Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IP0007

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni – rapport annwali 2018 (2019/2125(INI))

    ĠU C 270, 7.7.2021, p. 25–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 270/25


    P9_TA(2020)0007

    Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni – rapport annwali 2018 (2019/2125(INI))

    (2021/C 270/03)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati u l-istrumenti l-oħra tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 8, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 17 u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

    wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, ippreżentata fit-28 ta' Ġunju 2016,

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019, adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015, u r-Rieżami ta' Nofs it-Terminu tiegħu ta' Ġunju 2017,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin li ġew adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline, u dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida riveduti tal-UE għall-politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, adottati fis-16 ta' Settembru 2019,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-ilma tax-xorb sikur u s-sanità, adottati fis-17 ta' Ġunju 2019,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (minn hawn 'il quddiem il-“Konvenzjoni ta' Istanbul”) tal-11 ta' Mejju 2011, li mhux l-Istati Membri kollha rratifikawha,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (CETS Nru 197) u dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali (CETS Nru 201),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji,

    wara li kkunsidra s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi II (GAP II) “L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: Nibdlu l-Ħajja tal-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020”, tal-21 ta' Settembru 2015;

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, u ż-żewġ Protokolli Fakultattivi tagħha,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tat-30 ta' Marzu 2007,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jappartjenu għal Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi u dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,

    wara li kkunsidra r-rapport tat-8 ta' Awwissu 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (1),

    wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tas-16 ta' Ġunju 2011,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt u r-Responsabbiltà ta' Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti, adottata fid-9 ta' Diċembru 1998,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fi New York, tal-15 ta' Ottubru 2019,

    wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Yogyakarta (dwar l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru), adottati f'Novembru 2006, u l-10 prinċipji komplementari (“plus 10”), adottati fl-10 ta' Novembru 2017,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-28 ta' Mejju 2019 li taħtar it-22 ta' Awwissu bħala l-Jum Internazzjonali tan-NU ta' Tifkira għall-Vittmi ta' Atti ta' Vjolenza bbażata fuq Reliġjon jew Twemmin,

    wara li kkunsidra konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

    wara li kkunsidra l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-10 u fil-11 ta' Diċembru 2018,

    wara li kkunsidra l-Patt Globali dwar ir-Rifuġjati, affermat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-17 ta' Diċembru 2018,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (2),

    wara li kkunsidra l-Protokoll tal-Kunsill tal-Ewropa tal-10 ta' Ottubru 2018 li jemenda l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, tal-25 ta' Ġunju 2018, dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-Nazzjonijiet Uniti u fit-73 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, tas-17 ta' Lulju 2018 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-okkażjoni tal-20 anniversarju tal-adozzjoni tal-Istatut ta' Ruma,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2016 intitolata “Lejn Ħajja b'Dinjità: minn dipendenza fuq l-għajnuna għal ħajja indipendenti” (COM(2016)0234) u l-konklużjonijiet sussegwenti tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-approċċ tal-UE għall-ispostament furzat u l-iżvilupp,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-demokrazija, adottati fl-14 ta' Ottubru 2019,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin jew ir-Rappreżentanti tat-13-il Stat Membru tan-NU parteċipanti, tas-27 ta' Settembru 2018, dwar l-Inizjattiva ta' Stejjer Tajbin dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2018,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2017 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (3), u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar rapporti annwali preċedenti,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi (4) u r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 lill-Kunsill u lill-VP/RGħ dwar l-analiżi tas-segwitu mogħti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) sentejn wara r-Rapport tal-PE dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar il-Linji Gwida tal-UE u l-mandat tal-Mibgħut Speċjali tal-UE dwar il-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin barra l-UE (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-popli indiġeni fid-dinja, inkluż il-ħtif tal-art (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI (2019-2024) (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet kollha tiegħu adottati fl-2018 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt (magħrufa bħala riżoluzzjonijiet ta' urġenza) skont l-Artikolu 144 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb, li fl-2018 ingħata lil Oleg Sentsov, reġista Ukren u priġunier politiku miżmum fir-Russja,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-ittra mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0051/2019),

    A.

    billi matul iċ-ċelebrazzjoni tas-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2018, l-UE saħqet fuq l-importanza politika li jiġi żviluppat ordni globali msejjes fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tenniet l-impenn profond u sod tagħha favur il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; billi f'Novembru 2018 il-Parlament Ewropew organizza, għall-ewwel darba, il-Ġimgħa tad-Drittijiet tal-Bniedem, li fiha enfasizza r-riżultati ewlenin li kiseb mindu ġiet adottata d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll l-isfidi tal-lum għad-drittijiet tal-bniedem;

    B.

    billi r-rispett, il-promozzjoni, l-indiviżibbiltà u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-promozzjoni tal-prinċipji u l-valuri demokratiċi inkluż l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u l-prinċipji tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà, huma l-pedamenti tal-acquis etiku u legali tal-UE u tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) tagħha, kif ukoll tal-azzjoni esterna kollha tagħha; billi l-UE għandha tkompli tistinka biex tkun l-attur globali ewlieni fil-promozzjoni u l-protezzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fil-livell ta' kooperazzjoni multilaterali, b'mod partikolari permezz ta' rwol attiv u kostruttiv f'diversi korpi tan-NU u f'konformità mal-Karta tan-NU, mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mad-dritt internazzjonali, kif ukoll mal-obbligi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u mal-impenji li ttieħdu fl-ambitu tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

    C.

    billi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkwantu ġabra ta' valuri, prinċipji u normi universali li jiggwidaw l-Istati Membri tan-NU, tqiegħed lill-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-governanza tajba; billi, fl-ispirtu tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 21 tat-TUE, l-UE tinsab fuq quddiem nett biex issegwi politiki bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u hija impenjata b'mod kostanti li tindirizza l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

    D.

    billi l-UE, permezz ta' azzjonijiet f'livell bilaterali u multilaterali, kompliet tappoġġja l-progress tad-drittijiet tal-bniedem fl-2018, b'mod partikolari billi ssaħħaħ id-djalogu politiku ma' pajjiżi mhux membri tal-UE, inklużi dawk li jfittxu l-integrazzjoni Ewropea, u istituzzjonijiet reġjonali oħra bħall-Unjoni Afrikana, u billi tistabbilixxi ftehimiet internazzjonali ġodda li jinkludu l-kummerċ u s-sħubijiet ekonomiċi; billi impenn ambizzjuż jirrikjedi li l-UE tkun konsistenti u tmexxi bl-eżempju;

    E.

    billi l-politiki tal-UE jridu jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħal minoranzi etniċi, lingwistiċi u reliġjużi, il-persuni b'diżabilità, il-komunità LGBTI, in-nisa, it-tfal, il-persuni li jfittxu asil u l-migranti; billi matul iċ-ċelebrazzjoni tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-UE rrikonoxxiet ir-rwol kruċjali li jiżvolġu d-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fit-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; billi s-Summit Dinji 2018 tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem wassal għal Pjan ta' Azzjoni bi prijoritajiet għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem; billi fl-2018, għadd kbir ta' Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem kienu fil-mira u nqatlu, filwaqt li kienu soġġetti għal attakki, theddid u persekuzzjoni; billi xi kumpaniji privati militari u ta' sigurtà kienu implikati f'għadd ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ksur li jrid jiġi investigat b'mod xieraq filwaqt li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

    F.

    billi saħansitra fil-preżent, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa huma soġġetti għal restrizzjonijiet u attakki kontrihom fuq livell internazzjonali; billi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma msejsa fuq id-drittijiet bażiċi tal-bniedem u huma aspetti essenzjali tad-dinjità tal-bniedem; billi l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet huwa wieħed mill-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem l-aktar mifruxa fid-dinja li jaffettwa l-livelli kollha tas-soċjetà u jikkostitwixxi ostaklu ewlieni għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi strateġija komprensiva u vinkolanti tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, eżattament kif talab il-Parlament, trid tipprevedi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki kollha tal-UE u ssaħħaħ l-impatt tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III;

    G.

    billi l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali hija parti mir-raison d'être tal-UE; billi l-UE hija impenjata li taġixxi fix-xena internazzjonali f'isem il-prinċipji li ispiraw il-ħolqien tagħha, u f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali u li tappoġġjahom;

    H.

    billi l-emerġenzi ambjentali, li jinkludu t-tisħin globali u d-deforestazzjoni, huma riżultat tal-azzjonijiet tal-bniedem u jagħtu lok għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-persuni affettwati direttament, permezz tat-telf tad-djar u l-ħabitats tagħhom, iżda anke l-umanità kollha kemm hi; billi huwa importanti li tiġi rikonoxxuta r-rabta bejn id-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tas-saħħa u dik ambjentali; billi l-iżgurar tal-aċċess għall-ilma huwa essenzjali għall-prevenzjoni ta' tensjonijiet f'ċerti reġjuni;

    I.

    billi iżjed koerenza bejn il-politiki interni u dawk esterni tal-UE, kif ukoll fost dawn tal-aħħar, tirrappreżenta rekwiżit indispensabbli għal politika tal-UE effikaċi u ta' suċċess fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-politiki ta' appoġġ favur id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija għandhom jiġu integrati fil-politiki kollha l-oħra tal-UE b'dimensjoni esterna, bħall-iżvilupp, il-migrazzjoni, is-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tkabbir u l-kummerċ, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta' klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet bejn l-UE u l-pajjiżi mhux membri tal-UE; billi konsistenza akbar għandha tippermetti lill-UE tirreaġixxi aktar malajr matul l-istadji bikrija tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tkun attur tad-drittijiet tal-bniedem aktar attiv u kredibbli fil-livell globali;

    J.

    billi t-tranżizzjoni demokratika u l-istabbiliment jew il-konsolidament tal-istat tad-dritt f'bosta pajjiżi huma proċessi twal u diffiċli, u biex ikollhom eżitu pożittiv huwa essenzjali li jingħata appoġġ estern fuq perjodu twil, anke min-naħa tal-UE;

    Drittijiet tal-bniedem u demokrazija: tendenzi ġenerali u sfidi ewlenin

    1.

    Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-attakki fuq id-demokrazija u l-istat tad-dritt fid-dinja kollha matul l-2018, li jirriflettu l-qawmien tal-awtoritarjaniżmu bħala proġett politiku, li jinkarna l-inosservanza tad-drittijiet tal-bniedem, ir-repressjoni tad-dissens, ġustizzja politiċizzata u riżultati tal-elezzjonijiet predeterminati, spazju li qed jiċkien għas-soċjetà ċivili biex topera fih, u limitazzjonijiet fuq il-libertà ta' għaqda u espressjoni; jissottolinja l-importanza ta' soċjetà ċivili li tippermetti reazzjonijiet flessibbli, f'waqthom u effettivi għal reġimi li jiksru d-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi;

    2.

    Huwa tal-fehma li l-pajjiżi li jaqgħu taħt reġimi awtoritarji jsiru aktar vulnerabbli għall-instabbiltà, il-kunflitt, il-korruzzjoni, l-estremiżmu vjolenti u l-involviment f'kunflitti militari barranin; jesprimi t-tħassib tiegħu li għad hemm reġimi li jiċħdu l-eżistenza nnifisha tad-drittijiet tal-bniedem universali minquxa fid-dritt internazzjonali; jilqa' l-fatt li, madankollu, għadd ta' pajjiżi taw bidu għal proċessi ta' paċi u demokratizzazzjoni, implimentaw riformi kostituzzjonali u ġudizzjarji, u ddjalogaw mas-soċjetà ċivili f'dibattiti miftuħin u pubbliċi bil-għan li jippromwovu l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; jiddispjaċih għall-fatt li minkejja x-xejra dejjem tikber lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt madwar id-dinja, għadd ta' pajjiżi għad iridu jistabbilixxu moratorju;

    3.

    Isostni li l-istati kollha li jirrispettaw il-libertajiet fundamentali rikonoxxuti internazzjonalment bħala l-pilastri tad-demokrazija jeħtiġilhom ikunu fuq quddiem nett fit-tixrid tal-prattiki ta' governanza demokratika bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fid-dinja kollha, u fit-tisħiħ tal-istrumenti leġiżlattivi internazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-isfidi maħluqa mill-użu tal-influwenzi ta' ħsara li jpoġġu f'riskju l-governanza demokratika u l-valuri intrinsiċi tad-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk ixekklu l-isforzi pożittivi tal-istati demokratiċi; jinsab ferm imħasseb dwar ir-rabtiet bejn ir-reġimi awtoritarji u l-partiti u l-gvernijiet populisti fil-livell nazzjonali; jemmen li dawn ir-rabtiet jimminaw il-kredibbiltà tal-isforzi tal-UE biex tippromwovi l-valuri fundamentali;

    4.

    Ifakkar li ma jista' jkun hemm ebda ġerarkija tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati r-rispett sħiħ u l-konformità sħiħa mal-prinċipju li d-drittijiet tal-bniedem huma universali u inaljenabbli, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; jisħaq li t-tentattivi biex jintużaw id-drittijiet ta' ċerti gruppi ħalli jiġġustifikaw il-marġinalizzazzjoni ta' oħrajn huma kompletament inaċċettabbli;

    5.

    Jenfasizza l-pjaga tal-kunflitti armati u l-attakki militari bil-għan, fost l-oħrajn, tat-tindif etniku, li għadha tikkaġuna l-mewt ta' ċivili u tikkawża spostamenti tal-massa, li fl-ambitu tagħha l-atturi statali u mhux statali jaħarbu mir-responsabbiltà tagħhom li jżommu mad-dritt internazzjonali umanitarju u mad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-fatt li r-reġjuni fil-gwerra jew f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt iħabbtu wiċċhom ma' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, ta' natura eċċezzjonali u mmirati li jċaħħdu d-dinjità umana, u li huma kemm devastanti għall-vittmi kif ukoll degradanti għall-awturi; jenfasizza, bħala eżempju, l-użu tat-tortura u ta' trattamenti krudili, inumani u degradanti oħra, l-għajbien furzat, il-qtil extraġudizzjarju, il-vjolenza u l-ikkawżar intenzjonat tal-ġuħ bħala armi tal-gwerra mfassla biex jeqirdu, jiddestabbilizzaw u jiddemoralizzaw individwi, familji, komunitajiet u soċjetajiet, speċjalment it-tfal; jenfasizza l-vulnerabbiltà partikolari tan-nisa minn minoranzi etniċi u reliġjużi għall-vjolenza sesswali, b'mod speċjali dawk li jikkonvertu; jikkundanna bil-qawwa l-attakki fatali fuq sptarijiet, skejjel u fuq persuni ċivili oħra fil-mira li seħħew madwar id-dinja f'kunflitti armati fl-2018; ifakkar li d-dritt għall-ħajja huwa dritt importanti tal-bniedem, u li l-atti illegali tal-gwerra jridu dejjem jiġu kkundannati b'mod unanimu u indirizzati b'mod effettiv;

    6.

    Jiddenunzja l-atti li jitfgħu lura l-multilateraliżmu u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, li qed joħloq sfida serja għad-drittijiet tal-bniedem fuq skala dinjija; jemmen bis-sħiħ f'approċċi u deċiżjonijiet meħuda f'kooperazzjoni fi ħdan qafas multilaterali, b'mod partikolari fi ħdan il-korpi tan-NU u f'formati ta' negozjar eżistenti maqbula fi ħdan organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), bħala l-aktar mezz effettiv biex jiġu moqdija l-interessi tal-umanità, biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-kunflitti bbażati fuq in-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-Karta tan-NU u l-Att Finali ta' Ħelsinki, u biex jitrawwem progress fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jinsab estremament imħasseb dwar il-fatt li s-siġġijiet ta' diversi korpi relatati mad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, inkluż il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, huma okkupati minn pajjiżi b'rekord ippruvat ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

    7.

    Jinsab serjament inkwetat biż-żieda fl-għadd ta' omiċidji, attakki kemm fiżiċi kif ukoll malafamanti u l-użu tal-pieni tal-mewt, persekuzzjonijiet, inkarċerazzjonijiet, fastidji u intimidazzjonijiet fil-konfront tal-persuni li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha, speċjalment il-ġurnalisti, l-akkademiċi, l-avukati, il-politiċi u l-attivisti tas-soċjetà ċivili, inklużi l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa, l-ambjentalisti, id-difensuri tal-artijiet u d-difensuri tal-minoranzi reliġjużi, prinċipalment fil-pajjiżi b'livelli għoljin ta' korruzzjoni u b'riżultati skarsi f'dawk li huma rispett tal-istat tad-dritt u sorveljanza ġudizzjarja; jinsab partikolarment imħasseb dwar l-attakki sfaċċati li dejjem qed jiżdiedu fuq art barranija, f'xi każijiet bi ksur tal-liġijiet u d-drawwiet relatati mal-privileġġi u l-immunitajiet diplomatiċi; jeżiġi ġustizzja u responsabbiltà fl-ogħla livell ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal dawk l-attakki; jinnota li d-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari n-nisa, jiffaċċjaw riskji speċifiċi u jeħtieġu protezzjoni adegwata; jiddenunzja l-fatt li xi gvernijiet adottaw leġiżlazzjoni li tillimita l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili jew tal-moviment soċjali, fosthom l-għeluq tal-NGOs jew l-iffriżar tal-assi tagħhom; jinsab ferm imħasseb dwar l-użu ta' leġiżlazzjoni repressiva dwar iċ-ċibersigurtà u kontra t-terroriżmu biex trażżan id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

    8.

    Jisħaq fuq l-importanza li jsir progress fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fid-drittijiet tan-nisa u l-bniet fuq skala dinjija; jenfasizza li minkejja l-progress, in-nisa u l-bniet għadhom isofru diskriminazzjoni u vjolenza; jisħaq fuq il-fatt li l-maġġoranza tas-soċjetajiet għadhom ibatu biex jagħtu lin-nisa u lill-bniet drittijiet indaqs skont il-liġi u aċċess indaqs għall-edukazzjoni, għall-assistenza fis-saħħa, għal xogħol dinjituż, għal pagi ndaqs u għar-rappreżentanza politika u ekonomika; jesprimi tħassib dwar l-attakki kontinwi mifruxa fuq id-drittijiet tan-nisa u s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati tagħhom, u l-leġiżlazzjoni li f'bosta partijiet tad-dinja tirrestrinġi dawn id-drittijiet; jenfasizza li l-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ tat-tfal huma fost l-aktar ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem; jesprimi tħassib li n-nisa li jesprimu fidi jew twemmin huma vulnerabbli doppjament għall-persekuzzjoni; jilqa' l-Inizjattiva Spotlight bejn l-UE u n-NU dwar tmiem il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u jitlob li tiġi msaħħa;

    9.

    Jisħaq fuq il-fatt li r-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, il-ġlieda kontra kull forma ta' abbuż, abbandun, maltrattament, traffikar u sfruttament tat-tfal, inklużi ż-żwiġijiet furzati u r-reklutaġġ jew l-użu tas-suldati tfal fil-kunflitti armati, u l-għoti ta' kura u edukazzjoni lit-tfal huma kwistjonijiet kruċjali għall-ġejjieni tal-umanità; jappoġġja, f'dan ir-rigward, il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ u rappurtar stabbilit bir-Riżoluzzjoni 1612 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar it-tfal u l-kunflitt armat;

    10.

    Jisħaq fuq l-importanza li tingħata kunsiderazzjoni sħiħa lill-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità; jitlob li l-UE tinkorpora l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni ta' persuni b'diżabilità fil-politiki tagħha ta' azzjoni esterna u dwar l-għajnuna għall-iżvilupp, flimkien mal-ġlieda għal aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol u l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li tippromwovi soluzzjonijiet li jagħmluha aktar faċli għall-persuni b'diżabilità li joperaw fi ħdan is-soċjetà;

    11.

    Jiġbed l-attenzjoni għal każi ta' persekuzzjoni u diskriminazzjoni relatati mal-etnija, in-nazzjonalità, il-klassi soċjali, il-kasta, ir-reliġjon, it-twemmin, il-lingwa, l-età, is-sess, is-sesswalità, u l-identità tal-ġeneru, li għadhom ferm imxerrdin f'bosta pajjiżi u soċjetajiet; jinsab serjament imħasseb bir-risposti dejjem aktar intolleranti u mimlija mibegħda mogħtija lill-persuni li jisfaw vittmi ta' dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-persuni responsabbli għal dak il-ksur jagħtu kont ta' għemilhom;

    12.

    Jinnota li l-għadd ta' persuni spostati b'mod furzat fl-2018 qabeż is-70 miljun ruħ, li jinkludi 26 miljun rifuġjat, 41 miljun persuna spostati internament u 3,5 miljun persuna li qed ifittxu asil (10); jinnota, barra minn hekk, li hemm madwar 12-il miljun persuna apolida fid-dinja kollha; huwa tal-fehma li l-gwerer, il-kunflitti, it-terroriżmu, il-vjolenza, l-oppressjoni politika, il-persekuzzjoni minħabba r-reliġjon jew it-twemmin, il-faqar, u l-insigurtà tal-ilma u l-ikel jagħtu lok għal riskji ta' kunflitti ġodda u għal aktar spostament tal-popolazzjonijiet; jirrikonoxxi li l-konsegwenzi ambjentali tat-tibdil fil-klima, bħall-aċċess aktar limitat għall-ilma tax-xorb sikur, jistgħu jaggravaw l-ispostament tal-popolazzjonijiet;

    13.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-emerġenza klimatika u t-telf tal-massa tal-bijodiversità jikkostitwixxu theddid serju għall-popolazzjoni; ifakkar li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem għall-ħajja, is-saħħa, l-ikel u l-ilma sikur ikunu f'riskju mingħajr ambjent tajjeb għas-saħħa; jiġbed l-attenzjoni għall-impatt li għandha l-qerda ambjentali fuq id-drittijiet tal-bniedem, kemm għall-popolazzjonijiet ikkonċernati kif ukoll fir-rigward tad-dritt għall-ambjent, għall-umanità kollha; jissottolinja l-obbligi u r-responsabbiltajiet essenzjali tal-istati u ta' entitajiet oħrajn li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jikkonformaw mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 biex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu, jimpedixxu l-effetti negattivi tiegħu fuq id-drittijiet tal-bniedem u jippromwovu politiki xierqa f'konformità mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar fl-obbligi tal-istati li jipproteġu l-bijodiversità u jipprovdu aċċess għal rimedji effettivi f'każijiet ta' telf u degradazzjoni tal-bijodiversità; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal sforzi leġiżlattivi naxxenti f'livell internazzjonali b'rabta ma' reati ambjentali;

    14.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-libertà tal-kelma u tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja, kemm online kif ukoll offline, huma fil-qalba tas-soċjetajiet demokratiċi reżiljenti; jikkundanna l-użu ħażin ta' għanijiet leġittimi bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu, is-sigurtà tal-istat u l-infurzar tal-liġi sabiex jillimitaw il-libertà tal-espressjoni; jikkundanna l-propaganda tal-midja u l-miżinformazzjoni kontra l-minoranzi; jitlob li jiġu stabbiliti l-aħjar salvagwardji possibbli kontra d-diskors ta' mibegħda u r-radikalizzazzjoni, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-propaganda ostili, speċjalment dawk li joriġinaw minn stati awtoritarji u atturi mhux statali bħal gruppi terroristiċi, billi jiġi żviluppat qafas legali, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak internazzjonali, biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu, inkluża l-gwerra ċibernetika u tal-informazzjoni, filwaqt li ma jiġux kompromessi d-drittijiet fundamentali; ifakkar li l-midja għandha tirrifletti pluralità ta' opinjonijiet diversi filwaqt li tappoġġja u tobdi l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni; jisħaq, f'dan ir-rigward, li persuni li jappartjenu għal minoranzi għandu jkollhom aċċess indiskriminat għall-mezzi tax-xandir, inkluż fil-lingwa tagħhom stess;

    Il-politika barranija fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE ssir aktar effikaċi

    15.

    Ifakkar fl-impenn tal-UE li tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-qalba tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi mhux membri tal-UE; jisħaq, għaldaqstant, li l-objettiv ta' progress tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fid-dinja kollha jirrikjedi li dan jiġi integrat fil-politiki kollha tal-UE b'dimensjoni esterna; jitlob li l-UE tissodisfa dawn l-impenji u tiżgura li l-involviment tagħha ma jsaħħaħx involontarjament ir-reġimi awtoritarji;

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw Pjan ta' Azzjoni ġdid, ambizzjuż, komprensiv u vinkolanti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija għall-ħames snin li ġejjin; jinsisti fuq il-fatt li l-isfidi kollha tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu d-drittijiet diġitali, id-drittijiet ambjentali, id-drittijiet tal-anzjani, id-drittijiet tal-isport u d-drittijiet tal-bniedem, flimkien mad-drittijiet tal-migranti għandhom jiġu indirizzati b'mod adegwat fil-Pjan ta' Azzjoni futur; jitlob li jinħoloq mekkaniżmu ta' monitoraġġ b'saħħtu biex jivvaluta l-implimentazzjoni u l-impatt tal-Pjan ta' Azzjoni; jistieden lill-Istati Membri jieħdu responsabbiltà akbar tal-Pjan ta' Azzjoni u jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

    17.

    Jinnota l-importanza tar-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u tal-ħidma tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem; jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni u s-SEAE jsaħħu l-involviment tagħhom mas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament sabiex ikun jista' jipparteċipa fil-Pjan ta' Azzjoni futur u jimmonitorja l-implimentazzjoni tiegħu; jistieden lis-SEAE jipprovdi lill-Parlament rapporti regolari dwar l-azzjonijiet ta' segwitu li ħa dwar ir-riżoluzzjonijiet kollha ta' urġenza u/jew ir-rakkomandazzjonijiet dwarhom;

    18.

    Jenfasizza l-fatt li l-kummerċ, il-politiki tal-UE f'dan il-qasam u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu u għandhom isaħħu lil xulxin, u li l-komunità tan-negozju tiżvolġi rwol importanti biex toffri inċentivi pożittivi għall-promozzjoni tad-drittjiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tar-responsabbiltà tal-kumpaniji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jagħmlu użu effettiv mill-klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet internazzjonali, mhux biss permezz ta' djalogu politiku, valutazzjonijiet regolari tal-progress u rikors għal proċeduri ta' konsultazzjoni fuq talba, iżda anke billi joħolqu mekkaniżmu effettiv għall-monitoraġġ ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li jista' jseħħ permezz ta' attivitajiet kummerċjali; jitlob li l-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġu infurzati b'mod adegwat u mmonitorjati kif xieraq, anke permezz ta' punti ta' riferiment li jistgħu jitkejlu, bl-involviment tal-Parlament, tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti; jitlob li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' lmenti effettiv u indipendenti għall-gruppi ta' ċittadini u partijiet interessati li huma affettwati minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jimpedixxu kull tip ta' abbuż tad-drittijiet tal-bniedem korporattiv u l-impatt negattiv tal-attivitajiet kummerċjali;

    19.

    Isostni d-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi mhux membri tal-UE, bħala strument essenzjali għall-impenn bilaterali fil-promozzjoni u fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li l-Linji Gwida tal-UE dwar id-djalogi tad-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi jiddeskrivu għadd ta' kriterji għall-bidu ta' djalogu inkluż “kemm il-gvern huwa lest li jtejjeb is-sitwazzjoni, l-impenn tal-gvern fir-rigward tal-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rieda tal-gvern li jikkoopera mal-proċeduri u l-mekkaniżmi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-attitudni tal-gvern lejn is-soċjetà ċivili”; jitlob li s-SEAE jagħmel valutazzjoni regolari ta' kull djalogu, kif previst fil-linji gwida msemmija hawn fuq, u jiżgura li jekk ma jsirx progress tanġibbli, l-UE għandha taġġusta l-għanijiet tagħha u terġa' tikkunsidra l-approċċ tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE, b'involviment aktar b'saħħtu tal-gruppi tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw id-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi relatati fid-djalogi jew fin-negozjati fi kwalunkwe qasam politiku u ekonomiku, mal-gvernijiet tal-pajjiżi mhux membri tal-UE, bil-għan li jissaħħaħ l-impatt tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem; jirrakkomanda li jinstema' t-tħassib li qed jitqajjem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dawk il-pajjiżi u li tittieħed azzjoni xierqa, inkluż billi jitqajmu każijiet individwali fil-kuntest ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem; jappella għal involviment aktar attiv tal-Parlament meta jitfasslu l-aġendi tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-rapporti annwali ta' implimentazzjoni tagħhom jikkostitwixxu strument essenzjali biex tiġi żgurata l-konsistenza politika, jiġu identifikati l-prijoritajiet strateġiċi ewlenin, jiġu definiti objettivi għal perjodu twil u qasir ta' żmien, u jiġu stabbiliti azzjonijiet konkreti sabiex isir progress fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-appell tiegħu biex il-Membri tal-PE jingħataw aċċess għall-kontenut tal-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' s-seminars tas-soċjetà ċivili ta' qabel id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u jħeġġeġ li l-konklużjonijiet tagħhom jiġu segwiti, bl-involviment iddedikat tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ);

    20.

    Jagħmel appell b'saħħtu biex l-UE tindirizza b'mod konsistenti d-diskriminazzjoni billi tagħmel l-aħjar użu mis-sett ta' għodda tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, ukoll permezz ta' djalogu, billi tikkundanna u tappoġġja s-soċjetà ċivili u l-inizjattivi konġunti fil-livell tan-NU, f'konformità mal-linji gwida adottati reċentement tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni fl-azzjoni esterna u mal-Istrument ta' Gwida tan-NU dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq id-dixxendenza, ippubblikat fl-2017;

    21.

    Isostni bil-qawwa l-ħidma u l-isforzi tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE) fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; jissottolinja l-objettiv importanti fil-mandat tal-RSUE biex tissaħħaħ l-effikaċja tal-Unjoni f'dan il-qasam; jistieden lill-RSUE jaġixxi fuq il-mandat tiegħu biex itejjeb l-isforzi tal-UE sabiex issaħħaħ id-demokrazija; jinsisti fuq it-talba tiegħu li l-mandat tal-RSUE jsirlu rieżami sabiex ir-Rappreżentant Speċjali jsir permanenti u aktar responsabbli, u jingħata setgħat ta' inizjattiva proprja, riżorsi adegwati u l-kapaċità li jitkellem pubblikament sabiex jirrapporta dwar il-kisbiet ta' żjarat f'pajjiżi terzi u jikkomunika l-pożizzjonijiet tal-UE dwar suġġetti relatati mad-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu għal aktar trasparenza dwar l-attivitajiet u l-missjonijiet tal-RSUE u jinsisti li r-rapporti regolari tiegħu lill-Kunsill jiġu kondiviżi wkoll mal-Parlament; jilqa' l-espansjoni tal-mandat tal-RSUE biex jinkludi l-promozzjoni ta' appoġġ għall-ġustizzja kriminali internazzjonali u jistenna li l-RSUE jkun partikolarment attiv f'dan il-qasam;

    22.

    Jilqa' l-isforzi tas-SEAE u tal-Kummissjoni biex kontinwament isaħħu is-sensibilizzazzjoni tal-uffiċjali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-fatt li l-punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem u l-uffiċjali ta' kollegament dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem issa huma preżenti fid-Delegazzjonijiet kollha tal-UE; jistieden lis-SEAE joħroġ rapport dettaljat lill-Parlament dwar it-tlestija ta' dan in-netwerk ta' punti fokali sabiex jevalwah u jiżgura li jiġi implimentat b'mod konsistenti madwar id-Delegazzjonijiet kollha tal-UE; jistieden lid-Delegazzjonijiet kollha tal-UE u lill-punti fokali rispettivi tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem biex b'mod konsistenti jirrispettaw l-obbligu tagħhom li jiltaqgħu mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iżuru attivisti detenuti, jimmonitorjaw il-proċessi tagħhom u jippromwovu l-protezzjoni tagħhom fil-post;

    23.

    Jirrikonoxxi l-progress li sar f'termini tal-proċedura u l-format tar-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2018, iżda jistenna li l-Kunsill u l-VP/RGħ iqisu aktar il-pożizzjonijiet espressi mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet u/jew ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tiegħu sabiex tiġi żgurata interazzjoni aktar profonda u aktar effikaċi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-Kunsill ikompli bl-isforzi tiegħu biex jiffinalizza dawn ir-rapporti annwali aktar kmieni matul is-sena; jinkoraġġixxi lill-Kunsill jiżgura li l-adozzjoni tar-rapport annwali li jmiss tkun ibbażata fuq proċess ta' konsultazzjoni adegwat;

    Żvilupp ta' soluzzjonijiet għall-promozzjoni u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija

    Governanza demokratika u spazju favorevoli għas-soċjetà ċivili

    24.

    Jitlob li l-UE u l-Istati Membri jkomplu jżommu taħt monitoraġġ mill-qrib l-iżviluppi li jolqtu negattivament il-governanza u l-ispazju tas-soċjetà ċivili fid-dinja kollha, mingħajr eċċezzjoni, u jirrispondu b'mod sistematiku, bis-saħħa tal-mezzi adegwati kollha, għall-politiki u għall-bidliet leġiżlattivi mmexxija mill-gvernijiet awtoritarji mmirati biex jimminaw il-governanza bbażata fuq il-prinċipji demokratiċi fundamentali u biex iċekknu l-ispazju tas-soċjetà ċivili; huwa tal-fehma li għandu jkun hemm sinerġiji akbar bejn il-Kummissjoni, is-SEAE u l-Parlament dwar din il-kwistjoni; jilqa' l-assistenza imprezzabbli pprovduta lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fid-dinja kollha fl-ambitu tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), li tibqa' l-għodda ewlenija tal-UE għall-implimentazzjoni tal-politika esterna tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob li taħt is-suċċessur tal-EIDHR ikompli jiżdied il-finanzjament għas-soċjetà ċivili u għad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-fatt li fl-2018, mijiet ta' dimostranti paċifiċi tas-soċjetà ċivili ġew arrestati, soġġetti għal trattament ħażin u detenzjoni arbitrarja, u ġew mġiegħla jħallsu multi bħala riżultat tal-proċessi tagħhom;

    L-approċċ tal-UE fir-rigward tal-kunflitti u r-responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem

    25.

    Jisħaq fuq ir-rabta bejn iż-żieda fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-impunità mifruxa u n-nuqqas ta' responsabbiltà f'dawk ir-reġjuni u fil-pajjiżi mifnija mill-kunflitti jew ikkaratterizzati minn intimidazzjoni, diskriminazzjoni, fastidju u aggressjoni, sekwestri ta' persuni, operazzjonijiet tal-pulizija vjolenti, arresti arbitrarji, każijiet ta' tortura, u qtil; jistieden lill-komunità internazzjonali tappoġġja azzjonijiet immirati lejn il-ġlieda kontra l-impunità u l-promozzjoni tar-responsabbiltà, speċjalment f'dawk ir-reġjuni u l-pajjiżi fejn id-dinamika tal-impunità tippremja lil dawk li għandhom l-akbar responsabbiltà u li ma tagħtix setgħa lill-vittmi; jenfasizza, barra minn hekk, li l-minoranzi u l-gruppi emarġinati spiss jintlaqtu b'mod partikolari mill-kunflitti;

    26.

    Ifakkar fir-riżoluzzjonijiet tiegħu li jiddenunzjaw responsabbiltajiet speċifiċi għal kunflitti li fl-2018 wasslu għal mijiet ta' vittmi tfal matul attakki deliberati kontra popolazzjonijiet ċivili u infrastrutturi umanitarji; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jikkonformaw b'mod strett mal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, sabiex iwaqqfu t-trasferimenti kollha tal-armi jew ta' sorveljanza u t-tagħmir tal-intelligence li jista' jintuża mill-gvernijiet fir-repressjoni tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fil-kuntest tal-kunflitti armati; jinsisti fuq il-ħtieġa għal trasparenza sħiħa u rappurtar regolari mill-Istati Membri tal-UE dwar it-trasferimenti tagħhom tal-armi; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati (11), jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-użu ta' drones armati barra l-qafas ġuridiku internazzjonali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament informat sew dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-proġetti kollha ta' riċerka u żvilupp assoċjati mal-kostruzzjoni tad-drones; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tipprojbixxi l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi, li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman;

    27.

    Jikkundanna bil-qawwa d-delitti faħxin kollha u l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem kommessi minn atturi statali u mhux statali, inkluż kontra ċittadini li kienu qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem tagħhom b'mod paċifiku; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw il-piż politiku kollu tagħhom biex jevitaw kwalunkwe att li jista' jitqies bħala ġenoċidju, delitt tal-gwerra jew delitt kontra l-umanità, jirrispondu b'mod effiċjenti u koordinat meta jseħħu delitti bħal dawn, jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha meħtieġa biex iressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk kollha responsabbli, jgħinu lill-vittmi u jappoġġjaw il-proċessi ta' stabbilizzazzjoni u rikonċiljazzjoni; jistieden lill-komunità internazzjonali tiżviluppa strumenti li jimminimizzaw l-intervall bejn it-twissija u r-reazzjoni, bħas-sistema ta' twissija bikrija tal-UE, sabiex jiġi evitat li l-kunflitti vjolenti jfeġġu, ifeġġu mill-ġdid jew jeskalaw; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jinkludu strateġija ambizzjuża dwar il-ġlieda kontra l-impunità fit-tielet Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; jirrakkomanda bil-qawwa l-istabbiliment ta' osservatorju Ewropew dwar il-prevenzjoni, ir-responsabbiltà, u l-ġlieda kontra l-impunità; itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex taħtar Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u l-Ġustizzja Internazzjonali bil-mandat li jippromwovi, jintegra u jirrappreżenta l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità;

    28.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-UE biex tippromwovi l-universalità tal-Istatut ta' Ruma fl-2018, is-sena li fiha ġie ċċelebrat l-20 anniversarju minn mindu ġie adottat, u jtenni l-appoġġ sod tiegħu favur il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); jinnota li d-dritt internazzjonali bħalissa jinsab taħt pressjoni serja; jinsab imħasseb li, minħabba l-ġurisdizzjoni wiesgħa tal-QKI, minn 193 Stat Membru tan-NU, 122 biss huma membri tal-QKI u 38 biss irratifikaw l-Emenda ta' Kampala, li tagħti s-setgħat lill-QKI li tressaq quddiem il-ġustizzja lil min iwettaq delitti ta' aggressjoni; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jħeġġu lill-Istati Membri kollha tan-NU jirratifikaw u jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma, u jinsab diżappuntat dwar l-irtirar mill-Istatut u t-theddid li partijiet jagħmlu dan; jistieden ukoll lill-firmatarji kollha tal-Istatut ta' Ruma jikkoordinaw u jikkooperaw mal-QKI; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw b'mod sistematiku l-eżamijiet, l-investigazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-QKI, u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu każijiet ta' nuqqas ta' kooperazzjoni mal-QKI; jitlob l-appoġġ għal organizzazzjonijiet li jiġbru, iżommu u jipproteġu evidenza – diġitali jew f'formati oħra – tad-delitti mwettqa minn kwalunkwe parti għall-kunflitti, sabiex tiġi ffaċilitata l-prosekuzzjoni tagħhom f'livell internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lin-Netwerk tal-UE kontra l-Ġenoċidju jappoġġjaw lit-tim investigattiv tan-NU fil-ġbir, fil-preservazzjoni u fil-ħażna ta' evidenza ta' reati li attwalment qed jitwettqu jew li saru dan l-aħħar sabiex ma jintilfux; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jeżaminaw modi u jippreżentaw strumenti ġodda biex jgħinu lill-vittmi tal-ksur tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali umanitarju jkollhom aċċess għall-ġustizzja internazzjonali u jiksbu rimedju u kumpens għad-danni, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċità tal-pajjiżi mhux membri tal-UE biex japplikaw il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali fis-sistemi ġuridiċi domestiċi tagħhom;

    29.

    Jilqa' d-diskussjonijiet esploratorji inizjali, u jitlob li jitkomplew, fi ħdan il-Kunsill fir-rigward tat-twaqqif ta' mekkaniżmu globali ta' sanzjonijiet tal-UE għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-hekk imsejħa “Lista Magnitsky”, li tippermetti l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati kontra individwi kompliċi fil-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, kif appella l-Parlament f'bosta okkażjonijiet, speċjalment f'Marzu 2019; jistieden lill-Kunsill iħaffef id-diskussjonijiet tiegħu sabiex jadotta l-leġiżlazzjoni meħtieġa, jistabbilixxi dan il-mekkaniżmu, u jiffinanzjah b'mod adegwat mill-aktar fis possibbli; jisħaq fuq l-importanza li din is-sistema tkun konformi mal-mekkaniżmu ta' rieżami ġudizzjarja tal-UE; jenfasizza wkoll, bħala eżempju biex jiġi segwit, il-promulgazzjoni minn xi Stati Membri tal-UE ta' liġijiet li jipprevedu li jiġu imposti sanzjonijiet fuq individwi li jitqiesu responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

    30.

    Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jagħtu attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'territorji okkupati illegalment; itenni li l-okkupazzjoni illegali ta' territorju jew parti minnu hija ksur kontinwu tad-dritt internazzjonali; jissottolinja r-responsabbiltà tas-setgħa okkupanti lejn il-popolazzjoni ċivili skont id-dritt umanitarju internazzjonali; jiddispjaċih għall-inklużjoni mill-ġdid ta' rappreżentanti minn pajjiż li jokkupa t-territorju ta' stat ieħor fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa;

    Difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB)

    31.

    Jisħaq fuq ir-rwol imprezzabbli u essenzjali li jiżvolġu d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem waqt li jissugraw ħajjithom stess, partikolarment id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa; jissottolinja l-ħtieġa għal koordinazzjoni b'saħħitha tal-UE dwar l-involviment ma' awtoritajiet ta' pajjiżi terzi rigward id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li fl-2018 fakkarna l-20 anniversarju tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem; jirrakkomanda li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, biex b'hekk ikunu jistgħu jagħtu appoġġ kontinwu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jipproteġuhom; japprezza l-mekkaniżmu “protectdefenders.eu” li ġie stabbilit biex jipproteġi lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'riskju gravi, u jitlob li jissaħħaħ;

    32.

    Jissottolinja l-ħtieġa għal approċċ tal-UE orjentat lejn il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, strateġiku, viżibbli u orjentat lejn l-impatt; jistieden lill-Kunsill joħroġ konklużjonijiet annwali tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-azzjoni tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-politika barranija tal-UE; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistabbilixxu proċedura koordinata biex jingħataw il-viżi lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u fejn ikun xieraq, biex ikun iffaċilitat l-għoti ta' kenn temporanju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament suffiċjenti għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-programmi tematiċi rilevanti tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), u jiżguraw li dan ikun aċċessibbli u jilħaq lil dawk l-aktar fil-bżonn, li huma l-aktar emarġinati; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ minn dan l-istrument fil-futur u jinsisti li d-Delegazzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom iżidu l-finanzjament u l-kapaċità tagħhom għall-protezzjoni ta' emerġenza u għall-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju; jikkundanna l-impożizzjoni kontinwa ta' projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-konfront ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem li jixtiequ jattendu sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra u istituzzjonijiet internazzjonali oħra; jistieden lill-gvernijiet ikkonċernati biex ineħħuhom;

    Id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

    33.

    Jappoġġja bis-saħħa l-impenn strateġiku tal-UE favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-isforzi kontinwi tagħha biex titjieb is-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet f'termini ta' drittijiet tal-bniedem, konformement mal-SDGs tal-2030; jenfasizza li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tkun prijorità ewlenija fir-relazzjonijiet ta' ħidma, fil-politiki u fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE, peress li hija prinċipju għall-UE u l-Istati Membri tagħha stess skont it-Trattati; jitlob li l-UE tadotta Strateġija komprensiva għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri ladarba jiskadi l-impenn strateġiku; jistieden lill-Kummissjoni tħejji u tadotta komunikazzjoni għat-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi wara l-2020, bħala strument importanti tal-UE li jikkontribwixxi għad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet madwar id-dinja; jistieden lill-Istati Membri japprovaw il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III fil-konklużjonijiet tal-Kunsill; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bniet u tan-nisa billi jaħdmu mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-pajjiżi mhux membri tal-UE, sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw oqfsa ġuridiċi ġodda rigward l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

    34.

    Jisħaq fuq iż-żieda allarmanti ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; jikkundanna kull sura ta' vjolenza fiżika, sessista, psikoloġika u abbażi tal-ġeneru; jesprimi tħassib serju dwar l-użu eskalat ta' tortura fis-sura ta' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru bħala arma tal-gwerra; jisħaq fuq il-fatt li l-Istatut ta' Ruma jqis li d-delitti sesswali u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru huma delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità jew elementi kostituttivi ta' ġenoċidju jew tortura; iħeġġeġ lill-pajjiżi jsaħħu l-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri tal-UE u lill-membri tal-Kunsill tal-Ewropa li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul mill-aktar fis possibbli; jitlob li tittieħed aktar azzjoni biex jinqerdu l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u prattiki li jagħmlu ħsara lin-nisa u lill-bniet, bħaż-żwieġ furzat jew prekoċi, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, il-vjolenza sesswali kif ukoll il-konverżjoni reliġjuża furzata; jappoġġja t-tkomplija tal-Inizjattiva konġunta Spotlight bejn l-UE u n-NU; jistieden lid-Delegazzjonijiet tal-UE jiżguraw li tinġabar id-data dwar il-vjolenza kontra n-nisa, ifasslu rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u jippromwovu mekkaniżmi ta' protezzjoni u strutturi ta' appoġġ għall-vittmi;

    35.

    Jafferma li l-aċċess għas-saħħa huwa dritt tal-bniedem, li s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huma msejsa fuq id-drittijiet bażiċi tal-bniedem u huma elementi essenzjali tad-dinjità tal-bniedem; jirrimarka li aċċess inadegwat għall-beni vitali u s-servizzi soċjali (pereżempju l-ilma, in-nutrizzjoni, is-saħħa, l-edukazzjoni u s-sanità), kif ukoll id-diffikultajiet biex jinkiseb aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva jirrappreżentaw ksur inaċċettabbli tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna l-ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa, inkluża ċ-ċaħda ta' aċċess għal servizzi rilevanti; jenfasizza li kura tas-saħħa xierqa u għall-but ta' kulħadd, li tinkludi l-kura tas-saħħa mentali bħall-appoġġ psikoloġiku, u r-rispett universali u l-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u l-edukazzjoni għandhom ikunu ggarantiti għan-nisa kollha, u li n-nisa għandhom ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet liberi u responsabbli dwar saħħithom, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom; jinnota li dawn is-servizzi huma importanti biex jiġu salvati ħajjet in-nisa u biex titnaqqas il-mortalità tat-trabi u t-tfal; iqis li huwa inaċċettabbli li s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati tan-nisa u l-bniet għadhom battalja, inkluż f'kuntesti multilaterali; jisħaq fuq il-fatt li n-nisa u l-bniet vittmi ta' kunflitti armati għandhom id-dritt li jirċievu l-kura medika neċessarja; jenfasizza r-rwol tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fiż-żamma tal-paċi, fl-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja u ta' rikostruzzjoni wara kunflitt u fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-riformi demokratiċi;

    36.

    Jitlob lill-UE taħdem ma' pajjiżi oħra biex iżżid l-azzjonijiet tagħhom fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali, il-ġbir tad-data, il-finanzjament u l-ipprogrammar, biex tipprevjeni u tirrispondi aħjar għall-vjolenza sesswali u għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru madwar id-dinja; jirrimarka li l-edukazzjoni hija strument essenzjali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal; jitlob miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess tan-nisa u l-bniet għall-edukazzjoni u għas-suq tax-xogħol, u li tingħata attenzjoni partikolari lill-bilanċ bejn il-ġeneri meta jimtlew pożizzjonijiet maniġerjali mill-kumpaniji; jitlob ukoll l-inklużjoni tal-edukazzjoni tal-bniet fil-ftehimiet tal-UE mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    Drittijiet tat-tfal

    37.

    Jissottolinja l-fatt li l-minorenni ħafna drabi huma esposti għal forom speċifiċi ta' abbuż, bħal żwieġ tat-tfal furzat, prostituzzjoni ta' tfal, l-użu ta' tfal suldati, mutilazzjoni ġenitali, tħaddim tat-tfal u traffikar tat-tfal, speċjalment fi kriżijiet umanitarji u kunflitti armati, u għalhekk jirrikjedu protezzjoni msaħħa; jiġbed attenzjoni partikolari lejn it-tfal apolidi, migranti u rifuġjati; jitlob li l-UE tikkoopera ma' pajjiżi mhux membri tal-UE sabiex jintemmu ż-żwiġijiet prekoċi, tat-tfal u furzati billi jiġi stabbilit li l-età ta' 18-il sena tkun l-età legali minima għal żwieġ, tintalab il-verifika tal-età taż-żewġ konjuġi u tal-kunsens sħiħ u liberu tagħhom, jiġu introdotti reġistri taż-żwieġ obbligatorji, u tiġi żgurata l-konformità ma' dawn ir-regoli; jappella għal inizjattivi ġodda tal-UE biex jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tat-tfal, inkluż biex jimpedixxu u jiġġieldu l-abbuż tat-tfal fid-dinja, biex jirriabilitaw u jintegraw mill-ġdid lit-tfal affettwati mill-kunflitt, speċjalment dawk vittmi ta' gruppi estremisti, u tfal li jbatu minn diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali, u biex jipprovdulhom ambjent protett, familjari u bbażat fuq il-familja u l-komunità bħala l-kuntest naturali għal ħajjithom, fejn il-kura u l-edukazzjoni jkunu fundamentali; jistieden lill-UE tagħti bidu għal moviment internazzjonali biex tiddefendi d-drittijiet tat-tfal, billi, fost affarijiet oħra, torganizza konferenza internazzjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal f'kuntesti fraġli; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa urġenti għar-ratifika universali u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU u l-Protokolli Fakultattivi tagħha;

    Drittijiet tal-bniedem ta' persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI)

    38.

    Jikkundanna d-detenzjoni, it-tortura, il-persekuzzjoni u l-qtil arbitrarji tal-persuni LGBTI; jinnota li f'għadd ta' pajjiżi madwar id-dinja, il-persuni LGBTI għadhom jiffaċċjaw persekuzzjoni u vjolenza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom; jiddispjaċih għall-fatt li ħafna pajjiżi għadhom jikkriminalizzaw l-omosesswalità, inklużi wħud li jipprevedu l-piena tal-mewt għall-omosesswalità; jemmen li l-prattiki u l-atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom ma għandhomx jitħallew bla kastig, u jridu jinqerdu; jappella għall-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali,

    Drittijiet tal-persuni b'diżabilità

    39.

    Jilqa' pożittivament ir-ratifiki tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; itenni l-importanza tal-implimentazzjoni effettiva min-naħa tal-Istati Membri tal-UE u tal-istituzzjonijiet tal-UE; jisħaq fuq l-importanza tan-nondiskriminazzjoni u l-bżonn li jiġi integrat b'mod kredibbli l-prinċipju tal-aċċessibbiltà universali u li jiġu żgurati d-drittijiet kollha tal-persuni b'diżabilità fil-politiki kollha rilevanti tal-UE, inkluż fil-politika tal-iżvilupp; jappella għall-ħolqien ta' ċentru globali ta' eċċellenza għal ħiliet li jibqgħu validi fil-futur u għal ħiliet intraprenditorjali għall-persuni b'diżabilità;

    Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta

    40.

    Jinnota bi tħassib kbir l-iskala u l-konsegwenzi tal-ġerarkiji tal-kasti, tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta u t-tkomplija tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ibbażat fuq il-kasta, inkluża ċ-ċaħda tal-aċċess għas-sistema ġuridika jew għall-impjieg, is-segregazzjoni kontinwa, il-faqar u l-istigmatizzazzjoni, u l-ostakli relatati mal-kasti għall-eżerċitar tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u l-faċilitazzjoni tal-iżvilupp tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu għall-iżvilupp ta' politika tal-UE dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta, u jitlob li l-UE taġixxi fuq it-tħassib serju tagħha dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta; jappella għall-adozzjoni ta' strument tal-UE għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni ta' diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta; itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jintensifikaw l-isforzi u jappoġġjaw inizjattivi fil-livell tan-NU u fil-livell tad-delegazzjoni biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta; jinnota li tali inizjattivi għandhom jinkludu l-promozzjoni ta' indikaturi speċifiċi, data diżaggregata u miżuri speċjali biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għall-2030 u l-osservanza tal-Istrument ta' Gwida l-ġdid tan-NU dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq id-dixxendenza u l-appoġġ għall-istati;

    Il-popli indiġeni

    41.

    Jinsab inkwetat ħafna li l-popli indiġeni jiffaċċjaw diskriminazzjoni mifruxa u sistematika u persekuzzjoni madwar id-dinja, inklużi arresti arbitrarji u qtil ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, spostament furzat, ħtif tal-art u ksur tad-drittijiet tagħhom minn korporazzjonijiet; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-popli indiġeni jgħixu taħt il-livell limitu tal-faqar; jistieden lill-Istati kollha jinkludu lill-popli indiġeni fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar strateġiji għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-pajjiżi jirratifikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali;

    Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin

    42.

    Jenfasizza li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin (aktar magħruf bħala l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin), li jinkludi d-drittijiet li wieħed ma jemminx u li jħaddan opinjonijiet teistiċi, anjostiċi jew atei u d-dritt għall-apostasija u li ma jħaddan l-ebda reliġjon irid ikun garantit madwar id-dinja kollha u jiġi ppreservat mingħajr kundizzjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jintensifikaw l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, u jagħtu bidu għal djalogu mal-Istati u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u mal-għaqdiet ta' fidi, mhux konfessjonali, umanistiċi u filosofiċi, u knejjes, assoċjazzjonijiet reliġjużi u komunitajiet biex jitwaqqfu l-atti ta' vjolenza, il-persekuzzjoni, l-intolleranza u d-diskriminazzjoni fil-konfront ta' persuni abbażi tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tal-opinjonijiet filosofiċi, tar-reliġjon jew tat-twemmin; jiddeplora l-liġijiet kontra l-konverżjoni u dwar il-blasfemija, li effettivament jillimitaw u anke jċaħħdu lill-minoranzi reliġjużi u lill-atei mil-libertà tagħhom ta' reliġjon jew ta' twemmin; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin;

    43.

    Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jibnu alleanzi u jsaħħu l-kooperazzjoni ma' firxa wiesgħa ta' pajjiżi u organizzazzjonijiet reġjonali, sabiex titwettaq bidla pożittiva dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, speċjalment f'żoni ta' kunflitt fejn il-gruppi ta' twemmin, bħall-Insara fil-Lvant Nofsani, huma l-aktar vulnerabbli; jappoġġja bis-sħiħ il-prattika tal-UE li tieħu l-inizjattiva dwar riżoluzzjonijiet tematiċi fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin fl-Assemblea Ġenerali tan-NU;

    44.

    Jappoġġja l-ħidma u l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali għall-promozzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin barra mill-UE; itenni l-appelli tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iwettqu valutazzjoni trasparenti u komprensiva tal-effettività u l-valur miżjud tal-pożizzjoni tal-Mibgħut Speċjali fil-proċess tat-tiġdid u t-tisħiħ tal-mandat u l-pożizzjoni tagħhom mill-Kummissjoni; jinsisti li l-ħidma tagħhom għandha tingħata riżorsi adegwati biex tissaħħaħ l-effikaċja tal-UE f'dan il-qasam; ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jappoġġjaw b'mod adegwat, f'konsultazzjoni permanenti mal-organizzazzjonijiet reliġjużi u filosofiċi, il-mandat istituzzjonali, il-kapaċità u d-dmirijiet tal-Mibgħut Speċjali għall-promozzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin barra l-UE, billi jesploraw il-possibbiltà ta' terminu pluriennali soġġett għal rieżami annwali, u billi jiżviluppaw netwerks ta' ħidma fi ħdan l-istituzzjonijiet rilevanti kollha tal-UE, f'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar il-Linji Gwida tal-UE u l-mandat tal-Mibgħut Speċjali tal-UE dwar il-promozzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin barra mill-UE;

    Il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-midja u d-dritt għall-informazzjoni

    45.

    Jiddenunzja bil-qawwa u jikkundanna l-qtil, il-ħtif, l-inkarċerazzjoni u l-intimidazzjoni ta' bosta ġurnalisti, bloggers u informaturi, u l-attakki kontrihom, kemm fiżikament kif ukoll b'mod ġudizzjarju, flimkien mat-theddid li ffaċċjaw fl-2018; jappella lill-UE tagħmel kull sforz biex fil-futur tipproteġihom; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u tal-midja jrawmu kultura ta' pluraliżmu, u huma komponenti essenzjali tal-fondazzjonijiet ta' soċjetà demokratika; ifakkar li l-ġurnalisti għandhom ikunu liberi li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom mingħajr biża' ta' prosekuzzjoni jew inkarċerazzjoni; jenfasizza li kwalunkwe restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni u tal-midja, bħat-tneħħija ta' kontenut onlajn, trid tkun eċċezzjonali, b'attenzjoni speċjali għall-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità, u trid tkun preskritta mil-liġi u ġudikata f'qorti tal-ġustizzja;

    46.

    Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha, u lir-RSUE tagħha b'mod partikolari, jagħtu attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà, l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja madwar id-dinja, jimmonitorjaw aħjar kull forma ta' restrizzjoni – online jew offline – fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-midja, jikkundannaw b'mod sistematiku tali restrizzjonijiet, u jużaw il-mezzi u l-għodod diplomatiċi kollha disponibbli biex dawn jintemmu; jisħaq fuq l-importanza li jiġu kkundannati u miġġielda d-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għall-vjolenza online u offline bħala theddida diretta għall-istat tad-dritt u għall-valuri mħaddna fid-drittijiet tal-bniedem; jappoġġja inizjattivi li jgħinu biex issir distinzjoni bejn l-aħbarijiet foloz jew l-informazzjoni ħażina bi propaganda u l-informazzjoni miġbura bħala parti mill-ħidma ta' ġurnaliżmu ġenwin u indipendenti; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata implimentazzjoni effikaċi u sistematika tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline, u li jsir monitoraġġ regolari tal-impatt tagħhom;

    Il-piena tal-mewt, it-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin

    47.   Jikkundanna l-użu tat-tortura, tat-trattament inuman jew degradanti u tal-piena tal-mewt, li għadhom iseħħu f'bosta pajjiżi madwar id-dinja kollha; jinsab imħasseb dwar l-għadd ta' kundanni u eżekuzzjonijiet għal raġunijiet li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta' reati serji, u dan imur kontra d-dritt internazzjonali; jistieden lill-pajjiżi li għadhom m'għamlux dan biex jistabbilixxu moratorju immedjat fuq il-piena tal-mewt bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jitlob lill-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tinqered it-tortura u l-piena tal-mewt; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu partikolarment viġilanti fir-rigward tal-istati li qed jheddu li jerġgħu jdaħħlu l-piena tal-mewt fil-liġi jew fil-fatt; jitlob li jieqaf il-kummerċ globali ta' oġġetti użati għat-tortura u l-piena kapitali;

    48.   Iqis li huwa essenzjali li jiġu miġġielda l-forom kollha ta' tortura u trattament ħażin, inkluż l-abbuż psikoloġiku, ta' persuni fil-ħabs jew f'postijiet oħra ta' detenzjoni, li jiżdiedu l-isforzi biex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt internazzjonali rilevanti f'dan il-qasam, u li jiġi żgurat il-kumpens għall-vittmi; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-istat tal-ħabsijiet u l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni f'għadd ta' pajjiżi, inkluż l-aċċess għall-kura u l-mediċini, b'mod partikolari għal mard bħall-epatite jew l-HIV; ifakkar li r-rifjut li jingħata aċċess lil priġunieri għall-kura tas-saħħa jikkostitwixxi trattament ħażin jew saħansitra tortura, u jista' jkun nuqqas ta' assistenza lil persuna fil-periklu; jilqa' l-politika riveduta tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra; jistieden lill-Istati Membri jintegraw is-salvagwardji kontra t-tortura u trattament ħażin ieħor fl-azzjonijiet u l-politiki kollha tagħhom;

    49.   Jilqa' l-istabbiliment tal-Grupp ta' Koordinament Kontra t-Tortura tal-UE fl-2017; jilqa', f'dan ir-rigward, l-aġġornamenti għal-leġiżlazzjoni tal-UE mitluba fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-29 ta' Novembru 2018 dwar il-kummerċ f'ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili oħra (12); jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni mal-mekkaniżmi tan-NU, mal-korpi reġjonali u mal-atturi rilevanti, bħall-QKI, l-OSĊ u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fil-ġlieda kontra t-tortura u trattament ħażin ieħor;

    Negozju u drittijiet tal-bniedem

    50.

    Itenni li l-attivitajiet tal-kumpaniji kollha, sew jekk joperaw f'livell nazzjonali sew jekk f'livell transfruntier, iridu jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jerġa' jafferma, barra minn hekk, l-importanza tal-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva; jissottolinja l-importanza tal-intrapriżi Ewropej li jiżvolġu rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-istandards internazzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem; ifakkar fir-responsabbiltà tan-negozji li jiżguraw li l-operazzjonijiet u l-ktajjen ta' provvista tagħhom ma jkunux implikati f'abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huma x-xogħol furzat u tat-tfal, il-ksur tad-drittijiet tal-popli indiġeni, il-ħtif tal-art, it-theddid u l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u d-degradazzjoni ambjentali;

    51.

    Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi stabbilit strument internazzjonali vinkolanti sabiex, fid-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, jirregola l-attivitajiet tal-kumpaniji transnazzjonali u ta' kumpaniji oħrajn; jitlob li jkun hemm proposta leġiżlattiva dwar id-drittijiet tal-bniedem korporattivi u d-diliġenza dovuta biex jiġu evitati l-abbużi fl-operazzjonijiet globali tal-kumpaniji, u biex jissaħħaħ l-aċċess għal rimedju ġudizzjarju għall-vittmi ta' mġiba korporattiva ħażina; jisħaq fuq l-importanza li l-pajjiżi kollha jimplimentaw bis-sħiħ il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u jistieden lil dawk l-Istati Membri tal-UE li għadhom ma adottawx il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar id-drittijiet tan-negozju biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipparteċipaw b'mod kostruttiv fix-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv dwar il-Korporazzjonijiet Transnazzjonali u Intrapriżi Kummerċjali Oħrajn tan-NU fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem; iqis li dan huwa pass neċessarju 'l quddiem fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

    52.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proġetti appoġġjati mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) ikunu konformi mal-politika u l-impenji tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jkun hemm mekkaniżmi ta' responsabbiltà għall-individwi biex jagħmlu pubbliku l-ksur relatat mal-attivitajiet tal-BEI u l-BERŻ; iqis li task force interistituzzjonali tal-UE dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem tkun għodda addizzjonali utli; jistieden lis-settur privat, b'mod partikolari lill-kumpaniji finanzjarji, tal-assigurazzjoni u tat-trasport, biex jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-atturi umanitarji li jwettqu attivitajiet ta' għajnuna, b'konformità sħiħa mal-eżenzjonijiet umanitarji u l-eżenzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-UE; jilqa' t-twaqqif tal-Ombudsperson Kanadiż Indipendenti għar-Responsabbiltà Intraprenditorjali;

    53.

    Jieħu nota pożittiva tas-sistema ta' preferenzi SPĠ+ bħala mezz biex tiġi stimolata l-implimentazzjoni effikaċi tas-27 konvenzjoni internazzjonali fundamentali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tax-xogħol; jirrikonoxxi li l-ktajjen ta' valur mondjali jikkontribwixxu għat-titjib tal-istandards internazzjonali fundamentali tax-xogħol, dawk ambjentali u soċjali, u jirrappreżentaw opportunità f'termini ta' żvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u f'pajjiżi b'riskju akbar minħabba t-tibdil fil-klima; jenfasizza li l-pajjiżi mhux membri tal-UE li jibbenefikaw mis-sistema ta' preferenzi SPĠ+ għandhom juru progress fl-aspetti kollha tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li mekkaniżmi ta' monitoraġġ imtejba u effettivi jistgħu jsaħħu l-potenzjal ta' ingranaġġ ta' skemi ta' preferenza kummerċjali bi tweġiba għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jappoġġja l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-klawżoli ta' kondizzjonalità tad-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet internazzjonali bejn l-UE u l-pajjiżi mhux membri tal-UE, inkluż fl-oqsma tal-kummerċ u l-investiment; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja b'mod sistematiku l-implimentazzjoni ta' dawn il-klawżoli biex tiżgura li huma rispettati mill-pajjiżi benefiċjarji, u tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mill-pajjiżi sħab;

    Teknoloġiji ġodda u drittijiet tal-bniedem

    54.

    Jisħaq fuq l-importanza li tkun elaborata strateġija tal-UE biex it-teknoloġiji l-ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali, jitqiegħdu għas-servizz tan-nies, u biex tindirizza t-theddida potenzjali li joħolqu t-teknoloġiji l-ġodda għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-diżinformazzjoni, is-sorveljanza tal-massa, l-aħbarijiet foloz, id-diskors ta' mibegħda, ir-restrizzjonijiet sponsorjati mill-istat u l-abbuż tal-intelliġenza artifiċjali, jisħaq ukoll fuq it-theddida speċifika li dawn it-teknoloġiji jistgħu joħolqu fil-kontroll, ir-restrizzjoni u l-imminar ta' attivitajiet leġittimi; jissottolinja l-importanza li jinstab bilanċ tajjeb bejn id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-dritt għall-privatezza u kunsiderazzjonijiet leġittimi oħra bħas-sigurtà jew il-ġlieda kontra l-kriminalità, it-terroriżmu u l-estremiżmu; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fl-impjiegi ta' ċerti teknoloġiji ta' ċibersorveljanza b'użu doppju fil-konfront ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, avversarji politiċi u avukati;

    55.

    Jitlob li l-UE u l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom ma' gvernijiet ta' pajjiżi terzi biex itemmu l-prattiki u l-leġiżlazzjoni repressivi dwar iċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; ifakkar fl-obbligu li kull sena jiġi aġġornat l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (13), li jelenka oġġetti b'użu doppju li jirrikjedu awtorizzazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni diġitali effettiva bejn il-gvernijiet, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, il-komunitajiet akkademiċi u tekniċi, is-sħab soċjali u partijiet interessati oħra sabiex jiġi żgurat ġejjieni sikur u inklużiv għal kulħadd, f'konformità mal-leġiżlazzjoni internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    Migranti u rifuġjati

    56.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-flussi migratorji bħall-gwerer, il-kunflitti, ir-reġimi awtoritarji, il-persekuzzjoni, in-netwerks tal-migrazzjoni irregolari, it-traffikar tal-bnedmin, il-kuntrabandu, il-faqar, l-inugwaljanza ekonomika u t-tibdil fil-klima, u li jinstabu soluzzjonijiet fit-tul ibbażati fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità; jissottolinja l-ħtieġa li jinħolqu mezzi u passaġġi legali għall-migrazzjoni, u li jiġu ffaċilitati r-ritorni volontarji, fejn possibbli, inkluż f'konformità mal-prinċipju ta' non-refoulement;

    57.

    Jitlob li tiġi indirizzata d-dimensjoni esterna tal-kriżi tar-rifuġjati, anki billi jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-kunflitti bis-saħħa tal-bini ta' kooperazzjoni u sħubijiet mal-pajjiżi terzi kkonċernati; jemmen li l-konformità mad-dritt internazzjonali dwar ir-rifuġjati u d-drittijiet tal-bniedem hija element importanti għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittieħdu passi ġenwini, bi qbil mal-Patti Globali dwar il-Migrazzjoni u r-Rifuġjati, biex tissaħħaħ l-awtosuffiċjenza tar-rifuġjati, jiżdied l-aċċess għal soluzzjonijiet għal pajjiżi terzi, u jittejbu l-kundizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-ġestjoni tal-migrazzjoni, speċjalment tal-pajjiżi ta' oriġini jew ta' tranżitu, u għar-ritorn sikur fid-dinjità; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu kompletament trasparenti dwar il-politiki ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u l-allokazzjoni tal-fondi lil dawn il-pajjiżi għall-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni; iqis li huwa importanti li r-riżorsi għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni ma jiġux iddevjati mill-objettivi tagħhom, u ma jridux ikunu ta' benefiċċju għal dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-UE tappoġġja l-inizjattiva tal-UNHCR biex ittemm l-apolidija sal-2024 fl-UE u barra minnha;

    58.

    Jiddenunzja l-imwiet ta' rifuġjati u migranti u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jġarrbu fil-Baħar Mediterran; jikkundanna wkoll l-attakki kontra l-NGOs li jgħinu lil dawn in-nies; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-għajnuna umanitarja għal persuni spostati b'forza; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu appoġġ lill-komunitajiet li jospitaw lir-rifuġjati; jinsisti li l-implimentazzjoni tal-Patti Globali dwar il-Migrazzjoni u r-Rifuġjati jridu jimxu pari passu mal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU, kif definita fl-SDGs, kif ukoll ma' żieda fl-investimenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    59.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-emerġenza klimatika u t-telf tal-massa tal-bijodiversità jikkostitwixxu theddid serju għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jaħdmu favur strateġija tal-UE biex jitħares ambjent b'saħħtu permezz ta' ħidma mill-qrib ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNHCR, li dan l-aħħar nediet strateġija konġunta mal-Programm tan-NU għall-Ambjent (UNEP); jissottolinja l-fatt li n-NU jistimaw li sal-2050 se jkun hemm ħafna persuni spostati minħabba raġunijiet ambjentali; ifakkar fl-obbligi u r-responsabbiltajiet ta' stati u korpi oħra responsabbli biex itaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima u biex ma jħallux lil dan it-tibdil ikollu impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-isforzi internazzjonali għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ambjentali, tad-diżastri naturali u tat-tibdil fil-klima mad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-UE tipparteċipa b'mod attiv fid-dibattitu internazzjonali dwar qafas normattiv possibbli għall-protezzjoni ta' “persuni spostati minħabba kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi”;

    Appoġġ għad-demokrazija

    60.

    Jisħaq li l-UE għandha tkompli tappoġġja b'mod attiv il-pluraliżmu politiku demokratiku u effikaċi fl-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, il-midja indipendenti, il-parlamenti u s-soċjetà ċivili fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu d-demokratizzazzjoni, b'mod sensittiv għall-kuntest, filwaqt li jitqies l-isfond kulturali u nazzjonali tal-pajjiżi terzi kkonċernati sabiex jissaħħu d-djalogu u s-sħubija; ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma pedament fundamentali tal-proċessi ta' demokratizzazzjoni; jieħu nota pożittiva tal-involviment konsistenti tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) fil-Balkani tal-Punent u fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE għall-promozzjoni tad-demokrazija u tar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; ifakkar li l-esperjenza miksuba u t-tagħlimiet meħuda mit-tranżizzjonijiet lejn demokrazija fil-qafas tal-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat jistgħu jagħtu kontribut pożittiv lill-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki li jistgħu jintużaw għall-appoġġ u l-konsolidament ta' proċessi oħrajn ta' demokratizzazzjoni mad-dinja kollha; ifakkar li t-tkabbir tal-UE wera li huwa l-aktar għodda effettiva għall-appoġġ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fil-kontinent Ewropew, u li l-għażla tal-adeżjoni mal-UE għandha għalhekk tibqa' miftuħa għall-pajjiżi li huma lesti li jissieħbu u li implimentaw riformi kif stipulat fl-Artikolu 49 tat-TUE; iħeġġeġ lill-UE ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, fil-fażijiet kollha tal-proċess ta' tkabbir;

    61.

    Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar id-demokrazija bħala l-bidu tal-proċess ta' aġġornament u tisħiħ tal-approċċ tal-UE għat-tisħiħ tad-demokrazija; f'dan ir-rigward, jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem flimkien mad-demokratizzazzjoni bħala għodod essenzjali biex jiġu kkonsolidati dawn il-valuri kemm fl-UE kif ukoll barra minnha; jisħaq fuq l-importanza li jiġu adottati regoli speċifiċi ta' finanzjament għal programmi tal-UE ta' appoġġ għad-demokrazija, filwaqt li titqies in-natura ta' bidliet demokratiċi; jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment f'riżorsi adegwati biex jiġu koordinati aħjar il-programmi ta' appoġġ għad-demokrazija u l-prijoritajiet ta' politika; jappoġġja l-isforz biex tiġi żgurata t-trasparenza dwar l-għajnuna tal-UE f'dan il-qasam; jimpenja ruħu li jippromwovi trasparenza akbar fil-proċessi demokratiċi, b'mod partikolari fil-finanzjament minn atturi differenti mhux statali ta' kampanji politiċi u kampanji dwar kwistjonijiet speċifiċi;

    62.

    Itenni l-opinjoni pożittiva tiegħu tal-appoġġ kontinwu tal-UE għall-proċessi elettorali u l-għoti, min-naħa tagħha, ta' assistenza elettorali u appoġġ għall-osservaturi nazzjonali; jilqa' pożittivament u jsostni b'mod sħiħ, f'dan il-kuntest, il-ħidma tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-Parlament; ifakkar fl-importanza li jingħata segwitu adegwat lir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali, u dan bħala mod kif jissaħħaħ l-impatt tagħhom u l-appoġġ tal-UE għal standards demokratiċi fil-pajjiżi kkonċernati; jenfasizza fuq il-ħtieġa li tiġi appoġġjata d-demokrazija matul iċ-ċiklu elettorali permezz ta' programmi fit-tul u flessibbli li jirriflettu n-natura tal-bidla demokratika; iħeġġeġ li jkun hemm segwitu rigoruż ta' każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra kandidati matul il-proċessi elettorali, b'mod partikolari kontra dawk li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli jew minoranzi;

    o

    o o

    63.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-74 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-UE.

    (1)  https://undocs.org/A/HRC/36/46/Add.2

    (2)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

    (3)  Testi adottati, P8_TA(2018)0515.

    (4)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 58.

    (5)  Testi adottati, P8_TA(2019)0187.

    (6)  Testi adottati, P8_TA(2019)0013.

    (7)  Testi adottati, P8_TA(2018)0279.

    (8)  Testi adottati, P8_TA(2019)0129.

    (9)  Testi adottati, P8_TA(2019)0111.

    (10)  UNHCR – rapport Global Trends 2018 (19 ta' Ġunju 2019).

    (11)  ĠU C 285, 29.8.2017, p. 110.

    (12)  Testi adottati, P8_TA(2018)0467.

    (13)  ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.


    Top