Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IP0016

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew – rapport annwali 2018 (2019/2134(INI))

    ĠU C 270, 7.7.2021, p. 105–112 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 270/105


    P9_TA(2020)0016

    Attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2018

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew – rapport annwali 2018 (2019/2134(INI))

    (2021/C 270/12)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2018,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 15, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 24 u l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 41, 42 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (1),

    wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba, kif adottat mill-Parlament fis-6 ta' Settembru 2001,

    wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Kooperazzjoni konkluż bejn il-Parlament u l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta' Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar l-eżitu tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2018 (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 u l-Artikolu 232(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A9-0032/2019),

    A.

    billi r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2018 ġie ppreżentat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew fit-2 ta' Ottubru 2019, u billi l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport tagħha lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-4 ta' Settembru 2019 fi Brussell;

    B.

    billi l-Artikoli 24 u 228 tat-TFUE jagħtu s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li jirċievi lmenti li jikkonċernaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-organi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha;

    C.

    billi l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li “kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni” u li “d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin”;

    D.

    billi l-Artikolu 15 tat-TFUE jistipula li “sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ” u “kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni”;

    E.

    billi l-Artikolu 41(1) tal-Karta jistabbilixxi li “kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni”;

    F.

    billi l-Artikolu 43 tal-Karta jistabbilixxi li “kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandhom id-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha”;

    G.

    billi fl-2018 l-Ombudsman fetħet 490 inkjesta, li minnhom 482 kienu bbażati fuq ilmenti u 8 kienu fuq inizjattiva proprja, filwaqt li għalqet 545 inkjesta (534 ibbażati fuq ilmenti u 11 fuq inizjattiva proprja); billi l-biċċa l-kbira tal-inkjesti kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni (285 inkjesta jew 58,2 %), it-tieni l-akbar numru kkonċernaw l-aġenziji tal-UE (43 inkjesta jew 8,8 %), u l-bqija tqassmu kif ġej: il-Parlament (30 inkjesta jew 6,1 %), l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) (23 inkjesta jew 4,7 %), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (23 inkjesta jew 4,7 %), il-Bank Ewropew tal-Investiment (16-il inkjesta jew 3,3 %), l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (14-il inkjesta jew 2,8 %) u istituzzjonijiet oħra (56 inkjesta jew 11,4 %);

    H.

    billi t-tliet kwistjonijiet prinċipali fl-inkjesti magħluqa mill-Ombudsman fl-2018 kienu: it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni u d-dokumenti (24,6 %), il-kultura tas-servizz (19,8 %) u l-użu xieraq tad-diskrezzjoni (16,1 %). billi kwistjonijiet oħra kienu jinkludu r-rispett tad-drittijiet proċedurali, bħad-dritt ta' smigħ, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, ir-reklutaġġ, kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, inkluż fi proċeduri ta' ksur, il-ġestjoni finanzjarja tajba ta' offerti, għotjiet u kuntratti tal-UE, ir-reklutaġġ, u l-ġestjoni tajba ta' kwistjonijiet tal-persunal tal-UE;

    I.

    billi r-rata ta' konformità ta' 76 % tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman għal amministrazzjoni tajba mill-Kummissjoni Ewropea fl-2018 turi tnaqqis kontinwu, minn 82 % fl-2016 u 77 % fl-2017, rispettivament;

    J.

    billi fl-2018, 17 996 ċittadin talbu lis-servizzi tal-Ombudsman għall-għajnuna; billi 14 596 ingħataw konsulenza permezz tal-gwida interattiva tas-sit web tagħha; billi 1 220 talba ntbagħtu post ieħor għal skopijiet ta' informazzjoni; billi l-Ombudsman ħadet azzjoni fuq 2 180 ilment li rċeviet;

    K.

    billi fil-ħidma strateġika tiegħu fl-2018, l-uffiċċju tal-Ombudsman fetaħ ħames inkjesti strateġiċi ġodda, rispettivament dwar it-trattament ta' persuni b'diżabilità taħt ir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard, dwar l-aċċessibilità tas-siti web tal-Kummissjoni għall-persuni b'diżabilità, dwar attivitajiet ta' qabel is-sottomissjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), dwar il-ġestjoni mill-Kummissjoni ta' sitwazzjonijiet ta' “bibien iduru” dwar sitwazzjonijiet tal-persunal tal-UE, u dwar l-obbligu ta' rendikont tal-ħidma leġiżlattiva tal-Kunsill; billi fl-2018 l-Ombudsman fetħet għaxar inizjattivi strateġiċi dwar, fost suġġetti oħra, l-użu tal-lingwi fis-servizz ċivili tal-UE, il-politiki kontra l-fastidju fis-servizz ċivili tal-UE, u l-protezzjoni tat-tfal fil-migrazzjoni;

    L.

    billi l-Ombudsman għandu rwol kruċjali x'jaqdi biex jagħmel il-proċess leġiżlattiv tal-UE aktar miftuħ u responsabbli lejn iċ-ċittadini, sabiex dawn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jieħdu sehem fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u b'hekk jiżdiedu l-involviment u l-fiduċja tagħhom;

    M.

    billi l-Ombudsman għandu rwol kruċjali biex jiżgura l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet tal-UE u t-trasparenza u l-imparzjalità massimi tal-amministrazzjoni tal-UE u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet sabiex jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini, u b'hekk iżid il-fiduċja, l-involviment u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

    N.

    billi l-prijorità ewlenija tal-Ombudsman Ewropew hija li jiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu rrispettati għalkollox;

    O.

    billi fl-2018 l-Ombudsman nediet sit web ġdid, li jinkludi interfaċċa riveduta u faċli għall-utent għal ilmentaturi potenzjali; billi l-proċedura “rapida” tal-Ombudsman biex jiġu ttrattati lmenti dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tirrifletti l-impenn tal-Ombudsman li tipprovdi assistenza u tieħu deċiżjonijiet fi żmien 40 jum għal dawk li jfittxu l-għajnuna, fl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE; billi din l-inizjattiva l-ġdida hija parti minn strateġija biex tittejjeb l-effikaċja tal-uffiċċju tagħha;

    P.

    billi l-inkjesta strateġika OI/2/2017/TE tal-Ombudsman sabet li l-Kunsill huwa nieqes mit-trasparenza fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti leġiżlattivi tiegħu u fir-rigward tal-prattiki kurrenti tiegħu fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu u b'mod aktar speċifiku matul il-fażi preparatorja fil-livell tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (il-COREPER) u fil-livell tal-gruppi ta' ħidma; billi wara r-riluttanza tal-Kunsill li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha, fis-16 ta' Mejju 2018, l-Ombudsman ippreżenta Rapport Speċjali OI/2/2017/TE dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill lill-Parlament; billi fis-17 ta' Jannar 2019 il-Parlament adotta r-rapport tiegħu dwar l-inkjesta strateġika tal-Ombudsman, fejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ġew approvati; billi l-Presidenza Finlandiża esprimiet l-impenn tagħha li l-aċċess miftuħ u t-trasparenza leġiżlattiva tal-Kunsill tal-UE jissaħħu;

    Q.

    billi fit-12 ta' Frar 2019 il-Parlament approva abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (4), li għalih huwa għandu responsabilità leġiżlattiva primarja; billi l-approvazzjoni tal-Kunsill ta' dan ir-regolament il-ġdid hija pendenti;

    R.

    billi trasparenza akbar u aċċess aktar miftuħ fir-rigward tal-pożizzjonijiet meħuda mill-gvernijiet tal-Istati Membri fil-Kunsill se jtejbu l-fiduċja fl-UE u jnaqqsu l-Ewroxettiċiżmu u l-populiżmu;

    S.

    billi aktar trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fit-trilogi ssaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE;

    T.

    billi fl-2018 l-Ombudsman nediet inizjattiva strateġika kontra l-fastidju li teżamina l-politiki kontra l-fastidju li l-amministrazzjoni tal-UE għandha stabbiliti; billi fl-2018 l-Ombudsman iddeċidiet li tikteb lil 26 istituzzjoni u aġenzija tal-UE biex titlob dettalji dwar il-politiki u kif dawn jiġu implimentati;

    U.

    billi fl-2018 l-Ombudsman nediet inkjesta dwar id-diskriminazzjoni sesswali u t-tħassib dwar l-opportunitajiet indaqs fil-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI); billi l-BEI segwa r-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti tal-Ombudsman dwar l-opportunitajiet indaqs u l-parità bejn is-sessi;

    V.

    billi l-Ombudsman jagħmel parti mill-qafas tal-UE taħt il-UNCPRD, inkarigat bil-protezzjoni, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dik il-Konvenzjoni fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE;

    W.

    billi f'Marzu 2018 saret konferenza li ġabret flimkien in-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u wieħed mill-punti ewlenin tad-diskussjoni kien dwar kif l-ombudsmen jistgħu jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom;

    1.

    Jilqa' r-rapport annwali għall-2018 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew;

    2.

    Jifraħ lil Emily O'Reilly għax-xogħol eċċellenti u l-isforzi kostruttivi tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-amministrazzjoni tal-UE u l-aċċessibilità u l-kwalità tas-servizzi li din toffri liċ-ċittadini;

    3.

    Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u l-aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Kunsill; jisħaq li livell għoli ta' trasparenza tal-proċess leġiżlattiv huwa essenzjali biex iċ-ċittadini, il-media u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jżommu lill-uffiċjali u lill-gvernijiet eletti tagħhom responsabbli ta' għemilhom; jirrikonoxxi r-rwol siewi li l-Ombudsman għandu fil-koordinament u l-medjazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE; jemmen li l-Kunsill jeħtieġlu jirrevedi l-politika ta' kunfidenzjalità tiegħu; jissottolija l-ħidma tal-Ombudsman biex il-proċess leġiżlattiv tal-UE jkun aktar responsabbli lejn il-pubbliku;

    4.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' parteċipazzjoni aktar attiva min-naħa taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-importanza tagħha, flimkien mal-ħtieġa ta' trasparenza akbar fil-mod ta' kif l-amministrazzjoni topera, bħala miżuri li jsaħħu l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom l-għan li jerġgħu jibnu l-fiduċja;

    5.

    Iħeġġeġ lill-Ombudsman tiżgura aktar trasparenza fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet fit-trilogi;

    6.

    Jisħaq fuq il-punt li l-bini mill-ġdid tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni hija ta' importanza primarja għall-Parlament Ewropew u hija importanti immens mil-lat soċjopolitiku u etiku;

    7.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejjeb u jissaħħaħ id-djalogu soċjali, kif ukoll id-djalogu li jsir bejn il-korpi, l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini tal-Unjoni;

    8.

    Jappoġġja bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet l-Ombudsman Ewropew lill-Kunsill, u jħeġġeġ lill-Kunsill jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet malajr kemm jista' jkun;

    9.

    Iħeġġeġ lill-Ombudsman toffri aktar gwida lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar kif jikkomunikaw aħjar maċ-ċittadini bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-Ombudsman tipprovdi gwida lill-istituzzjonijiet dwar kif jiżviluppaw il-politika lingwistika tagħhom b'tali mod li jkunu jistgħu jinħolqu kontenut u informazzjoni rilevanti fl-akbar numru ta' lingwi possibbli;

    10.

    Jilqa' l-istrateġija tal-Ombudsman li għandha l-għan li żżid l-impatt u l-viżibilità tal-mandat tagħha fost iċ-ċittadini;

    11.

    Jilqa' t-tfassil mill-ġdid tas-sit web tal-Ombudsman Ewropew, li jagħmlu strument aktar funzjonali u aċċessibbli għaċ-ċittadini;

    12.

    Jesiġi li l-Kunsill, bħala koleġiżlatur, jallinja l-metodi ta' ħidma tiegħu mal-istandards ta' demokrazija parlamentari kif jitolbu t-Trattati, pjuttost milli jaġixxi bħal forum diplomatiku, li mhuwiex il-funzjoni maħsuba tiegħu; ifakkar li, wara l-inkjesta strateġika tagħha OI/2/2017/TE, l-Ombudsman ikkonkludiet li l-prattiki tal-Kunsill fir-rigward tat-trasparenza jikkostitwixxu każ ta' amministrazzjoni ħażina; iħeġġeġ lill-Kunsill jimplimenta immedjatament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman li joħorġu mill-inkjesta strateġika tagħha, inklużi dawk ipprovduti mill-Parlament fir-rapport tiegħu stess dwar ir-Rapport Speċjali; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tagħti segwitu għall-progress relatat mal-inkjesta strateġika tagħha;

    13.

    Itenni s-sejħa tiegħu għal aġġornament tal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għad-dokumenti u jesiġi li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 rigward l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (5) jiġi rivedut sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-Ombudsman fl-eżami bir-reqqa tal-għoti ta' aċċess għad-dokumenti mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni; iqis li huwa ta' dispjaċir li l-Kunsill imblokka r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u jħeġġeġ lill-Kunsill jerġa' jiftaħ id-diskussjonijiet tiegħu abbażi tal-pożizzjoni adottata mill-Parlament fit-tieni qari kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (6);

    14.

    Itenni t-talba tiegħu għal reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, għax dan assolutament m'għadux validu u m'għadux jirrifletti s-sitwazzjoni legali attwali u l-prattiki istituzzjonali implimentati mill-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, il-korpi u l-aġenziji tal-UE;

    15.

    Jilqa' t-tnedija formali tal-proċedura rapida għall-inkjesti dwar l-aċċess għad-dokumenti, u jirrikonoxxi r-riżultati pożittivi għall-ilmentaturi;

    16.

    Jissottolinja bil-qawwa l-importanza li l-Ombudsman tkompli timmonitorja mill-qrib u tmexxi inkjesti strateġiċi rigward it-trasparenza tal-Kummissjoni; jistqarr li huwa konxju tal-fatt li l-fenomenu tal-bibien iduru għadu jeżisti, b'mod partikolari fost l-uffiċjali tal-ogħla pożizzjonijiet fl-istituzzjonijiet; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tar-regoli riveduti tal-Kummissjoni dwar il-bibien iduru, li ġew stabbiliti f'Settembru 2018, b'riżultat ta' inkjesta fuq inizjattiva tagħha stess;

    17.

    Jisħaq fuq il-punt li l-kwistjoni tal-kunflitti ta' interess hija usa' mill-każijiet ta' bibien iduru, u jinsisti li jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar regoli u kriterji aktar stretti sabiex jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet u l-leġiżlazzjoni jsiru bil-ħsieb tal-interessi taċ-ċittadini;

    18.

    Ifakkar li l-prinċipji tad-disponibilità pubblika, l-aċċess miftuħ u t-trasparenza huma inerenti għall-proċess leġiżlattiv tal-UE, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu x'inhuma l-kunsiderazzjonijiet li jirfdu l-azzjonijiet leġiżlattivi, u għalhekk dan jiżgura eżerċizzju effettiv tad-drittijiet demokratiċi tagħhom (7); jirrikonoxxi l-ħtieġa tat-trasparenza fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE; jappoġġja l-iżvilupp bejn is-servizzi tat-tliet istituzzjonijiet fl-istabbiliment tal-Portal Leġiżlattiv Konġunt, li għandu l-għan li jipprovdi mezz faċli għall-utent li jippermetti lil dawk li mhumiex speċjalisti li jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċeduri leġiżlattivi li jkunu għaddejjin;

    19.

    Jappoġġja l-pubblikazzjoni tad-dokumenti tat-trilogu finali; jissottolinja l-fatt li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża De Capitani (T-540/15) f'Marzu 2018 tiddikjara li l-fehmiet tal-istituzzjonijiet riflessi fid-dokumenti “b'erba' kolonni” ma kinux jaqgħu taħt preżunzjoni ġenerali ta' nuqqas ta' żvelar; jinnota li n-natura sensittiva tas-suġġett rifless fid-dokumenti tat-trilogu ma kinitx ikkunsidrata fiha nnifisha li tikkostitwixxi bażi suffiċjenti biex jiġi rifjutat l-aċċess għall-pubbliku; iqis li, sabiex tinkiseb it-trasparenza fit-trilogi, it-tliet istituzzjonijiet għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom; jirrikonoxxi li d-dritt li għandu l-pubbliku li jkollu aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huwa d-dritt protett u inaljenabbli ta' kull ċittadin tal-UE li jirriżulta direttament mill-prinċipju demokratiku u d-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni, sabiex jiġi stabbilit obbligu korrispondenti tal-Unjoni ta' konformità u obbligu ta' rendikont; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi aktar l-istituzzjonijiet rilevanti tat-trasparenza, bħall-Uffiċċju tal-Ombudsman, sabiex l-Unjoni tissodisfa l-obbligu tagħha msemmi hawn fuq;

    20.

    Itenni li l-integrità tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-indipendenza tiegħu minn interessi finanzjarji privati jridu jiġu żgurati; jenfasizza li l-membri tal-Bord Eżekuttiv tiegħu jeħtiġilhom jastjenu milli jkunu simultanjament membri ta' fora jew ta' organizzazzjonijiet oħra, li jinkludu uffiċjali eżekuttivi ta' banek sorveljati mill-BĊE, u jeħtieġ li ma jiħdux sehem f'fora li ma jkunux miftuħa għall-pubbliku; jilqa' l-opinjoni tal-Ombudsman tal-5 ta' Lulju 2018;

    21.

    Jiddispjaċih li r-rakkomandazzjoni tal-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' regoli minimi għall-obbligu ta' rendikont mill-BĊE għadha ma ġietx segwita; iqis li n-nuqqas ta' żgurar tat-trasparenza tal-attivitajiet tal-BĊE jista' jwassal għal dubji dwar l-indipendenza tiegħu minn interessi finanzjarji privati;

    22.

    Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman tal-15 ta' Jannar 2018 dwar l-involviment tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew u ta' membri tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu fil-“Grupp ta' Tletin”, u jħeġġeġ lill-BĊE jemenda r-regoli rilevanti sabiex jiżgura li l-ogħla standards ta' etika u ta' obbligu ta' rendikont jiġu implimentati b'mod konkret;

    23.

    Jistieden lill-Kummissjoni, fil-fażi ta' djalogu informali bejnha u l-Istati Membri, biex tiżgura livell għoli ta' trasparenza u aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni fir-rigward tal-EU Pilot u tal-proċeduri ta' ksur, partikolarment dwar dawk relatati mal-petizzjonijiet riċevuti, u aċċess sħiħ b'mezzi xierqa għall-EU Pilot u l-proċeduri ta' ksur li jkunu spiċċaw diġà; jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ differenti fir-rigward tal-investigazzjonijiet ta' ksur tad-dritt tal-UE u tniedi proċeduri ta' ksur mingħajr ma toqgħod biss fuq il-mekkaniżmu tal-EU Pilot;

    24.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-miżuri meħuda biex tissaħħaħ it-trasparenza tad-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-proċeduri ta' ksur; ifakkar li fl-2014 il-Kummissjoni waqqfet pjattaforma ċentralizzata b'informazzjoni komprensiva dwar każijiet ta' ksur, fuq is-sit web Europa; jissottolinja li l-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-pubbliku b'informazzjoni dwar il-fajls tal-EU Pilot u dwar il-każijiet ta' ksur fir-rapporti annwali tagħha dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE;

    25.

    Jappoġġja għalkollox l-impenn tal-Ombudsman biex ittejjeb it-trasparenza tal-lobbjar tal-UE; jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li timplimenta r-regoli orizzontali riveduti dwar il-gruppi ta' esperti, inklużi dawk li jirrigwardaw it-trasparenza u l-kunflitt ta' interess; jisħaq fuq l-importanza li jiġu rreġistrati individwi u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw interessi privati fir-Reġistru ta' Trasparenza, sabiex il-ħatriet ikunu jistgħu jsiru f'konformità mar-regoli orizzontali;

    26.

    Jissottolinja l-ħtieġa ta' ftehim tripartitiku bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li jikkostitwixxi pass lejn it-tisħiħ tar-regoli eżistenti dwar il-lobbjar u l-għeluq tal-lakuni; iqis, madankollu, li l-istituzzjonijiet m'għandhomx jieqfu hawn, iżda għandhom ikomplu jaħdmu għal miżuri leġiżlattivi vinkolanti għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE;

    27.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-fatt li kull informazzjoni dwar l-influwenza tal-lobbisti tkun magħmula disponibbli mingħajr ħlas, tkun tinftiehem għalkollox u aċċessibbli faċilment għall-pubbliku, u li tittejjeb il-preċiżjoni tad-data fir-Reġistru ta' Trasparenza tal-UE; jissottolinja l-fatt li trid tiġi żgurata trasparenza sħiħa rigward il-finanzjament tar-rappreżentanti kollha tal-interessi, u jitlob li kwalunkwe organizzazzjoni li tikser ir-regoli tal-bibien iduru tiġi sospiża;

    28.

    Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi adottat att legali sabiex ir-Reġistru ta' Trasparenza jkun magħmul obbligatorju għalkollox u legalment vinkolanti għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE u għal partijiet terzi, u b'hekk tkun żgurata t-trasparenza sħiħa tal-lobbjar; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkunsidraw liema arranġamenti prattiċi jistgħu jwasslu għal ftehim effiċjenti u fil-pront;

    29.

    Jiddispjaċih li d-diskriminazzjoni sesswali u r-rappreżentanza tas-sessi tibqa' kwistjoni rilevanti fl-istituzzjonijiet tal-UE; jinnota bi tħassib is-sejbiet fil-każ 366/2017/AMF, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-BEI jikkonforma għalkollox mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman għall-kisba ta' rappreżentanza bbilanċjata tas-sessi fil-pożizzjonijiet maniġerjali;

    30.

    Jilqa' l-inkjesta tal-Ombudsman fl-2018 dwar il-proċedura tal-ħatra tal-ex Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni u jirrikonoxxi l-fatt li hija sabet erba' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li, minkejja l-appoġġ tal-Parlament għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, il-Kummissjoni preċedenti naqset milli timplimentahom; jinnota bi tħassib partikolari l-fatt li ma stabbilietx proċedura ta' ħatra speċifika, u jesiġi li l-Kummissjoni l-ġdida tagħmel dan biex tiżgura l-ogħla standards f'termini ta' trasparenza, etika u l-istat tad-dritt;

    31.

    Jinnota bi tħassib li qed tonqos ir-rata ta' konformità min-naħa tal-Kummissjoni mar-rakkomandazzjonijiet, is-suġġerimenti u s-soluzzjonijiet proposti mill-Ombudsman; jistieden lill-Kummissjoni turi impenn akbar biex issolvi l-każijiet kollha ta' amministrazzjoni ħażina misjuba mill-Ombudsman fl-attivitajiet tagħha;

    32.

    Iħeġġeġ lill-Ombudsman timmonitorja l-implimentazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura l-ġodda tal-Parlament għas-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji nnominati, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Anness VII, Artikolu 2 rigward l-eżami tal-interessi finanzjarji fl-ispirtu tat-trasparenza u tal-oġġettività;

    33.

    Jirrikonoxxi l-proposta adottata mill-Kummissjoni fil-31 ta' Jannar 2018 għal Kodiċi ta' Kondotta ġdid għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea; jemmen li jrid isir aktar tisħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi;

    34.

    Itenni u jemmen bil-qawwa li jeħtieġ li jiġu applikati regoli u standards etiċi stretti fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE bil-għan li jiġi żgurat rispett għad-dmir tal-integrità;

    35.

    Jemmen bil-qawwa li t-trasparenza hija komponent essenzjali tal-istat tad-dritt, u li trid tiġi osservata matul il-proċess leġiżlattiv kollu, peress li tinfluwenza l-materjalizzazzjoni effettiva tad-dritt tal-vot u d-dritt li wieħed joħroġ għall-elezzjonijiet, minbarra drittijiet oħra (jiġifieri l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-kelma u l-libertà li tingħata informazzjoni); iqis li l-ħolqien ta' ċittadinanza attiva tal-UE tirrikjedi skrutinju pubbliku, rieżami u evalwazzjoni tal-proċess u l-potenzjal li l-eżitu jiġi kkontestat; jissottolinja l-fatt li dan jgħin sabiex iċ-ċittadini jsiru aktar u aktar familjari mal-kunċetti bażiċi tal-proċess leġiżlattiv u jrawwem il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

    36.

    Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Ombudsman biex tinfluwenza l-bidla fl-istituzzjonijiet tal-UE billi tipparteċipa f'konsultazzjonijiet pubbliċi relatati ma' oqsma tal-ħidma tagħha; jilqa' s-suġġerimenti tagħha biex titjieb it-trasparenza tal-mudell tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari, li jinkludu rakkomandazzjonijiet li l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tippubblika l-aġendi u l-minuti tal-laqgħat relatati mal-valutazzjoni tar-riskju;

    37.

    Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli l-inkjesta fuq l-inizjattiva tagħha stess dwar it-trasparenza tal-applikazzjonijiet ta' qabel is-sottomissjoni tal-kumpaniji tal-EMA u dawk farmaċewtiċi għall-interazzjoni ta' awtorizzazzjoni tas-suq, u l-konsultazzjoni pubblika li damet għaddejja sa Jannar 2019;

    38.

    Jilqa' l-inkjesta tagħha dwar r-rapporti tas-sikurezza tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA), li wasslet biex l-aġenzija tbiddel il-prattika tagħha sabiex dawk li jirrappurtaw każijiet ta' tħassib dwar is-sikurezza jirċievu rispons;

    39.

    Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli timmonitorja l-konformità tar-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard (JSIS) mal-UNCPRD; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna t-test tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta' Implimentazzjoni (DĠI), li jirregolaw l-operat tal-JSIS fir-rigward tal-ispejjeż mediċi u l-ispejjeż marbuta ma' akkomodazzjoni raġonevoli fil-post tax-xogħol ta' persuni b'diżabilità jew mard serju; jistieden lill-Ombudsman tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-UNCPRD mill-amministrazzjoni kollha tal-Unjoni Ewropea;

    40.

    Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet prattiċi tal-Ombudsman rigward l-aċċessibilità tal-proċeduri ta' selezzjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) għal kandidati b'insuffiċjenza fil-vista; jistieden lill-Ombudsman timmonitorja l-konformità sħiħa tal-EPSO mar-rekwiżiti ta' aċċessibilità għall-proċeduri ta' selezzjoni online; jistieden lill-Ombudsman tagħti segwitu għall-proposti tagħha għal teknoloġiji ta' assistenza waqt it-testijiet ibbażati fuq il-kompjuter li jsiru madwar id-dinja;

    41.

    Jappoġġja lill-Ombudsman fis-sensibilizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-introduzzjoni ta' politiki aktar b'saħħithom kontra l-fastidju;

    42.

    Jappoġġja l-inizjattiva tal-Ombudsman li tagħti segwitu għall-moviment #MeToo, u jitlob li jkun hemm aktar monitoraġġ dwar il-politiki kontra l-fastidju li l-amministrazzjoni tal-UE għandha stabbiliti;

    43.

    Jappoġġja l-isforzi tal-Ombudsman biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politiki tal-UE; Jesiġi li l-Ombudsman tkompli ssegwi l-użu tal-għodda tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), inkluż il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regolament rivedut dwar l-ECI;

    44.

    Jinnota li, mindu nħoloq ir-rwol tal-Ombudsman Ewropew, dan evolva maż-żmien, u fejn qabel kien jieħu ħsieb il-prevenzjoni ta' amministrazzjoni ħażina, issa sar jippromwovi l-amministrazzjoni tajba; iqis li l-evoluzzjoni loġika ta' din it-tendenza hija li jitkomplew l-isforzi ta' promozzjoni attiva ta' amministrazzjoni aħjar u tal-aħjar prattiki amministrattivi fil-waqt;

    45.

    Jilqa' l-inizjattiva tal-Ombudsman għal Premju għal Amministrazzjoni Tajba, li jirrikonoxxi l-isforzi tas-servizz ċivili tal-UE biex jinstabu mezzi innovattivi ta' kif għandhom jiġu implimentati politiki favur iċ-ċittadini;

    46.

    Itenni t-talba li ilu jagħmel biex il-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba attwali jiġi aġġornat u jsir regolament vinkolanti kif suppost għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE;

    47.

    Ifakkar fl-impenn tal-Ombudsman favur livell għoli ħafna ta' trasparenza, min-naħa tal-UE, matul in-negozjati dwar il-ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea;

    48.

    Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tikkoopera mal-ombudsmen nazzjonali permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkomplu jiġu żviluppati tali eżempji ta' kooperazzjoni bejn id-diversi ombudsmen nazzjonali;

    49.

    Ifakkar li l-abbozz tal-Istatut il-ġdid tal-Ombudsman Ewropew, li ġie adottat reċentement mill-Parlament, fih dispożizzjoni dwar il-fatt li jridu jgħaddu tliet snin qabel ma Membru tal-Parlament Ewropew ikun eliġibbli għall-kariga tal-Ombudsman;

    50.

    Itenni li huwa ta' importanza kruċjali li jiġu ppreservati l-indipendenza u l-integrità tal-Ombudsman, u li jiġi żgurat li l-kariga tingħata lil persuni li jkunu ħielsa minn affiljazzjonijiet ovvji ma' partiti politiċi, kunflitti ta' interess u jkollhom sens ta' etika qawwi;

    51.

    Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-każ ta' kooperazzjoni eċċellenti u produttiva tal-Ombudsman u t-tim tagħha mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

    52.

    Jirrikonoxxi l-każijiet eċċellenti ta' kooperazzjoni li mexxiet l-Ombudsman tul il-mandat tagħha u jistieden lill-Ombudsman li jmiss isegwi tali kooperazzjoni u djalogu strutturali mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bil-għan li jkomplu jittejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni tal-UE u l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi li toffri liċ-ċittadini tagħha;

    53.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Ombudsmen tal-Istati Membri jew lil awtoritajiet simili.

    (1)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.

    (2)  Testi adottati, P8_TA(2019)0045.

    (3)  Testi adottati, P8_TA(2019)0114.

    (4)  Testi adottati, P8_TA(2019)0080.

    (5)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

    (6)  Testi adottati, P7_TA(2013)0271.

    (7)  Kawżi magħquda C-39/05 u C-52/05 P, Ir-Renju tal-Iżvezja u Maurizio Turco vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Rapporti tal-Qorti Ewropea 2008 I-04723.


    Top