Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IP0008

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali (2019/2136(INI))

    ĠU C 270, 7.7.2021, p. 41–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 270/41


    P9_TA(2020)0008

    Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali (2019/2136(INI))

    (2021/C 270/04)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni,

    wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

    wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE),

    wara li kkunsidra t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni UE-NATO tal-10 ta' Lulju 2018,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-responsabbiltà politika (1),

    wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE (JOIN(2017)0021),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofija tas-17 ta' Mejju 2018 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni tas-26 ta' Ġunju 2018 u tat-18 ta' Ġunju 2019,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/RES70/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, “Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli”, tal-25 ta' Settembru 2015,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li stabbiliet l-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) fl-2000,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017 (2),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0054/2019),

    A.

    billi l-Parlament għandu d-dmir u r-responsabbiltà li jeżerċita l-kontroll demokratiku tiegħu tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u għandu jingħata l-mezzi neċessarji u effettivi biex jissodisfa dan ir-rwol;

    B.

    billi l-azzjoni esterna tal-UE għandha impatt dirett fuq il-benesseri taċ-ċittadini tagħha, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn minnha, u tfittex li tiżgura s-sigurtà u l-istabbiltà filwaqt li tippromwovi l-valuri Ewropej tal-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi l-kredibilità tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali għall-paċi u s-sigurtà hija bbażata fuq li hija taderixxi b'mod prattiku mal-valuri tagħha, li b'hekk ifisser li politika barranija bbażata fuq il-valur hija fl-interess immedjat tal-Unjoni;

    C.

    billi l-Unjoni Ewropea ma tistax tippromwovi l-valuri ċentrali tagħha jekk dawn ma jkunux protetti u rrispettati fl-Istati Membri kollha tagħha;

    D.

    billi bħalissa qegħdin nosservaw l-irtirar ta' sħab tradizzjonali mix-xena globali, iż-żieda fil-pressjoni fuq il-kooperazzjoni multilaterali u fuq l-istituzzjonijiet, u ż-żieda fil-qawwa tas-setgħat reġjonali;

    E.

    billi, għal xi żmien issa, l-ambjent strateġiku tal-Unjoni qiegħed jiddeterjora, li jfisser li l-ħtieġa għal Ewropa aktar b'saħħitha, li taġixxi fuq ir-relazzjonijiet esterni tagħha b'mod unifikat, hija aktar urġenti minn qatt qabel sabiex tiffaċċja d-diversi sfidi li jaffettwaw b'mod dirett jew indirett is-sigurtà tal-Istati Membri tagħha u taċ-ċittadini tagħha; billi kwistjonijiet li jaffettwaw is-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE jinkludu: kunflitti armati fil-fruntieri tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-kontinent Ewropew u stati fraġli; terroriżmu, u b'mod partikolari l-Ġiħad, attakki ċibernetiċi u kampanji ta' diżinformazzjoni; interferenza barranija fil-proċessi politiċi u elettorali Ewropej; proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u dubji dwar il-ftehimiet dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi; iggravar ta' kunflitti reġjonali li wasslu għal spostament furzat tal-popolazzjonijiet u flussi migratorji mhux ikkontrollati; tensjonijiet dwar il-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri; kompetizzjoni għal riżorsi naturali, dipendenza enerġetika u sigurtà tal-enerġija; żieda fil-kriminalità organizzata fil-fruntieri u fl-Ewropa; dgħajfien tal-isforzi ta' diżarm; tibdil fil-klima;

    F.

    billi llum il-Ġiħadiżmu huwa wieħed mill-isfidi ewlenin li qiegħed jhedded is-sikurezza pubblika fl-UE, u billi jeħtieġ li tittieħed azzjoni rapida, assertiva u kkoordinata kemm domestikament kif ukoll lil hinn minnha;

    G.

    billi ebda Stat Membru individwali ma jista' jindirizza, waħdu, kwalunkwe sfida li l-kontinent Ewropew u l-viċinat tiegħu qegħdin jiffaċċjaw illum; billi l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn l-Istati Membri fit-tfassil tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE u l-azzjonijiet għandhom jiġu rrispettati u ggarantiti; billi l-prerogattivi tal-parlamenti nazzjonali fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà nazzjonali proprja għandhom jiġu rispettati; billi politika estera komuni li tkun ambizzjuża, kredibbli u effettiva trid tiġi appoġġata minn riżorsi finanzjarji adegwati u minn azzjonijiet f'waqthom u deċiżivi mill-UE; billi l-istrumenti tal-politika estera tal-UE jeħtieġ li jintużaw b'mod aktar koerenti u koeżiv;

    H.

    billi l-multilateraliżmu huwa l-unika garanzija għall-paċi, għas-sigurtà u għall-iżvilupp sostenibbli u inklużiv f'ambjent internazzjonali tassew polarizzat; billi l-pedamenti tagħha jiġu mhedda minn dubji jew abbużi tar-regoli u tal-valuri universali, inklużi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, id-dritt internazzjonali u d-dritt umanitarju; billi l-multilateraliżmu jinsab fil-qalba tal-approċċ tal-Unjoni Ewropea għall-PESK tagħha, hekk kif stabbilit fit-TUE;

    I.

    billi d-dinja qiegħda tiffaċċja bidla globali fis-setgħat b'tendenza ewlenija fil-politika barranija xxaqleb lejn il-kompetizzjoni ġeopolitika li teħtieġ mekkaniżmi u kapaċitajiet ta' rispons rapidi, unifikati u adegwati; billi l-UE hija fil-biċċa l-kbira assenti f'din il-bidla globali fis-setgħat u fil-kompetizzjoni ġeopolitika minħabba nuqqas ta' unità fost l-Istati Membri tagħha;

    J.

    billi atturi statali ġodda u setgħat ekonomiċi ġodda qegħdin ifittxu li potenzjalment jiddestabbilizzaw l-ambizzjonijiet globali u reġjonali u jipperikolaw il-paċi u l-istabbiltà fil-viċinat Ewropew, b'konsegwenzi imprevedibbli għall-paċi, flimkien mas-sigurtà Ewropea u globali; billi l-Ewropa qiegħda tissogra li tispiċċa fil-marġni fir-rigward tat-teħid ta' deċiżjonijiet u b'riżultat ta' dan ser tkun żvantaġġata ħafna; billi din ir-rikonfigurazzjoni globali qiegħda tiffaċilita l-prominenza ta' mexxejja awtokratiċi, atturi mhux statali vjolenti u movimenti ta' protesta popolari;

    K.

    billi l-ambjent ta' sigurtà tal-UE, li jiddependi fuq il-paċi u fuq l-istabbiltà tal-viċinat tagħha, huwa aktar instabbli, imprevedibbli, kumpless u vulnerabbli għal pressjoni esterna – dan diġà qiegħed iseħħ fil-forma ta' gwerra ibrida li tinkludi propaganda ostili mir-Russja u minn atturi oħra, minbarra ż-żieda fit-theddid minn gruppi terroristiċi radikali, li jxekklu lill-UE milli teżerċita s-sovranità u l-awtonomija strateġika tagħha; billi l-instabilità u l-imprevedibbiltà fil-fruntieri tal-UE u fil-viċinat immedjat tagħha jirrappreżentaw theddida diretta għas-sigurtà tal-kontinent; billi r-rabta bejn is-sigurtà interna u esterna hija inseparabbli; billi din il-pressjoni esterna timplika kemm dimensjoni fiżika kif ukoll online; billi d-diżinformazzjoni u l-forom oħra ta' interferenza barranija, minn forzi esterni, joħolqu riskji serji għas-sovranità Ewropea u huma theddida serja għall-istabbiltà u s-sigurtà tal-Unjoni;

    L.

    billi l-inugwaljanza soċjoekonomika, l-oppressjoni, it-tibdil fil-klima u n-nuqqas ta' inklużjoni parteċipattiva huma l-kawżi ewlenin tal-kunflitt globali; billi l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti ġew adottati fl-2015 mill-Istati Membri kollha tan-NU biex jiġi previst pjan direzzjonali għal kooperazzjoni globali ekwa, ġusta, sostenibbli u inklużiva;

    M.

    billi l-effetti tat-tibdil fil-klima qegħdin ikollhom impatti dejjem aktar serji fuq aspetti differenti tal-ħajja tal-bniedem, fuq opportunitajiet ta' żvilupp u fuq l-ordni ġeopolitika u l-istabbiltà fid-dinja kollha; billi dawk li għandhom inqas riżorsi biex jadattaw għat-tibdil fil-klima ser jintlaqtu l-agħar mill-impatt tiegħu; billi l-politika estera tal-UE għandha tiffoka aktar fuq il-promozzjoni ta' attivitajiet multilaterali permezz ta' kooperazzjoni fuq kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-klima, ħolqien ta' sħubiji strateġiċi u tisħiħ tal-kooperazzjoni u tal-interazzjonijiet bejn l-atturi statali u mhux statali, inklużi l-kontributuri ewlenin għat-tniġġis globali;

    N.

    billi d-drittijiet tal-bniedem qegħdin jitneħħew fil-livell globali; billi persuni mir-reġjuni kollha madwar id-dinja qegħdin, meta abbundanti mill-gvernijiet tagħhom stess, ifittxu l-appoġġ tal-Ewropa biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem tagħhom jiġu rrispettati;

    O.

    billi l-politika tat-tkabbir tal-UE hija strument effikaċi ta' politika estera tal-Unjoni; billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) hija strument ewlieni fir-rigward tal-ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE;

    P.

    billi sal-2050 aktar minn nofs it-tkabbir demografiku tad-dinja mistenni li jseħħ fl-Afrika, li mistennija tirrappreżenta 1,3 biljun miż- 2,4 biljun ruħ oħra fuq il-pjaneta; billi l-konċentrazzjoni ta' dan it-tkabbir f'xi wħud mill-ifqar pajjiżi, flimkien mal-effetti tat-tibdil fil-klima, ser iwasslu għal sensiela ta' sfidi ġodda li, jekk ma jiġux indirizzati minnufih, ser ikollhom konsegwenzi estremament problematiċi kemm għall-pajjiżi kkonċernati kif ukoll għall-Unjoni Ewropea; billi r-rapport reċenti tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp 2019 jinkludi ċifri għal USD 2,5 triljun addizzjonali fis-sena sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Aġenda 2030 tan-NU dwar l-SDGs;

    Q.

    billi fid-dawl tal-kollass tal-ftehimiet importanti dwar il-kontroll tal-armi u d-diżarm, kif ukoll fid-dawl ta' “teknoloġiji emerġenti” bħat-teknoloġija ċibernetika u armi awtonomi, il-kontroll tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni tal-armi għandhom isiru l-konċentrazzjoni ewlenija tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE; billi l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (3) għandha tiġi rieżaminata u aġġornata sabiex il-kriterji jiġu applikati u implimentati b'mod strett u jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' sanzjonijiet;

    Il-multilateraliżmu inkwistjoni: ħtieġa urġenti għal Ewropa aktar magħquda u b'saħħitha

    1.

    Ifakkar li f'mument meta s-setgħat li qegħdin jikkompetu kontra xulxin qegħdin jikkontestaw dejjem aktar l-ordni globali bbażat fuq ir-regoli, aħna, bħala Ewropej, irridu niddefendu l-valuri, ir-regoli u l-prinċipji universali – b'mod partikolari l-multilateraliżmu, id-dritt internazzjonali, l-istat tad-dritt, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-kummerċ liberu u ġust, ir-riżoluzzjoni tal-konflitti mingħajr vjolenza u l-interessi Ewropej komuni – kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha; jisħaq li, sabiex iżżomm il-kredibilità bħala portatriċi ta' valuri universali bħad-demokrazija, l-Unjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni li tkun konsistenti mal-prinċipji tagħha;

    2.

    Jissottolinja li l-multilateraliżmu għandu jkun fil-qalba tal-isforzi tal-UE biex tipprevjeni, timmitiga u tirriżolvi l-konflitti abbażi ta' normi u prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-Karta tan-NU u l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 maħruġ mill-OSKE u l-multilateraliżmu huwa l-aħjar mod kif jiġu garantiti d-djalogu politiku transnazzjonali, il-paċi u l-ordni globali stabbilizzat; jisħaq fuq il-konvinzjoni soda tiegħu li, f'ambjent strateġiku li qiegħed jiddeterjora konsiderevolment, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom responsabbiltà dejjem akbar li jikkontribwixxu għas-sigurtà internazzjonali;

    3.

    Jiddeskrivi kif il-multilateraliżmu huwa l-pedament tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE u jirrappreżenta l-aħjar mod kif jiġu żgurati l-paċi, is-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-prosperità; jisħaq li dan l-approċċ joffri benefiċċji għan-nies fl-Ewropa u madwar id-dinja; jirrikonoxxi approċċ fi tliet stadji tal-multilateraliżmu abbażi ta' dawn il-prinċipji: rispett tad-dritt internazzjonali u jiġi żgurat li l-azzjoni tal-UE tkun ibbażata fuq regoli u normi tad-dritt internazzjonali u tal-kooperazzjoni internazzjonali, estensjoni tal-multilateraliżmu għal realtà globali ġdida li tinkoraġġixxi approċċ kollettiv u tqis il-potenzjal li jittieħed vantaġġ mill-kapaċità normattiva, mill-awtonomija u mill-influwenza tal-UE fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali, preservazzjoni u estensjoni tal-influwenza tagħhom u riforma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, li jagħmlu l-organizzazzjonijiet multilaterali adatti għall-iskop tagħhom; jirrikonoxxi wkoll li jekk il-multilateraliżmu għandu jkun effikaċi, il-kwistjoni tal-inugwaljanzi fis-setgħat bejn l-atturi statali u dawk mhux statali jeħtiġilha tiġi indirizzata u solvuta; jilqa' l-azzjoni meħuda mill-Unjoni rigward l-appoġġ deċiżiv tagħha għall-Ftehim ta' Pariġi, għall-ftehimiet ta' paċi reġjonali u għad-diżarm nukleari;

    4.

    Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar l-irtirar gradwali tal-Istati Uniti mill-ordni dinji multilaterali, jiġifieri l-irtirar tagħhom mill-Ftehim ta' Pariġi, il-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-UNESCO, u d-deċiżjoni tagħhom li jissospendu l-finanzjament tagħhom għall-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA); jappoġġja bis-sħiħ il-preservazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa mill-partijiet kollha tal-PAKK bħala parti integrali mis-sistema globali ta' ordni multilaterali u ta' nonproliferazzjoni u l-kontribut għas-sigurtà reġjonali fil-Lvant Nofsani; jirrifjuta r-riimpożizzjoni unilaterali u extraterritorjali ta' sanzjonijiet mill-Istati Uniti wara l-ħruġ tiegħu mill-PAKK, billi dan jinterferixxi serjament fl-interessi leġittimi ekonomiċi u tal-politika estera tal-UE; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex jibnu l-unità, id-deterrenza u r-reżiljenza tagħhom kontra sanzjonijiet sekondarji minn pajjiżi terzi, u jkunu lesti jadottaw kontromiżuri kontra kwalunkwe pajjiż li jagħmel ħsara lill-interessi leġittimi tal-UE permezz ta' sanzjonijiet sekondarji;

    5.

    Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li s-sħubija transatlantika qiegħda tħabbat wiċċha ma' għadd sinifikanti ta' sfidi u tfixkil, iżda għadha indispensabbli għas-sigurtà u l-prosperità fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar l-irtirar progressiv tal-Istati Uniti mill-ordni dinji multilaterali ibbażat fuq ir-regoli;

    6.

    Jappella, għal darb'oħra, sabiex l-Istati Membri jappoġġaw riformi fil-kompożizzjoni u fil-funzjonament tal-Kunsill tas-Sigurtà; jenfasizza li l-UE hija impenjata li ssaħħaħ ir-rwol internazzjonali tan-NU;

    7.

    Jappella għal Unjoni Ewropea aktar b'saħħitha, magħquda, effikaċi, proattiva u strateġika, speċjalment billi għadu kemm beda ċiklu politiku Ewropew ġdid u l-politika estera u ta' sigurtà tal-UE hija soġġetta għal tibdil; jemmen li ebda Stat Membru ma jista' jipprovdi, waħdu, rispons effikaċi għall-isfidi globali ta' llum; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-kooperazzjoni Ewropea jkollha influwenza fix-xena dinjija – element li jeħtieġ approċċ magħqud u li mhux possibbli jekk l-UE tkun maqsuma; jappella lill-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tħares l-interessi u l-valuri, filwaqt li taġixxi bħala sieħeb internazzjonali affidabbli; jemmen li huwa importanti li tingħata spinta lill-effikaċja u lis-setgħat ta' infurzar proprji tal-UE fil-livell internazzjonali, u jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE jiffokaw fuq li jkunu orjentati għaċ-ċittadin u jaġixxu fl-interess tan-nies; jisħaq li l-UE għandha tikkomunika l-objettivi tal-politika, tistabbilixxi prijoritajiet u miri li jinvolvu liċ-ċittadini, tiffoka fuq in-nies u mhux fuq il-proċessi, tipprovdi riżultati tanġibbli u ma twassalx għal aktar burokrazija; jappella lill-UE ttejjeb id-djalogu ma' atturi governattivi u mhux governattivi ta' pajjiżi terzi meta tiżviluppa proposti ta' politika b'dimensjoni internazzjonali sabiex l-UE tkun tista' titkellem b'vuċi waħda;

    8.

    Itenni l-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ ir-reżiljenza u l-indipendenza tal-UE billi tissaħħaħ PESK maħsuba għall-paċi, għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali, għad-drittijiet tal-bniedem, għall-ġustizzja soċjali, għal-libertajiet fundamentali u għall-istat tad-dritt fl-UE, fil-viċinat tagħha u madwar id-dinja; jisħaq fuq li l-kredibilità tal-UE fid-dinja tiddependi mill-protezzjoni u mill-konformità ma' dawn il-prinċipji; jemmen li din il-PESK imsaħħa għandha tkun aktar koerenti, billi ma tinkludix biss is-setgħa ta' persważjoni tradizzjonali, iżda tkun ukoll PSDK b'saħħitha, permezz ta' politika ta' sanzjonijiet effettiva u kooperazzjoni transfruntiera kontra t-terroriżmu; itenni l-appell tiegħu għall-adozzjoni rapida ta' mekkaniżmu ta' sanzjonijiet tal-UE rigward id-drittijiet tal-bniedem (jiġifieri verżjoni tal-UE tal-“Att Magnitsky”), li jippermetti sanzjonijiet immirati kontra individwi li r-rwol tagħhom huwa kompliċi fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

    9.

    Jemmen li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li ssir attur globali kredibbli u effikaċi sabiex tkun tista' tieħu rwol ta' tmexxija globali li jkun responsabbli, tanġibbli, proattiv u prominenti fix-xena internazzjonali u tuża l-potenzjal politiku tagħha sabiex taħseb u taġixxi bħala setgħa ġeopolitika b'impatt sinifikanti, filwaqt li tiddefendi u tippromwovi l-objettivi tal-Artikolu 21 TUE, il-prinċipji u r-regoli universali tagħha, il-valuri komuni – bħall-paċi u d-drittijiet tal-bniedem – u l-interessi tagħha fid-dinja, tgħin tirriżolvi l-konflitti madwar id-dinja u ssawwar il-governanza globali; jirriafferma l-ħtieġa li jiġu żgurati l-awtonomija strateġika tal-UE, b'mod partikolari t-titjib fit-teħid ta' deċiżjonijiet, il-kapaċitajiet u l-kapaċitajiet ta' difiża adegwati, rikonoxxuti fl-Istrateġija Globali tal-UE u rrikkonfermati f'Ġunju 2018 mit-28 kap ta' stat u ta' gvern, u l-ħtieġa li tiġi promossa UE aktar kapaċi u indipendenti fi żmien ta' kompetizzjoni ġeopolitika li qiegħda tikber;

    10.

    Jappoġġja bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni li tittrasforma l-fergħa eżekuttiva tal-UE f'“Kummissjoni ġeopolitika”, li l-enfasi tagħha hija fuq il-bini ta' attur estern kredibbli li jindirizza sistematikament kwistjonijiet ta' azzjoni esterna; jilqa' l-impenn tal-VP/RGħ li jikkoordina d-dimensjonijiet esterni tal-azzjoni tal-Kummissjoni u li jiżgura rabta aħjar bejn l-aspetti interni u esterni tal-politiki tiegħu; jissottolinja li, għaldaqstant, Kummissjoni ġeopolitika tkun mistennija tadotta approċċ proattiv aktar milli reattiv għall-kwistjonijiet globali u li tagħmel il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss jirrifletti dan il-mandat; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-Unjoni Ewropea għandha tfittex li ssir attur aktar assertiv, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tagħha bħala setgħa normattiva; jisħaq fuq li Kummissjoni ġeopolitika hija sabiex tissalvagwardja l-interessi tagħha b'rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali u tal-valuri proprji; jissottolinja li l-UE għandha tuża s-setgħat kollha fi spirtu ta' kooperazzjoni u ftuħ, filwaqt li żżomm id-dritt li tirritalja fejn meħtieġ;

    11.

    Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu lejn l-Istrateġija Globali tal-UE bħala pass deċiżiv 'il quddiem minn ġestjoni tal-kriżi ad hoc għal approċċ integrat lejn il-politika barranija tal-Unjoni Ewropea; jemmen li reviżjoni strateġika tal-Istrateġija Globali tal-UE tkun f'waqtha u meħtieġa, b'mod partikolari fid-dawl ta' xi bidliet ġeopolitiċi profondi li seħħew mill-adozzjoni tagħha 'l hawn (eż. diverġenzi politiċi madwar is-sħubija transatlantika, l-emerġenza ta' setgħat ġodda aktar assertivi bħaċ-Ċina, u l-aggravazzjoni tal-emerġenza klimatika), li kollha għandhom implikazzjonijiet serji għall-għanijiet tal-politika barranija tal-Unjoni u għall-politika ta' sigurtà ġenerali; jitlob, b'riżultat ta' dan, lill-VP/RGħ tibda proċess ta' konsultazzjonijiet komprensivi u inklużivi, li jibda mill-Istati Membri u esperti ewlenin fil-politika barranija tal-UE minn barra l-istituzzjonijiet tal-UE, u billi jinkludi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

    12.

    Iqis li l-UE għandha tiddependi aktar mill-istrumenti kummerċjali u ta' żvilupp bħal ftehimiet bilaterali u ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi, billi tagħmel ir-ratifika ta' ftehim kundizzjonali fuq l-iffirmar tal-Ftehim ta' Pariġi u r-rispett għall-valuri fundamentali Ewropej;

    13.

    Iqis ukoll li l-UE, sabiex iżżomm il-kredibbiltà esterna tagħha, għandha tpoġġi r-rispett għall-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi, billi tagħmilhom kundizzjonali u tapplikahom meta jkun meħtieġ;

    14.

    Jemmen li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tkun kapaċi tirreaġixxi għall-kriżijiet aktar malajr u b'mod aktar effettiv, bl-istrumenti diplomatiċi u ekonomiċi kollha li għandha disponibbli u tinkludi aktar missjonijiet ċivili u militari bħala parti mill-PSDK; ifakkar, għal dan il-għan, li għandu jagħmel enfasi akbar fuq il-prevenzjoni ta' konflitti billi jindirizza l-kawżi ewlenin tal-instabbiltajiet u billi joħloq strumenti biex ikampaw magħhom; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-ħtieġa li r-riżorsi baġitarji tal-UE jingħataw spinta sinifikanti għall-QFP li jmiss u li tal-anqas jirdoppjaw il-fondi għall-prevenzjoni tal-konflitti, il-konsolidazzjoni tal-paċi u l-medjazzjoni; ifakkar fir-rwol fundamentali tal-UE li trawwem id-demokrazija fil-viċinat Ewropew, speċjalment permezz tal-programmi ta' appoġġ tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija;

    15.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-Unjoni Ewropea għandha taqleb minn approċċ reattiv għal approċċ antiċipatorju u fuq l-importanza li tissieħeb ma' sħab strateġiċi tal-UE li jaħsbuha bl-istess mod, partikolarment in-NATO u l-pajjiżi emerġenti sabiex jiddefendu l-ordni globali bbażat fuq ir-regoli li huwa msejjes fuq id-dritt internazzjonali u umanitarju u t-trattati multilaterali; ifakkar li l-PESK tal-UE hija bbażata fuq sħubija u multilateraliżmu, li jgħinu biex jgħaqqdu s-setgħat reġjonali u globali rilevanti; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiġu esplorati forom flessibbli ġodda ta' kooperazzjoni ta' alleanza, speċjalment fil-monitoraġġ u l-kontroll tal-flussi tat-teknoloġija, il-kummerċ u l-investimenti u li jinstabu mekkaniżmi innovattivi u inklużivi għall-kooperazzjoni, li jiżviluppaw multilateraliżmu intelliġenti; jitlob li jsiru sforzi konġunti għar-riforma ta' organizzazzjonijiet multilaterali biex ikunu jistgħu jaqdu l-iskop tagħhom;

    16.

    Jippromwovi politika barranija tal-UE li tgħaqqad flimkien l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri wara politika estera komuni u b'saħħitha fil-livell tal-UE, u b'hekk tingħata aktar kredibbiltà lill-UE; japprova l-idea li politika bħal din għandha tappoġġa bis-sħiħ ir-rwol vitali mwettaq mill-VP/RGħ; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' koalizzjonijiet ad hoc ta' Stati Membri li jikkontribwixxu għal aktar flessibbiltà u rispons aħjar tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, billi titnaqqas il-pressjoni maħluqa mill-ħtieġa li jintlaħaq kunsens fost l-Istati Membri; iħeġġeġ l-istabbiliment mill-ġdid ta' forom ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-VP/RGħ u l-ministri għall-affarijiet barranin, sabiex dawn tal-aħħar jiġu ddelegati biex jaġixxu f'isem l-UE sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni u l-leġittimità demokratika tal-UE; jitlob li l-UE tikkomunika aħjar il-viżjoni tagħha u l-objettivi tal-politika tal-PESK liċ-ċittadini tagħha;

    17.

    Jappella għal aktar solidarjetà u koordinament imtejjeb bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha; ifakkar fil-ħtieġa għal konsistenza fost il-politiki esterni tal-Unjoni u ma' politiki oħrajn b'dimensjoni esterna, u li dawn il-politiki jiġu kkoordinati ma' sħab internazzjonali; jemmen li kooperazzjoni bejn l-Istati Membri hija fundamentali għas-salvagwardja tad-demokrazija, tal-valuri komuni, tal-libertajiet u tal-istandards soċjali u ambjentali tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi sħab u l-organizzazzjonijiet internazzjonali tiġi estiża; itenni l-importanza tal-Artikolu 24(3) tat-TUE, li jiddikjara li l-Istati Membri għandhom isostnu l-politika esterna u ta' sigurtà tal-Unjoni mingħajr riserva u fi spirtu ta' lealtà u solidarjetà reċiproka u għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tmur kontra l-interess tal-Unjoni; jissottolinja li, kif stabbilit fit-Trattat, il-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE huwa l-forum fejn il-ministri nazzjonali jippreżentaw il-fehmiet tagħhom u jaqblu dwar politiki, u li, ladarba jkun hemm qbil dwar il-politika, l-Istati Membri għandhom jappoġġaw bis-sħiħ lill-VP/RGħ fl-eżekuzzjoni ta' din il-politika, inkluż fl-isforzi diplomatiċi tagħhom stess;

    18.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-Unjoni jeħtiġilha timplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona u tuża l-istrumenti eżistenti b'mod aktar effettiv; jitlob li l-UE taġixxi b'mod aktar armonizzat u koerenti sabiex ittejjeb il-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha u ssir attur estern effikaċi u kredibbli, u li s-SEAE jkollu rwol ċentrali;

    It-tisħiħ tal-Parlament Ewropew bħala pilastru tal-PESK

    19.

    Jissottolinja li l-Unjoni Ewropea tista' twettaq il-potenzjal sħiħ tagħha biss meta titkellem u taġixxi bħala vuċi waħda u meta t-teħid ta' deċiżjonijiet isir gradwalment, mil-livell nazzjonali għal dak supranazzjonali, u b'hekk tisfrutta għalkollox il-possibbiltajiet li joffru t-trattati tal-UE, l-istituzzjonijiet u l-proċeduri tagħhom u filwaqt li tikkonforma għalkollox mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri; jisħaq li l-Unjoni Ewropea għandha tuża l-mezzi kollha disponibbli biex tilħaq dan il-għan, inklużi dawk li toffri d-diplomazija parlamentari;

    20.

    Itenni, f'dan ir-rigward, li matul is-snin, il-Parlament żviluppa sensiela ta' strumenti u netwerks fil-qasam tal-azzjoni esterna, bħal kumitati parlamentari konġunti u kumitati ta' kooperazzjoni parlamentari ma' pajjiżi terzi, kif ukoll il-ħidma ta' delegazzjonijiet interparlamentari, delegazzjonijiet ad hoc u missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali, li huma differenti mill-istrumenti u n-netwerks tal-fergħa eżekuttiva tal-UE iżda fl-istess ħin jikkomplementawhom; jissottolinja s-setgħat ta' sorveljanza u ta' kontroll imwettqa mill-Parlament u jisħaq li r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet tiegħu jistħoqqilhom attenzjoni akbar; jenfasizza l-importanza tal-assembleji parlamentari bħala fora għall-kooperazzjoni u d-djalogu istituzzjonali filwaqt li jenfasizza l-kontribut siewi li jagħtu lill-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea u lill-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi l-attivitajiet tagħhom u li jiġi ggarantit it-twettiq xieraq ta' xogħolhom;

    21.

    Jissottolinja r-rwol essenzjali tal-missjonijiet ta' osservanza elettorali tal-UE; jisħaq fuq ir-responsabbiltà politika tal-Osservaturi Prinċipali, li huma nominati minn fost il-Membri tal-PE; jitlob, għalhekk, li jkun hemm approċċ aktar integrat għall-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE, li jinkludi dimensjoni parlamentari; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni interistituzzjonali fit-tfassil ta' strateġiji lejn pajjiżi u reġjuni terzi, b'enfasi speċjali fuq il-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; ifakkar fl-importanza tar-relazzjonijiet parlamentari diplomatiċi u interparlamentari biex dawn l-għanijiet ikunu sostnuti; jafferma li l-Parlament jeħtieġlu jkollu rwol aktar b'saħħtu fil-PESK u fix-xena internazzjonali; jiddeskrivi l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu strateġija ta' politika ġenerali għal diplomazija parlamentari ffokata mill-ġdid li tinkludi approċċ aktar integrat tal-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE u li tadatta l-mod kif jaħdmu;

    22.

    Jissottolinja r-rwol ta' kull istituzzjoni involuta fil-PESK/PSDK fir-reviżjoni tal-metodi ta' ħidma tagħha u fl-evalwazzjoni tal-aħjar mod biex twettaq ir-rwol tagħha skont it-Trattati;

    23.

    Jappella għal kooperazzjoni interistituzzjonali mtejba fis-sens li l-Parlament jirċievi informazzjoni, f'biżżejjed żmien, biex ikun jista' jesprimi l-opinjoni tiegħu, jekk ikun xieraq, u biex il-Kummissjoni u s-SEAE jkunu jistgħu jqisu l-opinjonijiet tal-Parlament; jappella għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni effettiva u komprensiva mill-Kummissjoni u mis-SEAE ħalli l-Parlament ikun jista' jeżerċita r-rwol ta' skrutinju tiegħu b'mod effiċjenti u f'waqtu, inkluż fil-qasam tal-PESK; jilqa' l-impenn tal-VP/RGħ li tinforma aħjar u aktar malajr, u tinvolvi u tikkonsulta lill-Parlament dwar l-għażliet fundamentali tal-PESK;

    24.

    Jitlob li jissaħħu r-rwoli tal-Parlament fis-sorveljanza u l-skrutinju tal-azzjoni esterna tal-UE, anke billi jkomplu jsiru konsultazzjonijiet regolari mal-VP/RGħ, mas-SEAE u mal-Kummissjoni; jitlob il-konklużjoni tan-negozjati dwar l-aċċess tal-Parlament għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-PESK u tal-PSDK;

    25.

    Jinnota li jekk/meta jseħħ il-Brexit, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) tal-Parlament, bħala l-kumitat ewlieni responsabbli mir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi, għandu jingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-eżekuttiv tal-UE biex ikun jista' jagħmel skrutinju, f'isem il-Parlament, tal-proċess ta' negozjar f'konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE u biex jipprovdi input f'waqtu dwar il-ftehim(iet) futur(i) mar-Renju Unit, li jkun jirrikjedi l-kunsens tal-Parlament; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fl-oqsma tal-PESK u tal-PSDK u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet kreattivi;

    26.

    Jenfasizza l-isforzi tal-UE biex b'mod konsistenti tafferma l-importanza li jinżamm u jissaħħaħ ordni internazzjonali liberu u miftuħ ibbażat fuq ir-rispett tal-istat tad-dritt;

    27.

    Jitlob li, qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni u s-SEAE ta' strateġija jew komunikazzjoni relatata mal-PESK, jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' konsultazzjoni mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-korpi rilevanti;

    28.

    Jappella għal approċċ aktar strateġiku, aktar koerenza, konsistenza u komplementarjetà, kif stabbilit fit-Trattati, bejn l-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE u l-PESK sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista' tindirizza l-isfidi li dejjem qed jiżdiedu tas-sigurtà u tal-politika barranija; jenfasizza li PESK kredibbli u effettiva trid tkun ibbażata fuq riżorsi finanzjarji adegwati; jitlob li dawn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-azzjoni esterna tal-UE fil-QFP li jmiss (2021-2027), u li l-UE tiffoka r-riżorsi tagħha fuq prijoritajiet strateġiċi;

    29.

    Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tikkombina l-maġġoranza tal-istrumenti eżistenti għal azzjoni esterna fi strument uniku: l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI); itenni li l-akkomunament ta' strumenti ta' azzjoni esterna f'fond uniku jista' jwassal għal sinerġiji, effikaċja u rapidità fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u l-iżborż ta' fondi, iżda ma għandux jiddevja l-finanzjament tal-Unjoni mill-għanijiet li ilhom jeżistu u ġenerali tal-politika barranija tal-qerda tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-istruttura simplifikata tal-istrumenti esterni proposti fl-ambitu tal-NDICI; jappella għal kontrolli u bilanċi xierqa, livell suffiċjenti ta' trasparenza, u kontribut politiku strateġiku u skrutinju regolari tal-applikazzjoni mill-Parlament; jisħaq fuq l-importanza tal-prinċipju ta' differenzjazzjoni fl-assistenza għall-pajjiżi tal-viċinat b'livell ogħla ta' impenn għar-riformi Ewropej skont il-prinċipju “aktar għal aktar” u “anqas għal anqas”;

    30.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa għal rwol akbar tal-Parlament matul l-iskrutinju u t-tmexxija tal-istrumenti esterni kollha tal-UE, inkluż għall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni għall-2021-2027 (IPA III); jenfasizza r-rwol tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP), b'mod partikolari fl-appoġġ għall-paċi u l-istabbiltà madwar id-dinja; jistenna adozzjoni f'waqtha tal-istrumenti ta' wara l-2020, u anke tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi sabiex jiġu evitati diskrepanzi ta' finanzjament bla bżonn;

    31.

    Jemmen li l-prevenzjoni tal-konflitti, il-konsolidazzjoni tal-paċi u l-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti mtawla, b'mod partikolari fil-viċinat immedjat tal-UE, għandhom ikunu prijorità fis-snin li ġejjin; jissottolinja li tali approċċ jagħti livell għoli ta' valur miżjud tal-UE f'termini politiċi, soċjali, ekonomiċi u ta' sigurtà; ifakkar li l-prevenzjoni tal-konflitti u l-attivitajiet ta' medjazzjoni jgħinu biex jiġu affermati l-preżenza u l-kredibbiltà tal-UE fix-xena internazzjonali u li din il-prevenzjoni flimkien mal-attivitajiet għandhom jiffurmaw parti minn approċċ olistiku li jgħaqqad flimkien is-sigurtà, id-diplomazija u l-iżvilupp; jirrimarka l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tiġi kkonsolidata bħala attur globali influwenti u li jsir investiment fil-prevenzjoni tal-konflitti u fil-medjazzjoni; jitlob li l-UE tkompli tagħti prijorità lill-prevenzjoni tal-konflitti u l-medjazzjoni; jenfasizza l-kontribut siewi tal-Parlament fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-konflitti u l-kontribut għall-medjazzjoni, għad-djalogu u għall-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għall-minoranzi u d-drittijiet fundamentali, partikolarment fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Viċinat tan-Nofsinhar u jappella għal żvilupp ulterjuri fil-kooperazzjoni interistituzzjonali dwar il-medjazzjoni; jilqa' r-rwol akbar tal-UE fir-riżoluzzjoni tal-konflitti u fit-tisħiħ tal-fiduċja fil-qafas jew bħala appoġġ tal-formati u l-prinċipji ta' negozjar eżistenti maqbula;

    32.

    Ifakkar fl-importanza ta' PEV b'saħħitha, fejn l-UE timpenja ruħha għall-interessi komuni tas-soċjetà, politiċi u ekonomiċi mal-pajjiżi sħab tal-Lvant u n-Nofsinhar; jissottolinja r-rwol strateġiku li l-Unjoni jista' jkollha permezz tal-PEV billi ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-sħab tal-UE, bħala prijorità ewlenija, quddiem it-theddidiet u l-pressjonijiet li qed jesperjenzaw; jirrikonoxxi li biex l-Unjoni Ewropea tkun attur globali b'saħħtu, jeħtieġ li l-UE tkun attur rilevanti fil-viċinat;

    33.

    Ifakkar li d-demokraziji moderni jirrikjedu fergħat leġiżlattivi li jiffunzjonaw kompletament u, f'dan ir-rigward, jissottolinja l-importanza li tiġi appoġġata l-ħidma tal-parlamenti kemm fil-Balkani tal-Punent kif ukoll fil-viċinat;

    34.

    Jirrikonoxxi l-importanza tal-istabbiltà tal-Viċinat tal-Lvant għall-istabbiltà tal-Unjoni stess u l-potenzjal trasformattiv tal-UE għar-reġjuni u l-pajjiżi tal-viċinat; itenni l-appoġġ tiegħu għas-Sħubija tal-Lvant, li fl-2019 iċċelebrat l-10 anniversarju tagħha; jisħaq, madankollu, li sabiex is-Sħubija tal-Lvant tkun aktar ta' suċċess, hija teħtieġ inizjattivi u impenji ġodda miż-żewġ naħat (jiġifieri, min-naħa tal-UE u tas-sħab tagħha); iħeġġeġ l-iżvilupp ta' relazzjonijiet dejjem aktar mill-qrib mas-Sħubija tal-Lvant, inklużi strateġiji mmirati għall-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova u l-importanza li tittieħed nota tal-ideat bħalma huma t-Triju ta' Strateġiji 2030 u l-ideat mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant assoċjati mal-UE li huma l-aktar avvanzati; jenfasizza li tali approċċ għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta' “aktar għal aktar” u “anqas għal anqas”, immexxi mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-koalizzjoni ta' Stati Membri tal-istess fehma, magħrufa bħala l-proċess tat-Triju Ewropew, b'enfasi fuq proġetti u programmi tanġibbli biex jiġu segwiti l-aħjar prattiki mill-proċess ta' Berlin u l-integrazzjoni taż-Żona Ekonomika Ewropea; jemmen li s-suċċess tat-trasformazzjoni fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant – speċjalment il-pajjiżi assoċjati mal-UE tal-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia – jista' jagħti riżultati pożittivi, li jista' jkollhom ukoll influwenza fuq is-soċjetà fil-pajjiżi ġirien tar-Russja;

    35.

    Ifakkar u jenfasizza li l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u ma' pajjiżi ġirien oħra tal-UE għandha tkun prijorità għall-PESK minħabba l-interess vitali tal-UE fl-iżvilupp u d-demokratizzazzjoni ta' dawn il-pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jsaħħu r-rabtiet ekonomiċi u ta' konnettività, bl-użu ta' ftehimiet kummerċjali u ta' assoċjazzjoni, l-aċċess għas-suq uniku u kuntatti aktar profondi bejn il-persuni, fosthom permezz tal-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-viżi meta jkunu ġew issodisfati r-rekwiżiti kollha; jenfasizza li dawn ta' hawn fuq jistgħu jservu bħala inċentivi biex jitrawmu r-riformi demokratiċi u l-adozzjoni ta' regoli u tal-istandards tal-UE;

    36.

    Itenni l-impenn tal-UE li tappoġġa s-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tal-Ukrajna u tal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant fi ħdan il-fruntieri tagħhom rikonoxxuti internazzjonalment, skont id-dritt, in-normi u l-prinċipji internazzjonali, sabiex jiżdied l-appoġġ għar-residenti affettwati mill-konflitti, il-persuni spostati internament u r-rifuġjati, u li jiġu miġġielda l-attentati ta' destabbilizzazzjoni minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari r-Russja; jirrifjuta l-użu tal-forza jew it-theddida ta' forza meta jiġu riżolti l-konflitti u jtenni l-viżjoni tiegħu li l-konflitti attwali fil-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant għandhom jiġu riżolti b'konformità man-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali; jibqa' impenjat bis-sħiħ għall-politika ta' nuqqas ta' rikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea; jissottolinja bil-qawwa l-importanza tal-pożizzjoni proattiva bbażata fuq id-dritt internazzjonali kontra l-konflitti mtawla fil-Viċinat tal-Lvant; jikkundanna, barra minn hekk, il-militarizzazzjoni kontinwa fit-territorji okkupati Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u jistieden lir-Russja tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali; jissottolinja, li aktar minn għaxar snin wara t-tmiem tal-att ta' aggressjoni Russu fil-Georgia u waqfien mill-ġlied sussegwenti nnegozjat mill-UE, ir-Russja għadha qed taġixxi bi ksur sfaċċat ta' xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha stess u li l-proċess ta' “frunterizzazzjoni” għadu għaddej; jitlob li jissaħħaħ il-mandat tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia (EUMM) u li titjieb il-viżibbiltà tagħha; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa, bħala l-forza ta' okkupazzjoni, biex tonora l-obbligi internazzjonali tagħha u tagħti lill-EUMM aċċess bla xkiel għar-reġjuni okkupati;

    37.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-affermazzjoni mill-ġdid tal-President Kummissjoni dwar il-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent u jisħaq fuq l-impenn tiegħu favur it-tkabbir, li jibqa' politika ewlenija u jservi ta' forza propulsiva tal-UE; itenni l-ħtieġa li l-pożizzjoni tal-UE dwar it-tkabbir tkun ambizzjuża u kredibbli;

    38.

    Jappella għal strateġija ta' tkabbir kredibbli tal-UE fil-Balkani tal-Punent, imsejsa fuq kundizzjonalità stretta u ekwa skont l-applikazzjoni tal-kriterji ta' Copenhagen, u li tibqa', għal raġunijiet ta' politika barranija, għodda importanti għall-promozzjoni tas-sigurtà billi ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiżi f'reġjun ta' importanza strateġika għall-UE;

    39.

    Itenni li, minbarra l-PESK ġenerali, l-objettivi tal-politika tal-UE dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma li tiggwidahom lejn l-adeżjoni; jenfasizza li dan il-proċess ta' tkabbir huwa bbażat fuq il-mertu u jiddependi mir-rispett tagħhom għall-kriterji ta' Copenhagen, il-prinċipji tad-demokrazija, ir-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi, l-osservanza tal-istat tad-dritt u l-kisbiet individwali tagħhom biex jissodisfaw il-kriterji imposti;

    40.

    Jissottolinja l-importanza ta' proċess ta' riforma li għaddej marbut mal-effett trasformattiv fuq il-pajjiżi kandidati; jibqa' impenjat bis-sħiħ li jappoġġa r-riformi u l-proġetti orjentati lejn l-UE, b'mod partikolari dawk li jiffukaw fuq it-tisħiħ ulterjuri tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u t-trawwim tar-rikonċiljazzjoni, ir-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali; jinnota b'dispjaċir it-tnaqqis fir-ritmu tal-proċess;

    It-tisħiħ tal-PESK għall-ġlieda kontra t-theddid globali

    41.

    Jappella għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE u tal-Istati Membri li jaġixxu b'mod awtonomu fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jenfasizza li sħubijiet effiċjenti u mill-qrib ma' organizzazzjonijiet sħab, bħan-NU jew in-NATO, u ma' istituzzjonijiet internazzjonali oħra, bħall-Unjoni Afrikana u l-OSKE, huma aktar vitali minn qatt qabel; jenfasizza li n-NATO hija s-sieħba ewlenija tas-sigurtà tal-UE; jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib man-NATO fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mad-difiża u tal-indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà li qed tiffaċċja l-UE u l-viċinat tagħha, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-ġlieda kontra t-theddid ibridu;

    42.

    Jilqa' l-isforzi tal-UE biex issaħħaħ is-sigurtà u d-difiża tal-UE sabiex tipproteġi aħjar lill-Unjoni u liċ-ċittadini tagħha u biex tikkontribwixxi għall-paċi u l-istabbiltà fil-viċinat u lil hinn minnu, f'konformità mad-dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO tal-10 ta' Lulju 2018;

    43.

    Jissottolinja r-rwol tan-NATO bħala pilastru importanti tas-sigurtà Ewropea u jilqa' l-proċess li għaddej tat-tkabbir tan-NATO, li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-benesseri tal-Ewropa;

    44.

    Jemmen li l-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata (VMK) tagħmel il-politika estera u ta' sigurtà tal-UE aktar effettiva u tħaffef il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jistieden lill-Kunsill juża l-VMK regolarment fil-każijiet previsti fl-Artikolu 31(2) tat-TUE u jistieden lill-Kunsill juża din l-inizjattiva billi juża l-klawsola “passerelle” prevista fl-Artikolu 31(3) tat-TUE; jinkoraġġixxi lill-Kunsill jikkunsidra l-estensjoni tal-VMK għal setturi oħra tal-PESK;

    45.

    Jappoġġa d-dibattitu fl-UE dwar formati ġodda, bħal Kunsill tas-Sigurtà tal-UE fi djalogu sħiħ u f'kooperazzjoni sħiħa mal-Istati Membri, u dwar modi ġodda ta' koordinazzjoni aktar mill-qrib fl-UE u mal-awtoritajiet internazzjonali sabiex jiġi ffaċilitat proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti fil-qasam tal-politika tas-sigurtà;

    46.

    Jilqa' d-deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni li, fi żmien ħames snin, tinbena Unjoni Ewropea tad-Difiża ġenwina u operattiva, u jappella għal skambji trasparenti mal-Parlament u l-Istati Membri għall-istabbiliment ta' unjoni tad-difiża; jemmen li, f'dan il-kuntest, l-UE għandha tagħmel l-aħjar użu mill-mekkaniżmi u l-istrumenti diġà eżistenti, bħall-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), il-Mobbiltà Militari u l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF), li għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċitajiet nazzjonali u Ewropej u jappoġġaw it-titjib tal-effiċjenza tal-industriji Ewropej tad-difiża; jappella għall-ħolqien ta' mekkaniżmu għall-kontroll demokratiku parlamentari tal-istrumenti l-ġodda kollha fil-qasam tad-difiża;

    47.

    Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żgurata l-evalwazzjoni kostanti tal-PESCO u tal-EDF u l-modi kif jikkontribwixxu għall-objettivi tal-PESK, sabiex tiġi żgurata l-provvista ta' riżorsi adegwati skont l-impenji tal-PESCO, u biex id-deċiżjonijiet tal-UE jiġu implimentati b'mod effettiv u koerenti – anki permezz ta' Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) aktar integrata – b'mod li jiggarantixxi li l-Unjoni tibqa' miftuħa għall-kooperazzjoni;

    48.

    Ifakkar li l-Artikolu 20(2) tat-TUE, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għal kooperazzjoni msaħħa, jipprevedi possibbiltajiet addizzjonali għall-Istati Membri biex jimxu 'l quddiem bil-PESK u, għaldaqstant, għandu jintuża;

    49.

    Ifakkar li t-tibdil fil-klima għandu impatt fuq l-aspetti kollha tal-ħajja tal-bniedem, u li, inter alia, iżid il-probabbiltà ta' konflitti u vjolenza; jenfasizza li t-tħassib dwar is-sigurtà tal-klima u r-rieda li tiġi infurzata l-governanza ambjentali globali għandhom jiġu integrati fil-politika barranija tal-UE;

    50.

    Jissottolinja l-fatt li l-UE għandha tiżviluppa l-kapaċitajiet biex tissorvelja r-riskji relatati mat-tibdil fil-klima, li għandhom jinkludu politiki dwar is-sensittività għall-konflitti u l-prevenzjoni tal-kriżijiet; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, li l-konnessjoni ta' miżuri ta' adattament għall-klima u ta' konsolidazzjoni tal-paċi ssaħħaħ il-prevenzjoni tal-konflitti; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ komprensiv u antiċipatorju għat-tibdil fil-klima; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jaġixxu b'ambizzjonijiet kbar fil-konferenza internazzjonali dwar il-klima u jimplimentaw l-obbligi tagħhom; jenfasizza l-valur tad-diplomazija dwar il-klima f'dan ir-rigward;

    51.

    Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ komprensiv għat-tibdil fil-klima u s-sigurtà f'konformità mal-SDGs, b'mod partikolari l-SDG 13 u l-SDG 16, li jiġu żgurati flussi ekwi u suffiċjenti ta' finanzjament għall-klima skont il-Ftehim ta' Pariġi u li jiġu ddedikati livelli ogħla ta' finanzjament għal tali azzjonijiet taħt l-IcSP attwali u l-NDICI li jmiss;

    52.

    Jissottolinja l-importanza ġeopolitika li qed tikber tal-Artiku u l-effetti tagħha fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà kemm fl-UE kif ukoll f'livell globali; iħeġġeġ lill-UE taħdem għal politika interna u esterna tal-UE aktar koerenti, strateġija għall-Artiku u pjan ta' azzjoni konkret dwar l-impenn tal-UE fl-Artiku li jqis ukoll l-aspett ġeostrateġiku u tas-sigurtà; jinnota l-kapaċità tal-UE li tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni ta' sfidi potenzjali ġeostrateġiċi u fil-qasam tas-sigurtà;

    53.

    Jappella għal appoġġ aktar b'saħħtu għall-istrateġija dwar is-sigurtà marittima tal-UE, billi l-libertà tan-navigazzjoni hija sfida li qed tikber kemm globalment kif ukoll għall-viċinat; jinsisti li l-libertà tan-navigazzjoni trid tiġi rrispettata f'kull ħin u li jeħtieġ li l-miżuri jiffukaw fuq id-dieskalazzjoni u fuq il-prevenzjoni tal-konflitti armati u tal-inċidenti militari;

    54.

    Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li t-tensjonijiet qed jiżdiedu u li l-ksur tad-Dritt tal-Baħar u tad-dritt marittimu internazzjonali għadu jippersisti madwar ħafna mill-hotspots marittimi ewlenin fid-dinja, bħal fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, l-Istrett ta' Hormuz, il-Golf ta' Aden u l-Golf tal-Guinea; ifakkar fis-sitwazzjoni volatili fil-Baħar ta' Azov; jinnota li ħafna minn dawn it-tensjonijiet huma ta' natura ġeopolitika;

    55.

    Jitlob lill-UE tieħu miżuri attivi u tikkunsidra miżuri restrittivi b'reazzjoni għal ksur serju tal-libertà tan-navigazzjoni u tad-dritt marittimu internazzjonali;

    56.

    Ifakkar li reġimi internazzjonali effettivi ta' kontroll tal-armi, ta' diżarm u ta' nonproliferazzjoni huma pedament tas-sigurtà globali u Ewropea; jinnota li trasferimenti irresponsabbli ta' armi lejn pajjiżi terzi jipperikolaw u jdgħajfu l-PESK, b'mod partikolari l-isforzi tal-UE favur il-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli; jappella għal konformità stretta mat-tmien kriterji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK dwar il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' armi u jappella għal mekkaniżmu għall-monitoraġġ u l-kontroll fil-livell tal-UE f'dan ir-rigward; jenfasizza l-ħtieġa ta' industrija tad-difiża li tuża l-flus tal-kontribwenti b'mod effikaċi u effiċjenti, flimkien mal-ħtieġa li l-UE trawwem suq intern aktar integrat fl-oġġetti tad-difiża u politika koordinata għall-appoġġ tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tad-difiża; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu d-diżarm nukleari multilaterali prijorità tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE; jemmen li l-UE trid tkompli bl-isforzi tagħha biex iżżomm il-ftehim nukleari mal-Iran ħaj; iħeġġeġ lill-VP/RGħ juża l-mezzi politiċi u diplomatiċi kollha disponibbli biex jissalvagwardja l-pjan ta' azzjoni komprensiv konġunt (PAKK) u t-trattat dwar it-tnaqqis tal-armi strateġiċi ġdid (START ġdid), u jvara strateġija koerenti u kredibbli għal negozjati multilaterali dwar miżuri reġjonali ta' dieskalazzjoni u tisħiħ tal-fiduċja fil-Golf li tinvolvi lill-atturi kollha fir-reġjun; jenfasizza li l-kapaċità tal-UE li tinvolvi ruħha b'mod diplomatiku mal-atturi kkonċernati kollha hija vantaġġ qawwi li għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ għal dak il-għan;

    57.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonformaw bis-sħiħ mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar il-kontroll ta' esportazzjoni ta' armi, biex jimplimentaw b'mod strett l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn din il-Pożizzjoni Komuni, b'mod partikolari l-kriterju 4 dwar il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali, rigward il-politika tagħhom dwar l-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija, u biex jimponu embargo fuq l-armi lejn it-Turkija wara l-invażjoni illegali tagħha tat-Tramuntana tas-Sirja u l-azzjonijiet illegali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran – b'mod partikolari, l-invażjoni tagħha taż-żona ekonomika esklussiva u tal-ilmijiet territorjali tar-Repubblika ta' Ċipru; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi rieżaminata u aġġornata sabiex il-kriterji jiġu applikati u implimentati b'mod strett u jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' sanzjonijiet; jistieden lill-VP/RGħ jagħti prijorità lil dan id-dossier;

    58.

    Jistieden lill-VP/RGħ jippromwovi strateġija ta' kooperazzjoni bireġjonali multidimensjonali mal-Amerka Latina u l-Karibew fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, iħeġġeġ id-difiża konġunta tal-ordni multilaterali, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu fuq l-istabbiltà soċjali, politika u ekonomika, u jrawwem id-djalogu bħala għodda għall-kisba ta' soluzzjonijiet negozjati paċifiċi għall-konflitti politiċi li qed nesperjenzaw;

    59.

    Jitlob li tiġi studjata l-possibbiltà li jinħoloq forum ġdid għall-kooperazzjoni multilaterali fost l-alleati tal-Punent, jiġifieri l-UE, l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Ġappun, il-Kanada, il-Korea t'Isfel, l-Awstralja u New Zealand, permezz tal-legat tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni għall-Kontrolli Strateġiċi Multilaterali tal-Esportazzjoni; jenfasizza li l-mandat ta' forum ġdid għandu jkopri l-monitoraġġ u l-kontroll tal-esportazzjoni tat-teknoloġiji, tal-flussi kummerċjali u tal-investimenti sensittivi lejn pajjiżi ta' tħassib;

    60.

    Jenfasizza li t-tisħiħ ta' relazzjonijiet sostanzjali mal-Asja tal-Lvant u tax-Xlokk huwa essenzjali għall-istrateġija dwar il-konnettività tal-UE bbażata fuq ir-regoli, komprensiva u sostenibbli, u vice versa; għalhekk, jippromwovi s-sostenibbiltà, approċċ ibbażat fuq ir-regoli u l-QFP bħala strument deċiżiv;

    61.

    Jieħu nota tat-tqawwija tal-forzi militari fir-reġjun u jitlob lill-partijiet kollha involuti jirrispettaw il-libertà tan-navigazzjoni, jirriżolvu d-differenzi b'mezzi paċifiċi u jastjenu milli jieħdu azzjonijiet unilaterali biex ibiddlu l-istatus quo, anki fil-Baħar taċ-Ċina tal-Lvant, fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fl-Istrett tat-Tajwan; jinsab mħasseb minħabba l-fatt li l-indħil barrani minn reġimi awtokratiċi fl-elezzjonijiet ġenerali li jmiss, permezz ta' azzjonijiet ta' diżinformazzjoni u attakki informatiċi, jhedded id-demokraziji Asjatiċi u l-istabbiltà tar-reġjun; itenni l-appoġġ tiegħu għall-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan fl-organizzazzjonijiet, fil-mekkaniżmi u fl-attivitajiet internazzjonali;

    62.

    Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tintegra strateġija ta' ċibersigurtà fl-isforzi ta' diġitalizzazzjoni tal-UE u tippromwovi l-inizjattiva fl-Istati Membri kollha bħala parti minn impenn politiku u ekonomiku b'saħħtu favur l-innovazzjoni diġitali;

    63.

    Jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fir-rigward tal-ġlieda kontra t-theddid ċibernetiku u ibridu li huma kombinazzjoni ta' pożizzjonijiet ambigwi, billi jissaħħu l-mekkaniżmi ta' ċiberdifiża tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u r-reżiljenza tagħhom għat-theddid ibridu, u billi jibnu infrastrutturi kritiċi li jkunu ċiberreżiljenti; jappella, f'dan ir-rigward, għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet u metodi konġunti u komprensivi biex jiġu analizzati r-riskji u l-vulnerabbiltà; jenfasizza li tenħtieġ koordinazzjoni aħjar sabiex tali sfidi jingħelbu b'mod effettiv; ifakkar li l-komunikazzjoni strateġika u d-diplomazija pubblika għandhom isaħħu l-influwenza ġeopolitika u l-immaġni ġenerali tal-UE fid-dinja u għandhom jipproteġu l-interessi tal-UE;

    64.

    Jenfasizza li l-indħil barrani fl-affarijiet tal-UE huwa riskju kbir għas-sigurtà u għall-istabbiltà tal-UE; jappoġġa bil-qawwa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' komunikazzjoni strateġika tal-Unjoni Ewropea; jitlob, f'dan ir-rigward, li jingħata aktar appoġġ għat-tliet task forces għall-komunikazzjoni strateġika (il-Balkani tal-Lvant, tan-Nofsinhar u tal-Punent); jitlob, għalhekk, li jingħata aktar appoġġ lit-Taqsima tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE, peress li għandha rwol fundamentali, billi tinbidel f'unità kompluta fi ħdan is-SEAE li tkun responsabbli għall-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, b'persunal xieraq u b'riżorsi baġitarji adegwati – possibbilment permezz ta' linja baġitarja dedikata addizzjonali;

    65.

    Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom u jħeġġu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni biex ma jħallux lil atturi statali u mhux statali minn pajjiżi terzi jeżerċitaw indħil ostili fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri; jemmen li kapaċitajiet akbar ta' komunikazzjoni strateġika tal-UE jistgħu jikkontribwixxu għal dak il-għan;

    66.

    Jissottolinja li l-indħil fl-elezzjonijiet huwa parti minn strateġija usa' ta' gwerra ibrida u li għalhekk ir-rispons għalih jibqa' kwistjoni fundamentali ta' sigurtà u ta' politika barranija; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija komprensiva fil-ġlieda kontra l-indħil barrani fl-elezzjonijiet u d-diżinformazzjoni fil-proċessi demokratiċi nazzjonali u Ewropej, inklużi dawk li jkunu ġejjin minn propaganda Russa sostnuta mill-istat;

    67.

    Jinnota li r-Russja hija l-aktar sors imminenti ta' theddid għas-sigurtà konvenzjonali u ibridu għall-UE u l-Istati Membri tagħha, u qed taħdem attivament biex iddgħajjef l-għaqda, l-indipendenza, il-valuri universali u n-normi internazzjonali Ewropej; isostni li, filwaqt li ma tista' tkun mistennija ebda bidla fil-politika aggressiva taħt it-tmexxija attwali f'Moska, il-bidla pożittiva għal pajjiż aktar demokratiku u fuq stil Ewropew hija possibbli f'futur aktar imbiegħed; jappella, għalhekk, għal aktar sforzi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u għall-ħolqien ta' strateġija fit-tul tal-UE fil-konfront tar-Russja li tkun mibnija fuq it-tliet pilastri ta' deterrenza, trażżin u trasformazzjoni;

    68.

    Jistieden lill-Kunsill jissupplementa s-sett ta' għodod tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija b'reġim ta' sanzjonijiet globali tat-tip “Magnitsky Act” biex isaħħaħ dak li diġà jeżisti billi jippermetti l-impożizzjoni ta' ffriżar tal-assi u ta' projbizzjonijiet tal-viża fuq individwi involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

    69.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħed benefiċċju mill-vantaġġ kompetittiv tal-UE sabiex l-UE tkun tista' tistabbilixxi malajr pożizzjoni strateġika fit-tellieqa internazzjonali tat-teknoloġiji emerġenti, l-informazzjoni, id-difiża, l-industriji tal-enerġija rinnovabbli, l-użu tal-5G, l-ekosistema tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew (EuroHPC) u l-aċċess awtonomu, affidabbli u kosteffikaċi tal-UE għall-ispazju sabiex l-UE ma ssirx dipendenti fuq ġganti teknoloġiċi u diġitali mhux Ewropej f'pajjiżi terzi; jenfasizza li l-iżvilupp ta' teknoloġija ta' intelliġenza artifiċjali affidabbli huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-UE, b'mod partikolari, fir-rigward tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-kapaċitajiet; għalhekk, jistieden lill-Unjoni żżomm u żżid l-investiment tagħha f'dan il-qasam;

    70.

    Jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tal-missjonijiet ċivili u militari li jagħmlu parti mill-PSDK u jirrimarka li dawk il-missjonijiet iridu jingħataw ir-riżorsi umani u materjali biex iżommu l-paċi, jevitaw il-konflitti, isaħħu s-sigurtà internazzjonali u jirrinfurzaw l-identità Ewropea u l-awtonomija strateġika tal-UE; jesprimi dispjaċir li l-effikaċja ta' dawn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK qed tiġi mminata minn dgħufijiet strutturali persistenti, disparità qawwija fil-kontributi tal-Istati Membri u l-limiti tal-mandati tagħha;

    71.

    Jemmen li l-UE għadha ma għamlitx użu adegwat mir-riżorsi abbundanti tagħha fil-qasam tal-PSDK; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fil-qasam tal-kooperazzjoni fil-PESK, sabiex il-missjonijiet ċivili u militari tal-PSDK isiru aktar robusti, biex itejbu l-kapaċità operattiva tagħhom permezz ta' aktar flessibbiltà, iżidu l-effiċjenza u l-effikaċja fil-post, u jagħmlu l-mandati tagħhom aktar komprensivi, semplifikati u ċari; jemmen li strumenti ġodda bħall-Faċilità Ewropea għall-Paċi jistgħu jsaħħu s-solidarjetà u l-kondiviżjoni tal-piżijiet bejn l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-kontribut għall-operazzjonijiet tal-PSDK u jistgħu jgħinu b'mod aktar ġenerali biex tiżdied l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE;

    72.

    Ifakkar li approċċ inklużiv għall-prevenzjoni, il-mitigazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti huwa fundamentali għall-vijabbiltà fit-tul tagħhom u jfakkar fis-suċċess akbar tar-riżoluzzjoni tal-konflitti meta l-ugwaljanza u l-parità bejn il-ġeneri jiġu rrispettati tul il-proċess; jitlob li jiżdiedu l-parteċipazzjoni u l-pożizzjonijiet maniġerjali tan-nisa f'missjonijiet bħal dawn, inkluż fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fin-negozjati; jenfasizza li perspettiva ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tiġi integrata b'mod aktar sistematiku fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, u biex tikkontribwixxi b'mod attiv għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà u r-riżoluzzjonijiet ta' segwitu tagħha dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u r-Riżoluzzjoni 2250 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi l-inklużjoni strutturali tan-nisa, taż-żgħażagħ, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-minoranzi reliġjużi u etniċi u ta' minoranzi oħra fl-attivitajiet kollha tagħha relatati mal-ġestjoni tal-konflitti;

    73.

    Jappella għall-integrazzjoni effettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tad-drittijiet tal-minoranzi fl-aspetti strateġiċi u operattivi tal-azzjoni esterna tal-UE, li jistgħu jinkludu l-programmazzjoni mmirata fl-istrument finanzjarju NDICI l-ġdid; jilqa' l-impenn li ħa l-VP/RGħ li tintlaħaq il-mira li 40 % tal-pożizzjonijiet maniġerjali u ta' Kapijiet ta' Delegazzjoni jkunu nisa sa tmiem il-mandat tiegħu; jistieden lis-SEAE jagħti lill-Parlament aġġornamenti regolari dwar l-implimentazzjoni ta' dak l-impenn;

    74.

    Jenfasizza li t-theddida tat-terroriżmu għadha preżenti kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha; jemmen bis-sħiħ li l-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha tibqa' prijorità għall-UE fis-snin li ġejjin; jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida tippreżenta pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-terroriżmu;

    75.

    Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ u l-garanzija tal-kooperazzjoni fl-intelligence fi ħdan l-UE, peress li t-terroriżmu qed jhedded il-valuri fundamentali Ewropej tagħna kif ukoll is-sigurtà tagħna, u jirrikjedi approċċ multidimensjonali li jinvolvi lill-awtoritajiet tal-fruntieri, lill-pulizija, lill-qrati u lis-servizzi tal-intelligence tal-Istati Membri kollha, flimkien ma' pajjiżi barra l-UE;

    o

    o o

    76.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.

    (1)  ĠU C 210, 3.8.2010, p. 1.

    (2)  Testi adottati, P8_TA(2017)0440.

    (3)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.


    Top