Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0313

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa fl-UE u lil hinn minnha.

    COM/2020/313 final

    Brussell, 15.7.2020

    COM(2020) 313 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa fl-UE u lil hinn minnha.










    1. INTRODUZZJONI

    It-tassazzjoni ġusta hija ċentrali għall-mudell soċjali u ekonomiku tal-UE u għas-sostenibbiltà tiegħu. Hija essenzjali għal dħul sostenibbli, għal ambjent tan-negozju kompetittiv u għall-moral ġenerali tal-kontribwenti. Huwa kruċjali li jintlaħqu wħud mill-għanijiet ewlenin tal-UE, inklużi soċjetà ġusta, Suq Uniku b’saħħtu bi dħul sostenibbli, kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji kollha u ekonomija stabbli mibnija fuq it-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment. Għal dawk ir-raġunijiet, il-President von der Leyen enfasizzat li sistema fiskali ġusta, fejn kulħadd iħallas is-sehem ġust tiegħu, hija waħda mill-prijoritajiet għall-Kummissjoni. Fid-dawl tal-irkupru globali, huwa daqstant importanti għall-pajjiżi msieħba li l-irkupru jiġi appoġġat minn mobilizzazzjoni ta’ riżorsi domestiċi b’sistema tat-tassazzjoni li tiffunzjona fil-qofol tiegħu. Dan se jgħin fl-indirizzar tal-konsegwenzi soċjo ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19.

    Il-Parlament Ewropew 1 appella wkoll ripetutament għal azzjoni tal-UE biex jitrażżnu l-kompetizzjoni dannuża fil-qasam tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u biex jiġu indirizzati r-rifuġji fiskali, għal tassazzjoni aktar ġusta u effettiva u biex jitnaqqas ir-riskju tal-ħasil tal-flus. L-aġenda għal tassazzjoni ġusta se tkun aktar u aktar importanti fix-xhur u s-snin li ġejjin, hekk kif l-UE se tkun qed taħdem biex tirkupra mill-konsegwenzi tal-kriżi COVID-19 u biex taċċellera t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Din se tkun kruċjali għal dħul pubbliku stabbli, ambjent tan-negozju b’saħħtu u investiment fis-servizzi pubbliċi, fejn jiġu kkoreġuti l-fallimenti tas-suq u jintbagħtu s-sinjali tal-prezzijiet it-tajbin għall-konsum sostenibbli, li se jgħinu biex titwitta t-triq għal irkupru rapidu u sostenibbli madwar l-UE u lil hinn minnha, kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” 2 .

    Il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa hija l-pedament li fuqu hija mibnija t-tassazzjoni ġusta. B’mod ġenerali, il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa tinkludi t-trasparenza fiskali, il-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa, in-nuqqas ta’ miżuri dannużi ta’ tassazzjoni u l-applikazzjoni ta’ standards maqbula internazzjonalment. F’dawn l-aħħar snin, kien hemm azzjoni sinifikanti – fil-livell tal-UE u f’dak internazzjonali – biex jissaħħu dawn il-prinċipji u biex ikun żgurat li dawn jiġu rrispettati.

    Il-Kummissjoni mbottat aġenda ambizzjuża biex ittejjeb il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u trażżan l-abbuż tat-taxxa fl-UE u lil hinn minnha. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri issa huma mgħammra b’qafas robust għat-trasparenza fiskali, miżuri komuni kontra l-evitar tat-taxxa u mekkaniżmu ġdid għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar it-taxxa. Ir-rekwiżiti tat-trasparenza mtejba għall-entitajiet u l-arranġamenti legali naqqsu r-riskji ta’ użu ħażin għall-evitar tat-taxxa. Ir-reati fiskali żdiedu mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-reati predikati għall-ħasil tal-flus u l-professjonisti kollha li joffru pariri jew assistenza dwar kwistjonijiet ta’ taxxa issa huma soġġetti għall-obbligu tal-UE li timpenja ruħha fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu sabiex jitnaqqsu l-possibbiltajiet tal-kriminali li jaħslu r-rikavat illeċitu tagħhom. Permezz ta’ każijiet ta’ għajnuna mill-Istat u rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni kkontestat il-kompetizzjoni dannuża u kkritikat il-prattiki tat-taxxa inġusti. Barra minn hekk, l-Istati Membri jkomplu jagħmlu evalwazzjoni bejn il-pari tar-reġimi tat-taxxa ta’ xulxin, skont il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi (“Kodiċi”), biex jiżguraw li jkunu konformi mal-prinċipji ta’ kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa.

    B’mod parallel, l-UE ħadmet biex tippromwovi livelli ogħla ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa anki fuq livell internazzjonali. Hija appoġġjat bil-qawwa l-ħidma tal-OECD fuq it-trasparenza fil-qasam tat-taxxa u l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt ("Base Erosion and Profit Shifting" - BEPS), u tat eżempju fuq livell globali billi integrat in-normi globali ġodda fid-dritt tal-Unjoni. Ħafna mill-inizjattivi l-ġodda implimentati fil-livell tal-UE għandhom element estern – inklużi r-Rapportar Pajjiż b’Pajjiż, ir-regoli komuni dwar id-diskrepanzi ibridi u r-rekwiżiti għall-konsulenti tat-taxxa biex jirrapportaw skemi tal-ippjanar tat-taxxa. Barra minn hekk, billi nediet il-ħidma dwar it-tassazzjoni ġusta tal-ekonomija diġitali, l-UE għenet biex tipprovdi impetu ġdid fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar din il-kwistjoni.

    L-Istrateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva tal-Kummissjoni għall-2016 3 ipprovdiet approċċ koerenti u olistiku għall-UE biex tippromwovi l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa globalment u biex tinvolvi ruħha mal-imsieħba internazzjonali tagħha dwar kwistjonijiet tat-taxxa. L-enfasi primarja tal-Istrateġija Esterna kienet li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, permezz ta’ klawżoli fi ftehimiet bilaterali, l-appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar kwistjonijiet tat-taxxa u miżuri li jipprevjenu riperkussjonijiet negattivi mill-politiki tat-tassazzjoni fl-UE. Madankollu, l-Istrateġija nediet ukoll għodda ġdida biex tħeġġeġ lill-imsieħba internazzjonali tal-UE jaderixxu mal-istandards maqbula ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, permezz tal-proċess ta’ elenkar tal-UE.

    Dawn l-inizjattivi kollha kkontribwew għall-ħolqien ta’ ambjent tat-taxxa aktar ġust fl-UE u lil hinn minnha. Madankollu, għadhom qed jitfaċċaw sfidi ġodda u l-istrumenti tal-UE maħsuba biex jirregolaw il-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa u biex jiskoraġġixxu prattiki dannużi fil-qasam tat-taxxa – ġewwa u barra l-UE – jeħtieġ li jżommu l-pass. Il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-mudelli kummerċjali moderni qed joħolqu limiti ġodda għall-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa u opportunitajiet ġodda għal ippjanar aggressiv tat-taxxa. L-aġenda tal-UE dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa trid tkompli tevolvi, sabiex jiġi evitat it-telf għall-baġits nazzjonali u tal-UE u jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji tal-UE jkunu jistgħu jkomplu jiddependu fuq tassazzjoni ġusta u effettiva fil-ġejjieni.

    Il-Komunikazzjoni preżenti hija parti minn Pakkett Fiskali għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġja l-irkupru tal-UE, li jinkludi Komunikazzjoni għal Pjan ta’ Azzjoni li jippreżenta għadd ta’ inizjattivi li ġejjin fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u indiretta rigward il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u s-simplifikazzjoni tar-reġimi tat-taxxa 4 , kif ukoll proposta leġiżlattiva 5 biex tiġi riveduta d-direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva 6 .

    Azzjoni ulterjuri se tiżgura li d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-taxxa jkun allinjat mal-ekonomija moderna u adattat għal kwalunkwe żvilupp internazzjonali dwar ir-riforma tat-taxxa korporattiva. Sabiex tikkomplementa dawn il-miżuri, il-Komunikazzjoni tiffoka primarjament fuq il-miżuri mhux vinkolanti u l-azzjonijiet esterni, filwaqt li tqis l-esperjenza sa issa u tidentifika l-bidliet li huma meħtieġa f’dan il-qasam. Abbażi ta’ dan, hija tistabbilixxi l-oqsma ta’ prijorità għal azzjoni matul is-snin li ġejjin, bl-iskop li ttejjeb l-istandards ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u tiżgura tassazzjoni ġusta.

    2. RIFORMA TAL-KODIĊI TA’ KONDOTTA DWAR IT-TASSAZZJONI TAL-INTRAPRIŻI

    Il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi (il-“Kodiċi”) kien l-istrument primarju tal-UE biex tiġi evitata l-kompetizzjoni dannuża fil-qasam tat-taxxa, sa mill-ħolqien tiegħu fl-1997. Huwa jaħdem fuq il-premessa li, filwaqt li l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa fost il-pajjiżi mhijiex problematika per se, jeħtieġ li jkun hemm prinċipji komuni dwar sa liema punt jistgħu jużaw ir-reġimi u l-politiki tat-taxxa tagħhom biex jattiraw in-negozji u l-profitti. Dan huwa partikolarment importanti f’Suq Uniku, fejn il-libertajiet tat-Trattat iżidu l-mobbiltà tal-profitti u l-investiment.

    Il-Kodiċi huwa strument ta’ liġi mhux vinkolanti, li jopera fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni bejn il-pari u pressjoni mill-pari bejn l-Istati Membri. Huwa jistabbilixxi l-prinċipji għal kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa u jintuża biex jiddetermina jekk reġim tat-taxxa huwiex dannuż jew le. Il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, magħmul minn rappreżentanti nazzjonali ta’ livell għoli, jissorvelja l-konformità tal-Istati Membri mal-Kodiċi. Huwa jivvaluta l-miżuri ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri u jiddetermina jekk dawn humiex dannużi, abbażi ta’ analiżi teknika mill-Kummissjoni. Jekk jinstab li l-miżura ta’ tassazzjoni hija dannuża, l-Istat Membru inkwistjoni jrid jemendaha jew jabolixxiha. Minn meta ġie stabbilit il-Kodiċi, ġew ivvalutati aktar minn 400 reġim tat-taxxa fl-UE u madwar 100 minnhom instabu li kienu dannużi.

    Minbarra l-kisbiet tiegħu fl-UE, il-Kodiċi kellu wkoll impatt notevoli fuq l-ambjent tat-taxxa globali f’dawn l-aħħar snin. Dan minħabba li kien il-bażi għall-valutazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-kuntest tal-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx (ara l-punt 2 hawn taħt). Ir-rwol ċentrali tal-Kodiċi għall-proċess ta’ elenkar tal-UE jenfasizza l-importanza tiegħu bħala għodda biex tiġi miġġielda l-kompetizzjoni dannuża fil-qasam tat-taxxa u tingħata promozzjoni wiesgħa lill-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa.

    Madankollu, minkejja l-kisbiet tiegħu, jidher b’mod ċar li l-Kodiċi jeħtieġ riforma u modernizzazzjoni. In-natura u l-forma tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa nbidlu sostanzjalment matul l-aħħar żewġ deċennji u l-Kodiċi ma evolviex biex jilqa’ għall-isfidi l-ġodda. Il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, ir-rwol dejjem jikber tal-kumpaniji multinazzjonali fl-ekonomija dinjija, iż-żieda fl-importanza tal-assi intanġibbli, u t-tnaqqis tal-ostakoli għan-negozju kollha intensifikaw il-pressjoni fuq l-Istati biex jużaw it-tassazzjoni biex jikkompetu għall-investiment barrani. Dan wassal biex il-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa tikber u tevolvi, b’mod li jiġu ttestjati l-istess parametri tal-ġustizzja. F’dan il-kuntest, kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Parlament Ewropew xeħtu dubju fuq il-kapaċità tal-Kodiċi li jindirizza l-forom kontemporanji ta’ kompetizzjoni dannuża fil-qasam tat-taxxa. Jenħtieġ li l-effettività tal-Kodiċi tittejjeb sostanzjalment, fid-dawl tar-realtajiet tal-lum deskritti hawn fuq.

    2 (a) L-għażla taż-żmien għar-riforma għal effett massimu

    L-għażla taż-żmien għar-riforma tal-Kodiċi trid tiġi kkunsidrata bir-reqqa, sabiex jiġi żgurat li r-riżultat ikun kemm jista’ jkun ambizzjuż u effettiv. Id-diskussjonijiet internazzjonali li għaddejjin dwar ir-riforma tat-tassazzjoni korporattiva, immexxija mill-OECD, jista’ jkollhom impatt kbir fuq il-limiti aċċettati tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa fil-ġejjieni. B’mod partikolari, jekk it-tassazzjoni effettiva minima ssir standard globali, se jkun hemm limitu minimu ġdid sa fejn jistgħu jmorru l-pajjiżi fl-użu tar-rati tat-taxxa tagħhom biex jattiraw negozji u investimenti barranin. Huwa ċar li dan se jkollu jiġi integrat fl-azzjonijiet tal-UE dwar kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa, fi ħdan Kodiċi ta’ Kondotta riformat. Fl-istess ħin, jekk ma jkunx hemm kunsens dwar it-tassazzjoni minima fil-livell globali, dan il-kunċett jeħtieġ li jiġi introdott fil-Kodiċi bħala standard tal-UE, sabiex jiġi mmodernizzat u ċċarat il-kunċett ta’ kompetizzjoni dannuża fil-qasam tat-taxxa u jiġi żgurat li n-negozji kollha jħallsu l-ammont ġust ta’ taxxa tagħhom meta jiġġeneraw profitti fis-Suq Uniku.

    2 (b) Ir-rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-kriterji tal-Kodiċi

    Madankollu, sadanittant hemm għadd ta’ kwistjonijiet li diġà jistgħu jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ riforma futura tal-Kodiċi.

    Għall-bidu, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi jitwessa’, sabiex ikun ikopri l-miżuri kollha li jippreżentaw riskju għall-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa. Jenħtieġ li d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiġi emendata biex tkopri aktar tipi ta’ reġimi u aspetti ġenerali tas-sistemi nazzjonali tat-taxxa korporattiva, kif ukoll taxxi rilevanti oħrajn minbarra t-taxxa korporattiva. Taħt il-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-Kodiċi, hemm wisq tipi ta’ reġimi dannużi li jistgħu jaħarbu mill-valutazzjoni. Pereżempju, il-Kodiċi jħares biss lejn miżuri u reġimi tat-taxxa speċifiċi. Madankollu, il-pajjiżi qed jużaw dejjem aktar l-istrutturi ġenerali tas-sistemi tat-taxxa tagħhom biex jidħlu f’kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa, pereżempju billi jipprovdu regoli partikolari ta’ residenza tat-taxxa li jistgħu jwasslu għal nontassazzjoni doppja jew eżenzjonijiet tat-taxxa għal introjtu barrani, li jistgħu jiffavorixxu prattiki dannużi fil-qasam tat-taxxa mingħajr salvagwardji xierqa. Barra minn hekk, il-Kodiċi ma jkoprix l-iskemi ta’ ċittadinanza speċjali jew il-miżuri maħsuba biex jattiraw individwi espatrijati jew sinjuri, anki jekk dawn spiss ikunu mod indirett u diżonest kif jattiraw inġustament in-negozju u l-investiment minn pajjiżi oħrajn. Studji reċenti mill-OECD 7 jissuġġerixxu wkoll li l-iskemi ta’ ċittadinanza jistgħu jintużaw biex jiġu evitati r-regoli ta’ trasparenza fiskali. Għalhekk, huwa importanti li jiġi eżaminat l-użu ta’ skemi ta’ ċittadinanza, bħall-Viżi tad-Deheb, meta ssir riforma tal-Kodiċi.

    Jenħtieġ li l-Kodiċi jiġi aġġornat ukoll biex ikun żgurat li jiġu eżaminati l-każijiet kollha ta’ tassazzjoni baxxa ħafna – ġewwa u barra l-UE. L-UE diġà tesiġi li l-pajjiżi terzi b’tassazzjoni żero jew mingħajr tassazzjoni jimplimentaw sustanza ekonomika stretta u standards ta’ trasparenza biex jevitaw li jitpoġġew fuq il-lista tal-UE. Jenħtieġ li dawn ir-rekwiżiti jiġu integrati b’mod formali fil-Kodiċi, sabiex ikun hemm koerenza sħiħa bejn il-kriterji applikati fl-UE u fir-rigward ta’ pajjiżi terzi.

    2 (c) It-titjib tal-governanza tal-Kodiċi

    Jenħtieġ li r-riforma tal-Kodiċi tikkunsidra wkoll kif dan jista’ jiġi applikat b’mod aktar trasparenti u effettiv. Filwaqt li f’dawn l-aħħar snin kien hemm xi titjib fil-governanza tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, hemm lok li jsir aktar. Il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta jista’ jagħmel aktar informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web iddedikat tiegħu u jinforma lill-pubbliku u lill-partijiet interessati dwar l-istadji importanti fil-ħidma tiegħu. Il-Grupp jista’ jintroduċi wkoll votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, bl-għan li jħaffef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jikkunsidra konsegwenzi effettivi għall-Istati Membri li ma jikkonformawx mad-deċiżjonijiet tal-Grupp fil-ħin.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jibdew jiddiskutu l-proposti taħt 1 (a)–(c) għal riforma ambizzjuża tal-Kodiċi, filwaqt li jistennew l-eżitu tad-diskussjonijiet internazzjonali dwar it-taxxa (skont il-pjan ta’ ħidma tal-OECD, jenħtieġ li jkun hemm biżżejjed ċarezza dwar l-eżitu tal-ħidma internazzjonali fuq ir-riforma tat-taxxa sal-aħħar tas-sena). Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex telabora pjan konkret għar-riforma tal-Kodiċi, sabiex ikun adattat aħjar biex jindirizza l-isfidi moderni tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa – fl-UE u esternament. 

    3. RIEŻAMI TAL-LISTA TAL-UE TA’ ĠURISDIZZJONIJIET LI MA JIKKOOPERAWX

    Filwaqt li l-Kodiċi għall-ewwel ġie żviluppat bħala strument biex jirregola l-kompetizzjoni tat-taxxa interna fl-UE, reċentement l-enfasi tiegħu twessgħet biex issa qed jindirizza wkoll id-dimensjoni esterna ta’ dan il-qasam ta’ politika. Il-prinċipji ta’ kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa, stabbiliti fil-Kodiċi, huma fost il-kriterji użati għall-valutazzjoni tal-pajjiżi terzi taħt il-proċess ta’ elenkar tal-UE. L-għan huwa li jittejjeb il-kuntest globali tal-governanza fil-qasam tat-taxxa, jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fil-livell internazzjonali u jingħata appoġġ lill-gvernijiet ta’ pajjiżi terzi fl-isforz tagħhom biex jimplimentaw l-impenji u l-azzjonijiet meħuda fil-livell globali (pereżempju fil-qafas tal-inizjattivi tal-G20 kontra l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt jew l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa).

    Il-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx ġiet proposta għall-ewwel darba fl-Istrateġija Esterna tal-Kummissjoni għall-2016, bħala għodda biex jiġu ttrattati r-riskji esterni tal-abbuż tat-taxxa u l-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa. Minn dak iż-żmien ’il hawn, saret għodda b’saħħitha biex tippromwovi l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fuq livell internazzjonali u kkontribwiet għall-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa madwar id-dinja. Fl-erba’ snin minn meta beda l-proċess tal-elenkar, ġew ivvalutati 95 ġurisdizzjoni abbażi ta’ tliet kriterji ewlenin: it-trasparenza fiskali, it-tassazzjoni ġusta u l-implimentazzjoni tal-istandards minimi tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS). Jekk ġurisdizzjoni tinstab li għandha xi nuqqasijiet f’wieħed jew aktar minn dawn il-kriterji, hija tintalab timpenja ruħha biex tindirizza l-problemi fi żmien skadenza stabbilita.

    Sal-bidu tal-2020, aktar minn 120 reġim tat-taxxa dannużi ġew eliminati globalment 8 , b’reazzjoni diretta għall-proċess ta’ elenkar tal-UE. Għexieren ta’ pajjiżi terzi ħadu wkoll miżuri konkreti biex itejbu l-istandards tat-trasparenza fiskali tagħhom, f’konformità mar-rekwiżiti tal-UE. Dan jgħolli l-livell ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa globalment, joħloq kundizzjonijiet ekwi fost l-atturi internazzjonali u jnaqqas l-opportunitajiet għall-abbuż tat-taxxa. Bħala tali, il-lista tal-UE għandha benefiċċji li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-UE, b’mod partikolari għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li huma milquta b’mod sproporzjonat minn flussi finanzjarji illeċiti.

    Il-proċess ta’ elenkar tal-UE ħoloq bażi ġdida għall-UE biex timpenja ruħha mal-pajjiżi imsieħba tagħha fuq kwistjonijiet ta’ taxxa ta’ interess reċiproku, f’konformità mal-isforzi tagħha biex trawwem governanza fil-qasam tat-taxxa globali tajba. Id-djalogu u s-sensibilizzazzjoni huma parti ċentrali mill-eżerċizzju. Id-diskussjonijiet regolari tas-Servizzi tal-Kummissjoni mal-ġurisdizzjonijiet, b’koordinazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, għenu lil għexieren minnhom biex jikkonformaw mal-istandards meħtieġa. Dan il-mezz ġdid ta’ impenn fuq kwistjonijiet tat-taxxa ppermetta djalogu kostruttiv ma’ pajjiżi msieħba f’kuntest ta’ ekonomija mgħaġġla, globalizzata u diġitalizzata tal-lum, u jenħtieġ li jitkompla.

    Erba’ snin wara t-tnedija ta’ dan l-eżerċizzju ta’ elenkar ġdid, il-Kummissjoni temmen li wasal iż-żmien li tiġi kkunsidrata l-esperjenza miksuba sa issa u li jiġi analizzat kif tali eżerċizzju jista’ jibqa’ effettiv, ġust u adatt għall-isfidi ġodda hekk kif dawn ikomplu jitfaċċaw.

    3(a) Ir-rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-lista tal-UE

    Meta tnieda l-proċess ta’ elenkar tal-UE fl-2016, l-Istati Membri tal-UE għażlu l-ġurisdizzjonijiet li riedu jdaħħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, abbażi ta’ tabella ta’ valutazzjoni ta’ indikaturi oġġettiva żviluppata mill-Kummissjoni. L-Istati Membri użaw din it-tabella ta’ valutazzjoni bħala bażi biex jiddeċiedu liema ġurisdizzjonijiet għandhom jeżaminaw, filwaqt li jqisu wkoll fatturi rilevanti oħrajn, bħall-preżenza ta’ ċentru finanzjarju. L-Istati Membri ddeċidew mill-bidu nett li jeskludu l-pajjiżi l-inqas żviluppati mill-proċess ta’ elenkar tal-UE, minħabba l-kapaċità limitata tagħhom li jikkonformaw mal-kriterji sal-iskadenzi meħtieġa. Għal raġunijiet simili, ġiet introdotta ċerta flessibbiltà għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw mingħajr ċentru finanzjarju, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kriterji u l-iskedi ta’ żmien li jridu jirrispettaw.

    Wara bosta snin ta’ esperjenza prattika fl-implimentazzjoni tal-proċess ta’ elenkar tal-UE mal-ġurisdizzjonijiet magħżula, l-Istati Membri indikaw ix-xewqa li jirrevedu l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-lista. B’mod partikolari, huma ħerqana li jiżguraw li l-oqsma kollha ta’ riskju ġew koperti u li ġurisdizzjonijiet komparabbli qed jiġu ttrattati b’mod ġust u ekwu taħt il-proċess tal-UE.

    Sabiex tiffaċilita din ir-riflessjoni, sal-aħħar tal-2020, il-Kummissjoni se taġġorna t-tabella ta’ valutazzjoni oriġinali użata biex jintgħażlu l-aktar ġurisdizzjonijiet rilevanti li għandhom jiġu eżaminati. It-tabella ta’ valutazzjoni l-ġdida se tirrifletti l-aktar data reċenti, kif ukoll l-iżviluppi fl-ekonomija globali u l-politika tat-tassazzjoni. Hija se tinkludi sorsi addizzjonali ta’ informazzjoni biex toffri stampa komprensiva tar-rabtiet ekonomiċi u finanzjarji tal-UE ma’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tqis il-metodoloġija l-ġdida biex tidentifika pajjiżi terzi b’riskju għoli għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu 9 , sabiex tiżgura li ż-żewġ proċessi ta’ elenkar isaħħu lil xulxin. Ir-reviżjoni tat-tabella ta’ valutazzjoni se tgħin lill-Istati Membri tal-UE jidentifikaw pajjiżi addizzjonali li jistgħu jkunu jixtiequ jeżaminaw, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, u se tagħmel il-proċess aktar stabbli u prevedibbli għall-imsieħba tal-UE.

    3(b) Ir-rieżami tal-kriterji tal-elenkar tal-UE

    Diskussjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-lista tal-UE se jkollha bżonn tikkunsidra wkoll il-kriterji li jridu jikkonformaw magħhom il-ġurisdizzjonijiet magħżula. It-tneħħija ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni li bħalissa tinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-lista tal-UE jkollha impatt fuq il-kundizzjonijiet ekwi u ddgħajjef il-ħidma pożittiva ħafna li diġà għamlu l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-ġurisdizzjonijiet. Madankollu, jenħtieġ li jkun hemm riflessjoni fuq jekk il-kriterji tal-elenkar tal-UE jistgħux jiġu applikati b’mod aktar immirat għal ċerti ġurisdizzjonijiet.

    L-esperjenza bil-proċess tal-elenkar tal-UE sa issa wriet li ċerti ġurisdizzjonijiet, b’mod partikolari l-imsieħba li qed jiżviluppaw, jiffaċċjaw restrizzjonijiet ta’ kapaċità meta jimplimentaw uħud mill-impenji tagħhom. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk il-kriterji kollha humiex rilevanti għall-ġurisdizzjonijiet kollha, abbażi tar-riskju potenzjali tal-ambjent ekonomiku u fiskali tagħhom. Għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’riskju baxx, tista’ tkun għażla li jiġu applikati biss il-kriterji li huma l-aktar rilevanti. Diġà hemm preċedent għal dan fil-proċess tal-elenkar, billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw mingħajr ċentru finanzjarju ma għandhomx bżonn jikkonformaw mal-kriterju ta’ skambju awtomatiku tal-informazzjoni. B’mod alternattiv, jew fl-istess ħin, l-iskadenzi tal-lista tal-UE jistgħu jiġu adattati għal pajjiżi b’limitazzjonijiet severi ta’ kapaċità jew mingħajr ċentri finanzjarji, biex ikunu jirriflettu s-sitwazzjoni partikolari tal-ġurisdizzjonijiet ikkonċernati.

    Lil hinn minn dan, jenħtieġ li l-kriterji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa użati għall-proċess tal-elenkar jiġu eżaminati b’mod aktar ġenerali, sabiex jiġi żgurat li dawn jinżammu aġġornati u jkunu ambizzjużi b’mod adegwat. Bħala l-ewwel pass, jenħtieġ li huma jiġu aġġornati biex ikunu jirriflettu l-aħħar żviluppi internazzjonali fil-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, inkluż fil-qasam tas-sjieda benefiċjarja 10 u l-implimentazzjoni tal-istandards minimi tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt.

    Id-diskussjonijiet fil-livell internazzjonali dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali u r-riforma globali tat-taxxa se jkollhom jitqiesu wkoll fil-kriterji tal-elenkar tal-UE. Dan huwa partikolarment importanti jekk ikun hemm kunsens globali fuq tassazzjoni effettiva minima. Jenħtieġ li din il-kwistjoni titqies flimkien mar-riforma futura tal-Kodiċi, ladarba l-eżitu tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma internazzjonali tat-taxxa jkun aktar ċar.

    Bl-istess mod, jenħtieġ li l-kriterji jiġu riveduti wkoll sabiex ikun żgurat li dawn ikunu qed jiġu applikati b’mod wiesa’ biżżejjed biex ikopru r-riskji kollha. Diġà beda x-xogħol f’dan ir-rigward. Pereżempju, fl-2019, l-Istati Membri ddeċidew li jħarsu lejn ċerti eżenzjonijiet wiesgħa tat-taxxa, li jistgħu joħolqu l-istess riskju ta’ reġimi tat-taxxa preferenzjali. Il-Kummissjoni se tkompli tirrevedi x-xenarju tat-taxxa internazzjonali biex tidentifika kwalunkwe prattika ġdida ta’ ppjanar tan-negozju u tat-taxxa li tista’ tkun problematika.

    Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġu mmonitorjati mill-qrib il-ġurisdizzjonijiet li diġà ġew approvati skont il-proċess tal-elenkar tal-UE. Dan se jiżgura li r-riformi jiġu implimentati b’mod effettiv u li ma jkunx hemm treġġigħ lura. Il-Kummissjoni se twettaq dan il-monitoraġġ u tirrapporta lill-Istati Membri. Hija se tikkoordina wkoll mal-OECD biex tiżgura li l-UE u l-proċessi ta’ monitoraġġ internazzjonali jkunu allinjati kemm jista’ jkun.

    3(c) It-tisħiħ tat-trasparenza u tar-responsabbiltà

    Il-proċess ta’ elenkar tal-UE ħoloq qafas ġdid għal diskussjoni regolari bejn l-UE u l-imsieħba internazzjonali tagħha dwar kwistjonijiet ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. Il-Kummissjoni dejjem għamlet enfasi qawwija fuq il-ħtieġa ta’ djalogu u impenn mal-pajjiżi terzi kkonċernati. Matul l-aħħar erba’ snin, kien hemm eluf ta’ kuntatti u skambji fil-livell tekniku, diplomatiku u politiku, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ fora multilaterali. Dan għen biex jiġu ċċarati l-aspettattivi tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa madwar id-dinja, filwaqt li ppermetta wkoll li l-UE tifhem aħjar il-pożizzjonijiet tal-imsieħba globali tagħha dwar kwistjonijiet ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli ssaħħaħ dan il-proċess ta’ djalogu pożittiv, billi timxi ’l quddiem, b’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli. F’dan ir-rigward, hija se taħdem biex tistabbilixxi laqgħa annwali għar-rappreżentanti tal-ġurisdizzjonijiet, bl-għan li jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ elenkar tal-UE u jiġu kondiviżi informazzjoni u l-aħjar prattiki.

    Il-Kummissjoni se tibbaża wkoll fuq id-djalogu ma’ pajjiżi terzi biex tidentifika tħassib raġonevoli, li hija mbagħad tgħaddi lill-Istati Membri fi sforz biex jinsabu soluzzjonijiet. Pereżempju, l-użu kontinwu tal-listi tat-taxxa nazzjonali tal-Istati Membri, b’mod parallel mal-proċess ta’ elenkar tal-UE, huwa sors ta’ konfużjoni u inċertezza għal għadd kbir ta’ pajjiżi terzi. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-kriterji nazzjonali u l-proċessi ta’ elenkar ma jiġux ikkomunikati b’mod ċar jew meta jkun hemm differenzi bejn il-pajjiżi li jitpoġġew fuq il-lista tal-UE u l-listi nazzjonali. Hemm argumenti qawwija biex dawn jiġu allinjati mal-proċess ta’ elenkar tal-UE għall-pajjiżi, li ġew eżaminati skont dan tal-aħħar, għall-koerenza u biex tiġi pprovduta ċarezza għall-pajjiżi terzi u n-negozji. Il-Kummissjoni se tniedi diskussjoni dwar din il-kwistjoni mal-Istati Membri u tesplora kif tista’ tkompli tikkoordina l-approċċ għall-elenkar tal-ġurisdizzjonijiet għal finijiet ta’ taxxa sabiex tiżgura li l-pajjiżi terzi jiġu ttrattati b’mod konsistenti mill-UE u mill-Istati Membri tagħha.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tkompli tinsisti għal kemm jista’ jkun trasparenza u responsabbiltà fil-proċess ta’ elenkar tal-UE. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew jiġi aġġornat regolarment dwar l-iżviluppi fil-proċess ta’ elenkar tal-UE. Il-Kummissjoni se żżomm ukoll lis-soċjetà ċivili informata fil-qafas tal-Pjattaforma għal Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa, li kienet ukoll strumentali fit-tnedija tal-proċess ta’ elenkar tal-UE.

    3(d) It-tisħiħ tal-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi u l-espansjoni tad-djalogu ma’ pajjiżi terzi dwar it-taxxi ambjentali.

    Mod importanti ieħor li bih l-UE tippromwovi l-ġustizzja fi kwistjonijiet tat-taxxa huwa permezz ta’ klawżola dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fi ftehimiet internazzjonali rilevanti ma’ pajjiżi terzi. Il-Parlament Ewropew iqis li l-klawżola dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa hija wieħed mill-“istrumenti ewlenin tal-politika esterna tal-UE” 11 u talab ripetutament biex din tiġi inkluża sistematikament fi kwalunkwe ftehim rilevanti tal-UE ma’ pajjiżi u reġjuni terzi. Fl-Istrateġija Esterna tal-2016, il-Kummissjoni ssuġġeriet li l-klawżola standard dwar il-governanza tajba tiġi aġġornata u msaħħa, sabiex tiġi allinjata mal-aħħar normi internazzjonali. L-Istati Membri approvaw test ġdid f’Mejju 2018 u kkonfermaw li jenħtieġ li tali kliem jiġi inkluż fil-ftehimiet internazzjonali rilevanti kollha.

    Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-Kummissjoni ressqet il-klawżola aġġornata fin-negozjati rilevanti kollha ġodda u li jinsabu għaddejjin, li bosta minnhom jinsabu fil-proċess li jiġu konklużi b’suċċess. Il-Kummissjoni se tkompli tinsisti fuq l-inklużjoni tal-klawżola dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fin-negozjati futuri rilevanti kollha dwar il-ftehimiet internazzjonali. Fil-każ li pajjiż terz jirrifjuta li jaċċetta l-klawżola, jew jinsisti li jbiddilha sal-punt li ma tibqax taqdi l-iskop maħsub, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jikkunsidraw ir-rispons xieraq. Tali pajjiżi jistgħu jiġu skrutinizzati taħt l-eżerċizzju tal-elenkar tal-UE.

    Fid-djalogu tagħha ma’ pajjiżi terzi, il-Kummissjoni se tagħmel ukoll enfasi fuq il-“prinċipju ta’ min iniġġes iħallas”, stabbilit fit-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jitlob li jiġu stabbiliti l-esternalitajiet negattivi ta’ attivitajiet li jniġġsu jew attivitajiet oħrajn li jagħmlu ħsara. Hemm potenzjal li għadu ma ġiex esplorat biżżejjed li t-taxxi ambjentali jikkontribwixxu għal sistemi tat-taxxa aktar progressivi u sostenibbli u għal soċjetajiet aktar ekwi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. F’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, iż-żieda fl-ammont ta’ dħul iġġenerat mit-tassazzjoni ambjentali għandha wkoll il-potenzjal li tnaqqas id-dipendenza tal-Istat fuq l-għajnuna u l-finanzjament tad-dejn, u li tiffaċilita l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi għas-servizzi pubbliċi. Billi huwa aktar diffiċli li jiġu evitati t-taxxi ambjentali minn, pereżempju, it-taxxi korporattivi jew it-taxxi fuq l-introjtu personali, dawn għandhom ukoll il-potenzjal li jsaħħu r-responsabbiltà tal-Istat, itejbu l-moral tat-taxxa u jsaħħu l-governanza fiskali.

    4. MIŻURI MTEJBA BIEX TISSAĦĦAĦ IL-GOVERNANZA TAJBA

    Jenħtieġ li l-elenkar ta’ ġurisdizzjoni jkun l-aħħar għażla, riżervata għal dawk il-pajjiżi li jirrifjutaw li jirrikonoxxu jew jindirizzaw b’mod adegwat it-tħassib tal-UE b’rabta mas-sistemi fiskali tagħhom. Madankollu, ladarba tiġi elenkata ġurisdizzjoni, jenħtieġ li jkun hemm konsegwenzi, sabiex jiġi żgurat li l-lista tal-UE tibqa’ effettiva.

    Minn mindu ġiet stabbilita l-lista tal-UE, ġew żviluppati kontromiżuri kontra ġurisdizzjonijiet elenkati fuq żewġ aspetti. L-ewwel nett, l-UE adottat dispożizzjonijiet aktar b’saħħithom fil-leġiżlazzjoni ewlenija dwar il-finanzjament tal-UE 12 , sabiex jiġi evitat li l-fondi tal-UE jiġu investiti indirettament jew inkella jiġu mgħoddija permezz ta’ ġurisdizzjonijiet elenkati fl-UE. Barra minn hekk, l-Istati Membri tal-UE qablu li japplikaw miżuri difensivi kontra ġurisdizzjonijiet elenkati fl-UE b’mod ikkoordinat. Jenħtieġ li l-kontromiżuri marbuta mal-lista tal-UE jiġu riveduti fuq bażi regolari, sabiex jiġi żgurat li jkunu kemm jista’ jkun dissważivi u effettivi.

    4 (a) Il-promozzjoni ta’ Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa permezz tal-fondi tal-UE

    Kif imħabbar fl-Istrateġija Esterna tal-2016, l-UE introduċiet rabta legalment vinkolanti bejn l-istandards ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u l-użu tal-fondi tal-UE. Dan huwa rifless fi strumenti legali ewlenin 13 , li jimpedixxu lill-fondi tal-UE milli jappoġġjaw proġetti li jikkontribwixxu għall-evitar tat-taxxa. Barra minn hekk, għall-istrumenti finanzjarji u l-garanziji baġitarji, il-qafas ġuridiku ma jippermettix l-użu ta’ ġurisdizzjonijiet fil-lista s-sewda tal-UE għat-taxxa jew fil-lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra t-terroriżmu. Madankollu, jekk il-proġett ikun implimentat fiżikament fil-ġurisdizzjoni, il-finanzjament xorta jista’ jitħalla jippreserva l-objettivi tal-iżvilupp u tas-sostenibbiltà.

    Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll gwida 14 lill-imsieħba ta’ implimentazzjoni tal-UE u talbithom jiżguraw li l-politiki interni tagħhom jippermettulhom jimplimentaw il-fondi tal-UE f’konformità mar-rekwiżiti fiskali l-ġodda tal-UE. Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ippubblikaw politiki interni, biex iqisu l-iżviluppi internazzjonali reċenti tat-taxxa 15 . L-azzjonijiet fil-livell internazzjonali u r-regoli aktar stretti għall-użu tal-fondi tal-UE qed iwasslu wkoll biex għadd ta’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u aġenziji nazzjonali jtejbu l-kontrolli tad-diliġenza dovuta tagħhom. Dan qed jinkoraġġixxi lill-operaturi tas-suq, min-naħa tagħhom, biex jitbiegħdu minn skemi f’ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u biex jagħtu attenzjoni aktar mill-qrib lir-riskji tal-evitar tat-taxxa.

    Abbażi tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli sa issa, il-Kummissjoni tqis li dawn jistgħu jintużaw b’mod aktar wiesa’, biex jissaħħu l-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. Jenħtieġ li l-Istati Membri tal-UE jirriflettu l-isforzi tal-UE fir-rigward tal-użu tal-fondi tagħhom stess. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jirriflettu r-rekwiżiti tal-UE fil-politiki ta’ finanzjament nazzjonali tagħhom u fir-regoli ta’ konformità tal-banek promozzjonali u l-aġenziji tal-iżvilupp tagħhom. B’dak il-mod, l-ebda fondi mill-UE jew mill-Istati Membri tagħha ma jiġu mgħoddija minn entitajiet mill-ġurisdizzjonijiet elenkati jew ikunu involuti fi skemi ta’ evitar tat-taxxa. Dan jagħti lill-UE aktar piż u kredibbiltà meta tippromwovi standards ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fuq livell internazzjonali.

    Fuq l-istess linja, il-Kummissjoni ressqet Rakkomandazzjoni 16 fir-rigward ta’ liema Stati Membri jenħtieġ li jagħtu l-appoġġ finanzjarju tagħhom lill-impriżi, bil-kundizzjoni li ma jkun hemm ebda rabta bejn dawk l-impriżi u l-ġurisdizzjonijiet li huma mniżżla fuq il-lista tal-Unjoni ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal skopijiet ta’ taxxa, sabiex jiġi żgurat li l-isforzi konsiderevoli magħmula mill-Istati Membri biex isostnu l-irkupru huma implimentati b’mod li huwa konsistenti mal-bżonn li tiġi żgurata ġustizzja fit-taxxa fuq livell internazzjonali.

    Il-Kummissjoni se tniedi wkoll, wisq probabbli sal-aħħar tal-2020, diskussjoni mal-Istati Membri biex tikkunsidra kif jista’ jinkiseb dan l-allinjament tal-politiki ta’ finanzjament tal-UE u dawk nazzjonali. F’dan il-kuntest, se tikkunsidra wkoll jekk l-użu tal-fondi tal-UE u tal-Istati Membri u l-miżuri difensivi tal-Istati Membri jistgħux jiġu allinjati aħjar, sabiex l-impatt jiġi kkonċentrat fuq ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx.

    Bħala t-tieni pass, billi tibni fuq l-esperjenza fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se tikkunsidra kif jistgħu jiġu involuti donaturi internazzjonali oħrajn fil-prevenzjoni tal-evitar tat-taxxa fl-użu tal-fondi pubbliċi kollha. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-ħidma ta’ koordinazzjoni interna tal-UE sa nofs l-2022, u mbagħad tikkunsidra modi kif tippromwovi l-aħjar prattiki f’livell internazzjonali usa’.

     

    B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli timpenja ruħha fi djalogu mill-qrib mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u ma’ msieħba ta’ implimentazzjoni oħrajn, sabiex tirrevedi kif ir-rekwiżiti l-ġodda tal-UE jkunu affettwaw il-ħidma u l-proċessi tagħhom. B’mod partikolari, hija se tikkunsidra jekk il-gwida għandhiex bżonn tiġi ċċarata jew aġġornata. Sabiex titħaffef l-implimentazzjoni, jiġu identifikati l-aħjar prattiki u jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi, il-Kummissjoni se tniedi diskussjonijiet mal-imsieħba ta’ implimentazzjoni tal-UE dwar din il-kwistjoni qabel l-aħħar tal-2020. Abbażi ta’ dawn id-diskussjonijiet, hija se tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, mill-2022, bi kjarifiki u soluzzjonijiet għal kwistjonijiet partikolari, kif meħtieġ.

    4 (b) It-tisħiħ tal-miżuri difensivi kontra ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx

    Minbarra li implimentat id-dispożizzjonijiet aktar b’saħħithom għall-fondi tal-UE, il-Kummissjoni konsistentement stiednet lill-Istati Membri japplikaw miżuri difensivi b’saħħithom, dissważivi u kkoordinati kontra l-pajjiżi elenkati fl-UE. Approċċ komuni għall-miżuri difensivi huwa importanti biex jiġi żgurat li l-lista tal-UE jkollha impatt reali, kif ukoll biex tipprovdi ċarezza u ċertezza lill-pajjiżi terzi u lill-investituri. F’Diċembru 2017, l-Istati Membri ħadu l-passi inizjali lejn il-koordinazzjoni, billi qablu fuq ċerti miżuri amministrattivi, bħal verifiki miżjuda, biex japplikaw għall-kumpaniji u l-investituri fil-pajjiżi elenkati fl-UE 17 . Dan issaħħaħ f’Diċembru 2019, meta l-Istati Membri qablu fuq sett ta’ miżuri difensivi biex japplikaw kontra l-pajjiżi elenkati fl-UE 18 . L-Istati Membri se jibdew japplikaw dawn il-miżuri difensivi fl-2021 u qablu li jivvalutaw il-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni fl-2022.

    Dan l-approċċ ikkoordinat jimxi fid-direzzjoni t-tajba, iżda huwa nieqes mill-ambizzjoni. B’mod partikolari, il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu liema u kemm miżuri japplikaw mis-sett ta’ għodod jista’ jirriżulta f’sitwazzjoni ta’ frammentazzjoni fis-Suq Uniku. Dan jista’ ma jindirizzax it-tħassib tan-negozji fir-rigward tal-inċertezza legali u l-piżijiet amministrattivi. Dan jista’ jippermetti wkoll lil ċerti kontribwenti jisfruttaw id-diskrepanzi bejn il-miżuri tal-Istati Membri, sabiex ikomplu joħorġu l-profitti mhux intaxxati mis-Suq Uniku.

    Il-Kummissjoni se tissorvelja s-sitwazzjoni bir-reqqa, hekk kif l-Istati Membri jibdew japplikaw il-miżuri difensivi miftiehma u jwettqu evalwazzjoni ta’ dawk il-miżuri. Jekk l-approċċ tas-sett ta’ għodod ma jkunx effettiv biżżejjed, abbażi tal-valutazzjoni msemmija hawn fuq fl-2022, hija se tikkunsidra proposta leġiżlattiva għal miżuri difensivi kkoordinati. Dan jippermetti lill-UE tagħmel il-lista tal-UE inċiżiva u jiżgura politika verament ikkoordinata lejn il-pajjiżi elenkati fl-UE.

    5. APPOĠĠ LILL-PAJJIŻI MSIEĦBA FIL-GOVERNANZA TAJBA FIL-QASAM TAT-TAXXA

    L-aġenda tal-UE dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa testendi lil hinn mit-tħassib dwar il-politika tat-tassazzjoni. Bħala l-akbar donatur fid-dinja ta’ għajnuna għall-iżvilupp u sostenitur tal-governanza globali, l-UE hija konxja tal-importanza ta’ governanza tajba għall-imsieħba li qed jiżviluppaw.

    Il-ġbir ta’ dħul suffiċjenti tibqa’ sfida għal ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw. Aktar minn terz tal-pajjiżi Afrikani għandhom proporzjon ta’ PDG ta’ inqas minn 15 % 19 , li huwa meqjus bħala l-minimu biex jippermetti l-forniment ta’ servizzi soċjali bażiċi. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiddependu kważi d-doppju tal-pajjiżi żviluppati fuq it-taxxa korporattiva għad-dħul tagħhom 20 . Bħala tali, huma jintlaqtu ħafna aktar mill-problemi tal-frodi tat-taxxa, tal-evażjoni tat-taxxa u tal-evitar tat-taxxa. Bl-istess mod, x’aktarx li dawn jibbenefikaw mill-isforzi tal-UE u dawk internazzjonali biex jgħollu l-istandards globali u jrażżnu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa madwar id-dinja.

    L-Istrateġija Esterna tal-2016 issottolinjat il-ħtieġa għal koerenza akbar bejn il-politika tat-tassazzjoni tal-UE u l-objettivi tal-iżvilupp internazzjonali tagħha. Il-Kummissjoni, permezz tal-inizjattiva tagħha “Iġbor Aktar – Onfoq Aħjar” 21 , stabbiliet miżuri ċari biex tgħin lill-pajjiżi msieħba jtejbu u jipproteġu l-bażijiet tat-taxxa tagħhom, iżidu d-dħul sostenibbli u jtejbu l-effiċjenza tal-infiq pubbliku. Minn dak iż-żmien ’il hawn, l-UE kienet qed tappoġġja lill-pajjiżi msieħba biex itejbu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi tagħhom u jimplimentaw sistemi ta’ tassazzjoni ġusti, trasparenti u effettivi. Dan huwa konformi mal-impenji tal-UE taħt l-Inizjattiva tat-Taxxa ta’ Addis 22 , fejn hija wegħdet li żżid kemm l-appoġġ tekniku kif ukoll dak finanzjarju għall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    F’konformità mal-impenji tagħha, l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tirdoppja l-appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-qasam tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi. Mill-2015, il-Kummissjoni żiedet b’mod kostanti l-appoġġ f’dan il-qasam billi laħqet bejn wieħed u ieħor EUR 1000 miljun f’impenji fl-2019 u koffinanzjat għodda 23 biex tassisti fir-riformi f’94 amministrazzjoni tat-taxxa madwar id-dinja, fost l-oħrajn. L-operazzjonijiet bilaterali ta’ appoġġ baġitarju jinkludu dejjem aktar assistenza biex jiġi mmobilizzat id-dħul domestiku u jiġu implimentati standards ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. Dan l-appoġġ finanzjarju u tekniku jibqa’ kruċjali biex jgħin lill-pajjiżi b’kapaċitajiet amministrattivi u finanzjarji limitati u l-UE se tkompli tinvesti b’mod qawwi f’dan il-qasam.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat ukoll l-effetti konsegwenzjali possibbli tat-trattati dwar it-taxxa doppja ffirmati mill-Istati Membri ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari mal-ifqar pajjiżi. Il-Kummissjoni żviluppat sett ta’ għodod 24 li jistgħu jikkunsidraw l-Istati Membri meta jinnegozjaw trattati dwar it-taxxa doppja ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jappoġġjaw il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku tagħhom. Il-kwistjoni tal-effetti konsegwenzjali ġiet eżaminata fid-dettall mill-Pjattaforma dwar il-Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa u l-Kummissjoni organizzat seminar fil-livell tal-esperti dwar il-kwistjoni fl-2018. Il-ħidma fuq din il-kwistjoni se tkompli taħt il-mandat il-ġdid tal-Pjattaforma dwar il-Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa.

    5 (a) It-tisħiħ tas-sħubija u tal-kooperazzjoni fuq livell internazzjonali

    Bil-bidu tad-Deċennju ta’ Azzjoni biex jiġu implimentati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 25 , il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa tibqa’ kwistjoni ewlenija li fuqha għandhom jaġixxu l-pajjiżi kollha. Dan huwa wkoll konformi mal-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp. Għalhekk, il-Kummissjoni hija determinata li tagħti spinta saħansitra akbar lill-miżuri ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u lill-inizjattivi maħsuba biex jagħtu spinta lill-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku fost l-imsieħba li qed jiżviluppaw tal-UE.

    L-Inizjattiva tat-Taxxa ta’ Addis kellha tintemm fl-2020. Madankollu, il-firmatarji ta’ din l-Inizjattiva qablu li jestendu l-ħidma, minħabba l-kontribut pożittiv li tista’ tagħti lill-iżvilupp sostenibbli fit-tul tal-pajjiżi. Il-Kummissjoni qed tikkontribwixxi b’mod attiv għad-definizzjoni tal-pjan għall-fażi ta’ ħidma li jmiss taħt l-Inizjattiva tat-Taxxa ta’ Addis, wara l-2020. Hija temmen bis-sħiħ li jenħtieġ li l-ħidma f’dan il-qasam tkun allinjata bis-sħiħ mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, u li jenħtieġ li l-ħidma fuq il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku fil-livell internazzjonali titħaffef.

    L-UE ma tistax taħdem b’mod iżolat fuq il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u l-implimentazzjoni tagħha fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Huwa essenzjali li jkun hemm kollaborazzjoni b’saħħitha mal-OECD, man-Nazzjonijiet Uniti, mal-FMI u ma’ atturi internazzjonali oħrajn, sabiex jiġu kkoordinati assistenza u appoġġ effettivi. Pereżempju, l-Oqfsa ta’ Finanzjament Nazzjonali Integrati (INFF) – li jidentifikaw kif l-istrateġija ta’ żvilupp sostenibbli ta’ kull pajjiż se tiġi ffinanzjata mis-sorsi kollha ta’ finanzjament (pubbliku/privat, domestiku/internazzjonali) – se jkunu qafas ideali biex jiġi diskuss kif l-aħjar li jiġi mmirat il-finanzjament. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-Istati Membri biex jipprovdu għarfien espert tekniku dwar kwistjonijiet tat-taxxa lill-imsieħba tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw tal-UE, permezz tal-għodod eżistenti tal-UE, bħall-ġemellaġġ u l-istrument ta’ assistenza teknika u skambju ta’ informazzjoni (TAIEX).

    5 (b) L-integrazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-qafas tat-taxxa globali

    L-isforzi tal-UE biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġġieldu l-abbuż tat-taxxa u jimmobilizzaw id-dħul domestiku jistgħu jkunu effettivi biss jekk ikun hemm sens qawwi ta’ sjieda fil-ġurisdizzjonijiet infushom. Il-ħidma globali biex tittejjeb il-governanza tajba teħtieġ approċċ globali kompletament inklużiv u kollaborattiv. Għal dik ir-raġuni, l-UE appoġġjat b’mod attiv il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’fora internazzjonali tat-taxxa, fejn jiġu stabbiliti l-istandards u jitwettqu evalwazzjonijiet bejn il-pari.

    Permezz tal-proċess ta’ elenkar tal-UE, il-pajjiżi kollha ġew imħeġġa jingħaqdu mal-Qafas Inklużiv tal-OECD għall-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (‘Base Erosion and Profit Shifting’ - BEPS) u l-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju tal-Informazzjoni. Bħala parteċipanti f’dawk il-fora jew f’organizzazzjonijiet oħrajn, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom vuċi madwar il-mejda hekk kif jiġu stabbiliti standards globali ġodda u jitwettqu l-evalwazzjonijiet bejn il-pari. L-UE pprovdiet ukoll finanzjament, permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, għal assistenza teknika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-implimentazzjoni ta’ standards maqbula ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. Dan kien jinkludi, pereżempju, EUR 2 miljun għall-Forum Globali fl-2019, biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw itejbu l-miżuri tagħhom ta’ trasparenza fiskali. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-parteċipazzjoni attiva tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’dawn il-korpi, u se taħdem biex tiżgura assistenza aktar immirata 26 u djalogu politiku msaħħaħ biex tappoġġja l-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku tagħhom.

    5 (c) It-twessigħ tal-aġenda politika

    Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli, se tirrifletti wkoll dwar kif għandhom jiġu integrati prijoritajiet usa’ tat-taxxa fir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Ċerti prijoritajiet ta’ politika, filwaqt li mhumiex marbuta direttament mal-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, huma rilevanti ħafna fl-appoġġ għal sistemi ta’ tassazzjoni aktar sostenibbli, robusti u li jibqgħu validi fil-futur fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan huwa partikolarment il-każ għat-tassazzjoni ekoloġika, għat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali u għar-riformi tat-taxxa korporattiva internazzjonali possibbli. Jenħtieġ li l-pajjiżi jiġu mħeġġa jipproċedu fl-ispostament tal-piż tat-taxxa sostenibbli, li għandu jiġi introdott fi ħdan pakketti usa’ ta’ riforma fiskali biex jiġi evitat ir-riskju li jiżdiedu l-inugwaljanzi tas-soċjetà, li sikwit diġà jkunu kbar ħafna.

    Ir-rabta bejn il-politiki kummerċjali u l-prijoritajiet tad-dħul f’pajjiżi terzi u oqsma ta’ politika oħrajn teħtieġ ukoll kunsiderazzjoni. Pereżempju, jenħtieġ li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu appoġġjati sabiex jidentifikaw dħul mit-taxxa sostenibbli alternattiv, bl-għan li jikkumpensa għat-tnaqqis fid-dħul doganali, li jista’ jirriżulta minħabba l-integrazzjoni aħjar tagħhom fl-ekonomija reġjonali u internazzjonali, inkluż it-tnaqqis korrispondenti fit-tariffi. Jenħtieġ li l-UE tgħin lil dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jridu jnaqqsu l-ostakoli għan-negozji u jbaxxu t-tariffi billi jidentifikaw dħul sostenibbli alternattiv u jtejbu l-governanza amministrattiva fil-qasam tad-dwana u tat-tassazzjoni. Dan jista’ jinkludi t-taxxi ambjentali, li diversi minnhom fil-prinċipju huma aktar diffiċli biex jiġu evitati u li għandhom l-għan li jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli. L-UE diġà pprovdiet appoġġ f’dawn l-oqsma u se tkompli tikkontribwixxi għall-isforzi tal-pajjiżi biex jallinjaw l-ambjent legali tagħhom man-normi internazzjonali, fejn pajjiżi terzi jitolbu dan u b’mod li jkun adattat l-aktar għall-pajjiżi terzi.

    Il-Kummissjoni se ssegwi l-proposta għal Strument ġdid ta’ Viċinat, Żvilupp u Kooperazzjoni Internazzjonali 27 , li jipprevedi li “It-taxxi, dazji u imposti debitati mill-pajjiżi sħab jistgħu jkunu eliġibbli għall-finanzjament”.

    Se jiġi applikat approċċ ta’ politika olistika u trans-settorjali biex jitmexxew ’il quddiem l-azzjonijiet imsemmija hawn fuq, f’konformità mal-prinċipju tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp.

    6. KONKLUŻJONI

    It-tassazzjoni ġusta u l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa – fl-UE u lil hinn minnha – jibqgħu l-objettivi ewlenin tal-ħidma tal-Kummissjoni matul is-snin li ġejjin. Din il-Komunikazzjoni twieġeb għad-domandi mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mis-soċjetà ċivili għal rieżami tal-miżuri tal-UE biex jiġu żgurati governanza tajba xierqa, kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku u globalment. Tirrikonoxxi wkoll ir-rwol importanti li għandha t-tassazzjoni fit-twettiq tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

     

    Il-miżuri mressqa f’din il-Komunikazzjoni jistgħu jgħinu biex jiżdied il-livell ta’ tassazzjoni ġusta fl-UE u jikkontribwixxu għal ambjent tat-taxxa aktar ġust fuq livell internazzjonali. Il-Kummissjoni tappella lill-Kunsill biex jagħti prijorità politika għolja u biex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħhom.

    (1)

    Riżoluzzjoni tal-kumitat TAXE tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa u miżuri oħrajn simili fin-natura jew l-effett tagħhom; Riżoluzzjoni tal-kumitat TAX2 tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa u miżuri oħrajn simili fin-natura jew l-effett tagħhom, rakkomandazzjoni tal-kumitat PANA tat-13 ta’ Diċembru 2017 wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, riżoluzzjoni tal-kumitat TAX3 tas-26 ta’ Marzu 2019 dwar ir-reati finanzjarji, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa.

    (2)

    COM(2020) 456 finali.

    (3)

    COM(2016) 24 final.

    (4)

    COM(2020) 312 final.

    (5)

    COM(2020) 314 final.

    (6)

     Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni, ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1.

    (7)

    https://www.oecd.org/tax/automatic-exchange/crs-implementation-and-assistance/residence-citizenship-by-investment/

    (8)

    https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8603-2020-REV-1/en/pdf

    (9)

    https://ec.europa.eu/info/files/200507-anti-money-laundering-terrorism-financing-action-plan-methodology_en

    (10)

    B’kunsiderazzjoni xierqa għall-ħidma f’dan il-qasam fil-livell internazzjonali. Fil-kuntest tal-proċess ta’ elenkar tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament kontra t-terroriżmu, li jiffoka b’mod aktar wiesa’ fuq aspetti ta’ sjieda benefiċjarja, jistgħu jiġu introdotti rekwiżiti addizzjonali meta mqabbla mal-istandards internazzjonali, f’konformità mal-prijoritajiet enfasizzati mill-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (Ara: https://ec.europa.eu/finance/docs/law/200507-anti-money-laundering-terrorism-financing-action-plan_en.pdf ).

    (11)

    Rapport tal-Kumitat TAXE 3, 26/03/2019

    (12)

    Dawn jinkludu r-Regolament Finanzjarju (RF) attwali tal-UE, ir-Regolament (UE) 2017/16013 dwar Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), id-Deċiżjoni 466/2014/UE dwar il-Mandat ta’ Self Estern (ELM) u r-Regolament dwar Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (UE) 2015/10175 (FEIS).

    (13)

    Ir-Regolament Finanzjarju, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-Mandat ta’ Self Estern (ELM).

    (14)

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar rekwiżiti ġodda kontra l-evitar tat-taxxa fil-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola, b’mod partikolari, l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment (C(2018)1756, 18.03.2018).

    (15)

    Ara d-Domiċiljazzjoni tal-klijenti tal-BERŻ u l-politika tal-Grupp tal-BEI lejn ġurisdizzjonijiet irregolati b’mod dgħajjef, mhux trasparenti u li ma jikkooperawx u l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa (2019).

    (16)

    C(2020) 4885 final.

    (17)

    Ara l-Anness III tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa (https://www.consilium.europa.eu/media/31945/st15429en17.pdf)

    (18)

    Ara l-Anness IV tar-Rapport mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) lill-Kunsill (https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14114-2019-INIT/en/pdf)

    (19)

    Skont l-istatistika tad-dħul tal-OECD

    (20)

    It-taxxa korporattiva tammonta għal 16 % tad-dħul totali mit-taxxa f’ekonomiji b’introjtu baxx u medju, meta mqabbla ma’ 8 % għall-pajjiżi żviluppati.

    (21)

      https://ec.europa.eu/international-partnerships/system/files/swd-collect-more-spend-better_en.pdf  

    (22)

    Inizjattiva speċifika fil-qafas tal-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa, iffokata fuq iż-żieda fl-assistenza għall-iżvilupp għall-kapaċità tat-taxxa u l-promozzjoni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp. Ara: http://www.addistaxinitiative.net/.

    (23)

    Għodda għall-Valutazzjoni Dijanjostika tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa (TADAT)

    (24)

      https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/toolbox_dtas_spill_overs_en.pdf  

    (25)

      https://www.un.org/sustainabledevelopment/decade-of-action/  

    (26)

    Il-Kummissjoni, flimkien ma’ diversi Stati Membri tal-UE u donaturi internazzjonali oħrajn, tappoġġja u tissimplifika l-programm tal-OECD dwar l-iżvilupp u r-relazzjonijiet globali. Ara: https://www.oecd.org/ctp/tax-global/  

    (27)

      https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2018%3A460%3AFIN  

    Top