EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0501

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Belġju tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Belġju tal-2020

COM/2020/501 final

Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 501 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Belġju tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Belġju tal-2020


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Belġju tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Belġju tal-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx lill-Belġju bħala wieħed mill-Istati Membri li jirrikjedi li ssirlu analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2020 għall-Belġju 2 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Dan ivvaluta l-progress tal-Belġju fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 3 , is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Belġju lejn il-miri nazzjonali tal-Ewropa tal-2020.

(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat il-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qiegħda tpoġġi s-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tfixkel il-ktajjen ta’ provvista dinjija, tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u jkollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda thedded l-impjiegi tan-nies, l-introjti tagħhom u n-negozji tal-kumpaniji. Wasslet għal xokk ekonomiku mill-akbar li diġà qiegħed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 4 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kull miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, meħtieġa, limitata fiż-żmien u konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għal sorveljanza demokratika u stħarriġ ġudizzjarju indipendenti.

(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 5 . Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qasmet il-ħsieb tagħha mal-Kunsill li, minħabba tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku b’riżultat tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri għall-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b’rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Tippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li tippermetti li l-Kummissjoni u l-Kunsill jieħdu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.

(6)Tenħtieġ azzjoni kontinwa biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati għas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol bil-ħsieb li jkun hemm rilanċ tal-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, li jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u li jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

(7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li joffri s-suq uniku ta’ adattament għal sitwazzjoniijiet differenti ħafna mis-soltu. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi u ħaddiema, iridu jitneħħew miżuri eċċezzjonali li jwaqqfu l-funzjonament normali tas-suq uniku hekk kif dawn ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari titjib fl-istrateġiji tax-xiri, diversifikazzjoni fil-ktajjen tal-provvista u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi kruċjali għall-iżvilupp ta’ pjanijiet akbar ta’ tħejjija.

(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti 6 li jippermettu lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha mhux użati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex ikunu jistgħu jittrattaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati u razzjonalizzati. Biex jittaffew il-pressjonijiet ta’ flussi ta’ flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Il-Belġju huwa mħeġġeġ juża bis-sħiħ dawn il-possibbiltajiet biex jgħin lill-individwi u s-setturi l-aktar affettwati mill-isfidi.

(9)Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija aktarx ma jitqassmux b’mod uniformi fit-territorji kollha minħabba xejriet ta’ speċjalizzazzjoni differenti. Dan jinvolvi riskju sostanzjali li jikbru l-inugwaljanzi interreġjonali u intrareġjonali fil-Belġju. Flimkien mar-riskju ta’ tnaqqis temporanju fil-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob rispons ta’ politika mfassal apposta.

(10)Fit-30 ta’ April 2020, il-Belġju ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu tal-2020 u l-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(11)Bħalissa l-Belġju qiegħed fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u huwa soġġett għar-regola tad-dejn.

(12)Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill irrakkomanda lill-Belġju biex jiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett 7 ma teċċedix il-1,8 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG. Billi l-Belġju ġie vvalutat biex jikkwalifika għad-devjazzjoni temporanja mitluba ta’ 0,5 % tal-PDG taħt il-klawżola tar-riforma strutturali, l-aġġustament strutturali mitlub għall-2019 tnaqqas għal 0,1 % tal-PDG, li jikkorrispondi għal rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq primarju nett li ma taqbiżx it-2,8 % fl-2019. Il-valutazzjoni kumplessiva tal-Kummissjoni tikkonferma devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2019 u matul l-2018 u l-2019 flimkien. Dan huwa fattur rilevanti fir-rapport tal-Kummissjoni li tħejja skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat li jivvaluta l-konformità tal-Belġju mal-kriterju tad-dejn fl-2019.

(13)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn defiċit ta’ 1,9 % tal-PDG fl-2019 għal 7,5 % tal-PDG fl-2020. Wara li fl-2019 naqas għal 98,6 % tal-PDG, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika bħala proporzjon tal-PDG hu mistenni li jiżdied għal 115 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Il-perspettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata minn ħafna inċertezza minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(14)B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni, il-Belġju adotta miżuri baġitarji biex iżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tiegħu, irażżan il-pandemija, u jgħin lil dawk l-individwi u lis-setturi li ġew affettwati b’mod partikolari. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji ammontaw għal 2,3 % tal-PDG. Il-miżuri jinkludu skema temporanja federali ta’ benefiċċju tal-qgħad, introjtu ta’ sostituzzjoni għall-ħaddiema għal rashom, provvediment federali għal nefqa relatata mal-kriżi, diversi provvedimenti reġjonali għall-kumpaniji u sussidji settorjali. Il-kwantifikazzjoni tal-miżuri li jżidu d-defiċit ġeneralment tikkoinċidi mal-istimi tal-Kummissjoni, ladarba jitqies it-trattament differenti tal-kost tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Barra minn hekk, il-Belġju ħabbar miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu għall-appoġġ tal-likwidità għan-negozji. Dawn il-miżuri jikkonċernaw kemm il-garanziji tas-self federali kif ukoll reġjonali għall-kumpaniji u għall-ħaddiema għal rashom, li l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 jistma għal 11,8 % tal-PDG. Id-differimenti ta’ taxxa, speċjalment għat-taxxi korporattivi u fuq l-introjtu personali u l-kontribuzzjonijiet soċjali, diġà ġew implimentati iżda l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 ma jikkwantifikahomx. Kumplessivament, il-miżuri li ħa l-Belġju huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-miżuri, segwita minn iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali biex jintlaħqu pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, se jikkontribwixxu biex is-sostenibbiltà fiskali tiġi ppreservata fiż-żmien medju.

(15)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni taħt politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Belġju huwa mbassar li jkun -8,9 % tal-PDG fl-2020 u -4,2 % fl-2021. Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika bħala proporzjon tal-PDG għandu jilħaq il-113,8 % tal-PDG fl-2020.

(16)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba n-nuqqas ta’ konformità tal-Belġju mar-regola tad-dejn fl-2019 u l-ksur ippjanat tat-3 % tal-limitu tad-defiċit tal-PDG fl-2020. Kumplessivament, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterji tad-defiċit u tad-dejn kif definiti fit-Trattat u fir-Regolament (KE) 1467/1997 ma ġewx issodisfati.

(17)B’reazzjoni għat-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, l-awtoritajiet Belġjani adottaw pakkett komprensiv ta’ miżuri biex itaffu l-impatt soċjali u ekonomiku tat-tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Hemm skema ta’ garanzija ta’ EUR 50 biljun fis-seħħ għall-kreditu ġdid ta’ terminu qasir għan-negozji vijabbli. Ir-reġjuni u l-komunitajiet introduċew ukoll garanziji għal self tranżitorju u regolari tan-negozju, appoġġ ta’ likwidità għan-negozji fil-forma ta’ self dirett u miżuri li jappoġġaw finanzjarjament lin-negozji l-aktar affettwati mill-kriżi. Ir-rimborż tal-mutwi ipotekarji eżistenti u tas-self tan-negozju jista’ jiġi estiż. Jeżisti moratorju temporanju fuq il-proċedimenti ta’ falliment għan-negozji milquta ħażin. Ġew introdotti inċentivi differenti biex iħeġġu aktar ħaddiema jibqgħu jaħdmu jew jerġgħu jibdew jaħdmu biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat. Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-pagamenti tat-taxxa, bħat-taxxa fuq il-valur miżjud, it-taxxi korporattivi u fuq l-introjtu personali, jistgħu jiġu diferiti jew eżentati f’xi każijiet. Il-Gvern federali għamel l-iskema temporanja tal-qgħad minħabba forza maġġuri għad-dispożizzjoni tal-kumpaniji affettwati mill-kriżi, b’żieda fil-benefiċċji. Jeżisti introjtu ta’ sostituzzjoni kull xahar għall-ħaddiema għal rashom li l-attività tagħhom ġiet interrotta għal mill-inqas sebat ijiem konsekuttivi. Id-digressività tal-benefiċċji tal-qgħad hija ffriżata temporanjament. Il-Gvern federali qed iħejji wkoll sensiela addizzjonali ta’ miżuri kontra l-insolvenza tan-negozji, bħall-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva u fuq l-introjtu personali għas-sena fiskali 2020.

(18)Is-sistema tas-saħħa tal-Belġju għandha prestazzjoni tajba fil-kura akuta fl-isptarijiet. Madankollu, it-tifqigħa tal-COVID-19 enfasizzat għadd ta’ nuqqasijiet fir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa meta tħabbat wiċċha ma’ kriżi estrema tas-saħħa pubblika. Uriet biċ-ċar li l-Belġju qed iħabbat wiċċu ma’ nuqqas strutturali ta’ ħaddiema tas-saħħa li jeħtieġ li jiġi indirizzat. Fil-futur immedjat, se jibqa’ kruċjali li jiġu żgurati biżżejjed prodotti mediċi kritiċi, inkluż tagħmir protettiv, b’mod partikolari għall-ħaddiema tas-saħħa u għall-ħaddiema f’okkupazzjonijiet oħra li jesponuhom għall-periklu. Fiż-żmien qasir u medju, se jibqa’ essenzjali li jkun hemm strateġija tal-kura tas-saħħa pubblika, li tkun ikkoordinata bis-sħiħ mal-politiki ta’ prevenzjoni u ta’ kura fit-tul, biex tiżgura li kriżijiet tas-saħħa pubblika bħall-COVID-19 jiġu ġestiti b’mod effettiv. F’dan il-kuntest, l-implimentazzjoni bla xkiel tal-ftehim tal-Konferenza Interministerjali dwar il-kura tas-saħħa pubblika biex ikun hemm persunal tal-isptar u infrastruttura (kompetenza federali) għad-dispożizzjoni tal-faċilitajiet ta’ kura fit-tul (kompetenza komunitarja) hija element kostitwenti importanti.

(19)Wara li ntlaħqu livelli għoljin rekord ta’ impjiegi fl-2019 u fil-bidu tal-2020, il-kriżi tal-COVID-19 waqqfet għal għarrieda t-tkabbir tal-impjiegi fil-Belġju. L-iskemi ta’ appoġġ eżistenti tal-introjtu pubbliku tal-Belġju bħas-sistema tal-qgħad temporanju għall-impjegati u d-dritt tranżitorju għall-ħaddiema għal rashom jagħtu kumpens parzjali għat-telf fl-introjtu minħabba tnaqqis fil-ħin tax-xogħol. Dawn l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet aqsar għandhom rwol ewlieni biex inaqqsu l-impatt tat-tnaqqis fl-output tal-produzzjoni fuq il-livelli tal-impjiegi. Madankollu, il-qgħad huwa mistenni li jogħla għal 7 % fl-2020 u jonqos xi ftit għal 6,6 % fl-2021. Sabiex jiġi evitat li ż-żieda fil-qgħad issir waħda strutturali, jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tissaħħaħ l-effettività tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol eżistenti, li għadhom baxxi billi jeżisti sehem għoli min-nies qiegħda li jipparteċipaw fil-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol flimkien ma’ tranżizzjoni baxxa mid-dinja tal-qgħad għad-dinja tax-xogħol. Jenħtieġ li ssir attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat approċċ komprensiv għal dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol li aktarx se jkunu l-aktar affettwati mill-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-kriżi. Gruppi vulnerabbli jinkludu b’mod partikolari dawk b’livell baxx ta’ ħiliet, persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni u persuni b’diżabbiltà. Barra minn hekk, il-porzjon ta’ taxxa fuq ix-xogħol bħala medja għadu aktar għoli mil-livelli kollha tal-pagi, ħlief għall-ħaddiema b’paga baxxa ħafna (50 % tal-paga medja). Dan huwa fattur importanti tal-kost relattivament għoli tax-xogħol, li jista’ jaffettwa b’mod negattiv id-domanda għall-ħaddiema, b’mod partikolari għall-impjiegi bi produttività baxxa.

(20)Jenħtieġ li l-mobbiltà tax-xogħol tiġi mbutattata lejn is-setturi fejn hemm nuqqasijiet kbar, fosthom l-okkupazzjonijiet tas-saħħa, tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (information and communication technologies, ICT) u dawk tekniċi u professjonali. Dan se jkun akkumpanjat minn ħtiġijiet importanti f’termini ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet u se jkun jeħtieġ li jiżdied il-livell tal-parteċipazzjoni adulta fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, inkluż billi jintużaw perjodi ta’ tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol. Hemm tħassib li l-iskemi eżistenti tal-inċentivi għat-taħriġ ma jilħqux lil dawk li jibbenefikaw minnhom l-aktar, bħal dawk b’livell baxx ta’ ħiliet, il-ħaddiema akbar fl-età u l-persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni. Il-ħiliet lingwistiċi fqar huma ostaklu kbir, b’mod partikolari fi Brussell li hija bilingwi. Il-komunitajiet qed jieħdu azzjoni biex iżidu t-teħid tal-istudji fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika, iżda hemm lok għal strateġiji aktar komprensivi biex tiġi ssodisfata d-domanda futura tas-suq tax-xogħol. Il-livell kumplessiv tal-ħiliet diġitali huwa tajjeb, iżda għadu staġnat. Fost iż-żgħażagħ, u b’mod partikolari fost dawk li għandhom edukazzjoni baxxa, il-livell ta’ ħiliet diġitali huwa aktar baxx mill-medja tal-UE u mar għall-agħar f’dawn l-aħħar snin. Id-disponibbiltà ta’ tagħmir adegwat u konnessjoni tal-internet għall-istudenti kollha akkumpanjata bl-iskemi ta’ taħriġ u mentoraġġ neċessarji tal-għalliema hija essenzjali biex jiġi żgurat aċċess għat-tagħlim mill-bogħod. Dan huwa meħtieġ ukoll biex jiġi żgurat li l-inugwaljanzi eżistenti fis-sistema edukattiva ma jiggravawx minħabba l-kriżi.

(21)Il-Belġju adotta ħafna skemi li jappoġġaw il-likwidità tad-ditti, fosthom skema ta’ garanzija tal-Istat għal self u diversi skemi reġjonali nnotifikati skont il-qafas temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19. L-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva ta’ dawn l-iskemi, inkluż minn intermedjarji, hija kruċjali biex jiġi żgurat li d-ditti, speċjalment l-impriżi żgħar u medji u l-ħaddiema għal rashom, jibbenefikaw minnhom sabiex jipproteġuhom u jippermettulhom irkupru aktar rapidu. Fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri jenħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju, inkluż l-intermedjarji.

(22)Minkejja l-isforzi tal-Gvern, il-piż amministrattiv fuq id-ditti huwa ta’ EUR 7 biljun fis-sena (1,6 % tal-PDG), li ħafna minnu huwa riżultat tal-konformità mal-liġi tat-taxxa u tax-xogħol. Is-sistema fiskali hija kumplessa minħabba diversi nefqiet fiskali. Il-ġestjoni tar-remunerazzjoni għal kumpanija hija kumplessa, b’mod partikolari għall-kumpaniji li jenħtieġ li jġestixxu s-sistemi reġjonali varji. In-negozji jesperjenzaw żieda fid-dewmien fil-pagamenti mill-awtoritajiet pubbliċi li tikkontribwixxi għall-fallimenti tan-negozji u deterjorament fil-klima kummerċjali. Hemm dewmien kbir għall-permessi tal-bini u għall-konnessjonijiet tal-elettriku u tal-ilma. Il-proċess ta’ trasferiment ta’ proprjetà huwa fost l-aktar kajmana u l-aktar għaljin fl-UE. Hemm diskrepanzi reġjonali kbar fil-kundizzjonijiet tad-dħul għas-servizzi tal-inġenji/tal-bini. Ir-regoli dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet, il-promozzjonijiet tal-bejgħ, l-iskonti u l-mezzi ta’ distribuzzjoni għall-mediċini li jinxtraw mingħajr riċetta huma ta’ piż fuq l-ambjent operattiv għall-bejjiegħa bl-imnut. L-introduzzjoni tal-5G qiegħda tinżamm lura, fost affarijiet oħra, b’limiti stretti tar-radjazzjoni (speċjalment fi Brussell) li jvarjaw minn reġjun għall-ieħor, b’taxxi għaljin fuq l-antenni fi Brussell u ż-żmien twil biex jingħata permess biex jintużaw l-antenni. Fil-qasam tal-insolvenza, ma hemm l-ebda proċedura ta’ saldu extraġudizzjarja speċjali simplifikata għall-impriżi żgħar u medji u d-debituri biss jistgħu jibdew proċeduri ta’ insolvenza. Minkejja t-titjib gradwali, l-isfida ta’ diġitalizzazzjoni insuffiċjenti u nuqqas ta’ riżorsi għas-sistema ġudizzjarja għadha preżenti. Proċedimenti twal fil-ġustizzja amministrattiva jikkawżaw dewmien sinifikanti għall-akkwist pubbliku u għall-każijiet tal-permessi tal-bini. L-infurzaturi ewlenin fis-sorveljanza tas-suq, fil-kompetizzjoni u fit-trasport ferrovjarju ma għandhomx biżżejjed persunal biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

(23)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu ffinanzjati b’mod aktar qawwi fil-bidu, u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Kif ġie ddikjarat fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECP) 2021-2030, il-Belġju għandu ħtiġijiet sinifikanti għall-investiment fit-trasport sostenibbli, speċjalment biex tiġi indirizzata l-konġestjoni u l-mobbiltà elettrika. Qabel il-kriżi, ir-reġjuni tal-Belġju kienu ħabbru pjanijiet pluriennali kbar għall-infrastruttura tat-trasport. Madwar Brussell qed isir investiment kbir fil-ferroviji suburbani, fis-sinjalar, u fil-konnessjonijiet ferrovjarji tal-portijiet u dawk transfruntiera. L-NECP identifika wkoll ħtiġijiet importanti għall-investiment fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u flessibbli, fl-interkonnessjonijiet, fil-grilji intelliġenti, fil-ħżin u fl-effiċjenza enerġetika biex jintlaħqu l-miri Ewropej għall-enerġija, biex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Belġju li gradwalment jelimina kompletament l-enerġija nukleari sal-2025 u li jġedded 80 % tal-istokk tal-bini li nbena qabel l-introduzzjoni tan-normi tal-enerġija. B’kuntrast għall-intensità relattivament għolja tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) privati, l-intensità tar-R&Ż pubbliċi għadha kemxejn aktar baxxa minn ta’ ħafna mill-Istati Membri b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku. Hemm ir-riskju li l-Belġju jinqata’ lura fl-użu tal-5G billi mhuwiex jippjana li jassenja l-baned pijunieri tal-5G fl-iskadenzi pprovduti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. F’Marzu 2020, l-awtoritajiet Belġjani fetħu konsultazzjoni pubblika għal liċenzji nazzjonali temporanji għall-200 Mhz ta’ spettru disponibbli fil-banda 3.6-3.8 Ghz bħala soluzzjoni temporanja. L-ipprogrammar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lill-Belġju jittratta xi wħud mill-isfidi li toffri t-tranżizzjoni lejn ekonomija li tkun newtrali fejn tidħol il-klima, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż. Dan jippermetti li l-Belġju jagħmel l-aħjar użu minn dak il-fond.

(24)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu trattati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa dak twil. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Jenħtieġ li dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

(25)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, il-Belġju se jikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

(26)Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija kruċjali biex ikun hemm irkupru rapidu mill-impatt ekonomiku tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Belġju, bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro – u meta wieħed iqis il-gwida politika mill-Grupp tal-Euro – jiżgura li l-politiki tiegħu jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro u kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra taż-żona tal-euro.

(27)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Belġju u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2020. Ivvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Belġju fis-snin preċedenti. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Belġju, iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-futur.

(28)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni tiegħu 8 hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Belġju jieħu azzjoni fl-2020 u l-2021 biex:

1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jindirizza b’mod effettiv il-pandemija, isostni l-ekonomija u jappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, isegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u jiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li jtejjeb l-investiment. Isaħħaħ ir-reżiljenza kumplessiva tas-sistema tas-saħħa u jiżgura l-provvista ta’ prodotti mediċi kritiċi.

2.Jittaffa l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi u mil-lat soċjali, speċjalment billi jippromwovi l-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol effettivi u jrawwem l-iżvilupp tal-ħiliet.

3.Jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri biex jipprovdi likwidità biex jassisti lill-impriżi żgħar u medji u lill-ħaddiema għal rashom u jtejjeb l-ambjent tan-negozju. Jiffinanzja fil-bidu tal-perjodu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u jippromwovi l-investiment privat biex jiġu mbuttat ’il quddiem l-irkupru ekonomiku. Jiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq l-infrastruttura għal trasport sostenibbli, il-produzzjoni u l-użu nodfa u effiċjenti tal-enerġija, l-infrastruttura diġitali, bħan-Networks 5G u Gigabit, u r-riċerka u l-innovazzjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    SWD(2020) 500 final.
(3)    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 117.
(4)    COM(2020) 112 final.
(5)    COM(2020) 123 final.
(6)

   Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

(7)    L-infiq primarju nett tal-Gvern hu magħmul mill-infiq totali tal-Gvern mingħajr l-infiq marbut mal-imgħax, l-infiq marbut mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq marbut mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata fuq livell nazzjonali hija mifruxa fuq perjodu ta’ erba’ snin. Miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tan-nefqa huma mnaqqsa.
(8)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
Top