Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DP0351

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għall-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 39 u l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 4, 7, 9 u 16 (D069602/01 – 2020/2851(RPS))

    ĠU C 445, 29.10.2021, p. 184–185 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 445/184


    P9_TA(2020)0351

    Ebda oġġezzjoni għal miżura ta' implimentazzjoni: Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 39 u l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 4, 7, 9 u 16

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għall-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 39 u l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 4, 7, 9 u 16 (D069602/01 – 2020/2851(RPS))

    (2021/C 445/23)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni (D069602/01,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fis-26 ta' Ottubru 2020 mill-kumitat regolatorju tal-kontabilità msemmi fl-Artikolu 6(1) tar-regolament (KE) Nru 1606/2002,

    wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2020, li permezz tagħha talbet lill-Parlament jiddikjara li mhuwiex se joġġezzjona għall-abbozz ta' regolament,

    wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tat-2 ta' Diċembru 2020 lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (2),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 112(4)(d) u l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

    wara li kkunsidra li l-ebda oġġezzjoni ma ġiet espressa fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fil-15 ta’ Diċembru 2020,

    A.

    billi l-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ħareġ fis-27 ta' Awwissu 2020 emendi għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 39, u għall-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 4, 7, 9, u 16; billi dawk l-emendi għandhom l-għan li jipprovdu eżenzjoni ġenerali fid-dawl tat-“2 fażi” tas-sostituzzjoni tar-rata Interbankarja Offruta (IBOR); billi l-emendi proposti jittrattaw il-konsegwenzi tar-rapportar finanzjarju li jirriżultaw mis-sostituzzjoni reali tar-rata normattiva tal-imgħax fuq il-modifiki tal-istrumenti finanzjarji (bidliet fil-valur) u l-kontabilità għall-iħħeġġjar u jipprevjenu impatti kontabilistiċi mhux mixtieqa fuq il-valwazzjoni (jew l-irtirar tar-rikonoxximent) tal-istrumenti finanzjarji u l-kuntratti ta' lokazzjoni, u l-waqfien tar-relazzjonijiet tal-iħħeġġjar minħabba sostituzzjoni regolatorja tar-rati normattivi; billi mingħajr l-emendi proposti, il-kumpaniji jista' jkollhom jirrikonoxxu minnufih bidliet fil-valur fil-profitt jew fit-telf, jew iwaqqfu r-relazzjonijiet tal-iħħeġġjar anke jekk ma jkunux bidlu l-istrateġija tagħhom għall-ġestjoni tar-riskju; billi l-Kummissjoni ħeġġet lill-IASB biex iħaffef il-ħruġ tal-emendi proposti sabiex l-Unjoni tapprova l-emendi fil-ħin;

    B.

    billi l-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) ipprovda lill-Kummissjoni b'parir ta' approvazzjoni pożittiv fl-14 ta' Settembru 2020;

    C.

    billi l-Kummissjoni kkonkludiet li l-interpretazzjoni tissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 u ssostni li l-emendi proposti jevitaw il-waqfien tar-relazzjonijiet tal-iħħeġġjar bħala riżultat ta' inċertezzi relatati mat-tranżizzjoni tal-IBOR sabiex ir-rapporti finanzjarji skont l-IFRS ikunu jistgħu juru b'mod xieraq l-impatt tal-ġestjoni tar-riskju u jipprevjenu volatilità bla bżonn fil-profitt jew fit-telf;

    D.

    L-IASB stabbilixxa l-1 ta' Jannar 2021 bħala d-data effettiva tal-emendi u hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. billi l-istituzzjonijiet finanzjarji soġġetti għall-IFRS u l-kontabilità IAS, għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom tal-2020, ma jistgħux jużaw it-trattament skont l-emendi proposti qabel l-approvazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħhom; billi l-kumpaniji tal-Unjoni jitqiegħdu fi żvantaġġ meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom f'ġurisdizzjonijiet oħra jekk ma jkunux f'pożizzjoni li jagħmlu użu mill-eżenzjoni pprovduta mill-emendi; billi għalhekk l-emendi proposti għandhom jiġu approvati u ppubblikati qabel l-aħħar ta' Diċembru 2020 sabiex ikunu applikabbli għall-perjodi finanzjarji li jibdew minn, wara jew qabel l-1 ta' Jannar 2021;

    1.

    Jiddikjara li ma joġġezzjonax għall-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kunsill.

    (1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


    Top