-Unjoni ta' deforestazzjoni inkorporata.

    (35)  Escobar, N., Tizado, E. J., zu Ermgassen, E. K., Löfgren, P., Börner, J., Godar, J., “Spatially-explicit footprints of agricultural commodities: Mapping carbon emissions embodied in Brazil's soy exports” (Impronta ġeografikament espliċita ta' prodotti agrikoli: L-immappjar tal-emissjonijiet tal-karbonju inkorporati fl-esportazzjonijiet tas-sojja tal-Brażil), Global Environmental Change, Volum 62, Mejju 2020, 102067

    https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0959378019308623

    (36)  Rajão, R., Soares-Filho, B., Nunes, F., Börner, J., Machado, L., Assis, D., Oliveira, A., Pinto, L., Ribeiro, V., Rausch, L., Gibbs, H., Figueira, D., “The rotten apples of Brazil's agribusiness”, (It-tnawwir tan-negozju agrikolu tal-Brażil) Science, 17 ta' Lulju 2020, Volum 369, Ħarġa 6501, pp. 246-248, https://science.sciencemag.org/content/369/6501/246.

    (37)  Komunikazzjoni tal-UE dwar It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52019DC0352&from=MT

    (38)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “EU Biodiversity Strategy for 2030: Bringing nature back into our lives” (Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għal-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna), Mejju 2020, https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:a3c806a6-9ab3-11ea-9d2d-01aa75ed71a1.0001.02/DOC_1&format=PDF

    (39)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

    (40)  https://tillymetz.lu/wp-content/uploads/2020/09/Co-signed-letter-MEP-Metz.pdf

    (41)  MON 87708 × MON 89788 × A5547-127. https://webgate.ec.europa.eu/dyna/gm_register/gm_register_auth.cfm?pr_id=100

    (42)  Idem.


    Top