Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0521

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Polonja tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Polonja tal-2020

    COM/2020/521 final

    Brussell, 20.5.2020

    COM(2020) 521 final

    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Polonja tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Polonja tal-2020


    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Polonja tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Polonja tal-2020

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx lill-Polonja bħala wieħed mill-Istati Membri li huwa meħtieġ li ssirlu analiżi fil-fond.

    (2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2020 għall-Polonja 2 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress tal-Polonja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 3 , is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Polonja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020.

    (3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat uffiċjalment it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qiegħda tpoġġi s-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tikkawża tfixkil fil-katini ta’ provvista dinjija, tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed ikollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda thedded l-impjiegi tan-nies, l-introjti tagħhom u n-negozju tal-kumpaniji. Ġabet magħha xokk ekonomiku mill-akbar li diġà qiegħed ikollu riperkussjonijiet negattivi serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 4 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

    (4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Kull miżura ta’ emerġenza jenħtieġ li tkun strettament proporzjonali, neċessarja, għal żmien limitat, u f’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li tkun soġġetta għas-sorveljanza demokratika u għal stħarriġ ġudizzjarju indipendenti.

    (5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 5 . Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkondividiet il-fehma tagħha mal-Kunsill li, minħabba t-tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku mistenni kaġun tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti li temporanjament ir-rotta tiddevja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ żmien medju, dment li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b’rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Tippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika neċessarji fil-qafas tal-Patt.

    (6)Hija meħtieġa azzjoni kontinwa biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza adegwati fil-post tax-xogħol bl-għan li tissokta l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u tal-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, li jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u jisiltu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

    (7)Il-kriżi tal-COVID-19 uriet biċ-ċar il-flessibbiltà li joffri s-Suq Uniku biex jadatta għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni malajr u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi u ħaddiema, iridu jitneħħew il-miżuri eċċezzjonali li ma jħallux lis-Suq Uniku jaħdem b’mod normali, hekk kif dawn ma jibqgħux aktar indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet il-bżonn ta’ pjanijiet ta’tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari strateġiji mtejba ta’ xiri, katini diversifikati ta’ provvista u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi kruċjali għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.

    (8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti 6 biex jippermetti lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha mhux użati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex dawn ikunu jistgħu jittrattaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati u razzjonalizzati. Sabiex jittaffew il-pressjonijiet tal-flussi tal-flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Il-Polonja hija mħeġġa tuża bis-sħiħ dawn il-possibbiltajiet biex tgħin lill-individwi u s-setturi l-aktar affettwati mill-isfidi.

    (9)Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija x’aktarx li ma jinfirxux bl-istess mod fir-reġjuni differenti minħabba xejriet ta’ speċjalizzazzjoni differenti. Dan jinvolvi riskju li jinfirxu aktar l-inugwaljanzi territorjali fil-Polonja. Flimkien mar-riskju li l-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri jisfaxxa temporanjament, is-sitwazzjoni attwali titlob risposti mmirati ta’ politika.

    (10)Fid-29 ta’ April 2020, il-Polonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2020 u fit-30 ta’ April 2020 ippreżentat il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 tagħha. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

    (11)Bħalissa l-Polonja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

    (12)Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill rrakkomanda lill-Polonja biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali ta’ nefqa primarja netta tal-Gvern 7 ma taqbiżx l-4,2 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG. Il-valutazzjoni kumplessiva tal-Kummissjoni tikkonferma devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju ta’ żmien medju fl-2019 kif ukoll tal-2018 u l-2019 f’daqqa. Madankollu, fid-dawl tal-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali, mhumiex iġġustifikati passi ulterjuri bil-proċedura ta’ devjazzjoni sinifikanti għall-Polonja.

    (13)Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn defiċit ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 8,4 % tal-PDG fl-2020. Wara li naqas għal 46,0 % tal-PDG fl-2019, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 55,2 % fl-2020. Il-prospetti makroekonomiċi u fiskali huma milquta minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

    (14)Bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ ikkoordinat tal-Unjoni, il-Polonja adottat miżuri baġitarji biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u s-setturi l-aktar milquta. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020, dawk il-miżuri baġitarji jammontaw għal 3,2 % tal-PDG u jinkludu allowances għall-persuni li jaħdmu għal rashom u impjegati b’kuntratti tax-xogħol mhux standard, li jeżentaw lill-kumpaniji mill-kontribuzzjonijiet soċjali (dawn għandhom jitħallsu mill-Istat), u sussidji għall-pagi għal ċerti kumpaniji. Barra minn hekk, il-Polonja ħabbret miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex isostnu l-likwidità għan-negozji bħall-garanziji ta’ self lill-intrapriżi. L-impatt fiskali tal-miżuri baġitarji pprovduti fil-Programm ta’ Konverġenza jvarja l-aktar minħabba t-trattament tas-self lill-kumpaniji. Skont l-avviżi tal-awtoritajiet, it-tbassir tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li s-self ekwivalenti għal madwar 2¾ punti perċentwali tal-PDG se jiġi kkonvertit f’sussidji u b’hekk jiġi rreġistrat bħala nefqa fl-2020. B’mod kumplessiv, il-miżuri meħuda mill-Polonja huma f’konformità mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku koordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-miżuri, segwita minn iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali biex jinkisbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jagħtu lok għal dan, se tikkontribwixxi għall-ippreservar tas-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju.

    (15)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni skont il-politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Polonja huwa mbassar li jkun ta’ -9,5 % tal-PDG fl-2020 u -3,8 % fl-2021. Il-projezzjoni tal-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika hija li jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG fl-2020 u fl-2021.

    (16)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba l-ksur ippjanat min-naħa tal-Polonja tal-limitu tad-defiċit tal-PDG ta’ 3 % fl-2020. Kollox ma’ kollox, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 mhuwiex issodisfat.

    (17)It-tifqigħa tal-COVID-19 tefgħet lill-Polonja f’sitwazzjoni soċjali u ekonomika ġdida. Għall-ewwel darba fi kważi tliet deċennji, hija prevista reċessjoni għall-2020. Skont id-data pprovduta mill-Gvern, l-impatt tal-pandemija fuq is-saħħa tal-popolazzjoni kien kollox ma’ kollox baxx, fosthom minħabba adozzjoni bikrija ta’ miżuri bla preċedent bħall-kwarantina stretta u t-tbegħid soċjali. Sa issa, l-aktar konsegwenzi negattivi ġew osservati fis-settur tas-servizzi (inkluż it-trasport, il-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa u d-divertiment), kif ukoll fil-manifattura, minħabba interruzzjonijiet fil-katini tal-provvista. Biex jagħmel tajjeb għall-impatt ekonomiku tar-restrizzjonijiet imposti, il-Gvern nieda sett ta’ miżuri li jammontaw għal madwar 9 % tal-PDG tal-Polonja (miżuri li jżidu d-defiċit u miżuri ta’ likwidità f’daqqa), li jinkludu l-finanzjament mill-Unjoni. Dan huwa sostnut ukoll mill-miżuri ta’ provvediment ta’ likwidità tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja. Is-sostenn tal-Gvern jiffoka fuq l-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija fi żmien qasir permezz tas-sostenn għall-introjti tal-impjegati, l-għoti ta’ finanzjament lin-negozji li qed jiffaċċjaw tnaqqis fid-dħul, it-tisħiħ tar-reżiljenza u tal-kapaċità ta’ rispons tas-settur tas-saħħa, u t-tisħiħ tas-sistema finanzjarja. Tinkludi wkoll programmi ta’ investiment għas-sostenn tal-irkupru ekonomiku fi żmien medju. Id-domanda pubblika għar-rispons politiku, inkluż permezz ta’ eżenzjonijiet mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, benefiċċji għall-impjegati f’kumpaniji li qed jissospendu l-attività tagħhom u aċċess għas-self għall-mikrointrapriżi hija għolja. Il-pandemija tal-COVID-19 hija mistennija li tikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-PDG b’4,3 % fl-2020, segwit bi rkupru ta’ 4,1 % fl-2021.

    (18)Il-pandemija tal-COVID-19 ġabet magħha l-bżonn li jiġu implimentati miżuri bla preċedent fis-sistema tas-saħħa. Saru nefqiet kunsiderevoli bħax-xiri ta’ tagħmir u provvisti relatati mas-saħħa, żdiedet il-kapaċità tal-isptarijiet u l-laboratorji, kif ukoll issaħħet il-kapaċità tal-persunal. Hemm bżonn ukoll allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali biex jikkumpensaw għal servizzi tas-saħħa u investimenti oħra li ġew posposti jew ridirezzjonati. Qabel it-tifqigħa tal-COVID-19, in-nefqa pubblika fis-sistema tas-saħħa kienet 4,8 % tal-PDG, taħt il-medja tal-UE ta’ 7 % tal-PDG fl-2018. Dan, flimkien ma’ allokazzjoni mhux mill-aqwa tal-fondi, jostakola t-tħaddim tas-sistema tas-saħħa u l-aċċess għaliha. Fl-2018, il-proporzjon tal-popolazzjoni Pollakka li rrapportat ħtiġijiet mhux issodisfati għal analiżijiet mediċi kien jammonta għal 4,2 %, kunsiderevolment ogħla mit-2 % fil-livell tal-Unjoni. L-għadd ta’ tobba u infermiera prattikanti meta mqabbel mal-popolazzjoni huwa fost l-aktar baxx fl-Unjoni u d-distribuzzjoni tal-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa mhijiex indaqs fil-pajjiż kollu. Is-saħħa pubblika, is-saħħa elettronika u l-kura primarja, li huma kruċjali biex jittejbu l-prevenzjoni u l-aċċess, u biex is-sistema ssir reżiljenti għall-isfidi fil-futur, għadhom sottożviluppati. Il-pandemija kellha impatt fuq il-faċilitajiet ta’ kura fit-tul fejn bosta mir-residenti tagħhom huma grupp ta’ riskju għoli. 

    (19)Il-pandemija tal-COVID-19 se jkollha impatt sinifikanti fuq is-suq tax-xogħol, li se jibdel ix-xejra fir-rigward tat-tnaqqis fil-qgħad ta’ dawn l-aħħar snin. Ir-rata tal-qgħad hija mistennija li ma tibqax ta’ 3,3 % bħalma kienet fl-2019 u tiżdied għal madwar 7,5 % fl-2020, u tirkupra daqsxejn għal 5,3 % fl-2021. Ir-riskju huwa li dan l-impatt fi żmien qasir isir aktar strutturat fi żmien medju, speċjalment għall-gruppi vulnerabbli. L-iskema temporanja ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar tista’ tkun għodda effettiva biex jiġu ppreservati l-impjiegi, b’biżżejjed inċentivi biex il-kumpaniji japplikawha. Fl-istess waqt, minkejja l-iżviluppi favorevoli qabel ma feġġet il-kriżi tal-COVID-19, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ xi gruppi, speċjalment in-nisa, il-persuni bi ftit ħiliet, il-persuni avvanzati fl-età u l-persuni b’diżabbiltà u dawk li jieħdu ħsiebhom, baqgħet baxxa. Il-migrazzjoni minn pajjiżi li mhumiex fl-UE għenet biex jitrażżan in-nuqqas ta’ ħaddiema, iżda jaf ikun diffiċli li jinkiseb influss kontinwu ta’ ħaddiema migranti kaġun tar-restrizzjonijiet tal-kontrolli fil-fruntieri. It-titjib tal-arranġamenti tax-xogħol flessibbli, fosthom ix-xogħol mill-bogħod u skemi ta’ xogħol b’ħinijiet flessibbli, b’mod partikolari fl-ambitu ta’ tipi permanenti ta’ impjiegi, jista’ għalhekk jgħin fir-rispons għall-kriżi kif ukoll jgħin fis-sostenn lill-gruppi b’rati aktar baxxi ta’ attività biex isibu impjieg permanenti. Dan itejjeb ukoll ir-reżiljenza tas-suq tax-xogħol matul kull tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fil-futur.

    (20)Biex jitnaqqsu l-impatti soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 hemm bżonn ta’ xbieki ta’ sikurezza sostanzjali biex il-koeżjoni soċjali tiġi sostnuta u biex jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku. F’dawn l-aħħar snin, il-Polonja nediet programm estensiv ta’ trasferimenti soċjali, inklużi l-allowances universali għat-tfal u l-benefiċċju addizzjonali ta’ darba li għandu jitħallas kull sena lill-pensjonanti, li jammonta għal kważi 2,5 % tal-PDG kull sena. Dawn il-miżuri ma jiddependux mill-mezzi ta’ dak li jkun u hemm marġni għal mira aħjar. Fl-istess waqt, il-kopertura tal-benefiċċji soċjali hija baxxa għall-persuni bl-aktar introjti baxxi. L-akbar żieda fil-faqar estrem irrappurtata fl-2019 mill-istħarriġ dwar il-baġit tal-unitajiet domestiċi ġiet osservata fir-rigward tal-persuni jew familji li jgħixu fuq l-allowances (li mhumiex pensjonijiet u pensjonijiet għad-diżabilità), li jindika dgħufijiet fis-sistema tas-sigurtà soċjali. Barra minn hekk, mhux it-tipi kollha ta’ kuntratti tax-xogħol jipprovdu aċċess għall-protezzjoni soċjali, bħall-benefiċċji adegwati għall-qgħad, għall-maternità, għall-mard u għall-invalidità. Dan iwassal biex xi ħaddiema milquta mill-miżuri ta’ emerġenza jsiru aktar vulnerabbli u jpoġġihom f’riskju li jaqgħu fil-faqar. Barra minn hekk, il-livell ta’ benefiċċji tad-dħul minimu huwa taħt il-medja tal-Unjoni.

    (21)Is-sospensjoni għal għarrieda tal-lezzjonijiet fil-livelli edukattivi kollha ġabet magħha sfidi għas-sistema edukattiva biex jibda jsir tagħlim mill-bogħod. Sabiex jiġu evitati l-inugwaljanzi li qed jikbru, huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-istudenti kollha, b’mod partikolari minn ambjenti żvantaġġati, ikollhom aċċess għat-tagħlim mill-bogħod. Madankollu, fl-2018 il-familji ta’ kważi 330 000 student ma kinux attrezzati b’kompjuter b’aċċess għall-internet. Għadd kunsiderevoli ta’ għalliema ma għandhomx il-ħiliet biex jipprovdu tagħlim diġitali. Fl-istess waqt, bosta ġenituri jsibuha diffiċli li jsostnu lil uliedhom fit-tagħlim diġitali u l-iskola mid-dar. It-tkomplija tal-miżuri biex l-iskejjel u l-għalliema jiġu attrezzati b’infrastruttura diġitali u materjali għat-tagħlim online tindirizza wħud minn dawn il-kwistjonijiet u tiżgura l-kwalità. Il-kriżi tal-COVID-19 toħroġ fil-beraħ l-isfida strutturali kumplessiva fir-rigward tal-kisba tal-ħiliet diġitali, billi daqs nofs il-popolazzjoni adulta ma għandhiex ħiliet diġitali bażiċi, u s-sehem kumplessiv tal-adulti fit-tagħlim huwa kunsiderevolment anqas mill-medja tal-Unjoni. Ir-riformi reċenti fl-edukazzjoni vokazzjonali ma tawx biżżejjed inċentiv lil min iħaddem biex jieħdu sehem fiha u t-taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol għadu mhux użat biżżejjed. L-iskarsezzi li qed jibdew ifeġġu fir-rigward tal-għalliema jindikaw il-bżonn li l-professjoni tal-għalliema ssir waħda li tattira aktar nies.

    (22)It-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt aħrax fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-negozji, speċjalment tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u l-mikrointrapriżi. L-offerta ta’ arranġamenti ta’ ħidma mill-bogħod tirrappreżenta sfida, u 10 % biss mill-intrapriżi Pollakki huma diġitalizzati biżżejjed biex ikunu jistgħu jadattaw malajr għal dawn il-kundizzjonijiet ġodda. Wieħed mill-ostakli ewlenin għad-diġitalizzazzjoni tal-SMEs huma l-livelli baxxi ta’ għarfien diġitali fost is-sidien, il-maniġers u l-impjegati. L-użu tat-teknoloġiji diġitali fl-amministrazzjoni pubblika huwa essenzjali biex jiġi żgurat li jiġu pprovduti s-servizzi tal-Gvern kif ukoll biex il-miżuri meħtieġa jiġu orjentati fid-direzzjoni tal-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-kriżi. Barra minn hekk, is-servizzi pubbliċi diġitali effiċjenti jwasslu għal tnaqqis tal-piż regolatorju u amministrattiv mhux meħtieġ, li jista’ jkun kruċjali fil-fażi tal-irkupru.

    (23)Sabiex jittaffa l-impatt tal-kriżi, il-Gvern Pollakk joffri sostenn sostanzjali f’likwidità permezz tal-garanziji, self u għotjiet finanzjarji b’kundizzjonijiet lill-kumpaniji milquta, b’attenzjoni mixħuta fuq l-SMEs u l-mikrointrapriżi. Il-miżuri tal-Gvern huma sostnuti mill-Bank Nazzjonali tal-Polonja, fosthom permezz tal-programm ta’ xiri tal-bonds tat-teżor fis-suq sekondarju u tnaqqis kunsiderevoli tar-rati tal-imgħax. L-implimentazzjoni effettiva u f’qasir żmien ta’ dawn il-miżuri u t-trażmissjoni effettiva tagħhom mill-intermedjarji huma essenzjali biex is-settur tan-negozju jingħata palata biex jibqa’ jopera u biex jiġi ffaċilitat l-irkupru. Matul il-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, jeħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jeħtieġ li tiġi mmonitorjata. Il-possibbiltà li jkun hemm differiment tal-ħlas tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali u t-tħaffif tal-pagamenti kuntrattwali mill-awtoritajiet pubbliċi wkoll jgħinu biex jittejjeb il-fluss ta’ flus tal-kumpaniji milquta.

    (24)Biex jiġi inkoraġġit l-irkupru ekonomiku, se jkun ta’ importanza li jiġi antiċipat il-finanzjament ta’ proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tingħata promozzjoni lill-investiment pubbliku, fosthom permezz ta’ riformi rilevanti. L-ekonomija tal-Polonja hija intensiva f’termini ta’ karbonju u l-kwalità tal-arja hija fost l-aktar baxxi fl-Unjoni, u dan jirrappreżenta tħassib kbir ambjentali u għas-saħħa. Għaldaqstant huwa essenzjali li jkun hemm ippjanar u li jiġu adottati miżuri ambizzjużi fil-mument opportun skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima. Filwaqt li l-użu tal-internet bil-fibra fil-Polonja huwa ’l fuq mill-medja tal-UE u sar progress sinifikanti fl-assorbiment tal-broadband ultraveloċi u mobbli fis-snin preċedenti, il-Polonja għadha ’l bogħod mill-miri ta’ konnettività li ħadet impenn dwarhom. L-irkupru jista’ jiġi sostnut ulterjorment permezz ta’ investiment sinifikanti fl-infrastruttura tat-trasport sostenibbli biex tittejjeb il-konnettività bejn iż-żoni periferiċi u ċ-ċentri ta’ attività ekonomika. Il-Polonja kulma jmur se tkun qed tiddependi fuq ix-xjenza u l-innovazzjoni biex tiżgura tkabbir ekonomiku u kompetittività sostenibbli fit-tul. L-infiq ġenerali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp b’rabta mal-PDG għadu ’l isfel mill-medja tal-UE u, minkejja l-progress evidenti f’għadd ta’ komponenti tat-taħlita politika tal-ekosistema tal-innovazzjoni tal-pajjiż, il-kooperazzjoni bejn in-negozju u x-xjenza għadu ostaklu ewlieni fir-rotta tal-Polonja biex issaħħaħ l-innovazzjoni. L-ipprogrammar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lill-Polonja tittratta xi wħud mill-isfidi li toffri t-tranżizzjoni lejn ekonomija li tkun newtrali fejn tidħol il-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż 8 . Dan jippermetti lill-Polonja tagħmel l-aħjar użu minn dak il-fond.

    (25)Ambjent tan-negozju stabbli u prevedibbli u klima ta’ investiment amikevoli jaqdu rwol importanti fi rkupru ekonomiku ta’ wara l-pandemija. L-indipendenza, l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema ġudizzjarja huma komponenti essenzjali f’dan ir-rigward. Iċ-ċertezza tad-dritt, fosthom l-aċċess għall-qrati indipendenti, u l-fiduċja fil-kwalità u l-prevedibbiltà tal-politiki u l-istituzzjonijiet regolatorji huma wkoll fatturi kruċjali għall-operat tas-suq uniku u għas-salvagwardjar tal-pożizzjoni tal-Polonja fil-katini ta’ provvista Ewropej f’sitwazzjoni ta’ wara l-pandemija. Minn barra diversi punti ta’ tħassib li ilhom jeżistu rigward l-istat tad-dritt fil-Polonja li kienu ġew espressi mill-Kummissjoni, li wħud minnhom diġà ġew indirizzati f’deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, xi żviluppi li kien hemm dan l-aħħar iqajmu aktar tħassib u jpoġġu f’riskju t-tħaddim tal-ordinament ġuridiku Pollakk u tal-Unjoni.

    (26)Ambjent regolatorju sod u stabbli huwa l-bażi biex jiġu sostnuti t-tkabbir ekonomiku u l-investiment tas-settur privat. In-nuqqas ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi u mas-sħab soċjali kif suppost għandi effett ta’ detriment fuq l-istabbiltà u r-robustezza tal-ambjent tan-negozju, kif ukoll fuq il-kwalità tal-leġiżlazzjoni. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi saru obbligatorji għall-abbozzi ta’ liġi proposti mill-Kunsill tal-Ministri, madankollu, jew ma jsirux inkella mhumiex obbligatorji għall-proposti li qed jużaw trejqiet alternattivi, bħas-sottomissjoni mill-Membri tal-Parlament. Din l-inkonsistenza qed ikollha piż ulterjuri fuq il-kwalità tal-leġiżlazzjoni li tirriżulta. Barra minn hekk, il-kwalità tad-djalogu soċjali marret għall-agħar f’dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari minħabba ebda konsultazzjoni fil-proċess tat-tfassil tal-politika jew inkella konsultazzjonijiet qosra ħafna. Jekk jiġi żgurat biżżejjed żmien għall-konsultazzjonijiet, jitjieb l-assorbiment tal-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati rigward il-liġijiet u d-dokumenti ta’ politika u jitnaqqas l-għadd ta’ liġijiet eżentati mill-konsultazzjonijiet, dan isaħħaħ l-involviment tas-sħab soċjali u jgħin biex tittejjeb il-kwalità tat-tfassil tal-liġijiet. Il-Kunsill għad-Djalogu Soċjali jikkostitwixxi qafas istituzzjonali għad-djalogu soċjali tripartitiku. Madankollu, id-dispożizzjonijiet legali adottati f’April 2020 idgħajfu l-awtonomija tas-sħab soċjali fil-Kunsill għad-Djalogu Soċjali u jeżisti riskju li jkomplu jiddeterjoraw l-effettività tad-djalogu soċjali fil-pajjiż.

    (27)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu trattati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa dak twil. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jenħtieġ li jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

    (28)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, il-Polonja se tikkontribwixxi għall-progress fir-rigward tal-SDGs u għall-isforz komuni fl-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-kompetittività fl-Unjoni.

    (29)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Polonja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2020. Ivvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Polonja fis-snin preċedenti. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Polonja, iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (30)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 u l-opinjoni tiegħu 9 hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja tieħu azzjoni fl-2020 u l-2021 biex:

    1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, isostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, issegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u tiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment.. Ittejjeb ir-reżiljenza, l-aċċessibbiltà u l-effettività tas-sistema tas-saħħa, inkluż billi tipprovdi biżżejjed riżorsi u tħaffef l-implimentazzjoni tas-servizzi tas-saħħa elettronika.

    2.Tnaqqas l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi, b’mod partikolari billi ttejjeb l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli u għal żmien qasir. Tqiegħed aħjar il-benefiċċji soċjali fil-mira tagħha u tiżgura l-aċċess tagħhom minn dawk li għandhom bżonnhom. Ittejjeb il-kompetenzi diġitali. Tippromwovi aktar il-bidla diġitali tal-kumpaniji u l-amministrazzjoni pubblika.

    3.Tissokta bl-isforzi biex tiggarantixxi aċċess għal finanzjament u l-likwidità lill-kumpaniji. Tiffinanzja fil-bidu tal-perjodu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jiġu mbuttat ’il quddiem l-irkupru ekonomiku. Tikkonċentra l-investiment fuq il-bidla diġitali u t-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari fuq l-infrastruttura diġitali, l-użu u l-produzzjoni b’mod nadif u effiċjenti tal-enerġija, u t-trasport sostenibbli, li jikkontribwixxu għal dekarbonizzazzjoni progressiva tal-ekonomija, inklużi r-reġjuni li joperaw bil-faħam.

    4.Ittejjeb il-klima tal-investiment, b’mod partikolari billi tissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja. Tiżgura konsultazzjonijiet pubbliċi effettivi u l-involviment tas-sħab soċjali fil-proċess tat-tfassil tal-politika.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
    (2)    SWD(2020) 520 final.
    (3)    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 117.
    (4)    COM(2020) 112 final.
    (5)    COM(2020) 123 final.
    (6)

       Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19, (Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

    (7)    In-nefqa primarja netta tal-Gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-Gvern mingħajr in-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni li huma korrisposti bis-sħiħ minn dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fuq in-nefqa tal-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata f’livell nazzjonali hija mifruxa fuq perjodu ta’ erba’ snin. Huma kkunsidrati miżuri tad-dħul diskrezzjonali jew żidiet fid-dħul mitluba bil-liġi. Miżuri ta’ darba fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa huma mnaqqsa.
    (8)    SWD(2020) 520 final.
    (9)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
    Top