EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0207

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-użu ta’ forom addizzjonali ta’ espressjoni u ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni

COM/2020/207 final

Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 207 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-użu ta’ forom addizzjonali ta’ espressjoni u ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni


WERREJ

1.Daħla

2.Sfond storiku

3.Il-qafas legali tal-UE dwar it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett

3.1.Forom addizzjonali ta’ espressjoni u ta’ preżentazzjoni skont ir-Regolament dwar l-FIC

3.2.Skemi oħrajn ta’ tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett

3.3.It-tfassil tal-profili nutrizzjonali

4.L-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett implimentati jew żviluppati fil-livell tal-UE

4.1.Formati differenti tal-iskemi ta’ tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett

4.2.L-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li l-Istati Membri u r-Renju Unit approvaw jew qed iqisu

4.3.Skemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li żviluppaw operaturi privati tal-UE

5.Is-sitwazzjoni fil-livell internazzjonali

6.Interess, fehim u reazzjoni tal-konsumaturi u impatt fuq is-saħħa

7.Impatt fuq l-operaturi tan-negozji tal-ikel u fuq is-suq intern

8.Pożizzjonijiet u perspettivi

8.1.Il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni

8.2.L-esperti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri tal-UE

8.3.Il-partijiet ikkonċernati

8.4.L-organizzazzjonijiet internazzjonali

9.Konklużjonijiet

1.Daħla

Dan ir-rapport iwieġeb għall-obbligu tal-Kummissjoni li ġie stabbilit bl-Artikolu 35(5) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 1 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament dwar l-FIC”). Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu ta’ forom addizzjonali ta’ espressjoni u ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, dwar l-effett tagħhom fuq is-suq intern u dwar ir-rakkomandabbiltà ta’ aktar armonizzazzjoni ta’ dawk il-forom. Din id-dispożizzjoni tgħid ukoll li l-Kummissjoni tista’ takkumpanja r-rapport bi proposti biex jiġu mmodifikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni.

Skont ir-Regolament dwar l-FIC, minn Diċembru tal-2016 ’il quddiem il-biċċa l-kbira tal-ikel ippakkjat bil-lest 2 irid ikollu dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuqu, ta’ spiss fuq in-naħa ta’ wara tal-pakkett tal-ikel, biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u favur is-saħħa. Din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi kkomplementata minn ripetizzjoni volontarja tal-elementi ewlenin tagħha fil-kamp viżiv prinċipali (magħruf bħala “l-parti ta’ quddiem tal-pakkett”), sabiex tgħin lill-konsumaturi jaraw mad-daqqa t’għajn l-informazzjoni essenzjali dwar in-nutrizzjoni meta jkunu qed jixtru l-ikel. Għal din ir-ripetizzjoni, minbarra l-forom ta’ espressjoni u ta’ preżentazzjoni inklużi fid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni (bħall-kliem jew in-numri), jistgħu jintużaw ukoll forom oħrajn ta’ espressjoni u/jew ta’ preżentazzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett (bħall-forom jew is-simboli grafiċi).

Fid-dawl tal-esperjenza li nkisbet b’rabta ma’ dawn il-forom addizzjonali ta’ espressjoni u/jew ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, il-Kummissjoni ntalbet tadotta rapport dwar l-użu tagħhom u dwar l-impatt tagħhom sat-13 ta’ Diċembru 2017. Minħabba l-esperjenza limitata li kien hemm f’dan il-qasam fis-snin li għaddew u xi żviluppi riċenti li kien hemm fih fil-livell nazzjonali, l-adozzjoni tar-rapport ġiet posposta biex fih tiġi inkluża l-esperjenza li nkisbet b’rabta mal-iskemi li ddaħħlu dan l-aħħar. Dan ir-rapport imur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 35 tar-Regolament dwar l-FIC (li jittratta forom addizzjonali ta’ espressjoni u/jew ta’ preżentazzjoni li bihom tiġi ripetuta l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni) u jinkludi wkoll l-iskemi li qed jipprovdu informazzjoni dwar il-kwalità nutrizzjonali ġenerali tal-ikel fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, billi distinzjoni bħal din ma tkunx rilevanti mil-lat tal-konsumaturi.

Dan ir-rapport jippreżenta l-iskemi ewlenin ta’ tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li dan il-ħin huma implimentati fil-livell tal-UE jew qed jiġu żviluppati fih, kif ukoll xi wħud mill-iskemi implimentati fil-livell internazzjonali. Huwa jindirizza wkoll il-fehim tal-konsumaturi tal-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, kif ukoll l-effettività ta’ dawn l-iskemi u l-impatt tagħhom. Dan ir-rapport jibni fuq analiżijiet tal-letteratura u data li ġabar u li analizza ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar is-suġġett, kif ukoll fuq konsultazzjoni estensiva li l-Kummissjoni wettqet mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

2.Sfond storiku

Skont il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar l-għoti ta’ informazzjoni fuq l-ikel lill-konsumaturi, li ġiet stabbilita f’Jannar tal-2008 3 , l-operaturi tan-negozji tal-ikel suppost kellhom juru, b’mod obbligatorju, id-dettalji dwar l-enerġija, ix-xaħam, ix-xaħam saturat, il-karboidrati, iz-zokkor u l-melħ fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett tal-ikel ipproċessat ippakkjat bil-lest. Barra minn hekk, setgħu jiġu żviluppati skemi nazzjonali volontarji biex dawn l-elementi obbligatorji jiġu ddikjarati permezz ta’ formati oħrajn ta’ preżentazzjoni (pereżempju permezz ta’ forom grafiċi).

Il-koleġiżlaturi ddeċidew li jżommu l-kunċett tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, iżda li ma jagħmluhx obbligatorju. Huma qablu li, jekk ma jkunx hemm skema ta’ tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li l-konsumaturi kollha tal-UE jkunu jistgħu jifhmuha u jaċċettawha, din il-kwistjoni għandha titħalla f’idejn l-Istati Membri u l-operaturi tan-negozji tal-ikel, biex jiżviluppaw l-iskemi tagħhom stess li jkunu adattati għall-konsumaturi tagħhom, dejjem jekk ikunu jikkonformaw ma’ ċerti kriterji. L-għan kien li jinġabru l-esperjenzi dwar il-funzjonament tad-diversi skemi fl-Istati Membri sabiex tittieħed deċiżjoni iktar infurmata dwar il-possibbiltà ta’ iktar armonizzazzjoni fi stadju iktar tard. F’dan l-isfond, ir-Regolament dwar l-FIC li ġie adottat fl-2011 talab lill-Kummissjoni tipprovdi dan ir-rapport dwar l-użu tad-diversi skemi u dwar l-impatt tagħhom u dwar ir-rakkomandabbiltà ta’ aktar armonizzazzjoni.

Minħabba li, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, ir-rati tal-piż żejjed u tal-obeżità qegħdin dejjem jiżdiedu, u minħabba li hemm piż sostanzjali tal-mard li jista’ jiġi attribwit għar-riskji marbutin mad-dieta 4 , l-interess mill-awtoritajiet pubbliċi fit-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett ilu jiżdied mill-adozzjoni tar-Regolament dwar l-FIC ’l hawn. Is-soltu, il-politika tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett ikollha żewġ objettivi, kif ġej: (1) li tingħata informazzjoni addizzjonali lill-konsumaturi biex ikunu jistgħu jagħżlu ikel li huwa aħjar għas-saħħa; u (2) li l-operaturi tan-negozji tal-ikel jitħeġġu jirriformulaw il-prodotti tagħhom biex joffru ikel li huwa aħjar għas-saħħa (Kanter et al., l-2018). Għalhekk, it-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett qed jitqies dejjem iktar bħala għodda biex jiġu appoġġati strateġiji 5 għall-prevenzjoni tal-obeżità u ta’ mard ieħor li ma jitteħidx li huwa marbut mad-dieta. Illum il-ġurnata fl-UE ġew żviluppati u implimentati bosta skemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett.

3.Il-qafas legali tal-UE dwar it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett

1.1.Forom addizzjonali ta’ espressjoni u ta’ preżentazzjoni skont ir-Regolament dwar l-FIC 

Ir-Regolament dwar l-FIC (fl-Artikolu 30(3) tiegħu) jippermetti li l-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, jiġifieri l-valur enerġetiku waħdu jew il-valur enerġetiku flimkien mal-ammonti ta’ xaħam, saturati, zokkor u melħ, tiġi ripetuta fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett fuq bażi volontarja. Skont l-Artikolu 35 tar-Regolament dwar l-FIC, forom addizzjonali ta’ espressjoni u/jew ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni (bħall-forom jew is-simboli grafiċi) jistgħu jintużaw mill-operaturi tan-negozji tal-ikel jew jiġu rrakkomandati mill-Istati Membri, dejjem jekk ikunu jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament.

Dawn il-kriterji jinkludu r-rekwiżiti li l-forom addizzjonali jkunu bbażati fuq riċerka tal-konsumatur serja u xjentifikament valida u li ma jkunux jiżgwidaw lill-konsumatur. Dawn il-forom għandhom ikunu r-riżultat ta’ konsultazzjoni ma’ firxa wiesgħa ta’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati, irid ikollhom l-għan li jiffaċilitaw il-fehim tal-konsumaturi tal-kontribut jew tal-importanza tal-ikel għall-kontenut tal-enerġija u tan-nutrijenti ta’ dieta, u għandhom ikunu appoġġati minn evidenza xjentifika li turi li l-konsumatur medju jifhimhom. Barra minn hekk, il-forom iridu jkunu oġġettivi u mhux diskriminatorji, u ma għandhomx joħolqu ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija. F’każ ta’ forom oħrajn ta’ espressjoni, dawn għandhom ikunu bbażati fuq il-konsum referenzjali armonizzat jew fuq il-parir xjentifiku aċċettat b’mod ġenerali dwar il-konsum.

L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-użu ta’ kull forma addizzjonali ta’ espressjoni u ta’ preżentazzjoni fit-territorju tagħhom u għandhom jibagħtu din l-informazzjoni lill-Kummissjoni. Biex jiġi ffaċilitat dan il-monitoraġġ, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-operaturi tan-negozji tal-ikel li jqiegħdu xi ikel li jkun fih din l-informazzjoni fis-suq fit-territorju tagħhom javżawhom dwar l-użu ta’ forom addizzjonali ta’ espressjoni u/jew ta’ preżentazzjoni u jagħtuhom il-ġustifikazzjonijiet rilevanti dwar l-issodisfar tar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

1.2.Skemi oħrajn ta’ tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett

Xi skemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li żviluppaw l-Istati Membri jew l-operaturi tan-negozji tal-ikel ma jidħlux fl-Artikolu 35 tar-Regolament dwar l-FIC billi ma jirrepetux eżattament l-informazzjoni pprovduta mid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, iżda jipprovdu informazzjoni dwar il-kwalità nutrizzjonali ġenerali tal-ikel (pereżempju permezz ta’ simbolu jew ta’ ittra). Dawn l-iskemi jitqiesu bħala “informazzjoni volontarja”, skont l-Artikolu 36 tar-Regolament dwar l-FIC, li ma għandhiex tqarraq bil-konsumaturi, li ma għandhiex tkun ambigwa jew toħloq konfużjoni għall-konsumaturi u li, meta jkun il-każ, għandha tkun ibbażata fuq id-data xjentifika rilevanti. Fl-istess ħin, meta skema bħal din tattribwixxi messaġġ pożittiv ġenerali (pereżempju permezz tal-kulur aħdar), hija tissodisfa wkoll id-definizzjoni legali ta’ “indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni” 6 billi tipprovdi informazzjoni dwar il-kwalità nutrizzjonali ta’ benefiċċju tal-ikel, kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel 7 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament dwar l-indikazzjonijiet”). Skont ir-Regolament dwar l-indikazzjonijiet, l-indikazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika, ma għandhomx iqarrqu bil-konsumaturi u għandhom ikunu permessi biss jekk il-konsumatur medju jista’ jkun mistenni jifhem l-effetti ta’ benefiċċju espressi fihom. L-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-indikazzjonijiet jistgħu jintużaw fit-territorju ta’ Stat Membru biss jekk dak l-Istat Membru jkun adottahom skont l-Artikolu 23 ta’ dak ir-Regolament, li jiddeskrivi l-proċedura ta’ notifika lill-Kummissjoni.

1.3.It-tfassil tal-profili nutrizzjonali

It-tfassil tal-profili nutrizzjonali huwa l-kategorizzazzjoni tal-ikel skont il-kompożizzjoni nutrizzjonali tiegħu bl-użu ta’ kriterji ddefiniti minn qabel 8 . Dan jintuża għal diversi affarijiet mad-dinja kollha, pereżempju biex tiġi rregolata l-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel għat-tfal. Użu komuni tat-tfassil tal-profili nutrizzjonali huwa wkoll fl-iskemi tat-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett. Ħafna mill-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett huma bbażati fuq kriterji tat-tfassil tal-profili nutrizzjonali li jistgħu jkunu valuri sempliċi ta’ limitu tan-nutrijenti, pereżempju biex jiġi ddefinit meta skema għandha tattribwixxi kulur aħdar, oranġjo jew aħmar, jew inkella algoritmi iktar kumplessi li jwasslu għal punteġġ ta’ sinteżi. Il-kriterji tat-tfassil tal-profili nutrizzjonali jistgħu jkunu japplikaw għall-gruppi tal-ikel kollha, jew inkella jkunu speċifiċi għal gruppi ta’ prodotti differenti. Il-kriterji tat-tfassil tal-profili nutrizzjonali ma jingħatawx fuq it-tikketti.

Fl-UE, il-kunċett tat-tfassil tal-profili nutrizzjonali jintuża wkoll fil-kuntest tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, fejn “il-profili nutrizzjonali” jinftehmu bħala valuri ta’ limitu tan-nutrijenti bħax-xaħam, il-melħ u z-zokkor li malli jinqabżu, jiġu ristretti jew ipprojbiti l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa, u b’hekk ma jkunx permess messaġġ pożittiv dwar is-saħħa fuq l-ikel li jkun fih ħafna minn dawn in-nutrijenti. Skont ir-Regolament dwar l-indikazzjonijiet, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi “profili nutrizzjonali” sal-2009, iżda dawn għadhom ma ġewx stabbiliti minħabba l-kontroversja kbira marbuta ma’ dan is-suġġett, li ntweriet mill-fehmiet differenti u polarizzati li ħarġu fl-2009 meta l-Kummissjoni ppruvat tistabbilixxi dawn il-profili. Evalwazzjoni tar-Regolament dwar l-indikazzjonijiet qed tiffoka, fost l-oħrajn, fuq it-tfassil tal-profili nutrizzjonali u b’mod aktar speċifiku fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li jiġu stabbiliti “profili nutrizzjonali” li jkollhom l-għan li jevitaw indikazzjonijiet attraenti fuq l-ikel li jkun fih wisq melħ jew xaħam jew li jkun fih iz-zokkor għadux jilħaq l-iskop tiegħu, jew jekk tistax tiġi prevista xi alternattiva biex jintlaħqu l-istess objettivi.

4.L-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett implimentati jew żviluppati fil-livell tal-UE 

1.4.Formati differenti tal-iskemi ta’ tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett

Fit-tmeninijiet, xi gvernijiet bdew jiżviluppaw tikketti dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett fil-kuntest tal-istrateġiji għall-prevenzjoni tal-obeżità u ta’ mard ieħor li ma jitteħidx li huwa marbut mad-dieta. Fl-ewwel snin tas-seklu wieħed u għoxrin, b’mod konkomitanti mal-epidemija globali tal-obeżità li kienet qed tfeġġ u mal-abbundanza akbar tal-ikel ipproċessat fis-suq, l-għadd ta’ inizjattivi marbutin mat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett żdied b’mod kostanti (Kanter et al., l-2018). It-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett ġie implimentat b’ħafna modi differenti, u dal-ħin hemm diversi formati li qed jintużaw madwar id-dinja. Fil-letteratura ġew ippreżentati diversi tipoloġiji biex dawn il-formati jiġu kklassifikati f’kategoriji skont il-karatteristiċi ewlenin tagħhom.

L-iskemi jistgħu jinqasmu fi skemi “speċifiċi għan-nutrijenti”, li jipprovdu informazzjoni nutrizzjonali bejn wieħed u ieħor iddettaljata dwar nutrijenti speċifiċi, u skemi ta’ “indikaturi ta’ sinteżi” li minflok jipprovdu apprezzament sintetiku tal-kwalità nutrizzjonali ġenerali tal-prodott jew ta’ kemm hu tajjeb għas-saħħa b’mod ġenerali (Savoie et al., l-2013). Il-kategorija tal-iskemi “speċifiċi għan-nutrijenti” tista’ terġa’ tinqasam fis-sottokategoriji tal-iskemi “numeriċi” u dawk “ikkodifikati bil-kulur”. L-iskemi tal-“indikaturi ta’ sinteżi” jistgħu jerġgħu jinqasmu f’dawk b’indikaturi “pożittivi” (b’logos ta’ approvazzjoni) li jistgħu jiġu applikati biss fuq oġġetti tal-ikel li jikkonformaw ma’ ċerti kriterji tan-nutrizzjoni, u f’dawk b’indikaturi “kklassifikati” li jipprovdu informazzjoni globali u kklassifikata dwar il-kwalità nutrizzjonali tal-ikel u li jistgħu jiġu applikati fuq l-oġġetti kollha tal-ikel (Julia u Hercberg, l-2017).

Tipoloġija oħra hija marbuta ma’ kemm hi diretta l-iskema, jiġifieri sa liema punt it-tikketta tipprovdi indikazzjoni diretta ta’ jekk il-prodott huwiex tajjeb għall-konsumaturi mil-lat tan-nutrizzjoni jew le (Hodgkins et al., l-2012). Klassifikazzjoni oħra tinkludi żewġ kategoriji, dik tal-iskemi “ta’ informazzjoni mnaqqsa” (li jagħtu verżjoni mnaqqsa tal-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni mogħtija fuq in-naħa ta’ wara tal-pakkett) u dik tal-iskemi “evalwattivi” (li jevalwaw l-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni għall-konsumatur) (Newman et al., l-2014). Skont id-definizzjoni tagħhom, l-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li jkunu evalwattivi, kemm jekk ikunu skemi speċifiċi għan-nutrijenti kif ukoll jekk ikunu skemi tal-indikaturi ta’ sinteżi, huma bbażati fuq il-mudelli tat-tfassil tal-profili nutrizzjonali.

It-Tabella 1 tikklassifika l-iskemi pubbliċi (implimentati jew proposti) u xi wħud mill-iskemi privati skont it-tipoloġiji differenti, u tipprovdi wkoll informazzjoni dwar min żviluppahom u dwar fejn qed jintużaw jew fejn ġew proposti jew imħabbra.

1.5.L-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li l-Istati Membri u r-Renju Unit approvaw jew qed iqisu 9

Tikketti ta’ sinteżi — logos pożittivi

Il-logo imsejjaħ “Keyhole”, li żviluppatu l-Aġenzija Nazzjonali tal-Ikel tal-Iżvezja u li ddaħħal fl-Iżvezja fl-1989, kien l-ewwel sistema ta’ logo fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li ġiet implimentata fl-UE. Il-logo imsejjaħ “Keyhole” huwa tikketta volontarja mingħajr ħlas fl-għamla ta’ rappreżentazzjoni simbolika ħadra li tidentifika l-għażla li hija aħjar għas-saħħa fi 33 grupp tal-ikel iddefiniti (pereżempju l-ħobż, il-ġobon u l-ikliet lesti), abbażi ta’ kriterji tan-nutrizzjoni bħal-livell ta’ xaħam, ta’ zokkor, ta’ melħ, ta’ ċereali integrali jew ta’ fibra. Il-logo ma jistax jintuża fuq prodotti li jkollhom valur nutrizzjonali baxx, bħall-ikliet ħfief mielħa jew is-soft drinks. Id-Danimarka u l-Litwanja introduċew it-tikketta tal-logo imsejjaħ “Keyhole” fl-2009 u fl-2013 rispettivament. It-tikketta adottawha wkoll pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE (bħan-Norveġja u l-Iżlanda).

It-Tabella 1 — It-tipoloġiji u l-formati tal-iskemi tat-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett implimentati, proposti jew imħabbra fil-livell tal-Istati Membri u tar-Renju Unit

Tassonomiji ppreżentati fil-letteratura

Eżempji tal-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett

Min żviluppa l-iskema

L-Istat Membru tal-UE

Tikketti speċifiċi għan-nutrijenti

Numeriċi

Mhux diretti

Ta’ informazzjoni mnaqqsa (mhux interpretattivi)

It-tikketta tal-konsum referenzjali

Żviluppatur privat

L-UE kollha

L-iskema msejħa “NutrInform Battery”

Żviluppatur pubbliku

L-Italja

Ikkodifikati bil-kulur

Nofshom diretti

Evalwattivi (interpretattivi)

It-tikketta fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett tar-Renju Unit

Żviluppatur pubbliku

Ir-Renju Unit

Tikketti oħrajn b’simboli li jixbhu lis-sinjali tat-traffiku

Żviluppatur privat (il-bejjiegħa bl-imnut)

Il-Portugall u Spanja

Tikketti ta’ sinteżi

Logos pożittivi (ta’ approvazzjoni)

Diretti

Evalwattivi (interpretattivi)

Il-logo imsejjaħ “Keyhole”

Żviluppatur pubbliku

L-Iżvezja, id-Danimarka u l-Litwanja

Logos li juru qalb jew logos marbutin mas-saħħa

Organizzazzjoni mhux governattiva

Żviluppatur pubbliku

Il-Finlandja u s-Slovenja

Il-Kroazja

L-iskema ta’ għażla tajba għas-saħħa

Żviluppatur privat

Iċ-Ċekja u l-Polonja

Skema eliminata b’mod gradwali fin-Netherlands

Indikaturi kklassifikati

L-iskema msejħa “Nutri-Score”

Żviluppatur pubbliku

Franza, il-Belġju,

Spanja, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Lussemburgu

Il-Finlandja approvat is-“simbolu tal-qalb li juri għażla aħjar” fis-sena 2000. Il-kriterji biex jintuża s-simbolu (il-kontenut ta’ xaħam, ta’ melħ, ta’ zokkor u/jew ta’ fibra) huma ddefiniti għal disa’ gruppi tal-ikel ewlenin. Id-dritt li tintuża t-tikketta jagħtuh esperti maħturin mill-Assoċjazzjonijiet tal-Qalb u tad-Dijabete tal-Finlandja u għalih trid titħallas tariffa 10 .

Fis-Slovenja, fl-1992 is-Soċjetà tas-Saħħa Kardjovaskulari daħħlet il-logo imsejjaħ “Protective Food” (Ikel Protettiv) (li jissejjaħ ukoll “Little Heart” (Qalb Żgħira)) 11 u l-gvern ippromwovih (Miklavec et al., l-2016). Dan japplika għall-ikel ippakkjat bil-lest li jissodisfa kriterji speċifikati tan-nutrizzjoni.

Bħala parti mill-programm nazzjonali tal-2015 imsejjaħ “Għajxien b’saħħtu”, l-Istitut għas-Saħħa Pubblika tal-Kroazja 12 ngħata l-mandat li jagħti d-dritt li jintuża l-logo imsejjaħ “Healthy Living” (Għajxien b’saħħtu) fuq l-ikel li jkun jissodisfa ċerti kriterji speċifiċi tan-nutrizzjoni 13 .

Tikketti ta’ sinteżi — indikaturi kklassifikati

F’Ottubru tal-2017, Franza adottat l-iskema msejħa “Nutri-Score” wara sensiela ta’ studji sperimentali fuq skala kbira. L-iskema msejħa “Nutri-Score”, li hija bbażata fuq il-mudell ta’ tfassil tal-profili nutrizzjonali tal-Aġenzija tal-Istandards tal-Ikel tar-Renju Unit, tindika l-kwalità nutrizzjonali ġenerali ta’ oġġett tal-ikel partikulari. It-tabella hija rrappreżentata minn skala ta’ ħames kuluri, li jvarjaw minn aħdar skur li jindika l-oġġetti tal-ikel bl-ogħla kwalità nutrizzjonali sa oranġjo skur li jindika prodotti bi kwalità nutrizzjonali iktar baxxa, li huma assoċjati mal-ittri minn A sa E. L-algoritmu biex jiġi kkalkulat il-punteġġ nutrizzjonali jqis kemm l-elementi negattivi (iz-zokkor, ix-xaħmijiet saturati, il-melħ u l-kaloriji), kif ukoll dawk pożittivi (il-proteini, il-fibra, il-frott, il-ħaxix, il-legumi u l-ġewż). Il-Belġju wkoll adotta l-iskema msejħa “Nutri-Score” (f’Marzu tal-2019). F’Marzu tal-2020, il-Ġermanja għarrfet lill-Kummissjoni b’abbozz tar-regolament nazzjonali dwar l-użu tal-iskema msejħa “Nutri-Score”. Spanja 14 , in-Netherlands 15 u l-Lussemburgu 16 ħabbru (f’Novembru tal-2018, f’Novembru tal-2019 u fi Frar tal-2020 rispettivament) li ddeċidew li jadottaw din l-iskema.

Tikketti speċifiċi għan-nutrijenti

F’Jannar tal-2020, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni b’abbozz ta’ Digriet li jirrakkomanda l-użu tal-iskema volontarja ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett imsejħa “NutrInform Battery”. Din l-iskema hija bbażata fuq it-tikketta tal-konsum referenzjali (deskritta hawn taħt), b’simbolu ta’ batterija miżjud magħha li jindika l-ammont tal-enerġija u tan-nutrijenti li jkun hemm f’ikla waħda bħala perċentwal tal-konsum ta’ kuljum. L-iskema s’issa mhix qed tintuża fis-suq tal-UE.

Fl-2013, wara bosta snin ta’ riċerka u ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, ir-Renju Unit daħħal b’mod formali skema volontarja ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett — l-hekk imsejħa “skema tas-sinjali tat-traffiku”. Din l-iskema tikkombina l-kodifikazzjoni bil-kulur u l-perċentwali tal-konsum referenzjali 17 u hija appoġġata minn gwida li adottaw l-awtoritajiet tar-Renju Unit 18 . Hija tipprovdi informazzjoni dwar il-kontenut ta’ xaħam, ta’ xaħam saturat, ta’ zokkor u ta’ melħ, u dwar il-valur enerġetiku għal kull ikla jew għal kull porzjon tal-ikel. Hija tuża l-kuluri biex tikklassifika n-nutrijenti bħala ta’ livell “baxx” “medju” jew “għoli” (permezz tal-kulur aħdar, ambra u aħmar rispettivament); u l-valuri ta’ limitu tal-kuluri jissejsu fuq 100 gramma ta’ ikel jew millilitru ta’ xorb(u għall-prodotti li jinbiegħu f’porzjonijiet kbar, japplikaw valuri ta’ limitu għall-porzjonijiet għall-kulur aħmar).

1.6.Skemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li żviluppaw operaturi privati tal-UE

Tikketti speċifiċi għan-nutrijenti

B’mod parallel għall-iskemi approvati mill-gvern, l-assoċjazzjoni tal-industrija Ewropea tal-ikel u tax-xorb żviluppat l-iskema tal-Gwida tal-Ammonti ta’ Kuljum, li aktar tard bdiet tissejjaħ it-tikketta tal-konsum referenzjali, li ddaħħlet fl-2006. Din it-tikketta tipprovdi informazzjoni numerika dwar kemm hemm enerġija u nutrijenti f’porzjon tal-ikel, u kemm dan jirrappreżenta bħala perċentwal tal-konsum referenzjali ta’ kuljum 19 . L-iskema tintuża madwar l-UE (Storcksdieck genannt Bonsmann et al., l-2010).

Xi bejjiegħa bl-imnut (pereżempju fil-Portugall u fi Spanja) żviluppaw it-tikketta dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett tagħhom stess abbażi ta’ format tas-sinjali tat-traffiku li jżid il-kuluri mat-tikketta tal-konsum referenzjali.

Fl-2017, sitt kumpaniji multinazzjonali tal-ikel u tax-xorb żviluppaw it-“Tikketta dwar in-nutrizzjoni żviluppata aktar”, li tissejjes fuq it-tikketta tal-konsum referenzjali u żżid kuluri simili għal dawk użati fl-iskema ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett tar-Renju Unit, iżda li hija inqas stretta fl-użu tal-kulur ambra u aħmar fil-każ tal-prodotti li jitqiesu bħala prodotti li jittieklu f’porzjonijiet żgħar 20 . F’Novembru tal-2018, dawn il-kumpaniji qalu li huma kienu ddeċidew li jissospendu jew li jwaqqfu l-provi tat-tikketta dwar in-nutrizzjoni żviluppata aktar għall-oġġetti tal-ikel.

Tikketti ta’ sinteżi — logos pożittivi

Il-logo tal-“Għażla tajba għas-saħħa” (li huwa logo fil-forma ta’ marka), li huwa tal-fondazzjoni internazzjonali msejħa “Choices International Foundation”, jidentifika għażliet aħjar għas-saħħa fil-gruppi tal-ikel. Il-kriterji speċifiċi għall-kategorija huma bbażati fuq il-livelli tal-aċidi xaħmin saturati u trans, taz-zokkor miżjud, tal-melħ, tal-fibra u/jew tal-enerġija. Il-kriterji japplikaw għall-oġġetti kollha tal-ikel, inklużi l-ikliet ħfief u s-soft drinks. Il-kumpaniji li jħallsu miżata tas-sħubija lill-organizzazzjoni nazzjonali tal-fondazzjoni msejħa “Choices” jistgħu jużaw il-logo fuq il-prodotti eliġibbli. L-iskema tintuża fir-Repubblika Ċeka u fil-Polonja. Il-gvern tan-Netherlands approva l-logo fl-2013, iżda rtirah fl-2017 21 .



5.Is-sitwazzjoni fil-livell internazzjonali 

Dal-ħin, aktar minn 40 pajjiż madwar id-dinja qed jużaw xi tip ta’ skema ta’ tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakketti tal-ikel 22 .

Filwaqt li ħafna mill-pajjiżi terzi daħħlu tikketti dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett fuq bażi volontarja, xi pajjiżi għamlu t-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett obbligatorji. B’mod ġenerali, hemm tendenza li l-pajjiżi li jkunu fl-istess reġjun ġeografiku jagħżlu tikketti simili, filwaqt li jadattaw ċerti aspetti tagħhom għaċ-ċirkustanzi nazzjonali 23 .

Minbarra r-Renju Unit, il-format tas-sinjali tat-traffiku speċifiċi għan-nutrijenti daħħluh biss ftit pajjiżi fuq bażi volontarja jew obbligatorja (bħall-Korea t’Isfel u l-Ekwador rispettivament). L-Indja wkoll qed tqis l-użu ta’ tikketta obbligatorja 24 .

Għadd ta’ pajjiżi Ażjatiċi (bħall-Malasja, Singapore u t-Tajlandja) qed jużaw logos pożittivi tal-għażla tajba għas-saħħa b’formati u kriterji differenti (li xi wħud minnhom huma bbażati fuq il-kriterji tal-fondazzjoni msejħa “Choices International”). Xi pajjiżi Afrikani (bħan-Niġerja u ż-Żimbabwe) wkoll daħħlu logos tal-għażla tajba għas-saħħa.

L-iskema kklassifikata msejħa “Health Star Rating” hija implimentata fl-Awstralja u fi New Zealand u hija skema volontarja ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li tagħti lill-prodotti nofs stilla sa ħames stilel, skont kemm ikunu tajbin għas-saħħa — ħaġa li hija ddefinita min-nutrijenti pożittivi u negattivi li jkun fihom u minn komponenti oħrajn.

Is-sistema ta’ twissija taċ-Ċilì, li ddaħħlet fl-2016, hija skema obbligatorja bbażata fuq in-nutrijenti li turi l-prodotti li għandhom livelli għoljin ta’ enerġija, ta’ zokkor, ta’ xaħam saturat u/jew ta’ sodju. Xi pajjiżi oħra tal-Amerka t’Isfel (bħall-Brażil, il-Perù u l-Urugwaj) kif ukoll il-Kanada u Iżrael żviluppaw, jew qed jiżviluppaw, skemi ta’ twissija simili.

Fil-livell internazzjonali, l-industrija tal-ikel u tax-xorb żviluppat varjanti differenti tal-iskema tal-konsum referenzjali speċifika għan-nutrijenti li jintużaw b’mod wiesa’ minn kumpaniji madwar id-dinja kollha.

L-Illustrazzjoni nru 1 turi xi eżempji ta’ tikketti li jintużaw fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakketti tal-ikel ’il barra mill-UE.

L-Illustrazzjoni nru 1 — Eżempji ta’ skemi li jintużaw fil-livell internazzjonali

Il-Linji Gwida tal-Codex Alimentarius dwar it-Tikkettar dwar in-Nutrizzjoni 25 jipprovdu biss gwida limitata dwar it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, billi din hija forma ta’ “informazzjoni supplimentari dwar in-nutrizzjoni”. Il-linji gwida jistipulaw li din it-tip ta’ informazzjoni dwar in-nutrizzjoni għandu jkollha l-għan li żżid il-fehim tal-konsumaturi tal-valur nutrizzjonali tal-ikel u li tgħinhom jinterpretaw id-dikjarazzjoni dwar in-nutrijenti. Fil-livell internazzjonali ma jeżistux linji gwida speċifiċi dwar l-aħjar prattiki b’rabta mat-tikketti dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, u ġew żviluppati diversi tikketti. Billi l-proliferazzjoni tat-tikketti tista’ toħloq problemi għall-kummerċ internazzjonali, f’Ottubru tal-2017 il-Kumitat Codex dwar it-Tikkettar tal-Ikel qabel li jibda ħidma ġdida biex jiżviluppa linji gwida dwar is-sistemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett għall-gvernijiet li jixtiequ jimplimentaw dan it-tip ta’ tikkettar, li se jgħin biex jiġu armonizzati s-sistemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett u b’hekk jiffaċilita l-kummerċ internazzjonali 26 . Din il-ħidma għadha għaddejja 27 .

6.Interess, fehim u reazzjoni tal-konsumaturi u impatt fuq is-saħħa

Wieħed mill-objettivi importanti tal-politika dwar it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett huwa li l-konsumaturi jiġu megħjuna jagħmlu għażliet tal-ikel li jkunu aħjar għas-saħħa (Kanter et al., l-2018). Ħafna mill-konsumaturi jgħidu, fil-fatt, li huma jsibu t-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett utli (pereżempju 71 % mill-konsumaturi li wieġbu stħarriġ fin-Netherlands 28 u 78 % mill-konsumaturi li wieġbu stħarriġ fil-Ġermanja 29 qalu dan). L-evidenza tissuġġerixxi li t-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jimlew nuqqas ta’ informazzjoni li jkollhom il-konsumaturi jew jissodisfaw xi ħtieġa mhux issodisfata tagħhom, u li x’aktarx li l-persuni li jkunu ikbar fl-età u dawk b’piż żejjed jew li huma obeżi iktar jgħidu li hemm bżonn ta’ tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett (iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-2020).

Madankollu, jekk in-nies jibdlux verament l-imġiba tagħhom waqt ix-xiri minħabba li jkun hemm tikketta fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jew le jiddependi fuq diversi fatturi. Biex tkun effettiva, tikketta fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett trid tattira l-attenzjoni tal-konsumaturi u mbagħad tiġi aċċettata u tinftiehem minnhom qabel ma tkun tista’ potenzjalment tinfluwenza l-għażliet tal-ikel tagħhom (Grunert u Wills, l-2007) u b’hekk tinfluwenza wkoll id-dieta tagħhom u saħħithom.

L-attenzjoni tal-konsumaturi

Qabel ma jkunu jistgħu jaċċettaw u jifhmu tikketta fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, il-konsumaturi l-ewwel nett iridu jagħtu kasha. Intwera li t-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jingħataw iktar attenzjoni milli dawk li jkunu fuq wara tal-pakkett (Becker et al., l-2015). Għadd kbir ħafna ta’ konsumaturi jiddikjaraw li jħarsu lejn it-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett (pereżempju 60 % fi studju fost il-konsumaturi Belġjani (Möser et al., l-2010)) iżda huwa magħruf sew mil-letteratura li l-konsumaturi stess jirrappurtaw użu ogħla tat-tikketti milli ġie konkluż abbażi ta’ studji ta’ osservazzjoni fil-ħwienet (Grunert et al., l-2010).

Bosta karatteristiċi ewlenin jistgħu jżidu l-attenzjoni li tingħata lit-tikketti dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett. Daqs akbar tat-tikketta jgħin biex tinġibed l-attenzjoni aktar malajr. Tingħata iktar attenzjoni wkoll jekk ikun hemm inqas informazzjoni oħra fuq il-pakkett tal-ikel u meta t-tip ta’ tikketta u fejn tkun fuq il-pakkett ma jinbidlux. Jidher li l-kulur iżid l-attenzjoni, dment li jkun hemm kuntrast bejn it-tikketta u l-pakkett. Minbarra l-karatteristiċi speċifiċi tat-tikketta, jidher li l-attenzjoni li tingħata lit-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett tiddependi wkoll fuq xi karatteristiċi tal-konsumaturi, bħall-età tagħhom, il-livell ta’ edukazzjoni tagħhom u kemm huma mmotivati jibqgħu b’saħħithom. Meta jkun hemm sinjali fir-ringieli tas-supermarkits jew meta jingħata fuljett ta’ informazzjoni tista’ tiżdied ferm l-attenzjoni li tingħata. (iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-2020).

L-aċċettazzjoni min-naħa tal-konsumaturi

Jekk il-konsumatur ma jaċċettax it-tikketti, anke jekk jinnutahom se jinjora l-messaġġ li jkun fihom. Jidher li kemm tkun attraenti t-tikketta u kemm tintogħġob huma aspetti importanti għal kemm tiġi aċċettata (Ducrot et al., l-2015a).

B’mod ġenerali, il-konsumaturi jippreferu t-tikketti li ftit li xejn ikollhom kontenut numeriku u li fihom ikun hemm l-istampi u s-simboli (Campos et al., l-2011) — dan jgħodd b’mod partikulari għall-konsumaturi ta’ status soċjoekonomiku iktar baxx (Méjean et al., l-2013). Il-kulur ukoll huwa identifikat b’mod ċar bħala karatteristika rilevanti (Babio et al., l-2014). Kemm tkun diretta l-iskema ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett huwa importanti wkoll — xi konsumaturi jogħġbuhom it-tikketti diretti minħabba li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiddeċiedu malajr, iżda xi oħrajn jaf jirreaġixxu ħażin meta jingħataw informazzjoni li xi ħaġa hija “tajba għas-saħħa” mingħajr ma jingħataw informazzjoni nutrizzjonali ddettaljata b’rabta ma’ dan (Grunert u Wills, l-2007; Hodgkins et al., l-2012). Għalhekk, xi riċerkaturi jissuġġerixxu li skema li fiha jintużaw kemm elementi diretti u kemm elementi mhux diretti tista’ tkun format effettiv (Hodgkins et al., l-2012).

Aspett ieħor li huwa importanti għal kemm skema tiġi aċċettata huwa l-fiduċja. L-istudji juru li jekk istituzzjoni kredibbli tapprova logo, il-konsumaturi jkollhom iktar fiduċja fih u jaċċettawh iktar (De la Cruz-Góngora et al., l-2017).

F’termini ta’ kemm jiġu aċċettati l-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, mil-letteratura ma joħroġ l-ebda rebbieħ ċar. Minflok, studji differenti juru preferenza għal skemi differenti, forsi minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tat-tikketti li jkunu qed jiġu studjati jew minħabba differenzi kulturali (iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-2020).

Il-letteratura rilevanti turi li l-fatt li tikketta tkun l-iktar waħda ppreferuta ma jfissirx li din tkun twassal għall-iktar fehim oġġettiv min-naħa tal-konsumaturi u li din tkun tgħinhom l-iktar biex jidentifikaw l-għażliet li jkunu aħjar għas-saħħa (Ducrot et al., l-2015b; Gregori et al., l-2014).

Il-fehim tal-konsumaturi

Mil-letteratura joħroġ biċ-ċar li, f’ambjent sperimentali, ħafna mit-tikketti dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett għandhom effett pożittiv fuq il-kapaċità tal-konsumaturi li jidentifikaw l-għażla li tkun aħjar għas-saħħa, meta mqabbla ma’ sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda tikketta (pereżempju mill-istudji ta’ Cecchini u Warin tal-2016, ta’ Roseman et al. tal-2018 u ta’ Hawley et al. tal-2013). Il-biċċa l-kbira mill-istudji jissuġġerixxu li l-iskemi evalwattivi li jużaw il-kodifikazzjoni bil-kulur, b’mod speċjali l-kodifikazzjoni bil-kulur ikkombinata ma’ indikatur ikklassifikat skont studju internazzjonali reċenti (Egnell et al., l-2018c), huma dawk li jgħinu l-iktar lill-konsumaturi ta’ diversi etajiet li ġejjin minn status soċjoekonomiku differenti u minn kulturi differenti biex jidentifikaw il-prodotti li huma aħjar għas-saħħa (iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-2020; Egnell et al., l-2018a; Ducrot et al., l-2015a).

Meta jintużaw tikketti speċifiċi għan-nutrijenti kkodifikati bil-kulur biex tittieħed deċiżjoni dwar kemm l-ikel differenti huwa tajjeb għas-saħħa, jidher li l-konsumaturi jqisuha iktar importanti li jevitaw il-kulur aħmar milli li jagħżlu l-kulur aħdar (Scarborough et al., l-2015). Jidher li l-iskemi evalwattivi jgħinu lill-konsumaturi jevalwaw kemm il-prodotti huma tajbin għas-saħħa iktar mill-iskemi ta’ informazzjoni mnaqqsa (iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-2020), u jidher li dawn huma iktar effettivi mit-tikketti b’informazzjoni mnaqqsa meta l-konsumaturi jkollhom bżonn iqabblu prodotti li ma jistgħux jitqabblu faċilment (Newman et al., l-2018).

Impatt fuq l-imġiba waqt ix-xiri

Minkejja l-istudji estensivi u l-evidenza li l-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett iżidu l-fehim tal-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni, huma ħafna iktar rari l-istudji xjentifiċi li fil-fatt jittestjaw jekk it-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jaffettwawx id-deċiżjonijiet tax-xiri tal-ikel tal-konsumaturi jew le. Ħafna mill-istudji għandhom x’jaqsmu ma’ stħarriġ jew ma’ esperimenti li janalizzaw l-intenzjoni tax-xiri minħabba li jkun hemm tikketta fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett iktar milli lejn x’jiġri fir-realtà waqt ix-xiri f’sitwazzjonijiet reali 30 .

L-istudji li janalizzaw l-intenzjoni tax-xiri juru li t-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jistgħu jtejbu l-kwalità nutrizzjonali tal-għażliet tal-ikel u tax-xirjiet (iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-2020). L-istudji sperimentali komparattivi jipprovdu informazzjoni ddettaljata dwar l-effettività relattiva tat-tikketti differenti fuq l-imġiba waqt ix-xiri, iżda ftit ħafna minn dawn l-istudji jinkludu tqabbil bejn il-pajjiżi u janalizzaw l-effett tad-differenzi kulturali. Ir-riżultati preliminari minn studju internazzjonali 31 juru li minn ħames tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li ġew ittestjati 32 , it-tikketti tal-iskema msejħa “Nutri-Score” u dawk b’simboli li jixbhu lis-sinjali tat-traffiku wasslu għat-titjib l-iktar frekwenti u l-iktar sinifikanti fl-għażliet tal-konsumaturi favur ikel li huwa aħjar għas-saħħa fil-pajjiżi differenti.

Ftit li xejn jeżistu studji dwar l-imġiba waqt ix-xiri fil-ħajja reali, u mhuwiex faċli li wieħed jikseb evidenza dwar l-effett fuq l-imġiba waqt ix-xiri fir-realtà (iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-2020). Waħda mir-raġunijiet għal dan jaf tkun li d-deċiżjonijiet tax-xiri huma influwenzati minn bosta fatturi lil hinn mit-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, fosthom mill-prezz (pereżempju mill-iskontijiet), mit-togħma mistennija, mid-drawwiet, eċċ. (ara, pereżempju, l-istudji ta’ Grunert et al. tal-2010 u ta’ Boztuğ et al. tal-2015). Xi studji fil-ħajja reali jikkonfermaw li l-iskemi evalwattivi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jistgħu jtejbu l-kwalità nutrizzjonali tal-għażliet tal-ikel, u l-iskemi li jużaw il-kodifikazzjoni bil-kulur u/jew il-kodifikazzjoni bil-kulur flimkien ma’ indikatur ikklassifikat jidhru li huma l-iktar promettenti b’rabta ma’ dan (iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-2020). Diversi studji juru wkoll li l-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jista’ jkollhom effett sostanzjali jekk isiru kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u/jew ta’ komunikazzjoni meta jiddaħħlu (ara, pereżempju, l-istudji ta’ Graham et al. tal-2017 u ta’ Julia et al. tal-2016).

Hemm ukoll evidenza li turi li l-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett huma effettivi biex jappoġġaw il-konsumaturi li huma “mmotivati”, jiġifieri l-konsumaturi li huma konxji minn saħħithom (ara, pereżempju, l-istudji ta’ Finkelstein et al. tal-2018 u ta’ Ni Mhurchu et al. tal-2018). It-tip ta’ skema ta’ tikkettar tista’ tinfluwenza l-effett fuq l-imġiba waqt ix-xiri skont it-tip ta’ konsumatur — jidher li t-tikketti evalwattivi huma iktar effettivi fuq il-konsumaturi li huma mmotivati mill-edoniżmu, filwaqt li l-iskemi ta’ informazzjoni mnaqqsa jistgħu jkunu iktar effettivi fuq il-konsumaturi li huma mmotivati mis-saħħa (Hamlin, l-2015; Sanjari et al., l-2017).

Jidher li l-kategorija tal-ikel ukoll taffettwa l-effettività tat-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett (Ni Mhurchu et al., l-2018; Nikolova u Inman, l-2014). Pereżempju, huwa inqas probabbli li l-konsumaturi jaqraw it-tikketti fuq l-ikel “li mhux tajjeb għas-saħħa”, minħabba li meta jixtru dan l-ikel huma jkunu jridu jgawduh u jevitaw l-informazzjoni li tiskuraġġihom milli jagħmlu dan (Talati et al., l-2016). L-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jista’ jkollhom ukoll xi effetti mhux mistennija fuq ix-xirjiet. Xi studji identifikaw bidla fl-imġiba waqt ix-xiri minħabba l-preżenza ta’ tikketta fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, iżda mingħajr assoċjazzjoni mal-indikazzjoni li tagħti l-iskema dwar kemm l-ikel ikun tajjeb għas-saħħa (Sacks et al., l-2009; Hamlin, l-2015; Hamlin u McNeill, l-2016).

Impatt fuq id-dieta u fuq is-saħħa

Biex isir kejl dirett ta’ jekk l-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett itejbux id-dieta u s-saħħa tal-konsumaturi fir-realtà jew le, jeħtieġ jiġu osservati l-għażliet tal-ikel tagħhom ta’ kuljum fit-tul u jiġi vvalutat l-effett tal-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett fuq is-saħħa fi prova kkontrollata aleatorja tul is-snin. Minħabba d-diffikultà biex jiġu stabbiliti studji bħal dawn u biex jingħataw provi tal-kawżalità, m’hemmx biżżejjed evidenza empirika biex jinsiltu konklużjonijiet dwar l-impatt tal-użu ta’ tikketta fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett fuq kemm id-dieti jkunu tajbin għas-saħħa u fuq is-saħħa nnifisha (Cecchini u Warin, l-2016; Hersey et al., l-2013; Crocket et al., l-2018).

Minflok, ir-riċerkaturi jużaw approċċi ta’ mmudellar biex jestrapolaw l-effetti fuq l-imġiba waqt ix-xiri għad-dieta ġenerali u għall-eżiti tas-saħħa marbutin mad-dieta (iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-2020). Xenarji mmudellati tas-sostituzzjoni tal-ikel li jittiekel ħafna b’għażliet li jkunu aħjar għas-saħħa, kif identifikati mit-tikketti evalwattivi fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett (abbażi ta’ mudelli ta’ tfassil tal-profili nutrizzjonali), jindikaw tnaqqis potenzjali fil-konsum ta’ kaloriji u ta’ nutrijenti li huma ta’ tħassib għas-saħħa pubblika (ara, pereżempju, l-istudji ta’ Amcoff et al. tal-2015, ta’ Roodenburg et al. tal-2013 u ta’ Cecchini u Warin tal-2016).

Xi studji li janalizzaw l-assoċjazzjonijiet bejn il-kwalità tad-dieti (tal-voluntiera) u l-mard marbut man-nutrizzjoni jissuġġerixxu li l-kwalità tad-dieta, evalwata permezz tal-indiċi dijetetiku li fuqu tissejjes l-iskema msejħa “Nutri-Score”, hija assoċjata ma’ riskju iktar baxx ta’ mard kardjovaskulari (Adriouch et al., l-2016 u l-2017), ta’ kanċer (Deschasaux et al., l-2018) u ta’ piż żejjed (Julia et al., l-2015). Minn studju ieħor li kien jittratta ħames tikketti differenti li jintużaw fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett ħareġ li t-tikketti dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett għandhom il-potenzjal jgħinu biex tonqos il-mortalità mill-mard li ma jitteħidx li huwa marbut mad-dieta, u nstab li dawn l-effetti kienu jiddependu fuq it-tip ta’ tikketta ttestjata u li t-tikketta tal-iskema msejħa “Nutri-Score” donnha kienet l-iktar waħda effiċjenti f’dan ir-rigward (Egnell et al., l-2019).

Il-letteratura tindika wkoll xi effetti potenzjali mhux mistennija tat-tikkettar fuq id-dieta. Pereżempju, meta dak li jkun iqis xi oġġett partikulari tal-ikel bħala oġġett tal-ikel li huwa tajjeb għas-saħħa, jaf jiekol iktar minnu minħabba li jħossu inqas ħati li qed jieklu (Chandon u Wansink, l-2007) u jekk tikketta fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett ma tkunx tindika li dak l-oġġett tal-ikel ikun tajjeb għas-saħħa b’mod limitat, dak l-oġġett tal-ikel jaf jispiċċa jittiekel f’porzjonijiet kbar iżżejjed (Egnell et al., l-2018b).

Effetti oħrajn fuq il-konsumatur

Xi studji wrew li l-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jistgħu jżidu r-rieda tal-konsumaturi li jħallsu għal prodotti li jkunu aħjar għas-saħħa (iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-2020). Skont l-istudju ta’ Crosetto et al. tal-2018, it-titjib nutrizzjonali tax-xirjiet waqt ix-xiri ta’ prodotti li jkollhom tikketti li juru li huma aħjar għas-saħħa jaf iwassal għal spiża ekonomika, iżda jidher li l-familji bi dħul baxx huma dawk li jiġu affettwati l-inqas f’termini tal-ispiża tat-titjib nutrizzjonali tax-xirjiet.

Il-konfużjoni tal-konsumaturi u t-telf tal-fiduċja huma aspett ieħor li wieħed għandu jqis. L-analiżijiet tal-letteratura juru kemm il-konfużjoni tal-konsumaturi dwar l-iskemi tat-tikkettar issarraf f’ostaklu ewlieni għall-adozzjoni u għall-użu effettiv tagħhom (Cowburn u Stockley, l-2005; Grunert u Wills, l-2007). Il-konfużjoni tal-konsumaturi tista’ tiżdied minħabba li fis-suq jintużaw għadd ta’ tikketti b’formati differenti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett fl-istess ħin (Harbaugh et al., l-2011; Draper et al., l-2013; Malam et al., l-2009). Tista’ tinħoloq konfużjoni wkoll minħabba l-fatt li, abbażi tal-iskemi volontarji, m’hemmx bżonn ta’ tikketta fuq il-parti ta’ quddiem ta’ kull pakkett, u dan jista’ jwassal lill-konsumaturi biex jiffavorixxu l-prodotti bit-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li jkunu tajbin għas-saħħa daqs il-prodotti mingħajr it-tikketti jew, potenzjalment, inqas minnhom (Talati et al., l-2016). Ir-riċerka li saret uriet ukoll li l-konsumaturi jitilfu l-fiduċja f’tikketta fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett u jibdew jissusspettawha meta din tkun tindika li prodott “li mhuwiex tajjeb għas-saħħa” huwa prodott relattivament sustanzjuż (Harbaugh et al., l-2011). 

7.Impatt fuq l-operaturi tan-negozji tal-ikel u fuq is-suq intern

L-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jistgħu jaffettwaw lill-manifatturi tal-ikel u lill-fornituri tal-ikel b’mod ġenerali b’modi differenti. Il-fatt li jiddaħħlu t-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jista’ jservi ta’ inċentiv biex il-kumpaniji jirriformulaw il-prodotti eżistenti tagħhom u jiżviluppaw prodotti ġodda sabiex jiksbu klassifikazzjoni (iktar) favorevoli għat-tikketta fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett. Xi kwistjonijiet oħrajn marbutin mat-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, bħall-ostakli potenzjali għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-oġġetti tal-ikel fis-suq intern, ukoll huma rilevanti għall-fornituri tal-ikel.

Impatt fuq l-imġiba b’rabta mal-provvista, fosthom ir-riformulazzjoni u l-innovazzjoni

Sakemm l-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett ikunu jistgħu jaffettwaw l-għażliet tal-konsumaturi, il-produtturi jkollhom inċentiv biex jadattaw il-kompożizzjoni nutrizzjonali tal-prodotti tagħhom għar-rekwiżiti meħtieġa biex jiksbu klassifikazzjoni (iktar) favorevoli għalihom. Teżisti evidenza li t-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett fil-fatt jinfluwenzaw il-kompożizzjoni tal-prodotti. Pereżempju, ġie rrappurtat (fl-istudji ta’ Vyth et al. tal-2010, ta’ Dummer et al. tal-2012 u ta’ Ni Mhurchu et al. tal-2017 rispettivament) li l-adozzjoni tal-logo tal-għażla tajba għas-saħħa fin-Netherlands, tas-simbolu tal-programm imsejjaħ “Health Check Program” 33 fil-Kanada u tal-iskema msejħa “Health Star Rating” fi New Zealand wasslet għal titjib fil-profil nutrizzjonali tal-oġġetti tal-ikel fis-suq. Madankollu, din l-evidenza ta’ riformulazzjoni jew ta’ innovazzjoni fil-biċċa l-kbira tagħha tissejjes fuq data li rrappurtaw il-partijiet ikkonċernati stess. Ftit li xejn hemm studji xjentifiċi dwar l-impatt li t-tikketti volontarji fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett ikollhom fuq l-iżvilupp ta’ prodotti li huma aħjar għas-saħħa, għalkemm hemm xi evidenza dwar ir-rwol li t-tikketti volontarji fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jista’ jkollhom fil-kisba ta’ suq bi prodotti aħjar għas-saħħa (ara, pereżempju, l-istudju ta’ Liu et al. tal-2015 dwar iċ-ċereali lesti biex jittieklu). Riskju potenzjali rrappurtat assoċjat mat-tweġiba tal-produtturi għall-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett huwa li r-riformulazzjoni sseħħ biss b’rabta man-nutrijenti li jkunu inklużi fl-iskema tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett (Vyth et al., l-2010; Carter et al., l-2013). Għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-ingredjenti potenzjali ta’ sostituzzjoni sabiex kull riformulazzjoni li tinkiseb ikollha wkoll il-potenzjal toffri benefiċċju reali għas-saħħa pubblika 34 .

Ir-riformulazzjoni tista’ tinfluwenza t-togħma tal-prodotti u l-karatteristiċi l-oħrajn tagħhom, u dan jista’ jwassal għal tnaqqis fid-domanda għall-prodotti u b’hekk jelimina l-benefiċċji potenzjali ta’ klassifikazzjoni aħjar fl-iskema ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett għall-kumpaniji. Għalhekk, il-manifatturi jevalwaw b’mod strateġiku l-benefiċċji ta’ differenza fil-prodotti bbażata fuq in-nutrizzjoni meta jirriformulaw l-oġġetti tal-ikel jew meta jdaħħlu innovazzjonijiet fihom (Van Camp et al., l-2012).

Iżda anke jekk il-manifatturi jiddeċiedu li ma jirriformulawx il-prodotti tagħhom, jew jekk ma jkunux jistgħu jirriformulaw il-prodotti tagħhom minħabba kompożizzjoni speċifika tal-prodotti jew standards speċifiċi għalihom 35 , huma xorta waħda jistgħu jagħżlu li jużaw tikketta fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett b’mod volontarju, pereżempju għal raġunijiet ta’ trasparenza. Il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jagħżlu din l-istrateġija wkoll (Machleit u Mantel, l-2001) bil-għan li jaffettwaw b’mod pożittiv kemm il-klijenti jħossu li huma qed jagħtu kas saħħithom (Newman et al., l-2014). It-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jista’ jippermetti lill-bejjiegħa bl-imnut jiddivrenzjaw ukoll il-prodotti b’tikketta privata (li jinbiegħu bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut) minn dawk tal-marki nazzjonali. Kif urew Van Camp et al. fl-istudju tal-2012 tagħhom, fir-Renju Unit il-prodotti b’tikketta privata kienu dawk li l-iktar kien se jkollhom tikketta fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett fuqhom.

Impatt fuq l-SMEs

B’mod speċjali għall-SMEs, it-tariffi potenzjali u/jew il-proċeduri taċ-ċertifikazzjoni jistgħu jkunu ostakli importanti għalihom biex jużaw it-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett. Għalhekk, xi wħud mill-iskemi huma mfassla b’mod speċifiku biex iħeġġu l-użu min-naħa tal-SMEs (pereżempju huma mingħajr ħlas, ma jinkludu l-ebda ċertifikazzjoni jew jinkludu data għad-dispożizzjoni ta’ dak li jkun biex huwa jkun jista’ jikkalkula l-punteġġ). L-SMEs jistgħu jsibuha iktar diffiċli jirriformulaw il-prodotti tagħhom mill-kumpaniji li huma ikbar, minħabba li għandhom inqas riżorsi finanzjarji u/jew riżorsi umani minnhom, għalkemm ta’ min jinnota li t-titjib kontinwu fil-prodotti huwa marbut biss b’mod parzjali mat-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett u jiġi affettwat biss b’mod parzjali minnhom. F’dak li għandu x’jaqsam mal-logos pożittivi (pereżempju l-logo imsejjaħ “Keyhole” u dak tal-għażla tajba għas-saħħa), il-produtturi li huma iżgħar jirrappurtaw li huma japprezzaw l-impatt li logo magħruf sew jista’ jkollu fuq il-marki tagħhom stess li jkunu inqas magħrufin, u l-fatt li dan itejjeb l-immaġni tal-kwalità u tat-tjubija għas-saħħa tal-prodotti tagħhom 36 .

Impatt fuq is-suq intern

Bħala wieħed mir-rekwiżiti għall-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li żviluppaw l-Istati Membri jew l-operaturi tan-negozji tal-ikel, fl-Artikolu 35 tiegħu, ir-Regolament dwar l-FIC jipprevedi l-fatt li l-applikazzjoni tat-tali skemi ma tkunx toħloq ostakli 37 għall-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern tal-UE. L-istess prinċipju japplika għall-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li jaqgħu taħt dispożizzjonijiet regolatorji oħrajn (ara t-Taqsima 3.2) 38 .

Xi manifatturi tal-ikel jargumentaw li l-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li ċerti Stati Membri jirrakkomandaw jista’ jkollhom impatt fuq il-bejgħ ta’ prodotti speċifiċi importati minn Stati Membri oħrajn, jew li xi skemi, għalkemm huma volontarji, jistgħu jsiru obbligatorji fir-realtà minħabba l-pressjoni li huma jkollhom biex japplikaw it-tikketta rrakkomandata. F’dan il-kuntest, fl-2013 waslu xi lmenti uffiċjali minn xi operaturi ekonomiċi b’rabta mal-iskema tas-sinjali tat-traffiku tar-Renju Unit. S’issa, il-Kummissjoni Ewropea ma rċeviet l-ebda lment ieħor dwar l-impatt li l-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jista’ jkollhom fuq is-suq intern jew data oħra dwar dan.

Il-fatt li Stat Membru jirrakkomanda skema ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett tista’ toħloq aspettattivi għall-konsumaturi li l-oġġetti tal-ikel ikkummerċjalizzati f’dak il-pajjiż, fosthom dawk li jkunu ġejjin minn pajjiżi oħrajn, għandu jkollhom fuqhom it-tikketta tal-iskema uffiċjali. Dan jista’ jimplika li l-konsumatur medju jagħti preferenza lill-prodotti li jkollhom fuqhom it-tikketta tal-iskema uffiċjali meta mqabbla mal-prodotti li ma jkollhom fuqhom l-ebda tikketta jew li jkollhom fuqhom tikketti oħrajn li jkunu jeżistu, u jista’ joħloq pressjoni fuq l-operaturi tan-negozji tal-ikel tal-UE biex jittikkettaw il-prodotti kollha li jkun hemm fis-suq nazzjonali bit-tikketta tal-iskema uffiċjali li jippromwovi l-Istat Membru.

Sa fejn jista’ jiġi aċċertat, il-letteratura ma tgħid xejn dwar l-impatt tat-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li ddaħħlu fis-suq tal-UE fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u/jew dwar l-impatt tagħhom fuq il-bejgħ tal-prodotti importati. L-istudji dwar l-impatt tal-introduzzjoni tat-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett fuq id-deċiżjonijiet tax-xiri jħarsu iktar lejn l-impatt fuq il-kwalità nutrizzjonali tal-ikel mixtri milli lejn l-impatt fuq il-bejgħ ta’ prodotti speċifiċi (importati).

Fl-aħħar nett, jista’ jkun hemm impatt potenzjali minħabba l-fatt li Stati Membri differenti jirrakkomandaw skemi differenti ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, li jista’ jwassal għal spejjeż addizzjonali tat-tikkettar għall-operaturi tan-negozji tal-ikel jekk dawn ikunu jridu jużaw it-tikketta rrakkomandata u jkollhom jibdlu l-pakkett abbażi tas-suq nazzjonali kkonċernat.

Abbażi tal-informazzjoni u tal-istudji disponibbli u minħabba d-diffikultà biex tinġabar id-data dwar l-impatti fit-tul ta’ skemi li ġew żviluppati pjuttost reċentement, s’issa għad hemm evidenza limitata u mhux konklużiva dwar il-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Istati Membri biex tintuża skema partikulari ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jistgħu jxekklu ċ-ċirkolazzjoni libera tal-oġġetti tal-ikel jew le.

8.Pożizzjonijiet u perspettivi 

1.7.Il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni

Fil-konklużjonijiet tiegħu 39 li adotta fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill stieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinkuraġġixxu t-tikkettar volontarju tal-ikel, skont il-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011, u b’mod partikulari fl-Artikolu 35(1) tiegħu, biex il-konsumaturi kollha, b’mod partikulari dawk minn gruppi soċjoekonomiċi iktar baxxi, jingħataw appoġġ biex jagħmlu għażliet tajbin għas-saħħa, kif ukoll biex jiġu promossi kampanji edukattivi u kampanji ta’ informazzjoni li jkollhom l-għan li jtejbu l-fehim tal-konsumaturi tal-informazzjoni dwar l-ikel, fosthom tat-tikkettar dwar in-nutrizzjoni. Fil-konklużjonijiet tiegħu 40 li adotta fit-22 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tkompli tagħti prijorità lis-saħħa pubblika, b’mod partikulari billi tindirizza kwistjonijiet ta’ importanza transfruntiera bħal, fost l-oħrajn, it-tikkettar tal-ikel, bil-għan aħħari li jitjiebu l-eżiti tas-saħħa fl-UE.

Minn meta ġie adottat ir-Regolament dwar l-FIC ’l hawn, il-Parlament Ewropew ma adotta l-ebda riżoluzzjoni speċifika dwar it-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett.

Fl-Opinjoni tiegħu 41 li adotta fl-4 ta’ Lulju 2018, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni “jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi, wara li tanalizza sistemi eżistenti ta’ tikkettar tal-ikel, sistema Ewropea unika u mandatorja ta’ tikkettar bil-kulur, fejn il-kuluri jiġu applikati fuq bażi ta’ unitajiet ta’ 100 g, fuq il-parti ta’ quddiem tal-imballaġġ tal-ikel fl-UE kollha, u b’hekk il-konsumaturi jkunu pprovduti b’informazzjoni ċara dwar il-kontenut ta’ zokkor, melħ u xaħam, favur l-inkoraġġiment ta’ mudelli ta’ konsum tal-ikel iktar sani.”

1.8.L-esperti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri tal-UE

Matul l-2018, fil-fażi ta’ tħejjija ta’ dan ir-rapport, ġew organizzati laqgħat konġunti bejn l-esperti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati u l-Kummissjoni biex isir skambju tal-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet li dan ir-rapport ikopri u biex tinġabar id-data u l-informazzjoni dwarhom 42 .

Xi esperti minn xi ftit awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-UE kienu favur skemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett ta’ informazzjoni mnaqqsa li jipprovdu informazzjoni speċifika għan-nutrijenti abbażi tad-daqs tal-porzjonijiet u li ma jevalwawx l-oġġetti tal-ikel, u huma kienu mħassbin li, bl-iskemi evalwattivi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, xi prodotti tradizzjonali u xi speċjalitajiet reġjonali (bħall-ġobon, iż-żjut tal-ikel u l-prodotti tal-laħam) jaf ikollhom fuqhom tikketti li jiskuraġġixxu lill-konsumatur milli jixtrihom. Xi esperti minn għadd ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-UE, fosthom minn pajjiżi fejn diġà jintużaw it-tikketti evalwattivi, kienu favur l-iskemi evalwattivi u argumentaw li t-tali skemi qed jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet tal-ikel tajbin għas-saħħa. L-esperti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-oħrajn ma esprimewx preferenza speċifika għall-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett ta’ informazzjoni mnaqqsa jew għal dawk evalwattivi.

L-esperti minn ħafna awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-UE qalu b’mod ċar li huma favur l-armonizzazzjoni tat-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett madwar l-UE, u enfasizzaw il-fatt li l-eżistenza ta’ għadd kbir ta’ skemi fl-UE tħawwad lill-konsumatur u tista’ twassal għal frammentazzjoni tas-suq. B’mod ġenerali, ħafna mill-esperti tal-Istati Membri qablu li kwalunkwe skema għandha tkompli tibni fuq riċerka xjentifika estensiva, li tkun turi biċ-ċar il-fehim oġġettiv tal-iskema mill-konsumatur u tkun tqis gruppi soċjoekonomiċi differenti.

Fl-2014, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-UE qablu dwar Pjan ta’ Azzjoni volontarju tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfal għall-2014 sal-2020 fil-livell tal-UE li jirreferi għall-iżvilupp ta’ skemi volontarji tat-tikkettar tal-ikel li l-konsumaturi jkunu jistgħu jifhmuhom faċilment 43 .

1.9.Il-partijiet ikkonċernati

Ir-rappreżentanti tal-konsumaturi u l-assoċjazzjonijiet tas-saħħa pubblika jqisu li t-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jista’ jkollu rwol ewlieni biex jgħin lill-konsumaturi jagħżlu ikel li jkun aħjar għas-saħħa b’mod iktar infurmat. Matul in-negozjati dwar ir-Regolament dwar l-FIC, huma appoġġaw l-introduzzjoni ta’ skema ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett tal-UE armonizzata u obbligatorja. Huma xorta għadhom favur approċċ komuni għat-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett u favur tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett ikkodifikat bil-kulur 44 , u r-rappreżentanti tal-konsumaturi jappoġġaw b’mod partikulari l-iskema msejħa “Nutri-Score” 45 . L-assoċjazzjonijiet tal-esperti tan-nutrizzjoni għandhom pożizzjoni simili dwar l-iskemi kkodifikati bil-kulur u huma favur skema unika u robusta ta’ tikkettar fl-UE kollha 46 .

Fl-2008, matul in-negozjati dwar ir-Regolament dwar l-FIC, l-industrija Ewropea tal-ikel u tax-xorb kienet favur informazzjoni volontarja fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett u kienet favur l-iskema tal-Gwida tal-Ammonti ta’ Kuljum (li issa tissejjaħ l-iskema tal-konsum referenzjali). B’mod partikulari, ħafna setturi opponew skema tas-sinjali tat-traffiku fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, u qalu li skema bħal din tista’ tfixkel lill-konsumaturi dwar it-tifsira tal-kuluri u tkun tiġġudika wisq 47 . Illum il-ġurnata xi setturi għadhom jopponu l-iskemi kkodifikati bil-kulur għall-istess raġunijiet, b’mod partikulari s-setturi speċifiċi li jittrattaw oġġetti tal-ikel li jistgħu jiġu rriformulati b’mod marġinali biss (jew li ma jistgħux jiġu rriformulati) (bħall-prodotti tal-laħam), sabiex jevitaw tikketta li ma tkunx favorevoli. Xi kumpaniji oħrajn tal-ikel u tax-xorb biddlu l-pożizzjoni tagħhom dwar l-iskemi kkodifikati bil-kulur u qed japplikaw tikketti (speċifiċi għan-nutrijenti jew ta’ sinteżi) kkodifikati bil-kulur. Barra minn hekk, dal-ħin diversi bejjiegħa bl-imnut qed jużaw skemi differenti ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett madwar l-UE, fosthom skemi kkodifikati bil-kulur.

Il-bdiewa tal-UE u l-koperattivi tagħhom iqisu li l-għoti ta’ informazzjoni nutrizzjonali jippermetti lill-konsumaturi jadottaw dieta iktar ibbilanċjata li tkun aħjar għas-saħħa. Madankollu, huma jopponu l-iskemi kkodifikati bil-kulur li jiffukaw biss fuq in-nutrijenti negattivi, billi huma jħossu li dawn jinjoraw il-kontribut nutrizzjonali ġenerali tal-prodotti agrikoli li fihom ħafna nutrijenti essenzjali 48 . Huma jinkwetaw li t-tali skemi jispiċċaw jenfasizzaw b’mod negattiv xi prodotti agrikoli li ma jistgħux jiġu rriformulati faċilment minħabba l-karatteristiċi tal-kompożizzjoni tagħhom jew minħabba l-karatteristiċi tradizzjonali tagħhom.

Ħafna partijiet ikkonċernati huma favur approċċ armonizzat għat-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett fl-UE kollha, u l-biċċa l-kbira minnhom jaqblu li kwalunkwe skema ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett għandha tkun ibbażata fuq ix-xjenza u fuq l-evidenza.

Fit-8 ta’ Mejju 2019 ġiet irreġistrata inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej 49 imsejħa “PRO-NUTRISCORE” li titlob lill-Kummissjoni “timponi tikkettar issimplifikat tal-iskema msejħa “Nutri-Score” fuq l-oġġetti tal-ikel 50 .

1.10.L-organizzazzjonijiet internazzjonali 

Ir-Rapport li l-Kummissjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (id-WHO) li tittratta t-tmiem tal-obeżità fit-tfal ħarġet f’Marzu tal-2016 51 jirrakkomanda li jiġi implimentat tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li jista’ jiġi interpretat u li jkun appoġġat mill-edukazzjoni pubblika. Il-pjan ta’ implimentazzjoni tagħha tal-2017 jirrakkomanda wkoll li tiġi adottata jew żviluppata, skont il-bżonn, sistema obbligatorja ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li tkun tista’ tiġi interpretata u li tkun ibbażata fuq l-aqwa evidenza disponibbli biex jiġi identifikat kemm l-ikel u x-xorb ikun tajjeb għas-saħħa. F’Mejju tal-2019, id-WHO ippubblikat l-abbozz tagħha dwar il-prinċipji ta’ gwida u l-manwal ta’ qafas għat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett biex jiġu promossi dieti tajbin għas-saħħa msejjaħ “Guiding principles and framework manual for front-of-pack labelling for promoting healthy diets” 52 .

Fil-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu dwar l-Ikel u n-Nutrizzjoni għall-2015 sal-2020, l-Uffiċċju Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Ewropa jitlob lill-pajjiżi jżidu tikkettar li l-konsumaturi jsibuh faċli biex jużawh billi jistabbilixxu tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li jkunu jinftehmu faċilment jew li jkunu interpretattivi, u li jgħinu lill-konsumaturi jidentifikaw l-għażliet li huma aħjar għas-saħħa. Fir-rapport tiegħu ta’ Ottubru tal-2018, l-Uffiċċju Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Ewropa jgħid ukoll li l-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li jipprovdu ġudizzji evalwattivi ta’ kemm prodott ikun ħażin għas-saħħa, li jistgħu jenfasizzaw ukoll l-għażliet “li jkunu aħjar għal saħħtek”, jidhru li huma iktar effettivi u li l-inizjattivi ta’ edukazzjoni pubblika huma importanti biex jitjiebu s-sensibilizzazzjoni u l-fehim 53 .

Fl-Aġġornament tagħha tal-2017 dwar l-obeżità 54 , l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (l-OECD) enfasizzat li t-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jista’ jgħin lin-nies jagħmlu għażliet li jkunu aħjar għal saħħithom u jista’ jħeġġeġ lill-manifatturi tal-ikel jirriformulaw il-prodotti tagħhom.

9.Konklużjonijiet

It-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett għandu l-għan li jgħin lill-konsumaturi fl-għażliet tal-ikel tagħhom billi jipprovdilhom informazzjoni dwar in-nutrizzjoni mad-daqqa t’għajn, u kulma jmur qed jitqies bħala għodda li tappoġġa l-istrateġiji biex jiġi evitat il-mard li ma jitteħidx li huwa marbut mad-dieta.

Skont ir-regoli attwali tal-UE, l-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett tista’ tingħata b’mod volontarju f’konformità mar-rekwiżiti mogħtija fid-dritt tal-Unjoni. L-istituzzjonijiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi tal-qasam tas-saħħa u/jew is-settur privat żviluppaw diversi skemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett. Il-biċċa l-kbira mill-iskemi eżistenti huma skemi evalwattivi (interpretattivi) li, kemm jekk ikunu skemi speċifiċi għan-nutrijenti kif ukoll jekk ikunu skemi tal-indikaturi ta’ sinteżi, huma bbażati fuq il-mudelli tat-tfassil tal-profili nutrizzjonali.

L-istudji analizzati biex jitfassal dan ir-rapport jikkonfermaw li l-iskemi ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett għandhom il-potenzjal jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet tal-ikel favur is-saħħa. Ħafna mill-konsumaturi jgħidu li huma jsibu t-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett utli u li jħarsu lejhom meta jkunu qed jixtru, anke jekk il-perċentwal ta’ konsumaturi li verament jagħmel dan huwa iktar baxx. L-istudji juru li ħafna mit-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett għandhom effett pożittiv fuq il-kapaċità tal-konsumaturi li jidentifikaw l-għażla li tkun aħjar għas-saħħa, meta mqabbla ma’ sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda tikketta, u li l-fehim tal-konsumaturi tat-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jiżdied meta t-tabella tkun ikkodifikata bil-kulur, b’mod speċjali meta l-kuluri jkunu kkombinati ma’ indikatur ta’ sinteżi.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-impatt fuq l-imġiba waqt ix-xiri, l-istudji sperimentali li janalizzaw l-intenzjoni tax-xiri tal-konsumaturi juru li t-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, b’mod speċjali dawk ikkodifikati bil-kulur, jistgħu jtejbu kemm ix-xirjiet tal-konsumaturi jkunu tajbin għal saħħithom. Mhuwiex faċli li wieħed jikseb evidenza dwar l-effett fuq l-imġiba waqt ix-xiri fir-realtà minn studji fil-ħajja reali (fil-ħwienet) minħabba li bosta fatturi jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tax-xiri f’ħin reali. Xi studji jikkonfermaw li l-iskemi evalwattivi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett li jużaw il-kodifikazzjoni bil-kulur u/jew il-kodifikazzjoni bil-kulur flimkien ma’ indikatur ikklassifikat jistgħu jtejbu l-kwalità nutrizzjonali tal-għażliet tal-ikel fil-ħajja reali. Diversi studji oħrajn ukoll juru li skema tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jista’ jkollha effett sostanzjali jekk isiru kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u/jew ta’ komunikazzjoni meta tiddaħħal.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-impatt li t-tikketti fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jista’ jkollhom fuq id-dieta u fuq is-saħħa tal-konsumaturi, m’hemmx biżżejjed evidenza empirika biex jinsiltu konklużjonijiet dwar dan, iżda l-istudji ta’ mmudellar jissuġġerixxu li dawn it-tikketti, b’mod partikulari dawk evalwattivi, għandhom effett pożittiv fuqhom.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-impatt li l-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jista’ jkollhom fuq ir-riformulazzjoni tal-ikel, xi ftit studji, li huma bbażati l-iktar fuq data li rrappurtaw dawk li ħadu sehem fihom stess, jallegaw li r-riformulazzjoni tal-ikel hija marbuta mat-tikketti evalwattivi fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, għalkemm ta’ min jinnota li xi prodotti agrikoli tal-ikel ma jistgħux jiġu rriformulati faċilment minħabba l-karatteristiċi tal-kompożizzjoni tagħhom jew minħabba l-karatteristiċi tradizzjonali tagħhom.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-impatt li jista’ jkun hemm fuq is-suq intern, f’dan l-istadju għad hemm evidenza limitata u mhux konklużiva mill-esperjenza li kien hemm s’issa dwar il-fatt li skemi partikulari ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett irrakkomandati mill-Istati Membri jew implimentati mill-operaturi tan-negozji tal-ikel fuq bażi volontarja jistgħu jxekklu ċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti fis-suq tal-UE jew le. Il-fatt li Stat Membru jirrakkomanda skema tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jista’ jimplika li l-konsumatur medju jagħti preferenza lill-prodotti li jkollhom fuqhom it-tikketta tal-iskema uffiċjali u joħloq pressjoni fuq l-operaturi tan-negozji tal-ikel tal-UE biex jittikkettaw il-prodotti kollha li jkun hemm fis-suq nazzjonali bit-tikketta tal-iskema promossa b’mod uffiċjali. L-użu ta’ skemi differenti tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett fis-suq intern jista’ jwassal għal ċerti spejjeż għan-negozji, kif ukoll għal konfużjoni tal-konsumaturi u għal nuqqas ta’ fiduċja fihom min-naħa tal-konsumaturi.

Il-fehmiet dwar l-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett — u dwar kif dawn għandhom (jew ma għandhomx) jiġu rregolati — ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor u minn grupp ta’ partijiet ikkonċernati għall-ieħor, u l-esperti minn diversi Stati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi tal-qasam tas-saħħa u xi setturi tal-industrija huma favur l-iskemi li jevalwaw il-kwalità nutrizzjonali tal-prodott, filwaqt li l-esperti minn xi ftit Stati Membri u parti mill-industrija huma favur l-iskemi ta’ informazzjoni mnaqqsa (mhux interpretattivi). L-esperti minn ħafna Stati Membri tal-UE u l-partijiet ikkonċernati huma favur approċċ komuni armonizzat, u jargumentaw li l-koeżistenza ta’ għadd ta’ skemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett fis-suq tal-UE tista’ twassal għal frammentazzjoni tas-suq u tħawwad lill-konsumaturi.

Dan ir-rapport jiddeskrivi l-kwistjonijiet ewlenin li jridu jitqiesu f’dak li għandu x’jaqsam mat-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett. Waħda mill-kwistjonijiet hija marbuta mal-mudelli tat-tfassil tal-profili nutrizzjonali, li fuqhom huma bbażati ħafna mill-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett. Id-dritt tal-Unjoni li japplika għall-użu tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel ukoll juża l-kunċett tat-tfassil tal-profili nutrizzjonali. Skont id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament 55 dwar l-indikazzjonijiet, l-objettiv speċifiku mfittex meta jiġu stabbiliti l-profili nutrizzjonali għadu rilevanti u meħtieġ biex jitħarsu l-konsumaturi minħabba li jillimita l-użu tal-indikazzjonijiet fuq l-ikel li jkun fih ħafna xaħam, melħ u zokkor, kif titlob il-leġiżlazzjoni.

Minħabba r-rabta qawwija li hemm bejn it-tfassil tal-profili nutrizzjonali u t-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, jaf ikun hemm xi sinerġiji possibbli jekk issir riflessjoni dwar dawn iż-żewġ suġġetti f’daqqa.

Fil-Patt Ekoloġiku Ewropew 56 li l-Kummissjoni adottat fil-11 ta’ Diċembru 2019 tħabbar li se jkun hemm Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” 57 li se tipproponi azzjonijiet biex tgħin lill-konsumaturi jagħżlu dieti sostenibbli li jkunu tajbin għas-saħħa. B’mod partikulari, il-Kummissjoni se tanalizza modi ġodda kif il-konsumaturi jistgħu jingħataw informazzjoni aħjar dwar il-valur nutrizzjonali tal-ikel.

Minħabba din il-prijorità politika, l-elementi msemmijin hawn fuq u l-potenzjal li l-iskemi tat-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett għandhom biex jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet tal-ikel favur is-saħħa, jidher li huwa xieraq li t-tikkettar dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett jiġi armonizzat fil-livell tal-UE. Iktar ’il quddiem, il-Kummissjoni se tħejji proposta leġiżlattiva f’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u mal-prinċipji tar-regolamentazzjoni aħjar.



REFERENZI

Adriouch, S., Julia, C., Kesse-Guyot, E., Méjean, C., Ducrot, P., Péneau, S., … Fezeu, L. K. L. K. (l-2016). Prospective association between a dietary quality index based on a nutrient profiling system and cardiovascular disease risk. European Journal of Preventive Cardiology, 23(15), 1669–1676.

Adriouch, S., Julia, C., Kesse-Guyot, E., Ducrot, P., Péneau, S., Méjean, C., … Fezeu, L. K. K. (l-2017). Association between a dietary quality index based on the food standard agency nutrient profiling system and cardiovascular disease risk among French adults. International Journal of Cardiology, 234, 22–27.

Amcoff et al. (l-2015). Livsmedelsverket 2015a Choosing foods with the Keyhole logo– effect on nutrient intake Amcoff, E., Konde, Å. B., Jansson, A. u Sanner Färnstrand, J. (L-2015). Byta till Nyckelhålet - så påverkar det näringsintaget. Uppsala. Studju miksub mis-sit web li ġej: http://www.livsmedelsverket.se/globalassets/rapporter/2015/nyckelhalets-effekt-pa-naringsintaget-2015.pdf

Babio, N., Vicent, P., López, L., Benito, A., Basulto, J., Salas-Salvadó, J., … Salas-Salvado, J. (2014). Adolescents’ ability to select healthy food using two different front-of-pack food labels: a cross-over study. Public Health Nutrition, 17(6), 1403–1409.

Becker et al. (l-2015). Front of pack labels enhance attention to nutrition information in novel and commercial brands. Food Policy, 56, 76–86.

Campos, S., J. Doxey, and D. Hammond, Nutrition labels on pre-packaged foods: a systematic review. Public Health Nutr, 2011. 14(8): p. 1496-506.

Carter, O. B. J., Mills, B. W., Lloyd, E. u Phan, T. (l-2013). An independent audit of the Australian food industry’s voluntary front-of-pack nutrition labelling scheme for energy-dense nutrition-poor foods. European Journal of Clinical Nutrition, 67(1), 31–35.

Cecchini, M. u Warin, L. (2016). Impact of food labelling systems on food choices and eating behaviours: A systematic review and meta-analysis of randomized studies. Obesity Reviews, 17(3), 201-210

Chandon, P. u Wansink, B. (2007). The Biasing Health Halos of Fast-Food Restaurant Health Claims: Lower Calorie Estimates and Higher Side-Dish Consumption Intentions. Journal of Consumer Research, 34(3), 301-314.

Cowburn, G. u Stockley, L. (2005). Consumer understanding and use of nutrition labelling: a systematic review. Public Health Nutrition, 8(1), 21-28.

Crosetto, P., Lacroix, A. M., Muller, L., Ruffieux, B. (2018). Nutritional and economic impact of 5 alternative front-of-pack nutritional labels: experimental evidence. Dokument ta’ ħidma tal-GAEL, 11. 40 paġna.

De la Cruz-Góngora, V., Torres, P., Contreras-Manzano, A., Jáuregui de la Mota, A., Mundo-Rosas, V., Villalpando, S., … Rodriguez-Oliveros, G. (l-2017). Understanding and acceptability by Hispanic consumers of four front-of-pack food labels. International Journal of Behavioral Nutrition and Physical Activity, 14(1).

Deschasaux, M., Huybrechts, I., Murphy, N., Julia, C., Hercberg, S., Srour, B., … Touvier, M. (2018). Nutritional quality of food as represented by the FSAm-NPS nutrient profiling system underlying the Nutri-Score label and cancer risk in Europe: Results from the EPIC prospective cohort study. PLoS Med, 15(9), e1002651.

Draper, A. K. K., Adamson, A. J. J., Clegg, S., Malam, S., Rigg, M. u Duncan, S. (2013). Front-of-pack nutrition labelling: are multiple formats a problem for consumers? European Journal of Public Health, 23(3), 517–521.

Ducrot, P., Méjean, C., Julia, C., Kesse-Guyot, E., Touvier, M., Fezeu, L., … Peneau, S. (2015a). Effectiveness of Front-Of-Pack Nutrition Labels in French Adults: Results from the NutriNet-Sante Cohort Study. Plos One, 10(10). https://doi.org/10.1371/journal.pone.0140898

Ducrot, P., Méjean, C., Julia, C., Kesse-Guyot, E., Touvier, M., Fezeu, L. K. K., … Péneau, S. (l-2015b). Objective Understanding of Front-of-Package Nutrition Labels among Nutritionally At-Risk Individuals. Nutrients, 7(8), 7106–7125.

Dummer, J. (l-2012). Sodium reduction in Canadian food products with the health check program. Canadian Journal of Dietetic Practice and Research, 73(1), e227–232.

Egnell, M., Ducrot, P., Touvier, M., Allès, B., Hercberg, S., Kesse-Guyot, E. u Julia, C. (2018a). Objective understanding of Nutri-Score Front-Of-Package nutrition label according to individual characteristics of subjects: Comparisons with other format labels. PLOS ONE, 13(8), 1–16.

Egnell, M., Kesse-Guyot, E., Galan, P., Touvier, M., Rayner, M., Jewell, J., … Julia, C. (2018b). Impact of front-of-pack nutrition labels on portion size selection: an experimental study. Nutrients, 10(9), 1268.

Egnell, M., Talati, Z., Hercberg, S., Pettigrew, S. u Julia, C. (2018c). Objective Understanding of front-of-package nutrition labels: An international comparative experimental study across 12 countries. Nutrients, 10(10), 1542.

Egnell, M., Crosetto, P., d’Almeida, T., Kess-Guyot, E., Touvier, M., … Julia, C. (l-2019). Modelling the impact of different front-of-package nutrition labels on mortality from non-communicable chronic disease. International Journal of Behavioral Nutrition and Physical Activity, 2019, 16:56.

Finkelstein, E. A. A., Li, W. Y., Melo, G., Strombotne, K. u Zhen, C. (2018). Identifying the effect of shelf nutrition labels on consumer purchases: results of a natural experiment and consumer survey. American Journal of Clinical Nutrition, 107(4), 647–651.

Graham, D. J. J., Lucas-Thompson, R. G. G., Mueller, M. P. P., Jaeb, M. u Harnack, L. (2017). Impact of explained v. unexplained front-of-package nutrition labels on parent and child food choices: a randomized trial. Public Health Nutrition, 20(5), 774-785.

Gregori, D. (2014). Evaluating food front-of-pack labelling: a pan-European survey on consumers’ attitudes toward food labelling. International Journal of Food Sciences and Nutrition, 65(2), 177–186

Grunert, K. G. u Wills, J. M. (l-2007). A review of European research on consumer response to nutrition information on food labels. Journal of Public Health, 15(5), 385–399.

Grunert, K. G., Fernández-Celemín, L., Wills, J. M., Storcksdieck genannt Bonsmann, S. u Nureeva, L. (2010). Use and understanding of nutrition information on food labels in six European countries. Z Gesundh Wiss, 18(3), 261–277. https://doi.org/10.1007/s10389-009-0307-0  

Hamlin, R. (2015). Front of Pack Nutrition Labelling, Nutrition, Quality and Consumer Choices. (2015) Current Nutrition Reports, 4:323–329. DOI 10.1007/s13668-015-0147-1

Harbaugh, R., Maxwell, J. W. u Roussillon, B. (2011). Label Confusion: The Groucho Effect of Uncertain Standards. Management Science, 57(9), 1512–1527.

Hawley, K. L. L., Roberto, C. A. A., Bragg, M. A. A., Liu, P. J. J., Schwartz, M. B. B. u Brownell, K. D. D. (l-2013). The science on front-of-package food labels. Public Health Nutrition, 16(3), 430–439.

Hodgkins, C., Barnett, J., Wasowicz-Kirylo, G., Stysko-Kunkowska, M., Gulcan, Y., Kustepeli, Y., … Raats, M. (2012). Understanding how consumers categorise nutritional labels: A consumer derived typology for front-of-pack nutrition labelling. Appetite, 59(3), 806–817.

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka. (l-2020). Front-of-pack nutrition labelling schemes: a comprehensive review. Kittieba: S Storcksdieck genannt Bonsmann, G Marandola, E Ciriolo, R van Bavel, J Wollgast. EUR 29811 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, l-2020, ISBN 978-92-76-08970-4, doi:10.2760/180167, JRC113586.

Julia, C., Ducrot, P., Lassale, C., Fézeu, L., Méjean, C., Péneau, S., … Kesse-Guyot, E. (l-2015). Prospective associations between a dietary index based on the British Food Standard Agency nutrient profiling system and 13-year weight gain in the SU.VI.MAX cohort. Preventive Medicine, 81, 189–194.

Julia, C., Blanchet, O., Méjean, C., Péneau, S., Ducrot, P., Allès, B., … Hercberg, S. (2016). Impact of the front-of-pack 5-colour nutrition label (5-CNL) on the nutritional quality of purchases: an experimental study. International Journal of Behavioral Nutrition and Physical Activity, 13(1).

Julia C. u Hercberg, S. (2017). Nutri-Score: Effectiveness of the Nutrition Label introduced in France. Ernahrungs Umschau, 64(12), M685–M691.

Kanter, R., Vanderlee, L. u Vandevijvere, S. (2018). Front-of-package nutrition labelling policy: global progress and future directions. Public Health Nutrition, 21(8), 1399-1408.

Liu, X., Lopez, R. u Zhu, C. (l-2015). Can Voluntary Nutrition Labeling Lead to a Healthier Food Market? Il-laqgħa annwali tal-2016 tal-assoċjazzjoni msejħa “Allied Social Sciences Association” (l-ASSA) li saret mit-3 sal-5 ta’ Jannar tal-2016, f’San Francisco, California, dokument bin-numru 212818 ippubblikat mill-assoċjazzjoni msejħa “Agricultural and Applied Economics Association”.

Machleit, K. A., u Mantel, S. P. (2001). Emotional response and shopping satisfaction: Moderating effects of shopper attributions. Journal of Business Research, 54(2), 97-106

Malam S., Clegg, S., Kirwan, S., McGinigal, S., flimkien ma’ Raats, M., Barnett, J., … Dean, M. (2009). Comprehension and use of UK nutrition signpost labelling schemes. Londra: l-aġenzija għall-istandards tal-ikel imsejħa “Food Standards Agency”. Studju miksub mis-sit web li ġej: http://www.food.gov.uk/multimedia/pdfs/pmpreport.pdf

Méjean, C., Macouillard, P., Péneau, S., Hercberg, S., Castetbon, K., Peneau, S., … Castetbon, K. (l-2013). Consumer acceptability and understanding of front-of-pack nutrition labels. Journal of Human Nutrition and Dietetics, 26(5), 494–503.

Miklavec, K., Pravst, I., Raats, M.M. u Pohar, J (2016). Front of package symbols as a tool to promote healthier food choices in Slovenia: Accompanying explanatory claim can considerably influence the consumer's preferences. Food Research International, 90, 235–243.

Möser, A., Hoefkens, C., Van Camp, J., Verbeke, W., Moser, A., Hoefkens, C., … Verbeke, W. (2010). Simplified nutrient labelling: consumers’ perceptions in Germany and Belgium. Journal Fur Verbraucherschutz Und Lebensmittelsicherheit - Journal of Consumer Protection and Food Safety, 5(2), 169–180.

Newman, C. L. L., Howlett, E. u Burton, S. (2014). Shopper Response to Front-of-Package Nutrition Labeling Programs: Potential Consumer and Retail Store Benefits. Journal of Retailing, 90(1), 13–26.

Newman, C. L., Burton, S., Andrews, J. C., Netemeyer, R. G. u Kees, J. (2018). Marketers’ use of alternative front-of-package nutrition symbols: An examination of effects on product evaluations. Journal of the Academy of Marketing Science, 46(3), 453–476.

Nikolova, H. D. u Inman, J. J. (2015). Healthy Choice: The Effect of Simplified Point-of-Sale Nutritional Information on Consumer Food Choice Behavior. Journal of Marketing Research. 52(6), 817 – 835.

Ni Mhurchu, C., Eyles, H., Choi, Y.-H. H., Mhurchu, C. N., Eyles, H., Choi, Y.-H. H., … Choi, Y.-H. H. (2017). Effects of a Voluntary Front-of-Pack Nutrition Labelling System on Packaged Food Reformulation: The Health Star Rating System in New Zealand. Nutrients, 9(8).

Ni Mhurchu, C., Eyles, H., Jiang, Y. u Blakely, T. (2018). Do nutrition labels influence healthier food choices? Analysis of label viewing behaviour and subsequent food purchases in a labelling intervention trial. Appetite. 121:360-365

Provencher, V., Polivy, J. u Herman, C. P. (2009). Perceived healthiness of food. If it’s healthy, you can eat more! Appetite, 52(2), 340–344f.

Roodenburg, A. J. C., van Ballegooijen, A. J., Dötsch-Klerk, M., van der Voet, H. u Seidell, J. C. (2013). Modelling of Usual Nutrient Intakes: Potential Impact of the Choices Programme on Nutrient Intakes in Young Dutch Adults. PLoS ONE. https://doi.org/10.1371/journal.pone.0072378

Roseman, M. G., Joung, H.-W. u Littlejohn, E. I. (l-2018). Attitude and Behavior Factors Associated with Front-of-Package Label Use with Label Users Making Accurate Product Nutrition Assessments. Journal of the Academy of Nutrition and Dietetics, 118(5), 904–912.

Sanjari, S. S. S., Jahn, S. u Boztug, Y. (l-2017). Dual-process theory and consumer response to front-of-package nutrition label formats. Nutrition Reviews, 75(11), 871–882.

Savoie, N., Barlow, K., Harvey, K. L. L., Binnie, M. A. A. u Pasut, L. (l-2013). Consumer Perceptions of Front-of-package Labelling Systems and Healthiness of Foods. Canadian Journal of Public Health — Revue Canadienne De Sante Publique, 104(5), E359–E363.

Scarborough, P., Matthews, A., Eyles, H., Kaur, A., Hodgkins, C., Raats, M. M. u Rayner, M. (2015). Reds are more important than greens: How UK supermarket shoppers use the different information on a traffic light nutrition label in a choice experiment. International Journal of Behavioral Nutrition and Physical Activity, 12(151), 1–9

Storcksdieck genannt Bonsmann, S., Fernández Celemín, L., Larranaga, A., Egger, S., Wills, J. M., Hodgkins, C. u Raats, M. M. f’isem il-konsorzju msejjaħ “FLABEL” (l-2010). Penetration of nutrition information on food labels across the EU-27 plus Turkey. European Journal of Clinical Nutrition, 64, 1379–1385.

Talati, Z., Pettigrew, S., Kelly, B., Ball, K., Dixon, H. u Shilton, T. (l-2016). Consumers’ responses to front-of-pack labels that vary by interpretive content. Appetite, 101, 205–213.

Van Camp, D., De Souza Monteiro, D. M., Hooker, N. H. H., Monteiro, D. M. D. u Hooker, N. H. H. (2012). Stop or go? How is the UK food industry responding to front-of-pack nutrition labels? European Review of Agricultural Economics, 39(5), 821–842

Vyth, E. L. L., Steenhuis, I. H. M. H. M., Roodenburg, A. J. C. J. C., Brug, J. u Seidell, J. C. C. (2010). Front-of-pack nutrition label stimulates healthier product development: a quantitative analysis. International Journal of Behavioral Nutrition and Physical Activity, 7(65)

(1)      Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).
(2)    L-ikel li hu eżentat mir-rekwiżit tad-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni huwa mniżżel fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.
(3)    KUMM(2008) 40 finali — ara l-Artikolu 34.
(4)

     F’ħafna mill-Istati Membri tal-UE, il-problemi tal-piż żejjed u tal-obeżità qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla u fl-2014 ġie stmat li 51,6 % mill-popolazzjoni tal-UE (ta’ 18-il sena jew aktar) kellhom problemi ta’ piż żejjed. L-obeżità hija problema serja tas-saħħa pubblika, billi żżid b’mod sinifikanti r-riskju ta’ mard kroniku bħall-mard kardjovaskulari, id-dijabete tat-tip 2 u ċerti tipi ta’ kanċer (ara t-taqsima msejħa “Overweight_and_obesity_-_BMI_statistics” fis-sit web li ġej: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/ ). B’mod aktar ġenerali, huwa stmat li fl-Unjoni Ewropea, aktar minn 950 000 mewta u aktar minn 16-il miljun sena ta’ ħajja mitlufa jistgħu jiġu attribwiti għal riskji marbutin mad-dieta minħabba dieti li mhumiex tajbin għas-saħħa (ara s-sit web li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/health-knowledge-gateway/societal-impacts/burden).

(5)      Bħala parti mill-istrateġiji tagħhom għall-promozzjoni tas-saħħa u għall-prevenzjoni tal-mard, l-Istati Membri tal-UE qed jieħdu diversi approċċi (pereżempju l-ftehimiet dwar ir-riformulazzjoni, ir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel li jkun fih ħafna xaħam, melħ u zokkor, l-akkwist pubbliku ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u t-tassazzjoni tax-xorb biz-zokkor). Il-Kummissjoni Ewropea qed tappoġġa lill-Istati Membri fl-azzjonijiet tagħhom marbutin ma’ stili ta’ ħajja u ikel li huma tajbin għas-saħħa permezz tal-implimentazzjoni tal- Istrateġija tal-UE tal-2007 dwar kwistjonijiet ta’ saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità , permezz tal-Qafas tal-UE tal-2011 għal Inizjattivi Nazzjonali dwar Nutrijenti Magħżula (fl-2008 kien intlaħaq qbil dwar qafas ta’ riformulazzjoni biex jitnaqqas il-melħ) u permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfal għall-2014 sal-2020. Il-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja li huma tajbin għas-saħħa se tgħin lill-Istati Membri jilħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli sal-2030 u l-miri tad-WHO dwar il-mard li ma jitteħidx sal-2025. (Ara s-sit web li ġej: https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/nutrition_physical_activity/docs/2019_initiatives_npa_en.pdf .)
(6)      Indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni tiddikjara jew tissuġġerixxi li xi ikel għandu proprjetajiet ta’ nutriment ta’ benefiċċju minħabba l-enerġija li jipprovdi u n-nutrijenti u s-sustanzi l-oħra li jkun fih jew li ma jkunx fih (l-Artikolu 2(2)(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006).
(7)      Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9).
(8) Ara s-sit web li ġej: https://www.who.int/nutrition/topics/profiling/en/.
(9)    Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea u mill-1 ta’ Frar 2020 sar pajjiż terz.
(10)       Skont informazzjoni li ta l-Ministeru tal-Agrikoltura tal-Finlandja (fi Frar tal-2017).
(11)    Skont informazzjoni li ta l-Ministeru tal-Agrikoltura, tal-Forestrija u tal-Ikel tas-Slovenja (fi Frar tal-2017).
(12)    Skont informazzjoni li ta l-Ministeru tas-Saħħa tal-Kroazja (fi Frar tal-2017)
(13) https://www.hzjz.hr/wp-content/uploads/2015/06/Healthy-Living-Food-criteria.pdf .
(14)      Ara s-sit web li ġej: https://www.lamoncloa.gob.es/serviciosdeprensa/notasprensa/sanidad/Paginas/2018/121118- premiosnaos.aspx.
(15) Ara s-sit web li ġej: https://www.rijksoverheid.nl/actueel/nieuws/2019/11/28/nutri-score-wordt-na-aanpassing-het-voedselkeuzelogo-voor-nederland.
(16)

     Ara s-sit web li ġej: https://gouvernement.lu/fr/actualites/toutes_actualites/communiques/2020/02-fevrier/12-lenert-bilan.html .

(17)    Il-konsum referenzjali tal-enerġija u tan-nutrijenti huwa l-konsum massimu rrakkomandat ta’ kuljum tagħhom.
(18)

     Il-gwida għall-ħolqien ta’ tikketta dwar in-nutrizzjoni għall-parti ta’ quddiem tal-pakkett għall-prodotti ppakkjati bil-lest li jinbiegħu minn ħanut tal-bejgħ bl-imnut (li ġiet aġġornata l-aħħar fit-8 ta’ Novembru 2016), li tinsab fis-sit web li ġej: https://www.gov.uk/government/publications/front-of-pack-nutrition-labelling-guidance.

(19)    Ara t-taqsima msejħa “Understanding the label” fis-sit web imsejjaħ “Reference Intakes” tal-inizjattiva FoodDrinkEurope (mogħtija fis-sit web li ġej: https://referenceintakes.eu/understanding-label.html )
(20)      Ara l-preżentazzjoni tas-sitt kumpaniji fil-Pjattaforma tal-UE għall-azzjoni dwar id-dieta u s-saħħa tat-30 ta’ Novembru 2017, li tinsab fis-sit web li ġej: https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/nutrition_physical_activity/docs/ev_20171130_co03_en.pdf.
(21)      Ara l-Komunikazzjoni tas-27 ta’ Ottubru 2017 imsejħa “Staatscourant Vinkje” (li tinsab fis-sit web li ġej: https://www.row-minvws.nl/documenten/vergaderstukken/2017/10/27/mededeling-staatscourant-vinkje-row-del-27-oktober-2017 ).
(22)       Skont ir-rapport preliminari ta’ analiżi tal-impatt regolatorju fuq it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni msejjaħ “Preliminary Regulatory Impact Analysis Report on Nutrition Labeling” li l-aġenzija nazzjonali tal-Brażil imsejħa “ANVISA” ppubblikat f’Mejju tal-2018.
(23)    Skont l-edizzjoni tal-2018 tal-aġġornament globali dwar it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni tal-EUFIC ippubblikata f’Lulju tal-2018 imsejħa “Global Update on Nutrition Labelling - The 2018 edition”.
(24)

     L-abbozz tar-regolamenti dwar is-sikurezza alimentari u l-istandards alimentari (marbutin mat-tikkettar u mal-wiri) tal-2019 imsejjaħ “Draft Food Safety and Standards (Labelling and Display) Regulations, 2019”, li l-Kumitat tad-WTO dwar l-ostakli tekniċi għall-kummerċ ġie mgħarraf bih fis-7 ta’ Lulju 2019.

(25)     Il-Linji Gwida tal-Codex Alimentarius dwar it-Tikkettar dwar in-Nutrizzjoni bin-numru ta’ referenza CAC/GL 2-1985, li ġew riveduti l-aħħar fl-2017 .
(26)     Ir-rapport tal-44 laqgħa tal-Kumitat Codex dwar it-Tikkettar tal-Ikel li saret fil-Paragwaj bejn is-16 u l-20 ta’ Ottubru 2017, li ħarġet il-Kummissjoni Codex Alimentarius (bin-numru ta’ referenza REP18/FL) .
(27) Il-45 laqgħa tal-Kumitat Codex dwar it-Tikkettar tal-Ikel saret f’Mejju tal-2019.
(28)       Ir-riċerka fost il-konsumaturi dwar il-logos marbutin mal-għażla tal-ikel li għamlet l-organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi msejħa “Consumentenbond” f’April tal-2018, li tinsab fis-sit web li ġej: https://www.consumentenbond.nl/binaries/content/assets/cbhippowebsite/landingspaginas/acties/weet-wat-je-eet/consumentenonderzoek-voedselkeuzelogos-nl.pdf.
(29)    L-istħarriġ li għamlet l-Università ta’ Göttingen f’Jannar tal-2018 f’kooperazzjoni mal-kumpanija msejħa “Zühlsdorf+Partner” imsejjaħ “Lebensmittelmarkt und Ernährungspolitik 2018” (it-tweġibiet pożittivi li ngħataw b’rabta mal-istqarrija li ġejja: “It-tikkettar bil-kuluri fuq quddiem tal-pakkett b’simboli li jixbhu lis-sinjali tat-traffiku nsibu utli”).
(30)

     Abbażi ta’ metaanaliżi ta’ bosta studji sperimentali u fil-ħajja reali, Cecchini & Warin (2016) ikkalkulaw li t-tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett iżid l-għadd ta’ persuni li jagħżlu ikel aħjar għas-saħħa b’għadd medju ta’ madwar 18 % (li jvarja minn 11 % sa 29 % skont l-iskema).

(31)      L-istudju sperimentali komparattiv internazzjonali dwar il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, imsejjaħ l-istudju FOP-ICE, li wettaq konsorzju xjentifiku mill-Università ta’ Pariġi 13 (fi Franza) u mill-Università ta’ Curtin (fl-Awstralja). Fih ittieħdu kampjuni rappreżentattivi fil-livell nazzjonali mill-Arġentina, mill-Awstralja, mill-Bulgarija, mill-Kanada, mid-Danimarka, minn Franza, mill-Ġermanja, mill-Messiku, minn Singapore, minn Spanja, mill-Istati Uniti tal-Amerka u mir-Renju Unit.
(32)    Dawn kienu t-tikketta tal-iskema msejħa “Nutri-Score”, dik b’simboli li jixbhu lis-sinjali tat-traffiku, dik tal-iskema msejħa “Health Star Rating”, dik b’simbolu ta’ twissija u dik tal-konsum referenzjali.
(33)      Dan il-programm intemm fl-2014.
(34)

     Ara r-rapport tax-xjenza u tal-politika li ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ħareġ fl-2014 dwar il-qagħda fl-Ewropa b’rabta mal-aċidi xaħmin trans imsejjaħ “Transfatty acids in Europe: where do we stand?”.

(35)    Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, għal ċerti prodotti agrikoli jew oġġetti tal-ikel li jkunu ngħataw it-titlu ta’ “indikazzjoni ġeografika” skont id-dritt tal-Unjoni (indikazzjoni ġeografika tinkludi l-indikazzjoni ġeografika protetta (l-IĠP) u d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (id-DOP), li huma żewġ skemi tal-kwalità li jipproteġu isem il-prodotti li jkunu ġejjin minn reġjun speċifiku u li jkunu magħmulin skont proċess partikulari tal-produzzjoni li jkun stabbilit fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti).
(36)      Skont l-istudji tal-każijiet li kuntrattur estern għamel fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 b’rabta mal-logo imsejjaħ “Keyhole”, mal-programm imsejjaħ “Choices”, mal-iskema ta’ tikkettar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett tar-Renju Unit u mal-iskema msejħa “Nutri-Score”.
(37) Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-kelma “ostaklu” għandha tinftiehem bħala dawk ir-regoli kummerċjali li l-Istati Membri jistabbilixxu li jaf ixekklu, direttament jew indirettament, il-kummerċ fl-UE b’mod reali jew potenzjali.
(38)      Skont l-Artikoli 34 sa 35 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri nazzjonali li jaf ixekklu l-kummerċ fl-UE huma pprojbiti.
(39)

     Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill li jikkontribwixxu biex jieqfu jiżdiedu l-Piż Żejjed u l-Obeżità fit-Tfulija (adottati fl-2017) (ĠU C 205, 29.6.2017, p. 46).

(40)       Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar nutrizzjoni tajba għat-tfal (adottati fl-2018) (ĠU C 232, 3.7.2018, p. 1) .
(41)      L-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar inċentivi lokali u reġjonali għall-promozzjoni ta’ dieti sani u sostenibbli (adottata fl-2018) (ĠU C 387, 25.10.2018, p. 21).
(42)    Wieħed jista’ jsib sommarju tal-laqgħat tat-23 ta’ April, tat-22 ta’ Ġunju u tat-22 ta’ Ottubru tal-2018 fis-sit web li ġej: https://ec.europa.eu/food/expert-groups/ag-ap/adv-grp_fchaph/wg_2018_en.
(43)

     Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfal għall-2014 sal-2020. Brussell: il-Kummissjoni Ewropea, li ġie aġġornat f’Lulju tal-2014 u li jinsab fis-sit web li ġej: https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/nutrition_physical_activity/docs/childhoodobesity_actionplan_2014_2020_en.pdf

(44) Ara s-sit web li ġej: https://www.beuc.eu/publications/beuc-x-2017-141_the_time_is_ripe_for_simplified_front-of-pack_labelling_statement.pdf.
(45) Ara wkoll is-sit web li ġej: http://www.beuc.eu/publications/new-european-commission-%E2%80%93-what-consumers-expect-over-next-five-years/html.
(46)    Skont l-informazzjoni li tat il-Federazzjoni Ewropea tal-assoċjazzjonijiet tal-esperti tan-nutrizzjoni (l-EFAD) fl-14 ta’ Ġunju 2018.
(47)      Sommarju tar-riżultati għad-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-kompetittività, l-informazzjoni għall-konsumaturi u regolamentazzjoni aħjar għall-UE b’rabta mat-tikkettar imsejjaħ “Summary of results for the consultation document on: “Labelling: competitiveness, consumer information and better regulation for the EU”” li l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat f’Diċembru tal-2006 (u li jinsab fis-sit web li ġej:(https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/labelling-nutrition_better-reg_cons-summary.pdf)
(48)    Skont l-informazzjoni li tat l-għaqda msejħa “Copa-Cogeca” fis-6 ta’ Lulju 2018.
(49)    https://europa.eu/citizens-initiative/home_en
(50)    Irtirata f’April 2020
(51)      Ara s-sit web li ġej: https://www.who.int/end-childhood-obesity/en/ .
(52) Ara s-sit web li ġej: https://www.who.int/nutrition/publications/policies/guidingprinciples-labelling-promoting-healthydiet/en/.
(53)    Ara r-rapport ta’ sinteżi tan-netwerk ta’ evidenza dwar is-saħħa bin-numru 61 ta’ Kelly, B. u Jewell, J. tal-2018 imsejjaħ “What is the evidence on the policy specifications, development processes and effectiveness of existing front-of-pack food labelling policies in the WHO European Region?” Copenhagen: l-Uffiċċju Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Ewropa. Kelly B., Jewell J., 2018 (Health Evidence Network (HEN) synthesis report 61).
(54)      Ara s-sit web li ġej: http://www.oecd.org/health/obesity-update.htm .
(55) SWD(2020) 95
(56) Ara s-sit web li ġej: https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt.
(57) COM(2020) 381
Top