Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IP0285

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2020 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha (2020/2006(INL))

    ĠU C 404, 6.10.2021, p. 175–201 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 404/175


    P9_TA(2020)0285

    Deforestazzjoni

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2020 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha (2020/2006(INL))

    (2021/C 404/11)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT) – Proposta għal Pjan ta' Azzjoni tal-UE tal-21 ta' Mejju 2003 [titolu mhux uffiċjali] (COM(2003)0251),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (“ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam”) (1),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-ħolqien ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli (2),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (3),

    wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030, b'mod partikolari l-SDG 12 (li jikkonċerna l-konsum u l-produzzjoni responsabbli) u l-SDG 15 (li jiġi protett, irrestawrat u promoss l-użu sostenibbli tal-ekosistemi terrestri, jiġu ġestiti b'mod sostenibbli l-foresti, tiġi miġġielda d-deżertifikazzjoni, u titwaqqaf u titreġġa' lura d-degradazzjoni tal-art u jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità),

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi li ntlaħaq fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21),

    wara li kkunsidra l-istudju dwar ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta permezz tal-katina tal-provvista kkummissjonata mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi (2020),

    wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) “An EU legal framework to halt and reverse global deforestation – European added value assessment” (Qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali – Valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew) ta' Settembru 2020 (4),

    wara li l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar il-Komunikazzjoni dwar It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja tas-16 ta' Diċembru 2019,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam “Towards Eliminating Deforestation from Agricultural Commodity Chains with European Countries” (Lejn l-Eliminazzjoni tad-Deforestazzjoni mill-Ktajjen ta' Komoditajiet Agrikoli ma' Pajjiżi Ewropej) tas-7 ta' Diċembru 2015,

    wara li kkunsidra l-mekkaniżmu tal-Programm tan-NU dwar it-Tnaqqis tal-Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti (REDD+),

    wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Foresti (UNSPF) għall-2017-2030, li jiddefinixxi sitt Għanijiet Globali dwar il-Foresti u 26 mira assoċjata li għandhom jintlaħqu sal-2030,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni adottata fis-17 ta' Ġunju 1994,

    wara li kkunsidra l-Pjattaformi Nazzjonali dwar il-Komoditajiet Sostenibbli żviluppati mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP),

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (5),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1969,

    wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1987,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 169 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali tal-1989,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni tal-2007,

    wara li kkunsidra l-linji gwida tal-OECD/FAO għal ktajjen tal-provvista tal-prodotti agrikoli responsabbli,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-FAO – The State of the World's Forests 2020 (L-Istat tal-Foresti tad-Dinja 2020),

    wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-FAO The State of the World's Forests 2018 – Forest Pathways to Sustainable Development (L-Istat tal-Foresti tad-Dinja 2018 – Il-Foresti għas-Servizz tal-Iżvilupp Sostenibbli). FAO (2018),

    wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni dwar ir-Riżorsi Globali tal-Foresti 2015 tal-FAO – Repożitorju tad-data tal-FRA 2015,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) tal-1973,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tal-1992 u l-Protokoll assoċjat ta' Kartaġena dwar il-Bijosikurezza tal-2000 u l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta' Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom tal-2010,

    wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi tal-2019 tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi tas-6 ta' Mejju 2019,

    wara li kkunsidra l-Prinċipji tan-NU għall-Investiment Responsabbli tal-2006,

    wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2011, kif ukoll il-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali, aġġornati fl-2011,

    wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Art tal-Grupp Internazzjonali ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Awwissu 2019,

    wara li kkunsidra l-Programm Globali għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi u l-Foresti tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, li ġiet adottata fil-25 ta' Ġunju 1998 f'Aarhus mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar il-politiki tal-UE favur id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u l-politiki kummerċjali tal-UE dwar il-katini ta' valur mondjali (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-popli indiġeni fid-dinja, inkluż il-ħtif tal-art (10),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw: il-każ tal-foresti (11),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (12),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (13),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2020 dwar ir-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja (14),

    wara li kkunsidra l-“Wegħda tal-Foresti” tal-21 ta' Marzu 2019 li biha bosta Membri tal-Parlament Ewropew li kienu fis-servizz f'dak iż-żmien wegħdu li jippromwovu politiki biex jipproteġu u jirrestawraw il-foresti madwar id-dinja u jirrikonoxxu u jiżguraw it-territorji tal-persuni li jgħixu fil-foresti u d-drittijiet tagħhom,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 dwar l-infurzar tal-liġi, it-tmexxija u l-kummerċ fis-settur forestali,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja” tat-23 ta' Lulju 2019 (COM(2019)0352),

    wara li kkunsidra l-“Feasibility study on options to step up EU actions against deforestation” (Studju ta' fattibbiltà dwar għażliet biex jittejbu l-azzjonijiet tal-UE kontra d-deforestazzjoni) tal-Kummissjoni ta' Jannar 2018,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2019 (COM(2019)0640),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna, tal-20 ta' Mejju 2020 (COM(2020)0380),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent, tal-20 ta' Mejju 2020 (COM(2020)0381),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili dwar ir-Rwol tal-UE fil-Protezzjoni tal-Foresti u tad-Drittijiet ta' April 2018,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0179/2020),

    A.

    billi foresti bijoloġikament diversi – li huma bjar tal-karbonju naturali – huma indispensabbli fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f'konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm ferm inqas minn 2 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali u li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali, u li l-aħjar xjenza disponibbli tindika li l-limitazzjoni taż-żieda għal 1,5 oC tnaqqas b'mod sostanzjali l-ħsara lill-persuni u lill-ekosistemi naturali meta mqabbla max-xenarju ta' 2 o(15), kif ukoll għall-adattament għat-tibdil fil-klima u l-konservazzjoni tal-bijodiversità; billi mhux biss iż-żoni deforestati, iżda wkoll il-foresti degradati mill-intervent tal-bniedem jistgħu jinbidlu f'sors ta' diossidu tal-karbonju;

    B.

    billi l-foresti jospitaw 80 % tal-bijodiversità tad-dinja u jkopru 30 % tal-wiċċ terrestri tagħha (16); billi l-foresti huma infrastruttura organika vitali għal uħud mill-aktar ekosistemi densi, fraġli u varjati fil-pjaneta; billi d-deforestazzjoni hija l-aktar theddida serja għal 85 % tal-ispeċijiet mhedda jew fil-periklu u billi, bejn l-1970 u l-2012, diġà għebu 58 % tal-annimali vertebrati minn fuq wiċċ id-dinja minħabba d-deforestazzjoni (17);

    C.

    billi l-foresti huma sors ta' għajxien u introjtu għal madwar 25 % tal-popolazzjoni tad-dinja (18), u l-qerda tagħhom għandha riperkussjonijiet serji fuq l-għajxien tal-aktar persuni vulnerabbli, inklużi popli indiġeni li jiddependu ħafna mill-ekosistemi tal-foresti;

    D.

    billi l-emissjonijiet mit-tibdil fl-użu tal-art, l-aktar minħabba d-deforestazzjoni, jammontaw għal madwar 12 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra globali u huma t-tieni l-akbar kawża ta' tibdil fil-klima wara l-ħruq tal-faħam, taż-żejt u tal-gass (19);

    E.

    billi l-foresti primarji huma partikolarment milquta mid-deforestazzjoni; billi l-foresti primarji għandhom stokkijiet għoljin ħafna ta' karbonju u huma kkaratterizzati minn livelli uniċi ta' bijodiversità u kundizzjonijiet ekoloġiċi u għalhekk ma jistgħux jiġu sostitwiti minn foresti miżrugħin ġodda; billi l-afforestazzjoni, imwettqa b'mod li jkun kompatibbli mal-protezzjoni u t-tisħiħ tal-ekosistemi lokali, jista' jkollha rwol fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

    F.

    billi sabiex jiġu indirizzati t-telf tal-bijodiversità u l-kriżi klimatika, huwa essenzjali li l-foresti jiġu protetti u rrestawrati b'tali mod li tiġi mmassimizzata l-kapaċità tagħhom li jaħżnu l-karbonju u li jipproteġu l-bijodiversità; billi dan jipprovdi għadd ta' benefiċċji peress li jiffavorixxi li l-foresti eżistenti jikbru sal-potenzjal massimu tagħhom li jaħżnu l-karbonju filwaqt li jirrestawra ekosistemi li preċedentement kienu degradati u jħalli l-materjal organiku jiddekomponi, filwaqt li jipproteġi wkoll il-bijodiversità, kif ukoll il-ħamrija, l-arja, l-art u l-ilma;

    G.

    billi l-pressjoni pubblika għall-milja tal-funzjonijiet tal-foresti mhux produttivi qiegħda tiżdied madwar id-dinja kollha, li ħafna drabi xejn ma tkun taqbel mal-kundizzjoni tal-foresti li tkun sejra għall-agħar;

    H.

    billi l-foresti jipprovdu servizzi importanti tal-ekosistema lis-soċjetà, bħall-arja nadifa, ir-regolazzjoni tal-fluss tal-ilma, it-tnaqqis tal-karbonju, il-protezzjoni kontra l-erożjoni mill-ilma u mir-riħ, il-ħabitats għall-annimali u l-pjanti, ir-restawr ta' art degradata u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima; billi r-regolazzjoni naturali tal-flussi tal-ilma fil-foresti ġiet evalwata li tiswa bejn USD 1 360 u 5 235 (valur tal-2007) (20) għal kull ettaru fis-sena, u dan is-“servizz naturali” huwa affettwat ħafna mid-deforestazzjoni; filwaqt li l-foresti u l-bijodiversità għandhom ukoll valur intrinsiku lil hinn mill-valur tal-użu tagħhom għall-bnedmin, inkluż bħala ħażniet tal-karbonju, li ma jistgħux jissarrfu fi flus jew jiġu kkwantifikati;

    I.

    billi l-foresti għandhom valur kulturali, soċjali u spiritwali għal bosta persuni u popli;

    J.

    billi l-kopertura tal-foresti żdiedet fl-Unjoni matul id-deċennji riċenti, it-telf tal-kopertura tas-siġar globali ilu jiżdied b'mod kostanti matul dawn l-aħħar 18-il sena u fl-2019 biss inqerdu 3,8 miljun ettaru ta' foresti pluvjali primarji (21);

    K.

    billi d-deforestazzjoni, id-degradazzjoni u l-konverżjoni tal-foresti tad-dinja jaggravaw it-theddida għall-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, li jsofru minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem, attakki u qtil b'reazzjoni għall-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-foresti, l-art u l-ambjenti tagħhom, u bħala medja aktar minn tliet difensuri tal-art u tal-ambjent inqatlu kull ġimgħa fl-2018, u fir-reġjun tal-Amażonja biss f'dawn l-aħħar għaxar snin aktar minn 300 persuna sfaw maqtula f'kunflitti li jikkonċernaw ir-riżorsi u l-użu tal-art (22);

    L.

    billi t-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità madwar id-dinja, kif ukoll il-qerda u l-modifika tal-ekosistemi naturali, inklużi l-foresti, għandhom impatti gravi fuq il-ħabitats tal-fawna selvaġġa u jwasslu għal aktar kuntatt bejn l-annimali selvaġġi, il-bnedmin u l-annimali domestikati, li jżid ir-riskju ta' tifqigħat ġodda ta' epidemiji u pandemiji li oriġinaw fl-annimali selvaġġi; billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tikkonferma li ż-żieda fil-mard infettiv emerġenti tikkoinċidi mat-tkabbir aċċellerat tad-deforestazzjoni tropikali, marbuta b'mod partikolari mat-tħawwil tal-palm taż-żejt jew tal-fażola tas-sojja (23); billi aktar minn żewġ terzi tal-mard infettiv emerġenti joriġina fl-annimali, li l-maġġoranza kbira tagħhom huma annimali selvaġġi; billi l-ħarsien u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi li jiffunzjonaw tajjeb huma għalhekk kruċjali biex nagħtu spinta lir-reżiljenza tagħna u nipprevjenu l-emerġenza u t-tixrid ta' mard futur;

    M.

    billi l-ilma huwa riżorsa prezzjuża; billi n-nuqqas jew l-implimentazzjoni inadegwata ta' qafas legali dwar il-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma jagħmluha impossibbli li jiġi kkontrollat l-użu ta' din ir-riżorsa u jippermettu l-estrazzjoni eċċessiva, it-tniġġis u l-ħtif tal-ilma; billi dan huwa detrimentali għall-ekosistemi downstream u għall-komunitajiet lokali; billi jeżistu każijiet ta' ħtif tal-ilma minħabba l-produzzjoni ta' komoditajiet li jpoġġu lill-foresti u lill-ekosistemi f'riskju (24);

    N.

    billi l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-foresti u tal-materja prima rinnovabbli kif ukoll l-użu tal-artijiet forestali b'mod u b'rata li jmantnu l-bijodiversità, il-kapaċità ta' riġenerazzjoni, il-vitalità u l-potenzjal tagħhom li jissodisfaw, issa u fil-futur, il-funzjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali rilevanti fil-livelli lokali, nazzjonali u globali u li ma jikkawżawx ħsara lil ekosistemi oħra, huma element importanti tal-approċċ politiku ġenerali biex titwaqqaf id-deforestazzjoni, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak globali;

    O.

    billi l-konsum tal-Unjoni huwa stmat li jikkontribwixxi għal mill-anqas 10 % tad-deforestazzjoni globali;

    P.

    billi huwa importanti li jiġu promossi d-dieti sostenibbli, billi tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-impatti tal-mudelli tal-konsum u tingħata informazzjoni dwar id-dieti li huma aktar ta' ġid għal saħħet il-bniedem u li jħallu impronta ambjentali iżgħar;

    Rimarki ġenerali

    1.

    Jissottolinja li madwar 80 % tad-deforestazzjoni globali hija kkawżata mill-espansjoni tal-art użata għall-agrikoltura (25); jisħaq f'dan il-kuntest li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja ta' Lulju 2019 tirrikonoxxi li d-domanda tal-Unjoni għal prodotti bħaż-żejt tal-palm, il-laħam, is-sojja, il-kawkaw, il-qamħirrum, l-injam, il-gomma, inkluż fil-forma ta' prodotti pproċessati jew servizzi, hija xprun kbir tad-deforestazzjoni, tad-degradazzjoni tal-foresti, tal-qerda tal-ekosistemi u ta' każijiet assoċjati ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, u tirrappreżenta madwar 10 % tas-sehem globali tad-deforestazzjoni inkorporata fil-konsum totali finali (26); barra minn hekk, jinnota li l-konsum tal-UE ta' komoditajiet oħra, bħall-qoton, il-kafè, il-kannamiela, il-lift u l-gambli mrobbija fil-mangrovja jikkontribwixxi wkoll għad-deforestazzjoni globali;

    2.

    Jirrimarka li l-preservazzjoni globali tal-foresti u l-prevenzjoni tad-degradazzjoni tagħhom huma wħud mill-akbar sfidi ta' sostenibbiltà ta' żminijietna, li mingħajrhom l-objettivi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-Patt Ekoloġiku ma jistgħux jintlaħqu; jisħaq li bil-politiki attwali, l-użu sostenibbli tal-foresti u tal-ekosistemi f'ħafna partijiet tad-dinja ma jistax jiġi żgurat;

    3.

    Jinnota bl-akbar tħassib li fil-perjodu ta' bejn l-2014 u l-2018, ir-rata tat-telf tal-kopertura tas-siġar żdiedet bi 43 % għal telf medju ta' 26,1 miljun ettaru fis-sena, meta mqabbel ma' 18,3 miljuni ettari fis-sena fil-perjodu ta' bejn l-2002 u l-2013; huwa partikolarment imħasseb dwar it-telf tal-foresti primarji peress li l-aktar tliet snin riċenti b'data disponibbli (2016, 2017 u 2018) irreġistraw l-ogħla rati ta' telf f'dan is-seklu, u r-rati ta' deforestazzjoni fl-Amażonja Brażiljana biss żdiedu bi 88 % f'Ġunju 2019 meta mqabbel ma' Ġunju 2018; jirrimarka li l-qerda u d-degradazzjoni tal-foresti naturali mhux qed iseħħu biss f'żoni tropikali, iżda madwar id-dinja kollha, inkluż fl-Unjoni u fil-viċinat dirett tagħha;

    4.

    Jiddispjaċih li bħalissa l-wiċċ tal-art miksi bil-foresti fid-dinja huwa biss ta' 68 % tal-livelli preindustrijali stmati, li l-kopertura tal-foresti tnaqqset b'290 miljun ettaru minħabba l-ikklerjar tal-art mis-siġar u l-produzzjoni tal-injam bejn l-1990 u l-2015, filwaqt li l-foresti mhux mimsusa (żoni ta' art ta' aktar minn 500 km2 li fihom is-satelliti ma jsibu l-ebda pressjoni tal-bniedem) tnaqqsu b'7 % bejn l-2000 u l-2013 (27);

    5.

    Jinnota wkoll li l-modifika u l-qerda tal-ħabitats, li qed jolqtu żoni forestali naturali, għandhom konsegwenzi serji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali b'mod globali, kif ukoll impatti fuq il-bijodiversità, b'mod partikolari ż-żieda fl-inċidenza ta' żoonożi (li kkawżaw 50 pandemija fl-aħħar 30 sena), li l-aktar riċenti minnhom hija l-pandemija tal-COVID-19;

    6.

    Jinnota bi tħassib li wara t-tifqigħa traġika tal-pandemija tal-COVID-19, ir-riċerka tkompli tikkonferma rabta inkwetanti bejn il-mard żoonotiku u d-deforestazzjoni, it-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità;

    7.

    Jenfasizza li l-foresti primarji huma insostitwibbli u t-telf tal-foresti primarji ma jista' jiġi kkumpensat minn ebda approċċ ġdid ibbażat fuq il-foresti; jinnota li t-twaqqif tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti, flimkien mal-protezzjoni tal-foresti eżistenti, u attivitajiet sostenibbli ta' restawr, afforestazzjoni u riforestazzjoni b'mod li jimmassimizzaw il-kapaċità tagħhom li jaħżnu l-karbonju u jipproteġu l-bijodiversità, jistgħu jipprovdu għajxien, iżidu d-dħul għall-komunitajiet lokali u joffru opportunitajiet ta' żvilupp ekonomiku; jenfasizza għal dan il-għan l-importanza li jiġu promossi l-agroekoloġija u l-produzzjoni agrikola sostenibbli fil-livelli globali, nazzjonali, reġjonali u lokali, li ma jitħallewx isiru użu tal-art u prattiki ta' ġestjoni mhux sostenibbli, li jiġi indirizzati d-disturbi naturali u jiġi mmitigat it-tibdil fil-klima;

    8.

    Jisħaq li l-eżistenza ta' żoni kbar ta' foresti tgħin biex tiġi evitata d-deżertifikazzjoni tar-reġjuni kontinentali; jipproponi li l-protezzjoni tal-foresti anki bħala sors ta' umdità tingħata kunsiderazzjoni b'saħħitha fil-politiki ta' żvilupp u dawk kummerċjali; jenfasizza pereżempju li daqs 40 % tax-xita totali fir-reġjuni muntanjużi Etjopjani – is-sors ewlieni tax-xmara Nil – hija pprovduta mill-umdità riċiklata mill-foresti tal-baċir tal-Kongo, u li t-twaqqif tad-deforestazzjoni fir-reġjun huwa rilevanti wkoll għall-kwistjoni tal-kriżi tar-rifuġjati li jitilqu minn pajjiżhom minħabba l-klima;

    9.

    Jissottolinja l-fatt li l-ixpruni tad-deforestazzjoni jmorru lil hinn mis-settur tal-foresti per se u huma relatati ma' firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, bħall-pussess tal-art, governanza u infurzar tal-liġi dgħajfin, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni, it-tibdil fil-klima, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà politika, il-livelli tal-konsum tal-komoditajiet, id-dipendenza għolja fuq l-importazzjonijiet tal-għalf, il-politiki agrikoli kif ukoll in-nuqqas ta' politiki pubbliċi li jippromwovu u jinċentivaw komoditajiet ta' oriġini u produzzjoni sostenibbli u legali; ifakkar li n-nisa indiġeni u l-bdiewa nisa għandhom rwol ċentrali fil-protezzjoni tal-ekosistemi tal-foresti; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tindirizza d-deforestazzjoni b'mod olistiku permezz ta' qafas ta' politika koerenti u legalment vinkolanti, filwaqt li tiżgura l-konservazzjoni tal-ekosistemi; jemmen li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni dwar il-forestrija hija punt ewlieni fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, li għandha tiġi riflessa fil-politiki tal-Unjoni;

    10.

    Jinnota li f'ħafna pajjiżi, id-deforestazzjoni hija dovuta għan-nuqqas ta' politiki xierqa (bħall-ippjanar tal-użu tal-art), relazzjonijiet ta' sjieda u drittijiet oħra ta' pussess ta' art mhux ċari, governanza u infurzar tal-liġi dgħajfa, attivitajiet illegali u investiment insuffiċjenti fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

    11.

    Jinnota li minn Diċembru 2015, il-Parlament Ewropew adotta 40 oġġezzjoni għall-importazzjonijiet ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati (GM), li minnhom 11 kienu għall-importazzjonijiet tas-sojja ġenetikament modifikata; ifakkar li waħda mir-raġunijiet għall-oġġezzjoni ta' dawn l-importazzjonijiet kienet id-deforestazzjoni assoċjata mal-kultivazzjoni tagħhom f'pajjiżi bħall-Brażil u l-Arġentina, fejn is-sojja hija kważi esklużivament ġenetikament modifikata biex tintuża mal-pestiċidi; jinnota li studju xjentifiku riċenti rieżaminat bejn il-pari minn riċerkaturi madwar l-Unjoni sab li l-Unjoni għandha l-akbar marka tal-karbonju fid-dinja minħabba l-importazzjonijiet tas-sojja mill-Brażil, li huma 13,8 % akbar minn dawk lejn iċ-Ċina, li hija l-akbar importatur tas-sojja madwar id-dinja; jinnota li din il-marka kbira tal-karbonju tal-Unjoni hija dovuta għas-sehem tagħha ta' emissjonijiet minn deforestazzjoni inkorporata (28); jinnota wkoll li, skont il-Kummissjoni, is-sojja storikament kienet il-kontributur ewlieni tal-Unjoni għad-deforestazzjoni globali u l-emissjonijiet relatati, u tirrappreżenta kważi nofs id-deforestazzjoni inkorporata fl-importazzjonijiet kollha tal-Unjoni (29);

    12.

    Jiġbed l-attenzjoni għal kif il-produzzjoni tal-OĠM hija xprun ewlieni tad-deforestazzjoni, b'mod partikolari fil-Brażil u l-Arġentina, u jemmen li l-importazzjoni tal-OĠM fl-Unjoni għandha tintemm; ifakkar li l-konsum tal-laħam, anke fl-Unjoni, jikkontribwixxi għad-deforestazzjoni barra mill-Unjoni minħabba ż-żieda fid-domanda għal għalf tal-annimali OĠM irħis, b'mod partikolari l-importazzjonijiet ta' fażola tas-sojja ġenetikament modifikata;

    13.

    Jinnota li l-konverżjoni ta' mergħat u art agrikola oriġinarjament użati għall-produzzjoni tal-ikel u l-għalf f'art għall-produzzjoni ta' fjuwils tal-bijomassa (bidla indiretta fl-użu tal-art) jista' jkollha wkoll impatt negattiv fuq il-foresti;

    Ċertifikazzjoni u tikketti volontarji ta' partijiet terzi

    14.

    Jilqa' s-sensibilizzazzjoni dejjem tikber tan-negozji dwar il-problema tad-deforestazzjoni globali, id-degradazzjoni tal-foresti u l-qerda tal-ekosistemi, il-ħtieġa għal azzjoni korporattiva u impenji korrispondenti kif ukoll iż-żieda fis-sejħiet għal rekwiżiti trasparenti, konsistenti, uniformi, sodi u infurzabbli għal ktajjen tal-provvista sostenibbli, inkluża domanda mnaqqsa għall-komoditajiet li joħolqu riskju għall-foresti; jinnota li xi operaturi ħaddnu d-Dikjarazzjoni ta' New York tal-2014 dwar il-Foresti u ħadu azzjoni biex jindirizzaw id-deforestazzjoni, iżda sfortunatament dawn spiss ma jkollhomx ambizzjoni, ikunu jkopru biss partijiet mill-katina tal-provvista u ma jkunux imfassla biex jindirizzaw xpruni interkonnessi multipli tad-deforestazzjoni (30), u għaldaqstant ma jissodisfawx l-asserzjonijiet tagħhom dwar is-sostenibbiltà u l-impenji mħabbra; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-impenji volontarji tal-kumpaniji kontra d-deforestazzjoni għadhom ma kinux biżżejjed biex iwaqqfu d-deforestazzjoni globali;

    15.

    Jirrimarka li l-iskemi ta' ċertifikazzjoni ta' partijiet terzi kellhom rwol importanti fit-tlaqqigħ flimkien tan-negozji u s-soċjetà ċivili biex jiġi żviluppat fehim komuni tal-problema tad-deforestazzjoni; josserva, madankollu, li filwaqt li l-iskemi ta' ċertifikazzjoni volontarja ta' partijiet terzi kkontribwew għall-iżvilupp ta' prattiki tajba, dawn l-iskemi waħedhom ma jistgħux iwaqqfu u jreġġgħu lura d-deforestazzjoni globali u d-degradazzjoni tal-ekosistema u għandhom ikunu biss komplementari għal miżuri vinkolanti; jinnota li ċ-ċertifikazzjoni volontarja ta' partijiet terzi tista' tkun għodda awżiljarja biex tivvaluta u timmitiga r-riskji tad-deforestazzjoni meta tkun iddisinjata u implimentata bis-sħiħ fir-rigward tal-kriterji ta' sostenibbiltà ddefiniti sewwa, li jistgħu jitkejlu, u li jkunu ambizzjużi li tkun ibbażata fuqhom, ir-robustezza taċ-ċertifikazzjoni u l-proċess ta' akkreditazzjoni, is-sorveljanza indipendenti u l-mekkaniżmi ta' konformità, il-possibbiltajiet biex tiġi ssorveljata l-katina tal-provvista u rekwiżiti sodi biex jiġu protetti l-foresti primarji u foresti naturali oħra u biex tiġi promossa l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

    16.

    Jinnota li ċ-ċertifikazzjoni u t-tikketti ta' partijiet terzi waħedhom mhumiex effettivi biex jipprevjenu li komoditajiet u prodotti li jpoġġu f'riskju lill-ekosistemi jidħlu fis-suq intern tal-Unjoni; jenfasizza għalhekk li ċ-ċertifikazzjoni ta' partijiet terzi tista' tkun biss komplementari għall-proċessi ta' diliġenza dovuta bir-reqqa mandatorji tal-operaturi, iżda ma tistax tissostitwihom, liema proċessi jiżguraw ukoll ir-responsabbiltà soċjali u ambjentali tagħhom, f'konformità mal-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” stabbilit fl-Artikolu 191 tat-TFUE;

    17.

    Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-għadd kbir ta' skemi u tikketti ta' ċertifikazzjoni eżistenti jwassal għal konfużjoni fost il-konsumaturi u jxekkel l-għażliet tagħhom biex jagħmlu għażla infurmata; jenfasizza f'dan ir-rigward li għandha tiġi kkunsidrata l-armonizzazzjoni tal-obbligu li tingħata informazzjoni;

    18.

    Jissottolinja li miżura ta' politika li tiddependi biss mill-għażla tal-konsumatur tittrasferixxi b'mod mhux xieraq ir-responsabbiltà għax-xiri ta' prodotti mhux assoċjati mad-deforestazzjoni fuq il-konsumaturi, li mhijiex effettiva biżżejjed biex tintegra produzzjoni aktar sostenibbli; jemmen li l-informazzjoni tal-konsumaturi dwar prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni tista' tkun għodda b'saħħitha biex tikkomplementa qafas legali dwar id-diliġenza dovuta u biex tindirizza n-naħa tad-domanda ta' dan is-suġġett; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra aktar il-kunsiderazzjonijiet dwar id-deforestazzjoni fl-Ekotikketta tal-UE, l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku u inizjattivi oħra fil-kuntest tal-ekonomija ċirkolari, bħala parti minn sett komprensiv ta' azzjonijiet u inizjattivi biex tiżgura ktajjen ta' provvista mhux assoċjati mad-deforestazzjoni; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tinkludi r-riskju tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi fost il-kriterji tal-asserzjonijiet ekoloġiċi fid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) u biex tistabbilixxi skema ta' approvazzjoni minn qabel tal-UE biex tawtorizza l-użu tal-asserzjonijiet ekoloġiċi;

    19.

    Jinnota li, sa issa, m'hemm l-ebda regola fis-seħħ li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta' prodotti li kkontribwew għall-qerda tal-foresti; jirrimarka li anke l-injam maqtugħ li jkun legalment konformi mal-liġi tal-pajjiż ta' oriġini jista' jikkontribwixxi għad-deforestazzjoni u xorta jista' jgawdi minn aċċess liberu għas-suq tal-Unjoni; jinnota li, għalhekk, il-konsumaturi ta' bosta komoditajiet li jpoġġu lill-foresti u lill-ekosistemi f'riskju fl-Unjoni m'għandhom l-ebda garanzija li dawn il-prodotti ma kkontribwewx għad-deforestazzjoni u li, b'konsegwenza ta' dan, il-konsumaturi mingħajr ħtija, mingħajr ma jridu u mingħajr ma jafu jixprunaw id-deforestazzjoni;

    20.

    Jinnota li l-kriterji għal dak li jikkostitwixxi komodità jew prodotti “mhux assoċjati mad-deforestazzjoni” li jirfdu l-iskemi ta' ċertifikazzjoni mhux dejjem kienu komprensivi biżżejjed, peress li xi kultant dawn ikopru biss xi wħud mill-ingredjenti rilevanti tal-prodott, partijiet biss miċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodott, jew jużaw definizzjoni insuffiċjenti ta' “mhux assoċjati mad-deforestazzjoni”, li jistgħu jwasslu għal xiri ta' tikketti minn kumpaniji u jnaqqsu l-ambizzjoni taċ-ċertifikazzjoni b'mod ġenerali;

    Regoli obbligatorji bbażati fuq id-diliġenza dovuta

    21.

    Jilqa' f'dan ir-rigward, is-sejħiet minn għadd ta' kumpaniji biex jiġu introdotti regoli tal-Unjoni għal diliġenza dovuta obbligatorja fil-ktajjen tal-provvista tal-komoditajiet li huma ta' riskju għall-foresti;

    22.

    Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta, mingħajr dewmien, proposta għal qafas legali tal-UE bbażat fuq id-diliġenza dovuta biex jiġu żgurati ktajjen tal-provvista sostenibbli u mhux assoċjati mad-deforestazzjoni għall-prodotti li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni, b'enfasi partikolari fuq l-indirizzar tal-ixpruni ewlenin tad-deforestazzjoni importata u li minflok jinkoraġġixxi l-importazzjonijiet li ma joħolqux deforestazzjoni barra l-pajjiż, filwaqt li tqis l-importanza ekonomika tal-esportazzjoni tal-komoditajiet għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment għall-bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar, u b'kunsiderazzjoni tal-feedback mill-partijiet ikkonċernati kollha, speċjalment l-SMEs;

    23.

    Ifakkar li fil-Komunikazzjoni tagħha dwar id-Deforestazzjoni tal-2008, il-Kummissjoni stabbiliet l-għan li twaqqaf it-telf globali tal-kopertura tal-foresti sa mhux aktar tard mill-2030 u li tnaqqas id-deforestazzjoni tropikali grossa b'mill-inqas 50 % sal-2020, u jwissi li t-tieni għan kważi żgur mhux se jintlaħaq;

    24.

    Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza d-deforestazzjoni globali u d-degradazzjoni tal-foresti, iżda jitlob approċċ politiku aktar ambizzjuż; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta, akkumpanjata b'valutazzjoni tal-impatt, għal qafas legali tal-UE bbażat fuq rekwiżiti obbligatorji ta' diliġenza dovuta, rapportar, divulgazzjoni u parteċipazzjoni ta' partijiet terzi, kif ukoll fuq ir-responsabbiltà u s-sanzjonijiet f'każ ta' ksur tal-obbligi għall-kumpaniji kollha li jqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni komoditajiet li jinvolvu riskji għall-foresti u għall-ekosistemi u prodotti derivati minn dawn il-komoditajiet, u l-aċċess għall-ġustizzja u r-rimedju għall-vittmi ta' ksur ta' dawn l-obbligi; li għandhom jiġu imposti obbligi ta' traċċabilità fuq in-negozjanti fis-suq tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-oriġini tal-komoditajiet u tal-prodotti derivati minnhom fil-mument li jitqiegħdu fis-suq intern tal-Unjoni, biex jiġu żgurati ktajjen tal-valur sostenibbli u mhux assoċjati mad-deforestazzjoni, kif stabbilit fl-Anness ta' din ir-riżoluzzjoni; jenfasizza li l-istess qafas legali għandu japplika wkoll għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha awtorizzati li joperaw fl-Unjoni u li qed jipprovdu flus lil kumpaniji li jaħsdu, jestrattaw, jipproduċu, jipproċessaw jew jikkummerċjalizzaw komoditajiet li jpoġġu lill-foresti u l-ekosistemi f'riskju jew prodotti derivati minnhom;

    25.

    Jemmen li l-Unjoni teħtieġ tiżgura li tippromwovi biss ktajjen ta' provvista globali u flussi finanzjarji li jkunu sostenibbli u mhux assoċjati mad-deforestazzjoni u li ma jwasslux għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jinsab konvint li r-regoli obbligatorji dwar is-sostenibbiltà ppromulgati f'suq kbir, bħas-suq tal-Unjoni, għandhom il-potenzjal li jixprunaw il-prattiki ta' produzzjoni globali lejn prattiki aktar sostenibbli;

    26.

    Jirrimarka li l-komoditajiet li jpoġġu lill-foresti u l-ekosistemi f'riskju koperti minn dan il-qafas legali tal-UE għandhom jiġu ddeterminati abbażi ta' kunsiderazzjonijiet oġġettivi, trasparenti u bbażati fuq ix-xjenza li jindikaw li tali komoditajiet ikunu assoċjati mal-qerda u d-degradazzjoni ta' foresti u ekosistemi b'ħażna għolja ta' karbonju u rikki fil-bijodiversità, kif ukoll fir-rigward tad-drittijiet tal-popli indiġeni u d-drittijiet tal-bniedem b'mod ġenerali;

    27.

    Jenfasizza li tali qafas legali tal-UE ma għandux biss jiggarantixxi l-legalità tal-ħsad, il-produzzjoni, l-estrazzjoni u l-ipproċessar ta' komoditajiet u ta' prodotti derivati minnhom li jpoġġu lill-foresti u l-ekosistemi f'riskju fil-pajjiż ta' oriġini, iżda wkoll is-sostenibbiltà tal-ħsad, il-produzzjoni, l-estrazzjoni u l-ipproċessar tagħhom;

    28.

    Jenfasizza li, skont diversi studji (32), qafas legali biex jipprevjeni d-dħul ta' prodotti marbuta mad-deforestazzjoni fis-suq intern tal-Unjoni, mhu se jkollu l-ebda impatt fuq il-volum u l-prezz tal-komoditajiet mibjugħin fl-Unjoni u li huma koperti fl-Anness ta' din ir-riżoluzzjoni, u li l-ispejjeż żejda li jħallsu l-operaturi biex jimplimentaw dawn l-obbligi legali huma minimi;

    29.

    Jenfasizza l-kontribut tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-attivisti ambjentali, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija, kif ukoll tal-informaturi, fil-ġlieda kontra l-ħsad illegali tal-injam li jirriżulta fid-deforestazzjoni, fit-telf tal-bijodiversità u fiż-żieda fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

    30.

    Jinnota li tali qafas legali tal-UE għandu jkun estiż ukoll għal ekosistemi b'ħażna għolja ta' karbonju u rikki fid-diversità apparti l-foresti, bħall-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta, l-artijiet mistagħdra, it-torbieri u s-savani, sabiex jiġi evitat li l-pressjoni tgħaddi fuq dawn l-ambjenti;

    31.

    Jemmen li dawn l-obbligi għandhom japplikaw għall-operaturi kollha li jqiegħdu komoditajiet li jpoġġu lill-foresti u l-ekosistemi f'riskju (FERC) fis-suq tal-Unjoni, irrispettivament mid-daqs jew il-post tar-reġistrazzjoni tagħhom, ladarba valutazzjoni bir-reqqa tkun ikkonkludiet li dan ikun funzjonali u applikabbli għall-atturi kollha fis-suq, inklużi l-SMEs; filwaqt li jirrikonoxxi li l-azzjonijiet li jsegwu l-valutazzjoni tar-riskju tal-operatur iridu jkunu proporzjonati mal-livell ta' riskji assoċjati mal-komodità partikolari, jemmen li f'suq aħħari frammentat, l-inklużjoni ta' kumpaniji iżgħar u akbar hija kruċjali biex jiġi żgurat li jkun hemm kemm impatt fuq skala kbira kif ukoll il-fiduċja tal-konsumaturi; jenfasizza li l-qafas regolatorju ma jridx iwassal għal piż żejjed fuq il-produtturi żgħar u ta' daqs medju, inklużi l-bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar, jew jipprevjeni l-aċċess tagħhom għas-swieq u l-kummerċ internazzjonali minħabba nuqqas ta' kapaċità; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa ta' mekkaniżmu ta' appoġġ koordinat għall-SMEs fil-livell tal-UE biex jiġi żġurat li dawn jifhmu, jitħejjew u jkunu kapaċi jipproduċu f'konformità mar-rekwiżiti ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem;

    32.

    Jenfasizza li ħafna min-negozji tal-Unjoni fil-katina tal-provvista huma SMEs, u għaldaqstant jitlob implimentazzjoni effettiva favorevoli għall-SMEs li tillimita l-piż amministrattiv tagħhom għal minimu inevitabbli; iqis li għandha tiġi stabbilita sistema ta' twissija bikrija għan-negozji biex twissi lin-negozji kull meta jimportaw minn reġjuni fejn jaf tkun qed issir deforestazzjoni;

    33.

    Jemmen li rekwiżiti ta' diliġenza dovuta obbligatorja madwar l-Unjoni jipprovdu benefiċċji għan-negozji permezz tal-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi billi l-kompetituri jkollhom jimxu mal-istess standards, u jipprovdu ċertezza legali, għall-kuntrarju tal-mużajk ta' miżuri differenti fuq livell nazzjonali;

    34.

    Ifakkar fis-sejbiet tal-istudju dwar ir-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta permezz tal-katina tal-provvista, li ġie kkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi tal-Kummissjoni, li sab li l-maġġoranza ta' dawk li wieġbu mill-qasam tan-negozju jaqblu li d-diliġenza dovuta obbligatorja jkollha impatt pożittiv fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent;

    35.

    Jisħaq li d-diġitalizzazzjoni u l-għodod ġodda tat-teknoloġija għandhom il-potenzjal li jipprovdu soluzzjonijiet bla preċedent għall-kumpaniji biex jidentifikaw, jipprevjenu, inaqqsu u jerfgħu r-responsabbiltà għad-drittijiet tal-bniedem u l-impatti ambjentali;

    36.

    Jemmen li l-qafas legali futur li jikkonċerna l-komoditajiet li jirrappreżentaw riskju għall-foresti għandu jibbaża fuq it-tagħlimiet meħuda mill-Pjan ta' Azzjoni FLEGT, ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam, ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33) (“ir-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt”), id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34) (“id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju”), il-leġiżlazzjoni dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) u inizjattivi oħra tal-UE li jirregolaw il-ktajjen tal-provvista;

    37.

    Jilqa' r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju u jistieden lill-Kummissjoni żżid il-kwalità u l-ambitu tad-divulgazzjoni mhux finanzjarja, b'mod partikolari dwar ir-rappurtar tal-istituzzjonijiet finanzjarji dwar l-aspetti ambjentali, u biex tippromwovi l-integrazzjoni ta' kunsiderazzjonijiet dwar il-foresti fir-responsabbiltà soċjali korporattiva;

    Ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam u l-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (VPAs) dwar il-FLEGT

    38.

    Jinsab konvint li r-Regolament tal-UE dwar l-Injam, speċjalment ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tiegħu, jirrappreżenta mudell tajjeb biex fuqu jinbena qafas legali futur tal-UE biex id-deforestazzjoni globali kkawżata mill-UE titwaqqaf u titreġġa' lura, madankollu n-nuqqas ta' implimentazzjoni u ta' infurzar tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam u l-kamp ta' applikazzjoni limitat tal-prodotti koperti minnu jfisser li r-regolament ma jissodisfax l-ispirtu u l-intenzjoni tiegħu; huwa għalhekk tal-opinjoni li, mir-Regolament tal-UE dwar l-Injam, jistgħu jittieħdu tagħlimiet għal titjib fir-regoli ta' implimentazzjoni u infurzar għal qafas legali futur tal-UE biex id-deforestazzjoni globali kkawżata mill-UE titwaqqaf u titreġġa' lura; ifakkar li l-legalità tal-ħsad u l-kummerċ tal-prodotti forestali hija attwalment koperta mir-Regolament tal-UE dwar l-Injam, u għalhekk jenfasizza li r-regolamentazzjoni doppja fil-qafas legali futur tal-UE għandha tiġi evitata u għandhom jiġu armonizzati miżuri li jirregolaw il-ħsad legali u illegali tal-prodotti tal-foresti u l-kummerċ fihom;

    39.

    Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-inklużjoni possibbli ta' komoditajiet koperti mir-Regolament tal-UE dwar l-Injam fil-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta għal qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali mmexxija mill-UE, filwaqt li jitqies il-kontroll tal-idoneità li jmiss tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, u jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni FLEGT. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll l-implikazzjonijiet potenzjali fuq il-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (VPAs) attwali. Il-pajjiżi sħab tal-Unjoni li jipproduċu l-injam għandhom ikunu assoċjati mill-qrib f'dan l-impenn;

    40.

    Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultati tajbin li wriet il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi skont il-Pjan ta' Azzjoni FLEGT tal-UE u l-VPAs fl-indirizzar tal-isfida min-naħa tal-provvista tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u jisħaq li din il-ħidma għandha tiġi intensifikata, speċjalment f'termini ta' sorveljanza, verifiki u kontrolli u anke f'termini ta' offerta ta' bini tal-kapaċità; jisħaq li l-VPAs jikkostitwixxu qafas tassew effikaċi biex jiġu stabbiliti sħubiji tajbin ma' dawn il-pajjiżi u li għandhom jiġu promossi VPAs ġodda ma' sħab oħrajn; jistieden lill-UE żżid il-finanzjament għall-FLEGT;

    41.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta' Ħidma FLEGT 2018-2022 tal-UE;

    42.

    Jilqa' l-kontroll tal-idoneità li jmiss mill-Kummissjoni tar-Regolament FLEGT u tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam bħala opportunità biex jissaħħaħ l-infurzar tagħhom, tkompli tittejjeb l-implimentazzjoni tagħhom u jitwessa' l-ambitu li jkopru għal pereżempju prodotti stampati, prodotti tal-injam u injam minn reġjuni ta' kunflitt, u biex jissaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili;

    43.

    Itenni t-talba tiegħu li l-importazzjonijiet tal-injam u tal-prodotti tal-injam għandhom jiġu kkontrollati aktar bir-reqqa fil-fruntieri tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li l-prodotti importati tassew jikkonformaw mal-kriterji biex jidħlu fl-Unjoni; jappella għall-implimentazzjoni f'waqtha u effettiva tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet doganali nazzjonali biex jiġi żgurat li jkun hemm armonizzazzjoni u implimentazzjoni aħjar tal-KDU; jisħaq li l-Kummissjoni għandha bżonn tiżgura li l-kontrolli doganali fl-Unjoni kollha jsegwu l-istess standards, permezz ta' mekkaniżmu dirett unifikat ta' kontroll doganali, b'koordinazzjoni mal-Istati Membri u b'konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    44.

    Huwa tal-opinjoni li l-ftehimiet ta' sħubija bbażati fuq il-kummerċ ma' pajjiżi produtturi ewlenin tal-FERCs jistgħu jkunu utli biex jiġu indirizzati l-kawżi tad-deforestazzjoni min-naħa tal-provvista u jinnota li l-mudell tal-VPAs dwar il-FLEGT huwa wieħed mill-għażliet;

    45.

    Il-proposta għandha tiżgura li jkun hemm ċertezza legali għall-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha dwar kwalunkwe miżura u qafas ġodda għall-Unjoni kollha relatati mal-użu attwali tal-VPAs dwar il-FLEGT u l-għoti ta' liċenzji, sabiex jiġi żgurat l-interess fl-investiment fl-esportazzjoni mhux assoċjata mad-deforestazzjoni lejn l-UE; u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi ftehimiet ta' sħubija bbażati fuq il-kummerċ ma' pajjiżi produtturi ewlenin ta' komoditajiet agrikoli, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi tad-deforestazzjoni min-naħa tal-provvista;

    Il-kummerċ u l-kooperazzjoni internazzjonali

    46.

    Jisħaq li l-politika kummerċjali u ta' investiment jeħtieġ li tiġi rieżaminata sabiex tindirizza l-isfida globali tad-deforestazzjoni b'mod aktar effettiv, u billi toħloq kundizzjonijiet ekwi globalment, u tqis ir-rabta bejn il-ftehimiet kummerċjali u l-bijodiversità globali kif ukoll l-ekosistema tal-foresti;

    47.

    Itenni li l-politika kummerċjali u ta' investiment tal-Unjoni, inkluż il-ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Mercosur, għandha tinkludi kapitoli vinkolanti u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli li jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji internazzjonali, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, ikunu konformi mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment futuri kollha jkun fihom dispożizzjonijiet legalment vinkolanti u infurzabbli, inklużi dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni u relatati mal-qtugħ illegali tas-siġar, għall-prevenzjoni tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti u tal-qerda u d-degradazzjoni tal-ekosistemi;

    48.

    Jirrakkomanda, fil-kuntest tal-prinċipju ta' “tagħmel l-ebda ħsara” kif enfasizzat fil-komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li l-Kummissjoni tivvaluta aħjar u regolarment l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment eżistenti dwar id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti u tal-ekosistemi, il-ħtif tal-art u d-drittijiet tal-bniedem u tiżgura li dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli aktar ambizzjużi dwar il-protezzjoni tal-foresti u tal-ekosistemi, il-bijodiversità, dwar it-tmiem tal-ħtif tal-art u l-forestrija sostenibbli jiġu inklużi fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kollha dwar il-kummerċ ħieles u l-investiment;

    49.

    Jirrimarka li, sabiex jiġi evitat id-dumping tal-prezzijiet u jiġi żgurat l-użu sostenibbli tal-injam, biex tiġi evitata l-proliferazzjoni ta' ftehimiet bilaterali bbażati fuq id-dumping tal-prezzijiet tal-injam, u biex jiġi evitat li jsir qtugħ addizzjonali tas-siġar, għandhom jiġu kkunsidrati rimedji inkluż l-istabbiliment ta' sistema komuni ta' rkant tal-injam, biex ikun possibbli li jiġi traċċat minn fejn joriġina l-materjal u biex it-tħassib dwar il-klima, il-bijodiversità u d-drittijiet tal-bniedem jitqies fil-prezz;

    50.

    Iqis li l-kummerċ u l-kooperazzjoni internazzjonali huma għodod importanti għall-konsolidazzjoni ta' standards ogħla ta' sostenibbiltà, speċjalment fir-rigward ta' setturi li huma marbuta mal-foresti u l-ktajjen tal-valur derivati tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi permezz ta' assistenza teknika, skambju ta' informazzjoni u prattiki tajba fil-preservazzjoni, il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-foresti, b'enfasi speċjali fuq ir-rabta bejn il-kriminalità organizzata u l-komoditajiet assoċjati mad-deforestazzjoni, u jippromwovu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni xjentifika u akkademika ma' pajjiżi terzi, kif ukoll programmi ta' riċerka li jippromwovu l-għarfien u l-innovazzjoni dwar il-bijodiversità, l-impriżi li jirrispettaw l-ambjent u l-ekonomija ċirkolari; jisħaq fuq l-importanza li jitqiesu l-effetti tal-miżuri fuq l-impjiegi u t-tkabbir tal-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) li jiddependu mill-produzzjoni tal-FERCs; jistieden lill-UE tappoġġja lill-gvernijiet u lis-soċjetà ċivili ta' pajjiżi terzi u tikkoopera magħhom fil-ħidma tagħhom kontra d-deforestazzjoni, partikolarment permezz tal-iskema SĠP+; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk għandux jiġi żviluppat strument ġdid speċifiku ta' għajnuna għall-kummerċ biex jiffaċilita l-kummerċ fil-kuntest tal-mitigazzjoni tar-riskji relatati mal-produzzjoni tal-FERCs;

    51.

    Jitlob lill-Kummissjoni li l-miżuri li għandhom jiġu adottati jkollhom approċċ komprensiv u differenzjat għad-deforestazzjoni, meta jitqiesu d-diversi dimensjonijiet tagħha u r-rabtiet tagħha kemm mal-ġenerazzjoni ta' impriżi sostenibbli kif ukoll mal-ġlieda kontra l-ekonomiji kriminali; għal dak il-għan, jappella għal djalogu ma' pajjiżi terzi sabiex jiġu analizzati, każ b'każ, il-kawżi ewlenin tat-telf tal-kopertura tal-foresti u r-rilevanza tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati;

    52.

    Jisħaq li d-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku fl-FTAs għandhom iqisu l-kriterji soċjali, ambjentali u ta' mġiba responsabbli fin-negozju fl-għoti tal-kuntratti;

    53.

    Jinsisti li r-rekwiżiti obbligatorji fil-livell tal-Unjoni jeħtieġ li jiġu kkomplementati b'aktar kooperazzjoni globali u kooperazzjoni rinforzata, governanza ambjentali globali msaħħa u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi permezz ta' assistenza teknika, l-iskambju ta' informazzjoni u prattiki tajba fil-preservazzjoni, il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-foresti, filwaqt li jingħata rikonoxximent speċjali lill-inizjattivi ta' sostenibbiltà mwettqa mis-settur privat; b'aktar sforzi f'fora internazzjonali ewlenin, inkluż fid-WTO u fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), azzjonijiet biex iwaqqfu d-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti, jirrestawraw il-foresti u jevitaw l-effett invers tad-delokalizzazzjoni tal-ktajjen ta' provvista mhux mixtieqa li jikkawżaw id-deforestazzjoni lejn reġjuni oħra fid-dinja;

    54.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu, permezz tal-kummerċ u l-kooperazzjoni internazzjonali, l-investiment meħtieġ biex jiġu kkonsolidati standards ogħla ta' sostenibbiltà fis-setturi tal-forestrija u l-ktajjen tal-valur tagħhom, filwaqt li jippromwovu l-bijoekonomija ċirkolari, it-turiżmu ekoloġiku, l-enerġija rinnovabbli, l-agrikoltura intelliġenti u oqsma rilevanti oħra, anke f'pajjiżi terzi;

    55.

    Il-proposta għandha tiżgura li jkun hemm ċertezza tad-dritt għall-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha dwar kwalunkwe miżura u qafas ġodda għall-UE kollha relatati mal-użu attwali tal-VPAs dwar il-FLEGT u l-għoti ta' liċenzji, sabiex jiġi żgurat l-interess fl-investiment fl-esportazzjoni mhux assoċjata mad-deforestazzjoni lejn l-UE; u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi ftehimiet ta' sħubija bbażati fuq il-kummerċ ma' pajjiżi produtturi ewlenin ta' komoditajiet agrikoli, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi tad-deforestazzjoni min-naħa tal-provvista;

    56.

    Jinnota l-importanza li jiġi żgurat li d-deforestazzjoni tiġi inkluża fid-djalogi politiċi fil-livell tal-pajjiżi u li l-pajjiżi sħab jiġu megħjuna jiżviluppaw u jimplimentaw oqfsa nazzjonali għall-forestrija u l-forestrija sostenibbli; jenfasizza li dawk l-oqfsa nazzjonali jridu jirriflettu l-ħtiġijiet nazzjonali kif ukoll l-impenji globali; jisħaq fuq il-ħtieġa tal-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi li jinċentivaw lill-bdiewa żgħar biex iżommu u jtejbu l-ekosistema u l-prodotti pprovduti mill-forestrija u l-agrikoltura sostenibbli;

    57.

    Huwa tal-opinjoni li azzjoni b'saħħitha fis-suq intern tal-Unjoni għandha timxi id f'id ma' azzjoni b'saħħitha fil-livell internazzjonali; għalhekk, il-Programmi Indikattivi Nazzjonali fl-ambitu tal-azzjoni esterna tal-UE għandhom jintegraw dispożizzjonijiet biex jgħinu lill-kumpaniji u lill-bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar tal-pajjiżi terzi li jaħdmu ma' operaturi li jqiegħdu komoditajiet FERC fis-suq intern tal-Unjoni biex iwettqu attivitajiet mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-foresti u l-ekosistemi;

    58.

    Jemmen li r-regolament propost fl-Anness ta' din ir-riżoluzzjoni għandu jkun, u jista' jkun, imfassal b'mod li jkun konformi mar-regoli tad-WTO u għandu jkun akkumpanjat minn ftehimiet ta' sħubija bbażati fuq il-kummerċ ma' pajjiżi produtturi ewlenin ta' komoditajiet agrikoli, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi min-naħa tal-provvista tad-deforestazzjoni;

    59.

    Jipproponi li meta tinnegozja Programmi Indikattivi Nazzjonali (PIN) ma' pajjiżi terzi, il-Kummissjoni għandha tipprijoritizza d-dispożizzjonijiet li jgħinu lill-kumpaniji u lill-bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar ta' pajjiżi terzi li jaħdmu mal-operaturi li jqiegħdu komoditajiet FERC fis-suq intern tal-Unjoni biex iwettqu attivitajiet li ma jagħmlux ħsara lill-foresti, lill-ekosistemi u lid-drittijiet tal-bniedem;

    60.

    Jirrimarka li t-tisħiħ tal-qafas legali tal-UE dwar id-deforestazzjoni jista' jkollu impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-art f'pajjiżi terzi u, sabiex tiġi evitata kwalunkwe spekulazzjoni, id-data ta' skadenza m'għandhiex tiġi stabbilita wara l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-proposta deskritta fl-Anness ta' din ir-riżoluzzjoni;

    Deforestazzjoni u drittijiet tal-bniedem

    61.

    Jenfasizza li t-tibdil tal-qafas regolatorju sabiex jiġi legalizzat l-użu ta' ċerti żoni u l-modifika tad-drittijiet ta' pussess ma jneħħix l-impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent ikkawżat mill-implimentazzjoni ta' dan it-tibdil; jisħaq, għalhekk, li l-kriterji tad-diliġenza dovuta jridu jinkludu elementi oħra li jmorru lil hinn mil-legalità tal-azzjoni;

    62.

    Jinnota li l-produzzjoni ta' komoditajiet li jpoġġu lill-foresti u l-ekosistemi f'riskju ma tħallix impatt negattiv fuq il-komunitajiet lokali biss permezz tad-deforestazzjoni diretta, id-degradazzjoni tal-ekosistemi u l-ħtif tal-art, iżda anke permezz tal-ħtif tal-ilma li jista' jaffettwa lill-ekosistemi tal-foresti u lil ekosistemi oħra;

    63.

    Jisħaq li l-komunitajiet lokali, il-popli indiġeni u d-difensuri tal-art u l-ambjent spiss ikunu fuq quddiem nett fil-ġlieda biex l-ekosistemi jiġu ppreservati; jinnota li f'xi reġjuni l-kunflitti dwar l-użu tal-artijiet u r-riżorsi huma l-kawża ewlenija ta' vjolenza kontra l-popli indiġeni (35); huwa mħasseb li d-degradazzjoni u l-qerda tal-foresti u ta' ekosistemi prezzjużi oħra spiss jimxu id f'id mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew jirriżultaw minnu; jikkundanna kwalunkwe forma ta' penalizzazzjoni, fastidju u persekuzzjoni għall-involviment f'attivitajiet favur il-protezzjoni tal-ambjent; iħeġġeġ, għalhekk, l-inklużjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet ta' pussess tal-art, id-drittijiet tal-art u x-xogħol, bil-għan li d-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali, jitqiesu fil-qafas legali futur tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ li l-proċessi ta' riforma legali fil-pajjiżi produtturi jitwettqu bil-parteċipazzjoni effettiva u sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi s-soċjetà ċivili, il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali; jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex, waqt l-Assemblea Ġenerali tan-NU li jmiss, jappoġġjaw ir-rikonoxximent globali tad-dritt għal ambjent b'saħħtu;

    64.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu ta' rispons rapidu fil-livell tal-Unjoni biex jappoġġja lid-difensuri tal-ambjent u tal-foresti fl-Unjoni u fid-dinja kollha;

    65.

    Jenfasizza li l-għoti ta' aċċess effettiv għall-ġustizzja u r-rimedji għall-vittmi ta' dannu korporattiv għad-drittijiet tal-bniedem u dak ambjentali jrid ikun parti minn tali qafas legali;

    66.

    Jisħaq li, minbarra li tistabbilixxi qafas legali tal-UE dwar il-komoditajiet li jikkawżaw id-deforestazzjoni, l-Unjoni jeħtieġ li tindirizza b'mod aktar deċiż l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, ir-responsabbiltà ambjentali u l-istat tad-dritt bħala kwistjonijiet orizzontali mal-pajjiżi kkonċernati u ma' pajjiżi oħra ewlenin ta' importazzjoni;

    67.

    Jenfasizza li qafas legali bħal dan għandu jkun iddisinjat f'konformità mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni mal-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, u għandu jitqies fl-ambizzjonijiet tal-Ftehim futur ta' wara Cotonou;

    68.

    Ifakkar fl-importanza li jiġu rrispettati l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jappoġġja n-negozjati li għaddejjin biex jinħoloq strument vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u jisħaq fuq l-importanza li l-Unjoni tkun involuta b'mod proattiv f'dan il-proċess;

    Miżuri u koerenza tal-politiki tal-UE

    69.

    Jissottolinja li l-impatt tal-konsum tal-Unjoni ta' komoditajiet li jpoġġu lill-foresti u l-ekosistemi f'riskju jeħtieġ li jiġi indirizzat b'mod adegwat fi kwalunkwe segwitu, regolatorju jew mhux regolatorju, azzjoni u miżura tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u r-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, inklużi l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-Istati Membri;

    70.

    Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' dieti sostenibbli, billi tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-impatti tax-xejriet tal-konsum u tingħata informazzjoni dwar id-dieti li huma aktar ta' ġid għal saħħet il-bniedem u li jħallu impronta ambjentali aktar baxxa; jemmen li huwa neċessarju li jiddaħħlu miżuri effettivi bil-għan li jiżdied l-appoġġ għall-prattiki agroekoloġiċi u li titnaqqas il-ħela tal-ikel fil-katina tal-provvista kollha; jinnota l-importanza li jiġu ppjanati azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni speċifiċi għall-konsumaturi sabiex jiżdied l-għarfien tagħhom dwar l-impatt tax-xejriet tal-konsum fuq il-foresti, il-bijodiversità u l-klima, li jingħata appoġġ u li jiġu mħeġġa għażliet ta' ikel ibbażati fuq prodotti li joriġinaw mill-pjanti;

    71.

    Iqis li sabiex tiġi minimizzata l-impronta tal-karbonju li joħloq it-trasport tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u biex jiġu stimulati l-produzzjoni u l-impjiegi sostenibbli lokali, l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-użu ta' injam, prodotti tal-injam maħsud jew bijomassa forestali sostenibbli u ta' oriġini lokali;

    72.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjonijiet ta' komoditajiet li jpoġġu lill-foresti u l-ekosistemi f'riskju billi jiġu promossi l-proteina tal-pjanti mkabbra lokalment, ir-ragħa fil-mergħat, l-għalf legali u akkwistat b'mod sostenibbli, b'mod partikolari bl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni għall-Proteini;

    73.

    Jappoġġja l-promozzjoni ta' għelejjel li jassorbu n-nitroġenu, għelejjel leguminużi u għelejjel li fihom il-proteini skont il-pjanijiet strateġiċi l-ġodda tal-PAK, fost l-oħrajn permezz tan-newba tal-għelejjel, il-kundizzjonalità, l-ekoskemi u l-miżuri agroambjentali, interventi settorjali ġodda u appoġġ akkoppjat sabiex tiżdied l-awtosuffiċjenza tal-Unjoni fir-rigward tal-għelejjel li fihom il-proteini, u, fl-istess ħin, jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-bijodiversità u l-istrateġiji mill-Għalqa sal-Platt; jinnota wkoll li l-introjtu u l-profittabbiltà tal-azjendi agrikoli tal-bhejjem għandhom isiru kompatibbli ma' livelli ta' produzzjoni li jistgħu jiġu sostnuti permezz tar-ragħa bbażat fuq il-mergħat jew għelejjel ta' għalf imkabbar lokalment; jappella għal aktar riċerka u promozzjoni ta' sistemi u metodi ta' produzzjoni innovattivi li jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż u l-inputs esterni, pereżempju sistemi ta' ragħa bbażati fuq il-foraġġ bħar-ragħa rotazzjonali, anke jekk il-volumi tal-produzzjoni jafu jkunu aktar baxxi;

    74.

    Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' bijoekonomija sostenibbli li tagħti valur ekonomiku għoli lill-prodotti li jiġu prodotti b'mod sostenibbli;

    75.

    Jisħaq li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-bijoenerġija għandha tirrispondi għal kriterji soċjali u ambjentali rigorużi;

    76.

    Ifakkar li l-Unjoni tindirizza r-riskju tad-deforestazzjoni permezz tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, il-Pjan ta' Azzjoni FLEGT tal-UE, il-VPAs li jippromwovu proċessi bil-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet ikkonċernati fil-pajjiżi produtturi, u d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED II) (36), li jinkludu bosta regoli u li jistgħu jservu biex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju tad-deforestazzjoni u l-qtugħ illegali tas-siġar; jinnota li r-RED II testendi l-obbligu li jiġu ssodisfati l-kriterji ta' sostenibbiltà tal-Unjoni mill-bijofjuwils sal-użijiet finali kollha tal-bijoenerġija, inklużi t-tisħin/it-tkessiħ u l-elettriku, madankollu, peress li din tkopri biss il-materja prima użata għall-produzzjoni tal-bijoenerġija, din bħalissa ma tistax tiżgura li l-użu mhux għal skop ta' enerġija ta' komoditajiet marbuta mad-deforestazzjoni jew mal-konverżjoni tal-ekosistemi bħala bijofjuwil ma jkunx permess;

    77.

    Jenfasizza li l-metodi użati biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha” m'għandhomx iwasslu għad-deforestazzjoni u għad-degradazzjoni tal-foresti f'partijiet oħra tad-dinja; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex sal-2021 tanalizza l-aspetti rilevanti tar-rapport mehmuż mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 (37) u, jekk ikun meħtieġ, tirrevedi dan ir-Regolament mingħajr dewmien bla bżonn, u fi kwalunkwe każ qabel l-2023, abbażi tal-għarfien xjentifiku u f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni; jitlob lill-Kummissjoni terġa' tivvaluta d-data dwar is-sojja u telimina b'mod gradwali l-bijofjuwils b'riskju għoli ta' tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC) kemm jista' jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-2030;

    78.

    Iqis li l-użu fuq skala kbira tal-bijofjuwils fl-Unjoni jrid ikun akkumpanjat minn kriterji ta' sostenibbiltà suffiċjenti sabiex jiġi evitat tibdil dirett u indirett fl-użu tal-art, inkluża d-deforestazzjoni; jinnota wkoll li l-kriterji attwali ma jqisux biżżejjed il-materja prima fossili użata fil-produzzjoni tal-bijofjuwils; jappella, għalhekk, għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli riveduta matul l-implimentazzjoni tagħha li għadha għaddejja, inkluża l-effikaċja tal-kriterji tas-sostenibbiltà għall-bijoenerġija; jinnota l-importanza tal-ktajjen ta' provvista lokali tal-materja prima għall-kisba ta' sostenibbiltà fit-tul;

    79.

    Jemmen li l-foresti antiki u primarji għandhom jiġu kkunsidrati u protetti bħala beni komuni globali, u li l-ekosistemi tagħhom għandhom jingħataw status legali;

    Komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni

    80.

    Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat il-konsum ta' prodotti minn ktajjen tal-provvista mhux assoċjati mad-deforestazzjoni fl-Unjoni u li jiġu vvalutati kontinwament l-impatti tal-konsum fl-Unjoni ta' prodotti bħal dawn; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu kampanji ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar il-komoditajiet u l-prodotti importati u l-impatt tagħhom fuq il-foresti u l-ekosistemi rikki fil-bijodiversità tad-dinja, kif ukoll il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tad-deforestazzjoni u l-qerda tal-ekosistema u r-reati relatati mal-foresti fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi;

    81.

    Jirrimarka li l-Kummissjoni għandha tqis il-possibbiltà li tipproponi li l-foresti primarji jkunu siti ta' patrimonju tal-UNESCO sabiex tgħin biex jiġu protetti mid-deforestazzjoni u żżid il-possibbiltà li tinġibed l-attenzjoni tal-pubbliku għall-protezzjoni tagħhom; jekk dan ma jkunx fattibbli, għandhom jiġu evalwati possibbiltajiet legali oħra biex dawn l-għanijiet jintlaħqu;

    Definizzjonijiet, data dwar il-foresti u sorveljanza

    82.

    Jinnota li d-definizzjoni attwali tat-terminu foresta, il-kategorizzazzjoni tiegħu, u firxa ta' termini u prinċipji oħra assoċjati ma' deforestazzjoni permezz tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti adottata mill-korpi rilevanti, pereżempju, l-FAO, huma purament tekniċi u ma jiddifferenzjawx b'mod adegwat bejn foresti naturali u pjantaġġuni ta' foresti fejn il-funzjoni ekonomika tal-foresta tisboq sew il-funzjonijiet l-oħra tagħha, u jenfasizza li dan jista' jirriżulta fid-distorsjoni tad-data dwar iż-żona u l-istat tal-foresti tad-dinja; jistieden lill-partijiet ikkonċernati rilevanti jarmonizzaw l-użu tat-terminoloġija skont il-formulazzjoni mogħtija fl-anness għall-abbozz tar-riżoluzzjoni, u jenfasizza s-sinifikat ta' din il-kjarifika għall-użu effettiv ta' strumenti relatati;

    83.

    Jenfasizza l-ħtieġa, b'mod partikolari, ta' monitoraġġ indipendenti tal-produzzjoni u l-kummerċ tal-komoditajiet assoċjati mad-deforestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet permezz tal-programm Orizzont Ewropa u tappoġġja l-monitoraġġ indipendenti fil-pajjiżi produtturi, kif ukoll l-iskambju fosthom tal-aħjar prattiki u tal-lezzjonijiet meħuda, sabiex jittejbu l-metodoloġiji użati u l-granularità tal-informazzjoni;

    84.

    Jenfasizza l-ħtieġa essenzjali li jittejbu l-mekkaniżmi li jgħinu biex jiġu identifikati s-sors jew l-oriġini tal-materjal tal-injam li jitqiegħed fis-suq intern;

    85.

    Jinnota li aċċess akbar għad-data doganali dwar l-importazzjonijiet li jidħlu fl-Unjoni jżid it-trasparenza u r-responsabbiltà fl-ambitu tal-katina tal-valur globali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sħubija doganali fi ħdan l-Unjoni filwaqt li testendi r-rekwiżiti tad-data doganali, b'mod partikolari billi tinkludi lill-esportatur u lill-manifattur bħala elementi obbligatorji tad-data doganali, u b'hekk issaħħaħ it-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-ktajjen tal-valur globali;

    86.

    Jinnota li d-disponibbiltà u l-eżattezza tad-data li tintuża biex jiġi vvalutat f'liema żmien l-art ġiet iddeforestata/ikkonvertita f'użu ieħor jeħtieġ li jkunu affidabbli għal implimentazzjoni effettiva;

    87.

    Jistieden lill-Unjoni tkompli tiżviluppa programmi ta' riċerka u monitoraġġ bħal Copernicus, il-Programm Ewropew ta' Osservazzjoni tad-Dinja u programmi oħra ta' monitoraġġ sabiex tiġi ssorveljata l-katina tal-provvista ta' komoditajiet sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati u mogħtija twissijiet bikrin dwar prodotti li kkawżaw deforestazzjoni jew degradazzjoni ambjentali matul il-fażi ta' produzzjoni tagħhom;

    88.

    Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-użu msaħħaħ tas-sistema satellitari Copernicus għall-monitoraġġ tal-foresti u għall-prevenzjoni tan-nirien tal-foresti u tal-ħsarat fil-foresti, inklużi l-monitoraġġ u l-identifikazzjoni tal-kawżi tan-nirien u tal-ħsara fil-foresti, id-deforestazzjoni u l-konverżjoni tal-ekosistemi, li tiffaċilita l-aċċess għall-awtoritajiet rilevanti f'kull Stat Membru, u tiżgura sors dirett ta' data miftuħa għall-SMEs jew għan-negozji l-ġodda;

    89.

    Jilqa' l-ħolqien ta' osservatorju tal-foresti biex jiġbor data u informazzjoni dwar id-deforestazzjoni fl-Ewropa kif ukoll fuq livell globali, u jitlob li dan l-osservatorju jistabbilixxi mekkaniżmu biex jipproteġi lid-difensuri tal-foresti;

    90.

    Jappella għall-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' twissija bikrija biex jinnotifikaw lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-kumpaniji, inklużi skemi ta' partijiet terzi, u lill-konsumaturi dwar komoditajiet li joriġinaw f'żoni ta' riskju ta' konverżjoni tal-ekosistemi li jikkonċernaw it-telf u d-deterjorament tal-foresti u tas-savana u żoni fejn ikunu ġew miksura d-drittijiet tal-bniedem, u biex jassistu fl-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet billi jintensifikaw id-djalogu u l-kondiviżjoni tad-data mal-pajjiżi terzi rispettivi;

    91.

    Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf bażi ta' data Ewropea li tiġbor fiha proġetti li diġà saru u li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u pajjiżi terzi kif ukoll proġetti bilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi sabiex jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq il-foresti tad-dinja; jissottolinja l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti;

    Ġestjoni tal-foresti, riċerka u innovazzjoni

    92.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu r-rabtiet bejn is-settur ibbażat fuq il-foresti u setturi oħra u l-importanza tad-diġitalizzazzjoni u tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex tiġi mmonitorjata d-deforestazzoni;

    93.

    Jinnota li s-settur tal-forestrija jimpjega mill-inqas 500 000 ruħ direttament (38) fl-Unjoni, u 13-il miljun ruħ fid-dinja kollha (39), u li dawn l-impjiegi jinsabu b'mod speċjali fiż-żoni rurali;

    94.

    Jinnota li fil-livell tal-Unjoni, il-politiki ta' xi Stati Membri jirriflettu qafas dwar il-foresti u dwar il-ġestjoni tal-foresti li jista' jkun frammentat u diżassoċjat, u għalhekk jeħtieġu koordinazzjoni akbar u aħjar sabiex titħeġġeġ is-sostenibbiltà;

    95.

    Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-gvernijiet, l-impriżi, il-produtturi u s-soċjetà ċivili biex jiġu adottati politiki u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ta' qafas biex jiġu appoġġjati proġetti tas-settur privat;

    96.

    Jissottolinja r-rwol essenzjali tar-riċerka u l-innovazzjoni fit-trawwim tal-kontribut tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u tas-settur ibbażat fuq il-foresti biex niffaċċjaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u nindirizzaw it-tibdil fil-klima;

    97.

    Jitlob appoġġ reċiproku fil-każ ta' avvenimenti avversi permezz ta' riċerka u skambji sabiex jinstabu miżuri adattati għall-kundizzjonijiet ġeografiċi li jistgħu jipproteġu kontra nirien fuq skala kbira jew jipprevjenu l-infestazzjonijiet ta' organiżmi ta' ħsara;

    98.

    Jilqa' miżuri għall-adattament tal-pjantaġġuni għat-tibdil fil-klima; jilqa' l-fatt li f'ħafna pajjiżi diġà hija rrakkomandata u prattikata żieda fl-għadd ta' speċijiet ta' siġar indiġeni reżiljenti f'foresti b'saħħithom u bijoloġikament diversi;

    99.

    Jenfasizza l-importanza tat-taħriġ, fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi, dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-pjantaġġuni u l-agroforestrija, inkluża l-kopertura kontinwa tal-veġetazzjoni; iqis li dawn huma fattur essenzjali fl-iżgurar tal-bijodiversità u tal-introjtu għall-komunitajiet forestali u għall-bdiewa li jipprattikaw l-agroforestrija;

    100.

    Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u ta' forza tax-xogħol tas-sengħa u mħarrġa tajjeb għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-prattika; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri u jużaw is-sħubijiet eżistenti biex jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

    101.

    Jitlob tisħiħ tal-kooperazzjoni mad-dinja kollha għall-kondiviżjoni aħjar tal-għarfien u tal-esperjenzi fit-titjib tas-sostenibbiltà fil-ġestjoni tal-foresti multifunzjonali;

    102.

    Jistieden, għaldaqstant, lill-Unjoni biex tiżviluppa alleanzi internazzjonali ma' pajjiżi terzi għall-protezzjoni tal-foresti, l-insegwiment ta' politiki sodi bl-għan ta' deforestazzjoni żero, ippjanar integrat tal-art, trasparenza rigward il-pussess tal-art u prevenzjoni tal-konverżjoni tal-foresta f'art agrikola; jitlob, għal dan il-għan, li jiġi żgurat finanzjament internazzjonali fil-qafas tal-ftehimiet dinjija dwar il-protezzjoni tal-foresti, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet Ewropej u l-atturi internazzjonali;

    103.

    Jitlob li jiġu żviluppati kunċetti għal futur sostenibbli għall-foresti madwar id-dinja li jirrikonċiljaw kemm l-interessi ekonomiċi kif ukoll dawk ambjentali, peress li l-foresti huma riżorsa importanti għal ħafna pajjiżi u li dawn tal-aħħar mhumiex lesti li jċedu din ir-riżorsa b'mod volontarju;

    104.

    Jitlob approċċ aktar olistiku, fi ħdan l-Unjoni, li fih l-Unjoni tipprovdi appoġġ dirett lill-awtoritajiet lokali għall-afforestazzjoni u l-prattiki ta' ġestjoni sostenibbli; jitlob, b'mod partikolari, li l-Unjoni jkollha rwol aktar b'saħħtu fl-għajnuna lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-infurzar tar-regolamenti fis-seħħ dwar il-protezzjoni tal-foresti;

    105.

    Jappella għal appoġġ finanzjarju robust u programmi ta' inċentivi għal miżuri ta' afforestazzjoni ta' art deterjorata u art mhux adatta għall-biedja;

    Finanzjament

    106.

    Jistieden lill-Kummissjoni tadotta Qafas Finanzjarju Pluriennali li jirrispetta l-klima u l-ambjent; filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-impatt tal-fondi ta' azzjoni esterna li jistgħu jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi, kif ukoll ċerti fondi ta' riċerka u żvilupp; jitlob li ssir Verifika tal-Patt Ekoloġiku tal-QFP u tal-baġits Ewropej kollha;

    107.

    Jemmen li l-kriterji tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku tal-UE għandhom jinkludu d-deforestazzjoni u l-konformità mal-proposta dwar id-diliġenza dovuta fost id-dispożizzjonijiet tagħha; reviżjoni tad-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku (40) għandha tintegra l-konformità mad-diliġenza dovuta fil-kriterji tal-għoti;

    108.

    Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji kollha tal-Unjoni biex imexxu bl-eżempju billi jimmodifikaw l-imġiba, l-akkwisti u l-kuntratti qafas tagħhom lejn l-użu ta' prodotti “mhux assoċjati mad-deforestazzjoni biss”;

    109.

    B'mod partikolari, jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi biex tipprojbixxi x-xiri pubbliku ta' prodotti importati li jirriżultaw f'deforestazzjoni fil-qafas tal-Ftehim Plurilaterali tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) u d-Direttiva 2014/24/UE;

    110.

    Jistieden lill-Unjoni tagħti appoġġ xieraq għall-protezzjoni taż-żoni protetti magħżula eżistenti u għall-ħolqien ta' oħrajn ġodda b'mod adegwat, speċjalment fil-pajjiżi li huma produtturi ewlenin ta' injam;

    111.

    Jistieden lill-Unjoni tagħmel l-għoti ta' għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi sħab soġġett għall-introduzzjoni ta' sistema funzjonali ta' strumenti kunċettwali vinkolanti li jikkontribwixxu għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti (pereżempju pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti); jenfasizza li dawn huma funzjonali biss jekk ikunu ppreparati b'għarfien espert suffiċjenti u jistieden lill-Unjoni tistabbilixxi u tinforza regoli ċari għall-konformità magħhom;

    112.

    Jitlob li s-settur forestali jkollu rwol li jispikka fl-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) li jmiss kif ukoll li jsir l-aħjar użu mill-potenzjal sħiħ tal-Pjan ta' Investiment Estern u tal-faċilitajiet reġjonali ta' finanzjament imħallat biex jiġu mobilizzati l-finanzjamenti privati għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti; jitlob li jissaħħu l-istandards u l-iskemi ta' ċertifikazzjoni li diġà jeżistu minflok ma jiġu introdotti oħrajn ġodda u jisħaq li dawk l-istandards u l-iskemi ta' ċertifikazzjoni jeħtieġ li jikkonformaw mar-regoli tad-WTO;

    113.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat rikonoxximent effettiv u rispett tad-drittijiet konswetudinarji ta' pussess tal-art tal-komunitajiet u tal-popli indiġeni li jiddependu mill-foresti bħala kwistjoni ta' ġustizzja soċjali f'konformità mal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari Nazzjonali (VGGT), id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) u l-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO; jistieden lill-Kummissjoni ssostni t-tixrid, l-użu u l-implimentazzjoni tal-VGGT fuq livell globali, reġjonali u nazzjonali u anke permezz tal-Pjan ta' Investiment Estern;

    114.

    Jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-AKP sabiex tiġi indirizzata l-problema dejjem akbar tad-deforestazzjoni u d-deżertifikazzjoni fl-Istati AKP, permezz tal-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni bl-għan tat-titjib tal-ġestjoni u l-konservazzjoni tal-foresti u l-istabbiliment ta' sistemi ta' monitoraġġ; jistieden lill-Unjoni tiżgura li d-deforestazzjoni tiġi inkluża fid-djalogi politiċi fil-livell tal-pajjiż, u tgħin lill-pajjiżi sħab jiżviluppaw u jimplimentaw oqfsa nazzjonali dwar il-foresti u dwar ktajjen ta' provvista sostenibbli, filwaqt li tappoġġja l-implimentazzjoni effettiva tal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDC) tal-pajjiżi sħab skont il-Ftehim ta' Pariġi;

    115.

    Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal qafas legali tal-UE biex id-deforestazzjoni globali kkawżata mill-UE titwaqqaf u titreġġa' lura, skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness mehmuż;

    o

    o o

    116.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet fl-anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

    (1)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.

    (2)  ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13.

    (3)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

    (4)  (EPRS), “An EU legal framework to halt and reverse global deforestation – European added value assessment”, PE 654.174, Settembru 2020.

    (5)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

    (6)  Testi adottati, P7_TA(2010)0226.

    (7)  Testi adottati, P8_TA(2016)0405.

    (8)  Testi adottati, P8_TA(2017)0098.

    (9)  Testi adottati, P8_TA(2017)0330.

    (10)  Testi adottati, P8_TA(2018)0279.

    (11)  Testi adottati, P8_TA(2018)0333.

    (12)  Testi adottati, P9_TA(2020)0005.

    (13)  Testi adottati, P9_TA(2020)0015.

    (14)  Testi adottati, P9_TA(2020)0212.

    (15)  Ir-Rapport “Tisħin Globali ta' 1,5 oC”, rapport speċjali tal-IPCC dwar l-impatti tat-tisħin globali ta' żieda ta' 1,5 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali u l-perkorsi tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra relatati, fil-kuntest tat-tisħiħ tar-rispons globali għat-theddida tat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, u l-isforzi biex jinqered il-faqar;

    (16)  Komunikazzjoni dwar “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja”, Kummissjoni Ewropea, 2019.

    (17)  “Living planet 2016”, WWF, Soċjetà żooloġika ta' Londra, Ċentru ta' Reżiljenza ta' Stokkolma

    (18)  Komunikazzjoni dwar “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja”, Kummissjoni Ewropea, 2019.

    (19)  Smith P et al. (2014) Agriculture, Forestry and Other Land Use (AFOLU) (L-Agrikoltura, il-Forestrija u Użi Oħrajn tal-Art (AFOLU)). Fi: Climate Change 2014: Mitigation of Climate Change. Contribution of Working Group III to the Fifth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change (Tibdil fil-Klima 2014: Il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima. Kontribut tal-Grupp ta' Ħidma III għall-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima), [Edenhofer, O. et al. (eds.)]. Cambridge University Press, Cambridge, ir-Renju Unit u New York, NY, l-Istati Uniti.

    (20)  Cook, Istitut għall-Istudji Spazjali Goddard tan-NASA, 2005

    (21)  We Lost a Football Pitch of Primary Rainforest Every 6 Seconds in 2019 (Fl-2019 Tlifna Foresta Primarja tad-Daqs ta' Grawnd tal-Futbol Kull 6 Sekondi), World Resources Institute, online, 2 ta' Ġunju 2020.

    (22)  Rainforest Mafias: How Violence and Impunity Fuel Deforestation in Brazil's Amazon (Il-Mafji tal-Foresta Pluvjali: Kif il-Vjolenza u l-Impunità Jixprunaw id-Deforestazzjoni fil-Foresta Amażonika tal-Brażil), Human Rights Watch, online, 17 ta' Settembru 2019.

    (23)  Bruce A. Wilcox u Brett Ellis, Center for Infectious Disease Ecology, Asia-Pacific Institute for Tropical Medicine and Infectious Diseases, University of Hawaii, Manoa, L-Istati Uniti; 2006

    (24)  kif irrappurtat pereżempju mill-Atlas tal-Ġustizzja Ambjentali https://ejatlas.org/conflict/water-grabbing-and-agribusiness-in-the-south-coast-of-guatemala – għall-każ tal-Gwatemala (il-kannamiela, iż-żejt tal-palm u l-banana)

    (25)  FAO. 2016. State of the World's Forests 2016. Forests and agriculture: land-use challenges and opportunities. (L-Istat tal-Foresti tad-Dinja 2016. Forestrija u agrikultura: sfidi u opportunitajiet għall-użu tal-art.) Ruma. http://www.fao.org/3/a-i5588e.pdf

    (26)  European Commission, 2013. The impact of EU consumption on deforestation: Comprehensive analysis of the impact of EU consumption on deforestation. Final report. Study funded by the European Commission and undertaken by VITO, the International Institute for Applied Systems Analysis, HIVA – Onderzoeksinstituut voor Arbeid en Samenleving and International Union for the Conservation of Nature NL.

    (27)  Rapport tal-IPBES 2019

    (28)  Escobar, N., Tizado, E. J., zu Ermgassen, E. K.,Löfgren, P., Börner, J., & Godar, J. (2020). Spatially-explicit footprints of agricultural commodities: Mapping carbon emissions embodied in Brazil's soy exports. (Marki spazjalment espliċiti ta' komoditajiet agrikoli: L-immappjar tal-emissjonijiet tal-karbonju inkorporati fl-esportazzjonijiet tas-sojja tal-Brażil). “Global Environmental Change” (Bidla Ambjentali Globali), 62, 102067 https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0959378019308623

    (29)  Rapport Tekniku – 2013 – 063 tal-Kummissjoni, “The impact of EU consumption on deforestation: Comprehensive analysis of the impact of EU consumption on deforestation” (L-Impatt tal-Konsum tal-UE fuq id-Deforestazzjoni: Analiżi komprensiva tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni), studju ffinanzjat mid-DĠ ENV tal-Kummissjoni Ewropea, u mwettaq minn VITO, IIASA, HIVA u IUCN NL, http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/1.%20Report%20analysis%20of%20impact.pdf, p. 23-24

    (30)  Rapport ta' Valutazzjoni ta' ħames snin dwar id-Dikjarazzjoni ta' New York, “Protecting and restoring forests. A Story of Large Commitments yet Limited Progress” (Il-protezzjoni u r-restawr tal-foresti. Storja ta' Impenji Kbar iżda ta' Progress Limitat), Settembru 2019

    https://forestdeclaration.org/images/uploads/resource/2019NYDFReport.pdf

    (31)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”).

    (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

    (32)  https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0959378014001046

    (33)  Ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli (ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1).

    (34)  Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).

    (35)  Rapport mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Brażiljan: http://www.mpf.mp.br/pgr/noticias-pgr/conflitos-associados-a-terra-sao-principal-causa-de-violencia-contra-indigenas-e-comunidades-tradicionais-no-brasil-segundo-mpf

    (36)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

    (37)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 tat-13 ta' Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni ta' materja prima b'riskju għoli ta' tibdil indirett fl-użu tal-art li għaliha qed tiġi osservata espansjoni sinifikanti taż-żona ta' produzzjoni f'art b'ħażna kbira ta' karbonju u ċ-ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti, bijolikwidi u fjuwils mill-bijomassa b'riskju baxx ta' tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 133, 21.5.2019, p. 1).

    (38)  Bażi ta' data tal-Eurostat dwar il-forestrija https://ec.europa.eu/eurostat/web/forestry/data/database

    (39)  http://www.fao.org/rural-employment/agricultural-sub-sectors/forestry/en

    (40)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).


    ANNESS GĦAL RIŻOLUZZJONI:

    RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

    1.    Objettiv

    Il-proposta għal Regolament (“il-proposta”) għandha tipprovdi l-bażi għall-assigurazzjoni ta' livell għoli ta' protezzjoni għar-riżorsi naturali, bħall-foresti naturali, il-bijodiversità u l-ekosistemi naturali, kif ukoll tikkontribwixxi għal qafas imsaħħaħ għall-ġestjoni sostenibbli tagħhom biex jiġu evitati d-degradazzjoni u l-konverżjoni tagħhom, billi jiġi żgurat li t-tendenzi tas-suq u tal-konsum tal-Unjoni ma jaffettwawhomx b'mod detrimentali. Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet kemm formali kif ukoll konswetudinarji tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali għall-art, it-territorji u r-riżorsi affettwati mill-ħsad, l-estrazzjoni u l-produzzjoni tal-prodotti għandha tkun koperta wkoll mill-proposta.

    Għandha tipprovdi trasparenza u ċertezza rigward:

    (a)

    il-komoditajiet koperti mill-proposta u l-prodotti derivati tagħhom ikkummerċjalizzati fis-suq intern tal-Unjoni,

    (b)

    il-prattiki ta' provvista u l-finanzjament tal-operaturi kollha attivi fis-suq intern tal-Unjoni,

    (c)

    il-prattiki ta' produzzjoni, inkluż l-aspett tal-estrazzjoni tal-ilma, ta' operaturi li jaħsdu, jestrattaw, ifornu u jipproċessaw komoditajiet li jpoġġu lill-foresti u l-ekosistemi f'riskju (FERCs) koperti b'din il-proposta, jew li jipproduċu prodotti derivati mill-FERC fis-suq intern tal-Unjoni, kif ukoll il-prattiki tal-finanzjaturi tagħhom;

    Għandha tikkontribwixxi biex jiġu ssodisfati l-impenji ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali meħuda mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, bħall-Ftehim ta' Pariġi, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem, stabbiliti fit-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u tistabbilixxi kriterji ta' sostenibbiltà legalment vinkolanti għad-drittijiet tal-bniedem, u l-protezzjoni tal-foresti naturali u l-ekosistemi naturali kontra l-konverżjoni u d-degradazzjoni tagħhom, kif stabbilit fil-proposta. Il-proposta għandha tkun ibbażata fuq ir-riskju, proporzjonata u infurzabbli.

    2.    Kamp ta' applikazzjoni

    Il-proposta għandha tapplika għall-operaturi kollha, irrispettivament mill-forma legali, id-daqs jew il-kumplessità tal-ktajjen tal-valur tagħhom, jiġifieri kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika (esklużi konsumaturi mhux kummerċjali) li jqiegħdu komoditajiet li huma koperti mill-proposta u l-prodotti derivatitagħhom fis-suq intern tal-Unjoni għall-ewwel darba, jew li jipprovdu finanzjament lill-operaturi li jwettqu dawn l-attivitajiet. Din għandha tapplika kemm għall-operaturi tal-Unjoni kif ukoll għal dawk mhux ibbażati fl-Unjoni. L-operaturi li mhumiex ibbażati fl-Unjoni għandhom jaħtru rappreżentant awtorizzat biex iwettaq il-kompiti (skont ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)).

    L-operaturi kollha għandu jkollhom id-dritt li jpoġġu legalment il-FERCs u l-prodotti derivatimill-FERCs fis-suq tal-Unjoni biss meta, f'konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmija fit-Taqsima 4 ta' dan l-Anness, ikunu jistgħu juru li fl-attivitajiet tagħhom stess u t-tipi kollha ta' relazzjonijiet kummerċjali li għandhom mas-sħab kummerċjali u l-entitajiet tul il-katina tal-valur kollha tagħhom (jiġifieri kumpaniji tat-trasport, fornituri, negozjanti, konċessjonarji, detenturi ta' liċenzja, impriżi konġunti, investituri, klijenti, kuntratturi, klijenti kummerċjali, konsulenti, konsulenti finanzjarji, legali u oħrajn) bħala massimu, jeżisti livell ta' riskju negliġibbli, jiġifieri l-oġġetti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni:

    joriġinaw minn art miksuba permezz tal-konverżjoni ta' foresti naturali jew ekosistemi naturali oħrajn,

    joriġinaw minn foresti naturali u ekosistemi naturali li qed jgħaddu minn degradazzjoni, u

    jiġu prodotti bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew huma marbuta ma' każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

    L-istituzzjonijiet finanzjarji li jipprovdu finanzjament, investiment, assigurazzjoni jew servizzi oħra lill-operaturi involuti fil-katina tal-provvista tal-komoditajiet għandhom ukoll ir-responsabbiltà li jwettqu diliġenza dovuta biex jiżguraw li l-kumpaniji tal-katina tal-provvista qed jirrispettaw l-obbligi stabbiliti f'din il-proposta.

    L-operaturi għandhom jieħdu miżuri xierqa u trasparenti biex jiżguraw li dawn l-istandards jiġu rispettati tul il-katina tal-provvista kollha tagħhom.

    Il-proposta għandha tkopri l-komoditajiet kollha li huma l-aktar spiss assoċjati mad-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti naturali u l-konverżjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi naturali minħabba attività umana. Lista ta' dawn il-komoditajiet għandha titħejja fuq il-bażi ta' evalwazzjoni indipendenti u esperta, li tqis il-prinċipju ta' prekawzjoni, u għandha tiġi pprovduta f'anness għal din il-proposta u tinkludi mill-anqas iż-żejt tal-palm, is-sojja, il-laħam, il-ġilda, il-kawkaw, il-kafè, il-gomma, u l-qamħirrum u l-prodotti intermedji jew finali kollha li huma derivati minn dawn il-komoditajiet, u l-prodotti li fihom dawn il-komoditajiet. F'każ li l-prodotti derivati jkun fihom input minn aktar minn komodità waħda koperta mill-proposta, għandha ssir diliġenza dovuta fir-rigward ta' kull waħda minn dawn il-komoditajiet. Il-komoditajiet koperti mir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam”) għandhom jiġu integrati fil-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta, wara l-valutazzjoni tal-Kummissjoni abbażi ta' evalwazzjoni indipendenti u esperta, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta' prekawzjoni, fi żmien tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-proposta.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'waqthom abbażi ta' evalwazzjoni indipendenti u esperta, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta' prekawzjoni, biex tirrevedi u temenda l-lista bi kwalunkwe komodità addizzjonali, u l-prodotti derivati tagħha li għandhom jiġu koperti mill-proposta jekk joħorġu provi jew indikazzjonijiet sinifikanti dwar l-impatt detrimentali tal-ħsad, l-estrazzjoni jew il-produzzjoni tagħhom fuq il-foresti naturali, l-ekosistemi naturali jew id-drittijiet tal-bniedem formali u konswetudinarji tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali għall-artijiet, it-territorji u r-riżorsi. Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol viġilanti u proattiv fl-identifikazzjoni ta' riskji emerġenti, u tikkonsulta b'mod attiv lil diversi partijiet ikkonċernati b'esperjenza rilevanti biex iżżomm lista ta' komoditajiet li tirrifletti l-istat ta' għarfien dwar ir-riskji għad-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent fis-setturi rilevanti.

    Il-proposta għandha daqstant ieħor tapplika għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha awtorizzati li joperaw fl-Unjoni li jipprovdu finanzjament, investiment, assigurazzjoni jew servizzi oħra lill-operaturi li jaħsdu, jestrattaw, jipproduċu, jipproċessaw, jinnegozjaw jew ibigħu komoditajiet li jpoġġu lill-foresti u l-ekosistemi f'riskju u l-prodotti derivati tagħhom biex jiġi żgurat li dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji stess u l-kumpaniji tal-katina tal-provvista tagħhom jirrispettaw ir-responsabbiltajiet fir-rigward tal-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem kif stabbilit fil-proposta.

    Il-proposta għandha tapplika għal negozjant, jiġifieri kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fit-twettiq ta' attività kummerċjali, tbigħ lill-operaturi jew tixtri mingħandhom fis-suq intern tal-Unjoni kwalunkwe komodità koperta mill-proposta jew prodott derivat li diġà tqiegħed fis-suq intern tal-Unjoni. L-operaturi fis-suq intern tal-Unjoni m'għandhomx ikunu jistgħu jinteraġixxu man-negozjanti, sakemm in-negozjanti ma jkunux jistgħu:

    jidentifikaw l-operaturi jew in-negozjanti li fornew il-komoditajiet koperti mir-Regolament u l-prodotti derivatitagħhom; u

    fejn applikabbli, jidentifikaw in-negozjanti li fornewlu l-komoditajiet koperti mill-proposta u l-prodotti derivatitagħhom; u

    jiżguraw it-traċċabbiltà tal-prodotti tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw l-oriġini tagħhom, meta jitqiegħdu fis-Suq Intern tal-Unjoni.

    3.    Obbligi ġenerali

    3.1.    Deforestazzjoni u konverżjoni ta' ekosistemi naturali

    Il-komoditajiet koperti mill-proposta u l-prodotti derivati tagħhom li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni m'għandhomx jirriżultaw fid-deforestazzjoni jew il-konverżjoni ta' ekosistemi naturali, jew jidderivaw minnhom.

    Għal dak il-għan, l-FERCs imqiegħda fis-suq tal-Unjoni, f'forma mhux maħduma jew bħala prodotti derivatiminn dawn il-komoditajiet jew li fihom dawn il-komoditajiet, m'għandhomx jinħasdu, jiġu estratti jew prodotti minn art li f'data limitu li tkun fil-passat, iżda mhux aktar tard mill-2015, li tkun ibbażata fuq ix-xjenza, ġustifikabbli, implimentabbli fil-prattika u konformi mal-impenji internazzjonali tal-UE, kellha l-istatus ta' foresta naturali jew ekosistema naturali, skont id-definizzjoni stabbilita fit-Taqsima 3.3 “Definizzjonijiet”, iżda minn dak iż-żmien dak l-istatus intilef bħala riżultat tad-deforestazzjoni jew il-konverżjoni.

    3.2.    Degradazzjoni tal-foresti naturali u l-ekosistemi naturali

    Il-komoditajiet koperti mill-proposta u l-prodotti derivati tagħhom li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni m'għandhomx jirriżultaw fid-degradazzjoni tal-foresti naturali jew l-ekosistemi naturali minħabba attività umana, jew jidderivaw minnhom.

    Għal dak il-għan, l-FERCs imqiegħda fis-suq tal-Unjoni, f'forma mhux maħduma jew bħala prodotti derivatiminn dawn il-komoditajiet jew li fihom dawn il-komoditajiet, m'għandhomx jinħasdu, jiġu estratti jew prodotti minn art li, f'data limitu definita, kellha l-istatus ta' foresta naturali jew ekosistema naturali skont id-definizzjoni stabbilita fit-Taqsima 3.3. Id-data limitu trid tkun stabbilita fil-passat, iżda mhux aktar tard mill-2015, u trid tkun ibbażata fuq ix-xjenza, ġustifikabbli, implimentabbli fil-prattika u konformi mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni. Għandu jkun biss legalment possibbli li fis-suq tal-Unjoni titqiegħed komodità li tkun inħasdet, ġiet estratta jew prodotta b'konformità mal-objettivi ta' konservazzjoni u li ma wasslitx għat-telf jew id-degradazzjoni tal-funzjonijiet tal-ekosistema fuq jew maġenb l-art li minnha kienet maħsuda, estratta jew prodotta.

    3.3.    Definizzjonijiet

    Il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni għandu jkun fiha definizzjonijiet dwar x'jikkostitwixxi “foresta”, “foresta naturali” li tippossjedi ħafna jew il-biċċa l-kbira mill-karatteristiċi ta' foresta indiġena għas-sit partikolari, anke fil-preżenza ta' attivitajiet umani, “deforestazzjoni”, “degradazzjoni tal-foresti”, “ekosistema naturali”, “degradazzjoni tal-ekosistemi” u “konverżjoni tal-ekosistemi”. Dawk id-definizzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u xjentifiċi u jqisu s-sorsi rilevanti tad-dritt internazzjonali u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll inizjattivi oħra li jipprevedu definizzjonijiet xierqa, bħall-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-Inizjattiva Qafas dwar l-Akkontabbiltà jew il-High Carbon Stock Approach.

    Id-definizzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin:

    għandhom jippermettu l-kisba tal-ogħla livell ta' protezzjoni ambjentali, b'mod partikolari għall-foresti u ekosistemi naturali oħra, u jkunu konsistenti mal-impenn internazzjonali u nazzjonali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-foresti, il-bijodiversità u l-klima,

    għandhom jappoġġjaw l-għan tal-Unjoni li tippreserva l-foresti u l-ekosistemi naturali, inkluż b'mod partikolari l-foresti primarji u riġenerati, u jipprevjenu s-sostituzzjoni tagħhom b'foresti u ekosistemi derivati minn attivitajiet umani, bħall-pjantaġġuni tas-siġar,

    għandhom ikunu komprensivi biżżejjed biex jagħtu protezzjoni lil ekosistemi naturali oħra li, bħall-foresti, huma importanti għall-preservazzjoni tal-bijodiversità jew biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi stabbiliti fil-Ftehimiet ta' Pariġi,

    għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-adozzjoni ta' miżuri tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-foresti tad-dinja ma twassalx biex il-problema tal-konverżjoni u d-degradazzjoni ssir problema għal ekosistemi naturali oħra li huma importanti daqs il-foresti naturali għall-protezzjoni tal-bijodiversità, tal-klima u tad-drittijiet tal-bniedem.

    3.4.    Ksur tad-drittijiet tal-bniedem

    L-FERCs imqiegħda fis-suq tal-Unjoni, f'forma mhux maħduma jew bħala prodotti derivatiminn dawn il-komoditajiet jew li fihom dawn il-komoditajiet, m'għandhomx jinħasdu, jiġu estratti jew prodotti minn art miksuba jew użata bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem inkorporati fil-liġijiet nazzjonali, u lanqas dawk id-drittijiet espressi, bħala minimu, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jew fi ftehimiet internazzjonali, bħad-drittijiet tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, inklużi d-drittijiet ta' pussess u d-dritt proċedurali li jagħtu jew ma jagħtux il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tagħhom kif stabbilit pereżempju mill-Forum Permanenti tan-NU dwar Kwistjonijiet Indiġeni u l-korpi tat-trattati tan-NU u reġjonali, id-dritt għall-ilma, id-dritt għall-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli, id-dritt għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, mingħajr kwalunkwe forma ta' persekuzzjoni u fastidju, drittijiet tax-xogħol kif minquxa fil-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO u drittijiet tal-bniedem oħra rikonoxxuti internazzjonalment relatati mal-użu, l-aċċess jew is-sjieda tal-art, kif ukoll id-dritt tal-bniedem għal ambjent san, kif iddefinit fil-Prinċipji Qafas dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ambjent u l-istandards u l-prattiki tajba identifikati mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent.

    Għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tħaddim tat-tfal bil-għan li jiġi eliminat.

    Fl-istadji kollha, il-ħsad, l-estrazzjoni jew il-produzzjoni ta' komoditajiet koperti għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-komunitajiet lokali u tal-popli indiġeni u d-drittijiet ta' pussess tal-art f'kull forma, kemm jekk huma pubbliċi, privati, komunali, kollettivi, indiġeni, tan-nisa kif ukoll jekk huma drittijiet konswetudinarji. Id-drittijiet formali u konswetudinarji tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali fir-rigward tal-artijiet, it-territorji u r-riżorsi għandhom jiġu identifikati u rispettati, kif għandha tiġi rispettata l-kapaċità tagħhom li jiddefendu d-drittijiet tagħhom mingħajr ritaljazzjonijiet. Dawk id-drittijiet jinkludu d-drittijiet għall-proprjetà, li jokkupaw, li jużaw u li jamministraw dawn l-artijiet, it-territorji u r-riżorsi.

    Il-komoditajiet koperti mill-proposta m'għandhomx jinkisbu minn art li l-akkwist u l-użu tagħha jaffettwaw id-drittijiet tal-komunità u ta' pussess tal-art. B'mod partikolari, il-komoditajiet mqiegħda fis-suq tal-Unjoni m'għandhomx jinħasdu, jiġu estratti jew prodotti mill-artijiet tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, kemm dawk l-artijiet li huma intitolati formalment kif ukoll dawk taħt sjieda konswetudinarja, mingħajr il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tagħhom.

    4.    Dmir li tiġi identifikata, evitata u mitigata l-ħsara fil-ktajjen tal-valur

    4.1.    Dmir ta' diliġenza dovuta

    L-operaturi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirrispettaw u jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-foresti naturali u tal-ekosistemi naturali, kif stabbilit fil-proposta, tul il-katina tal-valur kollha tagħhom. Dan għandu jinkludi t-tipi kollha ta' relazzjonijiet kummerċjali tal-impriża mas-sħab kummerċjali u l-entitajiet tul il-katina tal-valur kollha tagħha (bħal fornituri, negozjanti, konċessjonarji, detenturi ta' liċenzja, impriżi konġunti, investituri, klijenti, kuntratturi, klijenti kummerċjali, kumpaniji tat-trasport, konsulenti, konsulenti finanzjarji, legali u oħrajn), u kull entità oħra tal-istat jew mhux tal-istat marbuta direttament mal-operazzjonijiet, il-prodotti jew is-servizzi kummerċjali tagħha.

    Meta jagħmlu dan, l-operaturi għandhom jieħdu approċċ ibbażat fuq ir-riskju għad-diliġenza dovuta, fejn in-natura u l-firxa tad-diliġenza dovuta jikkorrispondu għat-tip u l-livell ta' riskju tal-impatti avversi. Żoni ta' riskju ogħla għandhom ikunu soġġetti għat-tisħiħ tad-diliġenza dovuta.

    Il-miżuri li ġejjin għandhom jiġu inklużi b'mod adegwat u effettiv:

    (a)   L-immappjar tal-katina tal-valur kollha

    L-operaturi għandhom jiddeterminaw jekk il-komoditajiet u l-prodotti fil-ktajjen tal-valur kollha tagħhom jikkonformawx mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tad-drittijiet tal-bniedem tal-proposta, billi jaċċessaw u jevalwaw l-informazzjoni dwar iż-żona/żoni preċiża/preċiżi tal-art minn fejn joriġinaw dawn il-prodotti. Minbarra l-kriterji ambjentali, l-aċċess għall-informazzjoni jrid jippermetti lill-operatur jikkonkludi li dawk li jużaw l-art biex jipproduċu l-FERCs ikunu intitolati jagħmlu dan u jkunu kisbu Kunsens Liberu, Minn Qabel u Infurmat (FPIC) minn dawk li għandhom id-drittijiet fuq dawk iż-żoni tal-art u li ma jkunux qed jiksru, jew kisru, xi dritt tal-bniedem imsemmi f'din il-proposta.

    B'mod partikolari, l-operaturi huma obbligati jkollhom, u jagħmlu disponibbli, informazzjoni dwar:

    (i)

    iż-żona preċiża jew iż-żoni preċiżi tal-ħsad, jew l-estrazzjoni jew il-produzzjoni tal-komoditajiet; fir-rigward tal-bhejjem tal-ifrat, iċ-ċanga u l-ġilda, l-operaturi jeħtieġ li jkunu kapaċi jiksbu informazzjoni dwar id-diversi żoni ta' mergħat fejn il-bhejjem tal-ifrat ikunu ngħataw l-għalf jew, fejn il-bhejjem tal-ifrat jiġu mrobbija permezz tal-għalf, dwar l-oriġini tal-għalf użat;

    (ii)

    l-istatus ekoloġiku attwali taż-żona tal-ħsad, l-estrazzjoni jew il-produzzjoni;

    (iii)

    l-istatus ekoloġiku taż-żona fid-data limitu indikata ta' din il-proposta.

    (iv)

    l-istatus legali tal-art (sjieda/titolu inklużi kemm id-drittijiet formali kif ukoll dawk konswetudinarji tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali għall-artijiet, it-territorji u r-riżorsi) u evidenza ta' Kunsens Liberu, Minn Qabel u Infurmat (FPIC).

    (v)

    l-elementi tal-katina tal-provvista tal-komodità inkwistjoni, bil-għan li tinkiseb informazzjoni dwar il-probabbiltà ta' riskji ta' kontaminazzjoni bi prodotti ta' oriġini mhux magħrufa jew li joriġinaw minn żoni deforestati, jew minn żoni li fihom ikunu seħħew konverżjoni u degradazzjoni ta' foresti naturali, foresti u ekosistemi, u informazzjoni dwar fejn, minn min u taħt liema kundizzjonijiet il-komoditajiet ġew maħsuda, ittrasformati jew ipproċessati bil-ħsieb li tiġi ddeterminata l-konformità mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem ta' din il-proposta.

    L-operaturi għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha relatata mal-oriġini tal-prodotti li jidħlu fis-suq intern tal-Unjoni permezz tad-dikjarazzjoni sistematika tal-koordinati tal-GPS għal dawn il-komoditajiet, wara li tidħol fis-seħħ il-proposta kif stabbilit fit-Taqsima 4.1(a) ta' dan l-Anness.

    (b)   L-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji reali u potenzjali għall-foresti u l-ekosistemi fil-ktajjen tal-valur, abbażi tal-kriterji stipulati fil-proposta

    Meta operatur jistabbilixxi operazzjonijiet ġodda jew jinvolvi lil sħab kummerċjali ġodda, dan għandu jidentifika l-atturi involuti fil-ktajjen ġodda tal-provvista u tal-investimenti, u jivvaluta l-politiki u l-prattiki tagħhom, kif ukoll is-siti tal-ħsad, tal-produzzjoni, tal-estrazzjoni u tal-ipproċessar tagħhom. Għall-operazzjonijiet eżistenti, l-impatti u l-ħsarat avversi kontinwi kif ukoll ir-riskji potenzjali għandhom jiġu identifikati u vvalutati. Għandha ssir analiżi tar-riskju fir-rigward tar-riskji li jseħħu mill-attivitajiet tal-operatur għall-foresti naturali u l-ekosistemi naturali, il-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali u l-individwi affettwati jew l-impatt fuqhom, aktar milli r-riskju materjali għall-azzjonisti korporattivi. Meta l-operaturi jkollhom numru kbir ta' fornituri, dawn għandhom jidentifikaw l-oqsma ġenerali fejn ir-riskju ta' impatti avversi huwa l-aktar sinifikanti u, abbażi ta' din il-valutazzjoni tar-riskju, jagħtu prijorità lill-fornituri għad-diliġenza dovuta.

    Meta l-operaturi jkollhom numru kbir ta' fornituri, dawn għandhom jidentifikaw l-oqsma ġenerali fejn ir-riskju ta' impatti avversi huwa l-aktar sinifikanti u, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju, jagħtu prijorità lill-fornituri għal diliġenza dovuta.

    (c)   Il-prevenzjoni tar-riskji u l-mitigazzjoni tar-riskji għal livell negliġibbli

    Ħlief meta r-riskju identifikat matul il-proċeduri ta' identifikazzjoni u valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-punt (b) ikun negliġibbli, u għalhekk l-operatur ma jkollu l-ebda raġuni residwa li jkun imħasseb li l-komoditajiet u l-prodotti jistgħu ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti f'dan il-qafas, l-operaturi għandhom jadottaw proċeduri ta' mitigazzjoni tar-riskju. Dawk il-proċeduri għandhom jikkonsistu f'sett ta' miżuri adegwati u proporzjonati li jnaqqsu b'mod effettiv u biċ-ċar għal livell negliġibbli r-riskji kollha identifikati, pereżempju l-emendar tal-kuntratti mal-fornituri, l-għoti ta' appoġġ lill-fornituri biex ibiddlu l-prattiki tagħhom, il-bidla tal-prattiki tax-xiri u tal-investiment tagħhom, għall-fini u fid-dawl tat-tqegħid legali tal-komoditajiet u l-prodotti koperti fis-suq intern.

    (d)   Il-waqfien tal-abbużi ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem

    Fejn, wara li jiġu segwiti bir-reqqa r-rekwiżiti msemmija fil-punti (a), (b) u (c), l-operaturi jaslu għall-konklużjoni li l-operazzjonijiet, jew parti mill-operazzjonijiet, jikkontribwixxu, jew potenzjalment jikkawżaw jew jikkontribwixxu, għal impatti avversi fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-foresti naturali jew l-ekosistemi naturali, kif stabbilit fil-proposta, li ma jistgħux jiġu evitati jew mitigati, dawn għandhom iwaqqfu dawn l-operazzjonijiet kollha, jew partijiet mill-operazzjonijiet.

    (e)   Is-sorveljanza u t-titjib kontinwu tal-effettività tas-sistema tad-diliġenza dovuta tagħhom u l-implimentazzjoni tagħha

    L-operaturi għandhom perjodikament jivverifikaw jekk is-sistema tad-diliġenza dovuta tagħhom hijiex xierqa biex tipprevjeni l-ħsara u tiżgura l-konformità tal-komoditajiet u tal-prodotti mal-qafas u jekk le, jaġġustawha jew jiżviluppaw azzjonijiet oħrajn. L-evalwazzjoni tas-sistema tad-diliġenza dovuta għandha tkun ibbażata fuq indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi, feedback intern u estern u proċessi ċari ta' obbligu ta' rendikont.

    (f)   L-integrazzjoni ta' skemi ta' ċertifikazzjoni ta' partijiet terzi

    Skemi ta' ċertifikazzjoni ta' partijiet terzi jistgħu jikkomplementaw u jiżguraw l-identifikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti, il-valutazzjoni tar-riskju u l-komponenti ta' mitigazzjoni tas-sistemi ta' diliġenza dovuta, dment li dawn l-iskemi jkunu adegwati f'termini ta' ambitu u saħħa tal-kriterji ta' sostenibbiltà għall-protezzjoni tal-foresti naturali u l-ekosistemi naturali kontra l-konverżjoni u d-degradazzjoni tagħhom, kif stabbilit fil-proposta u f'termini tal-kapaċità tagħhom li jissorveljaw il-katina tal-provvista, u dment li jilħqu livelli adegwati ta' trasparenza, imparzjalità u affidabbiltà. Permezz ta' att delegat, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kriterji minimi u gwida għall-operaturi biex jivvalutaw il-kredibbiltà u s-solidità tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni ta' partijiet terzi. Dawk il-kriterji minimi għandhom, b'mod partikolari, jiżguraw l-indipendenza mill-industrija, l-inklużjoni ta' interessi soċjali u ambjentali fl-iffissar tal-istandards, l-awditjar indipendenti ta' partijiet terzi, id-divulgazzjoni pubblika tar-rapporti ta' awditjar, it-trasparenza fl-istadji kollha, u l-ftuħ. L-iskemi ta' ċertifikazzjoin għandhom jagħtu ċertifikazzjoni biss lill-prodotti b'kontenut li jkun ġie ċċertifikat mija fil-mija. L-iskemi ta' ċertifikazzjoni li jissodisfaw dawk il-kriterji biss jistgħu jintużaw mill-operaturi għas-sistemi ta' diliġenza dovuta tagħhom. Iċ-ċertifikazzjoni ta' partijiet terzi ma għandhiex iddgħajjef il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-operatur.

    (g)   Ir-Rwol tal-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja

    L-Unjoni tista' tinnegozja Ftehimiet ta' Sħubija FERC Volontarja ma' pajjiżi li jipproduċu l-FERC (pajjiżi sħab), li joħolqu obbligu legalment vinkolanti fuq il-partijiet biex jimplimentaw skema ta' liċenzjar u biex jirregolaw il-kummerċ fl-FERCs skont il-liġi nazzjonali tal-pajjiż li jipproduċi l-FERC u l-kriterji ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem stabbiliti fil-proposta. L-FERCs taħt l-ambitu tal-proposta, li joriġinaw f'pajjiżi sħab bi Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja għandhom jitqiesu li huma ta' riskju negliġibbli sa fejn ikun implimentat il-ftehim ta' sħubija għall-iskop tal-proposta. Ftehimiet bħal dawn għandhom ikunu bbażati fuq djalogi nazzjonali bejn diversi partijiet ikkonċernati b'parteċipazzjoni effettiva u sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi s-soċjetà ċivili, il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali.

    4.2.    Dmir ta' konsultazzjoni

    L-operaturi għandhom:

    (a)

    jikkonsultaw b'mod adegwat, f'waqtu u direttament mal-partijiet ikkonċernati milquta u potenzjalment milquta;

    (b)

    iqisu kif xieraq il-perspettivi tal-partijiet ikkonċernati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' diliġenza dovuta;

    (c)

    jiżguraw li t-trade unions rappreżentattivi u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jkunu involuti fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' diliġenza dovuta;

    (d)

    jistabbilixxu mekkaniżmu ta' twissija bikrija li jagħti opportunità lill-ħaddiema u lill-partijiet ikkonċernati bi tħassib sostanzjat biex jinfurmaw lill-operatur dwar kwalunkwe riskju ta' ħsara lill-foresti naturali, lill-ekosistemi naturali u lid-drittijiet tal-bniedem tul il-katina tal-valur kollha. l-operatur għandu jqis din l-informazzjoni fil-proċessi ta' diliġenza dovuta tiegħu.

    (e)

    iqisu kif xieraq l-għarfien tal-indiġeni u lokali u r-riskji u t-tħassib espress mill-komunitajiet lokali, il-popli indiġeni, id-difensuri tal-art u tal-ambjent.

    4.3.    Dmir ta' trasparenza u ta' rapportar

    L-operaturi għandhom jirrappurtaw darba fis-sena dwar id-diliġenza dovuta u l-proċessi ta' konsultazzjoni tagħhom, ir-riskji identifikati, il-proċeduri tagħhom għall-analiżi tar-riskju, il-mitigazzjoni tar-riskji u r-rimedjar, u l-implimentazzjoni u l-eżiti tagħhom lill-awtorità kompetenti u b'mod pubbliku, aċċessibbli u xieraq, li ma jkunx ta' piż sproporzjonat b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati biex tistabbilixxi l-format u l-elementi tar-rapporti. B'mod partikolari, l-operaturi għandhom, fost l-oħrajn, jirrappurtaw dwar is-sistema li jużaw u kif japplikawha għall-komoditajiet inkwistjoni, ir-riskji u l-impatti identifikati; l-azzjonijiet meħuda biex jitwaqqfu u jiġu rrimedjati l-abbużi eżistenti u biex jiġi evitat u mmitigat ir-riskju ta' abbuż, kif ukoll l-eżiti tagħhom; il-miżuri u r-riżultati tas-superviżjoni tal-implimentazzjoni u l-effettività ta' tali azzjonijiet, it-twissijiet irċevuti permezz tal-mekkaniżmu ta' twissija bikrija u kif l-operatur qieshom fil-proċessi ta' diliġenza dovuta tiegħu, kif ukoll lista tas-sussidjarji, is-subkuntratturi u l-fornituri kollha, il-prodotti u l-kwantità u l-oriġini tagħhom. In-nuqqas tal-pubblikazzjoni ta' rapporti kompluti u f'waqthom għandu jiġi penalizzat u fl-aħħar iwassal għas-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid ta' prodotti fis-suq intern tal-Unjoni.

    4.4.    Dmir ta' dokumentazzjoni

    L-operaturi għandhom iżommu dokumentazzjoni bil-miktub tal-azzjonijiet kollha ta' diliġenza dovuta u r-riżultati tagħhom, u jagħmluha disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba.

    4.5.    Linji gwida tal-Kummissjoni

    Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa linji gwida u gwida biex tiffaċilita l-konformità mal-obbligi legali li jinsabu fil-proposta, b'mod partikolari biex tiċċara l-aspettattivi tad-diliġenza dovuta għal kuntesti u setturi speċifiċi, jew fir-rigward ta' ċerti tipi ta' operaturi. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tibni fuq il-prattiki tajba preżenti fis-sistemi eżistenti ta' ġestjoni ambjentali u testendihom.

    Biex tappoġġja lill-operaturi ekonomiċi fit-twettiq tal-obbligi ta' diliġenza dovuta tagħhom, il-Kummissjoni għandha tippubblika analiżijiet tal-punti kritiċi reġjonali fir-rigward tal-FERCs.

    5.    Kontroll, superviżjoni, infurzar, sanzjonijiet u aċċess għall-ġustizzja

    5.1.    Infurzar pubbliku

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-infurzar tad-dmirijiet imsemmija fit-Taqsima 4 skont il-liġi u l-prattika nazzjonali tagħhom billi:

    (a)

    jipprovdu penali u sanzjonijiet proporzjonati, effettivi u dissważivi għan-nuqqas ta' konformità ma' kwalunkwe wieħed mill-obbligi msemmija fih u meta n-nuqqas ta' konformità ma' xi wieħed minn dawn l-obbligi jikkawża, jikkontribwixxi għal, ikun marbut ma', jew jaggrava, il-ħsara lill-foresti naturali jew lill-ekosistemi naturali jew l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew ir-riskji tagħhom. dawn għandhom jinkludu:

    i.

    penali effettivi, proporzjonati u dissważivi proporzjonati għall-ħsara lill-foresti naturali, lill-ekosistemi naturali jew lid-drittijiet tal-bniedem, kif stabbilit fil-proposta, l-ispiża tar-restawr tal-foresti naturali u tal-ekosistemi naturali u tad-drittijiet tal-bniedem u l-preġudizzju ekonomiku li jirriżultaw mill-ksur fil-konfront tal-komunitajiet affettwati;

    ii.

    qbid permanenti tal-komoditajiet koperti u l-prodotti derivati kkonċernati;

    iii.

    is-sospensjoni immedjata tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti fis-suq intern tal-Unjoni;

    iv.

    esklużjoni minn proċessi tal-akkwisti pubbliċi;

    v.

    penali kriminali għal individwi u, fejn permess, għal entitajiet legali fil-każ tal-aktar reati serji.

    (b)

    jinnominaw awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' investigazzjoni u ta' infurzar (“awtoritajiet kompetenti”); l-awtoritajiet kompetenti għandhom jissorveljaw li l-operaturi jissodisfaw effettivament l-obbligi stabbiliti f'din il-proposta. għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali, skont pjan kif ikun xieraq, li jistgħu jinkludu kontrolli fis-sit tal-operaturi u kontrolli fuq il-post, u għandhom ikunu jistgħu jadottaw ordnijiet proviżorji u, flimkien mal-applikazzjoni ta' sanzjonijiet u mingħajr preġudizzju għaliha, għandu jkollhom il-poter li jirrikjedu lill-operaturi ekonomiċi biex jieħdu azzjonijiet ta' rimedju. l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu wkoll kontrolli f'waqthom u bir-reqqa meta jkunu fil-pussess ta' informazzjoni rilevanti, inkluż tħassib sostanzjat minn partijiet terzi u għandhom jittrattaw l-informazzjoni relatata mal-attività tagħhom f'konformità mad-Direttiva 2003/4/KE dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali;

    (c)

    jiżguraw li l-membri tal-pubbliku jkollhom id-dritt li jikkontestaw in-nuqqas ta' konformità quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi, li għandhom jinkludi kwalunkwe individwu jew grupp li d-drittijiet u l-obbligi jew l-interessi tagħhom ikunu affettwati, direttament jew indirettament, min-nuqqas totali jew parzjali tal-impriża li twettaq id-dmirijiet tagħha, inklużi impjegati, klijenti, konsumaturi u utenti finali, trade unions, federazzjonijiet transnazzjonali tat-trade unions, komunitajiet lokali, gvernijiet jew istituzzjonijiet nazzjonali jew lokali, ġurnalisti, NGOs u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati biex tistabbilixxi standards u linji gwida legalment vinkolanti applikabbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jiżguraw implimentazzjoni u infurzar effettivi u uniformi tal-proposta madwar l-Unjoni kollha, b'mod partikolari fir-rigward ta':

    l-elenkar u l-iżvelar għall-pubbliku ta' operaturi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta f'reġistru pubbliku;

    l-istabbiliment ta' standards għall-kwalità u l-kwantità tal-kontrolli tal-konformità mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

    gwida ulterjuri dwar kif għandhom jitwettqu l-kontrolli tal-konformità, bħal pereżempju gwida għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li tispeċifika l-kriterji għall-kontrolli biex jiġi analizzat u evalwat aħjar il-livell ta' riskju tal-prodotti, kif ukoll dokumentazzjoni suffiċjenti tas-sistemi ta' diliġenza dovuta li jkunu qed jintużaw;

    gwida dwar it-tħassib minn partijiet terzi biex jiġu stabbiliti kriterji madwar l-Unjoni kollha biex jiġi vvalutat jekk tħassib ikunx sostanzjali u affidabbli biżżejjed biex jiġi pproċessat, u jiġu żviluppati standards proċedurali ċari għar-reazzjonijiet fil-ħin, imparzjali, effettivi u trasparenti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għat-tħassib minn partijiet terzi;

    kriterji fil-livell tal-Unjoni biex jgħinu jispeċifikaw meta operatur għandu jingħata avviż dwar azzjoni ta' rimedju, penali jew meta għandhom japplikaw penali oħrajn; u wkoll

    obbligi fuq l-awtoritajiet kompetenti biex jirrappurtaw pubblikament dwar attivitajiet ta' kontroll u infurzar, każijiet ta' ksur identifikati u reazzjonijiet għal tħassib sostanzjali.

    5.2.    Responsabbiltà ċivili u aċċess għal rimedji

    (a)   Responsabbiltà ċivili

    L-operaturi għandhom ikunu:

    i)

    in solidum responsabbli għall-ħsara li tirriżulta mill-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew ħsara lill-foresti naturali u l-ekosistemi naturali, kif stipulat fil-proposta, ikkawżata, aggravata, li kkontribew għaliha jew li huma marbuta magħha entitajiet ikkontrollati jew ekonomikament dipendenti;

    ii)

    responsabbli għal ħsara li tirriżulta mill-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew ħsara lill-foresti naturali u l-ekosistemi naturali, kif stipulat fil-proposta, marbuta direttament mal-prodotti, is-servizzi jew l-operazzjonijiet tagħhom permezz ta' relazzjoni kummerċjali, sakemm ma jistgħux jippruvaw li aġixxew bl-attenzjoni meħtieġa u li fid-dawl taċ-ċirkostanzi ħadu l-miżuri raġonevoli kollha li setgħu jipprevjenu l-ħsara. l-operaturi jistgħu għalhekk jeżoneraw ruħhom mir-responsabbiltà tagħhom jekk ikunu jistgħu jippruvaw li aġixxew bl-attenzjoni meħtieġa kollha possibbli biex jidentifikaw u jevitaw il-ħsara.

    (b)   Divulgazzjoni tal-evidenza

    Meta rikorrent ikun ippreżenta fatti raġonevolment disponibbli u evidenza suffiċjenti biex jappoġġja l-azzjoni tiegħu, il-konvenut għandu jerfa' l-oneru tal-prova:

    i)

    tan-natura tar-relazzjoni tiegħu mal-entitajiet involuti fid-dannu;

    ii)

    jekk aġixxiex bl-attenzjoni meħtieġa u jekk ħax il-miżuri raġonevoli biex jiġi evitat li jseħħ id-dannu.

    (c)   Aċċess għar-rimedji

    Il-partijiet li jkunu sofrew dannu għandu jkollhom id-dritt għal rimedji ġudizzjarji aċċessibbli u effettivi biex ifittxu rimedju kontra l-operaturi li jikkawżaw, jaggravaw, jew huma marbuta jew jikkontribwixxu għal impatt avvers fuq id-drittijiet tagħhom. Mekkaniżmi tal-ilmenti mhux tal-Istat għandhom jikkomplementaw il-mekkaniżmi ta' rimedju ġudizzjarju għat-titjib tal-obbligu ta' rendikont u l-aċċess għal rimedju.

    6.    Dispożizzjonijiet finali

    6.1.    Nonrigressjoni

    L-implimentazzjoni tal-proposta ma għandha bl-ebda mod tikkostitwixxi bażi għall-ġustifikazzjoni ta' tnaqqis fil-livell ġenerali tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kemm id-drittijiet formali kif ukoll id-drittijiet konswetudinarji tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali għal artijiet, territorji u riżorsi jew l-ambjent. B'mod partikolari, ma għandhiex taffettwa oqfsa ta' responsabbiltà oħrajn eżistenti ta' subkuntrattar jew tal-katina tal-provvista.

    6.2.    Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

    L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-proposta fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali tul il-katina tal-provvista tal-FERCs.


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23).


    Top