Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0263R(01)

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI Rapport Annwali dwar is-Sikurezza tal-Operazzjonijiet taż-Żejt u tal-Gass Offshore fl-Unjoni Ewropea għas-Sena 2018

    COM/2020/263 final/2

    Brussell, 30.11.2020

    COM(2020) 263 final/2

    CORRIGENDUM
    This document corrects document COM(2020) 263 of 25 June 2020.
    Concerns all language versions.
    The last two paragraphs in Section 6 - Conclusions, have been corrected.
    The text shall read as follows:

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

    Rapport Annwali dwar is-Sikurezza tal-Operazzjonijiet taż-Żejt u tal-Gass Offshore fl-Unjoni Ewropea għas-Sena 2018




























    Werrej

    1.    INTRODUZZJONI    

    2.    BAŻI ĠURIDIKA    

    3.    METODOLOĠIJA U INFORMAZZJONI RIĊEVUTA MINGĦAND L-ISTATI MEMBRI    

    4.    IS-SETTUR TAŻ-ŻEJT U TAL-GASS OFFSHORE FL-UNJONI EWROPEA    

    4.1 Installazzjonijiet u produzzjoni    

    4.2 Spezzjonijiet, investigazzjonijiet, azzjonijiet ta’ infurzar u qafas regolatorju offshore    

    5.    ID-DATA DWAR L-INĊIDENTI U L-PRESTAZZJONI TAS-SIKUREZZA TAL-OPERAZZJONIJIET OFFSHORE    

    6.    KONKLUŻJONIJIET    

    1.    INTRODUZZJONI

    Wara r-rapporti preċedenti għall-2016 u għall-2017, dan ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jkopri s-sikurezza tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore fl-Unjoni Ewropea (UE) fl-2018.

    Il-bażi ġuridika għal dan ir-rapport hija d-Direttiva 2013/30/UE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (“Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore”). Din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tikseb livell għoli ta’ sikurezza fl-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore, għall-benefiċċju ta’: il-ħaddiema; l-ambjent; il-pjattaformi u t-tagħmir offshore; u attivitajiet ekonomiċi bħas-sajd u t-turiżmu. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, kif implimentati mill-Istati Membri, se jgħinu biex: (i) jiġu evitati aċċidenti kbar; (ii) jitnaqqas in-numru ta’ inċidenti; u (iii) jiġi żgurat segwitu effettiv tal-aċċidenti u tal-inċidenti sabiex jiġu mmitigati l-konsegwenzi tagħhom.

    Bħal fir-rapporti preċedenti, l-għan ta’ dan ir-rapport annwali huwa: (i) li jipprovdi data dwar l-għadd u t-tip ta’ installazzjonijiet fl-UE; u (ii) li jagħti informazzjoni dwar inċidenti u valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore. Ma’ kull rapport addizzjonali, l-analiżi tax-xejriet se ssir iktar sinifikanti. Barra minn hekk, is-sensiela ta’ rapporti annwali se sservi bħala rekord tal-prestazzjoni tas-sikurezza fl-attivitajiet relatati maż-żejt u l-gass offshore tal-Istati Membri.

    Dan ir-rapport huwa bbażat fuq rapporti annwali u data li ġiet innotifikata mill-Istati Membri kif meħtieġ mid-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore. Il-Kummissjoni rċeviet data mingħand il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija, Spanja u r-Renju Unit, li kien għadu Stat Membru tal-UE fl-2018. Il-biċċa l-kbira tal-installazzjonijiet jinsabu fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Oċean Atlantiku (380 installazzjoni), filwaqt li 166 installazzjoni jinsabu fil-Baħar Mediterran, tmienja (8) jinsabu fil-Baħar l-Iswed u tnejn (2) fil-Baħar Baltiku.

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri spezzjonaw it-318-il installazzjoni offshore fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom fl-2018. Wara ċerti inċidenti, tliet Stati Membri (ir-Renju Unit, id-Danimarka u n-Netherlands) wettqu investigazzjonijiet matul il-perjodu ta’ rappurtar. Ir-Renju Unit wettaq 41 investigazzjoni dwar is-sikurezza u t-tħassib ambjentali, u ħames (5) investigazzjonijiet għal aċċidenti kbar. Id-Danimarka wettqet 3 investigazzjonijiet għal tħassib dwar is-sikurezza u l-ambjent (ebda investigazzjoni għal aċċidenti kbar) u n-Netherlands wettaq investigazzjoni waħda għal aċċident kbir (ebda investigazzjoni għal tħassib dwar is-sikurezza u l-ambjent).

    Iċ-ċifri pprovduti mill-Istati Membri, speċifikament dwar in-numru u s-severità tal-aċċidenti rrappurtati b’rabta man-numru ta’ installazzjonijiet, jindikaw livell ħafna iktar baxx ta’ sikurezza fis-settur offshore Ewropew meta mqabbel mas-sentejn ta’ qabel, li jeħtieġu segwitu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

    2.    BAŻI ĠURIDIKA

    F’konformità mal-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore, il-Kummissjoni hija meħtieġa tippubblika rapport annwali dwar is-sikurezza u l-impatt ambjentali tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore abbażi tal-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri. Sal-1 ta’ Ġunju ta’ kull sena, l-Istati Membri jridu jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport annwali li jkun fih l-informazzjoni speċifikata fl-Anness IX (il-punt 3) tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore.

    Ir-rapporti annwali li jridu jiġu ppreżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 25 għandu jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a) l-għadd u l-età tal-installazzjonijiet, kif ukoll il-post fejn jinsabu;

    (b) l-għadd u t-tip ta’ spezzjonijiet u ta’ investigazzjonijiet imwettqa, flimkien ma’ kwalunkwe azzjoni ta’ infurzar jew kundanna;

    (c) id-data dwar l-inċidenti skont is-sistema ta’ rapportar komuni meħtieġa fl-Artikolu 23;

    (d) kwalunkwe bidla kbira fil-qafas regolatorju offshore;

    (e) il-prestazzjoni tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore.

    L-iskadenza li għandhom l-Istati Membri biex jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa hija l-1 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara l-perjodu tar-rapportar (eż. l-1 ta’ Ġunju 2019 għall-2018).

    L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw permezz tal-format komuni previst fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1112/2014 tat-13 ta’ Ottubru 2014 2 . Dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jistabbilixxi format komuni għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-indikaturi ta’ perikli kbar mill-operaturi u s-sidien ta’ installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore. Jistabbilixxi wkoll format komuni għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-indikaturi ta’ perikli kbar mill-Istati Membri. Id-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni 3 datat il-25 ta’ Novembru 2015 jipprovdi informazzjoni speċifika ulterjuri dwar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni u jispjega kif għandu jintuża l-format ta’ rapportar.

    3.    METODOLOĠIJA U INFORMAZZJONI RIĊEVUTA MINGĦAND L-ISTATI MEMBRI

    Skont l-Anness IX (il-punt 3) tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore, l-Istati Membri huma obbligati jippreżentaw informazzjoni definita b’mod ċar dwar l-inċidenti fis-settur taż-żejt u tal-gass offshore tagħhom, billi jużaw il-mudelli pprovduti permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 1112/2014. Id-data ppreżentata trid tinkludi informazzjoni dwar l-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore fl-UE, bħal pereżempju l-għadd, it-tip, il-post u l-età. Ir-rapporti mill-Istati Membri jridu jipprovdu wkoll informazzjoni dwar in-numru ta’: (i) spezzjonijiet, investigazzjonijiet u azzjonijiet ta’ infurzar offshore meħuda; (ii) inċidenti skont il-kategorija; u (iii) korrimenti.

    Minbarra d-data dwar l-Istati Membri individwali, il-Kummissjoni vvalutat il-prestazzjoni tas-sikurezza tar-reġjuni offshore. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tikkunsidra: (i) lill-Ġermanja, lid-Danimarka, lil Franza, lir-Renju Unit, lill-Irlanda u lin-Netherlands bħala r-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Atlantiku; (ii) lil Spanja, lill-Greċja, lill-Kroazja, lil Ċipru, lill-Italja u lil Malta bħala r-reġjun tal-Mediterran; (iii) lill-Bulgarija u lir-Rumanija bħala r-reġjun tal-Baħar l-Iswed; u (iv) lil-Latvja u lill-Polonja bħala r-reġjun tal-Baħar Baltiku.

    Għar-rapport annwali tagħha għall-2018, il-Kummissjoni użat l-informazzjoni pprovduta mill-Bulgarija, mill-Kroazja, minn Ċipru, mill-Greċja, minn Franza, min-Netherlands, mid-Danimarka, mill-Ġermanja, mill-Irlanda, mill-Italja, mill-Polonja, mir-Rumanija, minn Spanja u mir-Renju Unit. L-Istati Membri l-oħra ma kinux attivi fis-settur taż-żejt u tal-gass offshore jew ma ppreżentawx informazzjoni rilevanti għal dan ir-rapport.

    Bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit, l-Istati Membri kollha b’operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore pprovdew data kompluta dwar l-installazzjonijiet kollha tagħhom. B’kuntrast ma’ dan, ir-Renju Unit illimita partijiet mir-rapport tiegħu għal installazzjonijiet li kienu soġġetti għal rieżami regolatorju tad-dokumentazzjoni tagħhom tal-valutazzjoni tar-riskji (ara wkoll l-Artikolu 42(2) tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore). Dan ifisser li l-informazzjoni mir-Renju Unit dwar l-investigazzjonijiet, l-azzjonijiet ta’ infurzar, data dwar l-inċidenti u l-prestazzjoni tas-sikurezza ta’ operazzjonijiet offshore tkopri firxa ta’ installazzjonijiet li kienet qed tespandi b’mod kontinwu matul l-ewwel nofs tas-sena 2018. L-għadd ta’ installazzjonijiet koperti beda bi stima ta’ 139 installazzjoni f’Jannar 2018 u ntemm bi stima ta’ 191 installazzjoni fid-19 ta’ Lulju 2018. Dik id-data kienet it-tmiem tal-perjodu tranżizzjonali għall-installazzjonijiet kollha.

    4.    IS-SETTUR TAŻ-ŻEJT U TAL-GASS OFFSHORE FL-UNJONI EWROPEA

    4.1 Installazzjonijiet u produzzjoni

    Il-maġġoranza l-kbira tal-installazzjonijiet offshore 4 fl-ilmijiet tal-UE jinsabu fil-Baħar tat-Tramuntana (ara t-tabella 1), speċifikament fiż-żoni ekonomiċi esklussivi tar-Renju Unit u tan-Netherlands (madwar 34 % u 28 % tal-installazzjonijiet offshore fl-ilmijiet tal-UE, rispettivament). Fil-Mediterran, l-Italja hija l-iktar Stat Membru attiv (25 % tal-installazzjonijiet kollha fl-ilmijiet tal-UE), segwita mill-Kroazja. Fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, ir-Rumanija għandha industrija taż-żejt u tal-gass offshore stabbilita filwaqt li l-Bulgarija kompliet l-attivitajiet ta’ esplorazzjoni għall-idrokarburi offshore iżda, b’installazzjoni waħda, għandha produzzjoni limitata ħafna. Skont ir-rapporti li waslu mingħand l-Istati Membri mal-Baħar Baltiku, il-Polonja biss għandha installazzjonijiet offshore f’dan ir-reġjun. B’kollox, kien hemm 556 installazzjoni ta’ produzzjoni u mhux ta’ produzzjoni rrappurtati fl-ilmijiet tal-UE fl-2018. Dan ifisser żieda ta’ żewġ installazzjonijiet meta mqabbel mal-2017, minkejja d-dekummissjonar ta’ diversi installazzjonijiet 5 .



    Tabella 1: Installazzjonijiet fissi fl-1 ta’ Jannar 2018: “Tip ta’ installazzjoni”, skont ir-reġjun u l-Istat Membru

    Reġjun/pajjiż

    Tip ta’ installazzjoni (*)

    FMI

    FNP

    FPI

    NUI

    Total

    Il-Baħar Baltiku

    1

    0

    0

    1

    2

    Il-Polonja

    1

    0

    0

    1

    2

    Il-Baħar l-Iswed

    7

    0

    0

    1

    8

    Il-Bulgarija

    0

    0

    0

    1

    1

    Ir-Rumanija

    7

    0

    0

    0

    7

    Il-Mediterran

    16

    0

    3

    147

    166

    Il-Kroazja

    2

    0

    0

    18

    20

    Il-Greċja

    1

    0

    0

    1

    2

    L-Italja

    12

    0

    3

    126

    141

    Spanja

    1

    0

    0

    2

    3

    Il-Baħar tat-Tramuntana u l-Atlantiku

    143

    0

    23

    214

    380

    Id-Danimarka

    10

    0

    0

    20

    30

    Il-Ġermanja

    2

    0

    0

    0

    2

    L-Irlanda

    1

    0

    0

    1

    2

    In-Netherlands

    48

    0

    0

    107

    155

    Ir-Renju Unit

    82

    0

    23

    86

    191

    Total

    167

    0

    26

    363

    556

    (*) FMI — Installazzjoni fissa, bl-ekwipaġġ; FNP — Installazzjoni fissa, mhux tal-produzzjoni; FPI — Installazzjoni tal-produzzjoni f’wiċċ l-ilma; NUI — Installazzjoni (normalment) mingħajr ekwipaġġ

    Fl-2018, kien hemm 13-il installazzjoni rrappurtati li ġew dekummissjonati fl-ilmijiet tal-UE: 12 fir-Renju Unit u 1 fl-Italja. Fl-istess sena, ġiet irrappurtata installazzjoni fissa ġdida waħda (1) li bdiet topera fin-Netherlands. Barra minn hekk, emendi tal-metodi ta’ rapportar ta’ xi Stat Membri kkontribwew ukoll għall-bidla fl-għadd ta’ installazzjonijiet rrappurtati, meta mqabbla mas-sena ta’ qabel 6 .

    Iktar minn nofs l-installazzjonijiet offshore fl-ilmijiet tal-UE ġew stabbiliti bejn l-1980 u l-2000. Mill-2010 ’l hawn, l-iżvilupp ta’ installazzjonijiet ġodda tal-produzzjoni naqas notevolment fil-Baħar tat-Tramuntana u fir-reġjun tal-Atlantiku u fil-Baħar Mediterran (Tabella 2).

    Tabella 2: Għadd ta’ installazzjonijiet preżenti fl-ilmijiet tal-UE, skont id-deċennju ta’ meta bdew joperaw u skont ir-reġjun

    Sena tal-kostruzzjoni

    Reġjun

    Il-Baħar Baltiku

    Il-Baħar l-Iswed

    Il-Mediterran

    Il-Baħar tat-Tramuntana u l-Atlantiku

    Total tal-UE

    1950-1959

    0

    0

    0

    4

    4

    1960-1969

    0

    0

    7

    21

    28

    1970-1979

    0

    0

    14

    41

    55

    1980-1989

    0

    2

    53

    82

    137

    1990-1999

    1

    3

    42

    119

    165

    2000-2009

    1

    3

    40

    70

    114

    2010-2019

    0

    0

    10

    43

    53

    2020-2029

    0

    0

    0

    0

    0

    Total tal-UE

    2

    8

    166

    380

    556



    Il-biċċa l-kbira (madwar 94 %) taż-żejt u tal-gass domestiċi tal-UE jiġu prodotti fil-Baħar tat-Tramuntana u fir-reġjun tal-Atlantiku (it-Tabella 3). Ir-Renju Unit huwa bil-kbir l-akbar kontributur, segwit min-Netherlands u mid-Danimarka. L-Italja u l-Kroazja huma produtturi attivi fil-Baħar Mediterran, filwaqt li fil-Baħar l-Iswed hija biss ir-Rumanija li bħalissa għandha output notevoli ta’ żejt u gass.

    Tabella 3. Il-produzzjoni taż-żejt u tal-gass offshore fl-UE f’kilotunnellati ta’ ekwivalent taż-żejt (ktoe)

    REĠJUN

    Pajjiż

    ktoe

    % tat-Total tal-UE

    Il-Baħar Baltiku

    210.98

    0.19 %

    Il-Polonja

    210.98

    0.19 %

    Il-Baħar l-Iswed

    1138.87

    1.01 %

    Il-Bulgarija

    4.71

    0.00 %

    Ir-Rumanija

    1134.16

    1.01 %

    Il-Mediterran

    4139.61

    3.69 %

    Il-Kroazja

    528.20

    0.47 %

    Il-Greċja

    211.01

    0.19 %

    L-Italja

    3311.00

    2.95 %

    Spanja

    89.40

    0.08 %

    Il-Baħar tat-Tramuntana u l-Atlantiku

    106727.60

    95.11 %

    Id-Danimarka

    9589.00

    8.55 %

    Il-Ġermanja

    915.00

    0.82 %

    L-Irlanda

    311.17

    0.28 %

    In-Netherlands

    11681.00

    10.41 %

    Ir-Renju Unit

    84231.43

    75.06 %

    Total

    112217.06

    100.00 %

    Meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, b’tnaqqis ta’ inqas minn wieħed fil-mija, il-produzzjoni totali taż-żejt u l-gass offshore kienet stabbli.

    4.2 Spezzjonijiet, investigazzjonijiet, azzjonijiet ta’ infurzar u qafas regolatorju offshore

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri spezzjonaw regolarment l-installazzjonijiet offshore fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom. It-Tabella 4 tippreżenta l-għadd ta’ spezzjonijiet offshore li twettqu matul is-sena ta’ rapportar. L-għadd ta’ spezzjonijiet ġeneralment jiżdied mal-għadd ta’ installazzjonijiet fl-Istati Membri.

    Hekk kif ġara fl-2017, l-għadd ta’ spezzjonijiet reġa’ naqas, issa minn 630 fl-2017 għal 593 fl-2018. B’mod speċifiku, l-Italja naqqset l-għadd ta’ spezzjonijiet minn 289 għal 236, in-Netherlands minn 60 għal 32, filwaqt li r-Renju Unit żied l-għadd ta’ spezzjonijiet minn 232 għal 273. Għall-ewwel darba, ir-Rumanija wettqet spezzjonijiet ukoll. Għall-kuntrarju tal-għadd dejjem jonqos ta’ spezzjonijiet, ġew allokati iktar sforzi f’termini ta’ jiem tax-xogħol fuq spezzjonijiet għal kull installazzjoni (2817-il jum tax-xogħol fl-2018 meta mqabbel ma’ 2083 jum tax-xogħol fl-2017).

    Tabella 4: Għadd ta’ spezzjonijiet offshore skont ir-reġjun u l-Istat Membru fl-2018*

    REĠJUN

    Pajjiż

    Spezzjonijiet

    Jiem tax-xogħol maħduma fuq l-installazzjoni (bil-ħin tal-ivvjaġġar mhux inkluż)

    Għadd ta’ installazzjonijiet spezzjonati

    Il-Baħar Baltiku

    3

    6

    2

    Il-Polonja

    3

    6

    2

    Il-Baħar l-Iswed

    4

    24

    2

    Ir-Rumanija

    4

    24

    2

    Il-Mediterran

    251

    262

    95

    Il-Kroazja

    10

    10

    4

    Ċipru

    2

    6

    2

    Il-Greċja

    1

    10

    1

    L-Italja

    236

    234

    86

    Spanja

    2

    2

    2

    Il-Baħar tat-Tramuntana u l-Atlantiku

    335

    2525.5

    219

    Id-Danimarka

    19

    66

    19

    Franza

    2

    4

    1

    Il-Ġermanja

    6

    6

    2

    L-Irlanda

    3

    30

    3

    In-Netherlands

    32

    23

    28

    Ir-Renju Unit

    273

    2396.5

    166

    TOTAL

    593

    2817.5

    318

    (*)It-tabella tinkludi informazzjoni mill-Istati Membri li għandhom mill-inqas installazzjoni offshore waħda preżenti fil-ġurisdizzjoni tagħhom fl-2018.

    L-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore jagħti drittijiet u setgħat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq operazzjonijiet u installazzjonijiet fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Dawn id-drittijiet u s-setgħat jinkludu d-dritt li jiġu pprojbiti l-operazzjonijiet u d-dritt li jintalbu miżuri għall-iżgurar tal-konformità mal-prinċipji ġenerali tal-immaniġġjar tar-riskju u għall-iżgurar ta’ operazzjonijiet sikuri.

    Għaldaqstant, tliet Stati Membri wettqu investigazzjonijiet matul il-perjodu ta’ rapportar: ir-Renju Unit, id-Danimarka u n-Netherlands. Ir-Renju Unit wettaq 41 investigazzjoni għal tħassib dwar is-sikurezza u l-ambjent 7 , u 5 investigazzjonijiet għal aċċidenti kbar. Id-Danimarka wettqet 3 investigazzjonijiet għal tħassib dwar is-sikurezza u l-ambjent, u n-Netherlands wettaq investigazzjoni waħda (1) għal aċċident kbir. Prinċipalment minħabba ż-żieda fir-Renju Unit, in-numru totali ta’ investigazzjonijiet fl-2018 kien sostanzjalment iktar għoli (50) milli fl-2017 (20) u fl-2016 (23).

    Minkejja ż-żieda fl-investigazzjonijiet, l-għadd totali ta’ azzjonijiet ta’ infurzar kien iktar baxx fl-2018 milli fl-2017. Filwaqt li l-Istati Membri wettqu 47 azzjoni ta’ infurzar fl-2017 (45 minnhom tar-Renju Unit), fl-2018 ir-Renju Unit biss irrapporta dawn l-azzjonijiet, li n-numru tagħhom, jiġifieri 34 każ, kien iktar baxx milli fl-2017.

    5.    ID-DATA DWAR L-INĊIDENTI U L-PRESTAZZJONI TAS-SIKUREZZA TAL-OPERAZZJONIJIET OFFSHORE

    L-Istati Membri rrappurtaw total ta’ 124 inċident għall-2018, f’konformità mal-Anness IX tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore.

    -    Fir-Renju Unit, kien hemm 95 avveniment rapportabbli, inklużi 5 aċċidenti kbar.

    -    Fin-Netherlands, kien hemm 14-il avveniment rapportabbli 8 , inkluż aċċident kbir wieħed. Il-kawżi tal-aċċident kbir ma ġewx irrappurtati, minħabba li l-każ kien għadu qed jiġi investigat fiż-żmien ta’ rapportar.

    -Fid-Danimarka, kien hemm 9 avvenimenti rapportabbli, u ebda aċċident kbir.

    -Fi Franza u l-Irlanda, kien hemm avveniment rapportabbli wieħed f’kull Stat Membru, u ebda aċċident kbir.

    L-għadd ta’ aċċidenti kbar jinkludi inċidenti b’potenzjal sinifikanti li jikkawżaw imwiet jew korrimenti personali serji, anke jekk dawn ma wasslux għal dawn l-eżiti.

    Il-biċċa l-kbira ta’ fallimenti (80 %) li seħħew fl-avvenimenti rapportabbli kienu jaqgħu taħt il-kategorija ta’ rilaxxi mhux intenzjonati; 13,7 % kienu jikkonċernaw it-telf tal-kontroll tal-bir (żbroffi/attivazzjoni tat-tagħmir tad-devjazzjoni); 1,6 % kienu jikkonċernaw fallimenti ta’ sikurezza u ta’ elementi kritiċi ambjentali (SECE); u 1,6 % kienu jikkonċernaw it-telf ta’ integrità strutturali (telf taż-żamma tal-istazzjoni). Żewġ inċidenti kienu jeħtieġu l-evakwazzjoni tal-persunal.

    Tabella 5: Inċidenti skont il-kategoriji (Anness IX tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore, livell tal-UE)

    Kategoriji tal-Anness IX

    Għadd ta’ avvenimenti

    Sehem (mit-Total tal-Kategoriji)

    Sehem (mit-Total tal-Avvenimenti)

    (a)

    Rilaxxi mhux intenzjonati – Totali

    99

    100.0 %

    79,8 %

    Rilaxxi ta’ żejt jew ta’ gass li ħadu n-nar – Nirien

    1

    1,06 %

    0,8 %

    Rilaxxi ta’ żejt jew ta’ gass li ħadu n-nar – Splużjonijiet

    0

    0.0 %

    0.0 %

    Rilaxxi ta’ gass li ma ħax in-nar

    56

    56,5 %

    45,2 %

    Rilaxxi ta’ żejt li ma ħax in-nar

    31

    31,3 %

    25,0 %

    Rilaxxi ta’ sustanzi perikolużi

    11

    11,1 %

    8,9 %

    (b)

    Telf tal-bir – Totali

    17

    100.0 %

    13,7 %

    Żbroffi

    0

    0.0 %

    0.0 %

    Attivazzjoni tat-tagħmir tal-prevenzjoni tal-iżbroffi/tat-tagħmir tad-devjazzjoni tal-flussi

    8

    47.1 %

    6,4 %

    Ħsara fl-ilqugħ tal-bjar

    9

    52.9 %

    7,3 %

    (c)

    Ħsarat fl-SECE

    2

    100.0 %

    1,6 %

    (d)

    Telf tal-integrità strutturali – Totali

    2

    100.0 %

    1,6 %

    Telf tal-integrità strutturali

    0

    0.0 %

    0.0 %

    Telf tal-istabbiltà/tal-kapaċità taż-żamma f’wiċċ l-ilma

    0

    0.0 %

    0.0 %

    Telf tal-istabbiltà fl-istess post

    2

    100.0 %

    1,6 %

    (e)

    Ħabtiet ta’ bastimenti

    0

    0.0 %

    0.0 %

    (f)

    Aċċidenti bil-ħelikopter

    0

    0.0 %

    0.0 %

    (g)

    Aċċidenti fatali(*)

    0

    0.0 %

    0.0 %

    (h)

    Indarbu serjament 5 persuni jew iktar fl-istess aċċident

    0

    0.0 %

    0.0 %

    (i)

    Evakwazzjoni tal-persunal

    2

    100.0 %

    1,6 %

    (j)

    Aċċidenti ambjentali(**)

    2

    100.0 %

    1,6 %

    Total 9

    124

    100.0 %

    100.0 %

    (*) Biss jekk relatati ma’ aċċident kbir

    (**) Skont ir-rapporti tal-Istati Membri, l-aċċidenti kbar ma kinux jikkwalifikaw bħala aċċidenti ambjentali

    Fl-UE, l-għadd totali ta’ inċidenti żdied minn 42 fl-2016 għal 59 fl-2017, u kompla jiżdied għal 124 fl-2018, l-iżjed minħabba għadd akbar ta’ “rilaxxi mhux intenzjonati”. L-inċidenti ta’ “nuqqas ta’ kontroll tal-bir” żdiedu għal 17, wara li n-numru naqas minn 11 fl-2016 għal 8 fl-2017. Il-“fallimenti tal-elementi kritiċi tas-sikurezza u ambjentali” kienu 2, wara 3 fl-2016 u 1 fl-2017. Kien hemm 2 rapporti ta’ fallimenti ta’ integrità strutturali fl-2018, wara ebda rapport fl-2017 u 2 fallimenti bħal dawn irrappurtati fl-2016. Barra minn hekk, seħħew 2 evakwazzjonijiet fl-2018, filwaqt li l-ebda evakwazzjoni tal-persunal ma ġiet irrappurtata għall-2017 u evakwazzjoni waħda (1) ġiet irrappurtata fl-2016.

    Ma ġiet irrappurtata l-ebda ħabta ta’ bastimenti għall-2018, meta mqabbla mat-3 fl-2017. FL-2016 l-ebda ħabta ma ġiet irrappurtata; kien hemm 9 każijiet ta’ ħsara fl-ilqugħ tal-bjar meta mqabbla ma’ 2 fl-2017 u ebda wieħed għall-2016. Fl-2018 total ta’ 6 inċidenti kienu kklassifikati bħala aċċidenti kbar 10 , peress li setgħu potenzjalment jikkawżaw imwiet jew korriment personali gravi. Fl-2017, seħħew 4 aċċidenti kbar u 2 aċċidenti kbar ġew irrappurtati fl-2016.

    Fid-dawl tan-numru akbar ta’ aċċidenti, il-Kummissjoni qed tikkoopera mill-qrib mal-Awtoritajiet Kompetenti kkonċernati biex tiddetermina l-kawżi għal dan l-iżvilupp u biex tiddiskuti azzjonijiet ta’ segwitu potenzjali li jippermettu livell ogħla ta’ prestazzjoni tas-sikurezza malajr kemm jista’ jkun. Il-kooperazzjoni sseħħ bilateralment u fil-kuntest tal-Grupp ta' Awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea Responsabbli għall-Attivitajiet taż-Żejt u tal-Gass lil hinn mill-Kosta (EUOAG).

    6.    KONKLUŻJONIJIET

    B’556 installazzjoni fl-UE (l-2018 jinkludi r-Renju Unit), l-għadd ta’ installazzjonijiet baqa’ pjuttost stabbli. Fis-sena ta’ qabel dan naqas minn 586 fl-2016 għal 554 fl-2017. Il-livell ta’ produzzjoni globali ta’ żejt u gass naqas bi ftit minn 113 051 kilotunnellata ta’ ekwivalent taż-żejt għal 112 217-il kilotunnellata ta’ ekwivalent taż-żejt fl-2018.

    Il-Kummissjoni tivvaluta s-sikurezza tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar ir-rapportar. Għaldaqstant, l-akkuratezza tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tiddependi fuq l-informazzjoni li tiġi ppreżentata mill-Istati Membri.

    L-għadd ta’ spezzjonijiet u investigazzjonijiet li saru kien ftit inqas (inqas b’6 %) mis-sena ta’ qabel. Meta mqabbel mal-2017, l-Istati Membri wettqu inqas azzjonijiet ta’ infurzar.

    L-għadd ta’ inċidenti żdied ħafna minn 59 fl-2017 għal 124 fl-2018. L-introduzzjoni gradwali tal-installazzjonijiet offshore kollha tar-Renju Unit fis-sistema tar-rapportar tista’ tispjega biss parti żgħira taż-żieda fl-aċċidenti 11 . L-inċidenti fir-Renju Unit żdiedu minn 30 għal 99, fin-Netherlands minn 13 għal 14 u, kemm fil-Greċja kif ukoll fl-Irlanda, minn żero għal wieħed. B’kuntrast ma’ dan, dan in-numru naqas għad-Danimarka minn 14 għal 9. L-aċċidenti kbar żdiedu minn 4 għal 6 bejn l-2017 u l-2018.

    Bħal fl-2016 u l-2017, ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta’ mewt fl-2018, iżda seħħew 12 korrimenti u 17-il korriment serju. Skont ir-rapporti tal-awtoritajiet kompetenti, fir-Renju Unit l-għadd ta’ aċċidenti żdied b’mod sinifikanti, u dan jeżiġi kemm analiżi fil-fond tal-kawżi kif ukoll miżuri ta’ segwitu mill-awtorità kompetenti. Il-Kummissjoni se tikkoopera mal-Istati Membri u se tfittex kooperazzjoni mar-Renju Unit biex tiżgura livell għoli ħafna ta’ sikurezza għall-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore.

    (1)

    ĠU L 178, 28 ta’ Ġunju 2013, p. 66.

    (2)

    ĠU L 302, L-Erbgħa, 22 ta’ Ottubru 2014, p. 2.

    (3)

    https://euoag.jrc.ec.europa.eu/files/attachments/2015_11_25_implementing_regulation_guidance_document_final.pdf.

    (4)

    Unitajiet Mobbli tat-Tħaffir Offshore (MODUs, Mobile Offshore Drilling Units) mhumiex parti mill-analiżi tat-Taqsima 4.1.

    (5)

    Għad-dettalji ara l-Kapitolu 4.1.

    (6)

    Minkejja d-dekummissjonar ta’ 13-il installazzjoni u l-bidu tal-operazzjoni ta’ installazzjoni ġdida waħda biss, l-għadd totali ta’ installazzjonijiet żdied b’żewġ installazzjonijiet. Kieku d-data kollha ġiet irrappurtata b’mod preċiż, in-numru kellu jonqos bi 12-il installazzjoni.

    (7)

    It-tħassib dwar is-sikurezza u l-ambjent huwa dak irrappurtat mill-ħaddiema, jekk jaraw kwistjonijiet fuq il-post tax-xogħol li jaħsbu li jistgħu jkunu qed jiksru l-liġi tas-saħħa u s-sigurtà u li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw ħsara.

    (8)

    Avveniment rapportabbli wieħed jista’ jwassal għal diversi inċidenti, eż. rilaxx mhux intenzjonat ta’ gass jista’ jwassal għal evakwazzjoni tal-persunal.

    (9)

    Inċident wieħed jista’ jidher iktar minn darba, pereżempju: l-evakwazzjoni ta’ persunal marbut mat-telf ta’ kontroll tal-bir tkun tgħodd bħala żewġ punti għat-total.

    (10)

    ĠU L 178, 28 ta’ Ġunju 2013, p. 73: l-Artikolu 2(1): “aċċident kbir” tfisser, fir-rigward ta’ installazzjoni jew infrastruttura konnessa:

    (a) aċċident li jinvolvi splużjoni, nirien, telf ta’ kontroll tal-bir, jew rilaxx ta’ żejt, gass jew sustanzi perikolużi li jinvolvu, jew b’potenzjal sinifikanti li jikkawżaw, imwiet jew korriment personali serju;

    (b) inċident li jwassal għal ħsara serja fl-installazzjoni jew fl-infrastruttura konnessa li jinvolvi, jew b’potenzjal sinifikanti li jikkawża, imwiet jew korriment personali serju;

    (c) kwalunkwe inċident ieħor li jwassal għall-imwiet jew korriment serju ta’ ħames persuni jew iktar li jinsabu fuq l-installazzjoni offshore li minnha jkun ġej is-sors tal-periklu jew li jkunu involuti f’operazzjoni taż-żejt u tal-gass offshore b’konnessjoni mal-installazzjoni jew l-infrastruttura konnessa; jew

    (d) kwalunkwe inċident ambjentali kbir li jirriżulta minn inċidenti msemmija fil-punti (a), (b) u (c).

    Għall-finijiet li jiġi determinat jekk avveniment jikkostitwixxix aċċident kbir skont il-punti (a), (b) jew (d), installazzjoni li normalment ma tkunx sorveljata għandha tiġi ttrattata daqslikieku kienet sorveljata.

    (11)

    L-effett tal-introduzzjoni gradwali jista’ jiġġustifika żieda stmata ta’ 10 inċidenti, jekk il-prestazzjoni tas-sikurezza tibqa’ l-istess għal kull installazzjoni.

    Top