EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0204

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri b’rabta mal-implimentazzjoni tal-miri nazzjonali stabbiliti fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom u mal-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi

COM/2020/204 final

Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 204 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Dwar l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri b’rabta mal-implimentazzjoni tal-miri nazzjonali stabbiliti fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom u mal-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi


1.INTRODUZZJONI

L-Unjoni Ewropea tibbenefika minn waħda mis-sistemi l-aktar stretti fid-dinja għall-awtorizzazzjoni u għall-kontroll tal-użu tal-pestiċidi 1 , jekk mhux l-aktar waħda stretta fosthom kollha. Id-Direttiva 2009/128/KE 2 dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (id-Direttiva SUD, sustainable use of pesticides), ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 3 , ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 4 , ir-Regolament (UE) 2017/625 5 u r-Regolament (KE) Nru 1185/2009 6 jipprovdu bażi leġiżlattiva għall-użu sikur u sostenibbli tal-pestiċidi fl-Unjoni Ewropea.

L-għan ta’ dan il-qafas għall-pestiċidi huwa li jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent billi titnaqqas id-dipendenza fuqhom, u permezz ta’ użu akbar ta’ pestiċidi b’riskju baxx u ta’ pestiċidi mhux kimiċi.

L-SUD jipprovdi firxa ta’ azzjonijiet biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi billi jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Wieħed mill-elementi ewlenin tiegħu huwa l-implimentazzjoni tal-Ġestjoni Integrata tal-Pesti (IPM) u l-promozzjoni ta’ metodi jew tekniki alternattivi, sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq il-pestiċidi. Il-politika Agrikola Komuni (PAK) attwali u futura tinkludi diversi strumenti, li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-IPM mill-utenti 7 .

L-SUD huwa fil-biċċa l-kbira bbażat fuq azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell tal-Istati Membri, minħabba l-varjazzjoni fl-agrikoltura madwar l-UE. Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jipproduċu Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali (NAPs) li jistabbilixxu l-għanijiet, il-miri, il-miżuri u l-iskedi ta’ żmien kwantitattivi tagħhom. L-implimentazzjoni sħiħa tal-SUD tnaqqas ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, u tnaqqas id-dipendenza fuq il-pestiċidi.

Skont l-Artikolu 4(3) tal-SUD, il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta’ miri nazzjonali stabbiliti fl-NAPs tagħhom sabiex jilħqu l-għanijiet tad-Direttiva. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16 tal-SUD, il-Kummissjoni għandha tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Dan ir-rapport jindirizza dawn ir-rekwiżiti ta’ rapportar.

Hemm għarfien dejjem jikber fis-soċjetà dwar is-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-ikel, li l-użu sostenibbli tal-pestiċidi huwa komponent importanti, kif rifless fl-Aġenda tal-2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli 8 u d-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030” 9 . Dan l-għarfien immanifesta ruħu f’Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fl-2017 10 fejn sar appell lill-Kummissjoni biexinter alia tistabbilixxi miri mandatorji fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi biex jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi. Fit-tweġiba tagħha għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej 11 , il-Kummissjoni impenjat ruħha li tuża dan ir-rapport bħala opportunità biex tevalwa jekk kienx sar biżżejjed progress fit-tnaqqis tar-riskji assoċjati mal-pestiċidi. Jekk ma jkunx sar biżżejjed progress, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tikkunsidra li tistabbilixxi mira obbligatorja għall-Unjoni Ewropea kollha għat-tnaqqis tar-riskju mill-pestiċidi.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Awdituri reċentement ippubblikat rapport dwar “L-użu sostenibbli ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti” 12 li vvaluta jekk l-azzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri kinux wasslu għal tnaqqis fir-riskji relatati mal-użu tal-pestiċidi, u jekk il-leġiżlazzjoni rilevanti pprovdietx inċentivi effettivi biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-pestiċidi. Ir-rapport jagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni inkluż li l-prinċipji IPM jiġu mibdula fi kriterji prattiċi, u li kemm l-istatistika dwar il-pestiċidi kif ukoll l-indikaturi armonizzati għandhom jittejbu.

Hemm tnaqqis sostanzjali fil-bijodiversità fl-ekosistemi agrikoli kif rifless fit-tnaqqis tal-għasafar tar-raba’ u t-telf tal-popolazzjonijiet tal-insetti f’partijiet tal-UE. Fost fatturi oħra, l-użu tal-pestiċidi ġie identifikat bħala xprun importanti għal dawn l-iżviluppi.  

Il-Kummissjoni qed tindirizza xi kwistjonijiet soċjetali rigward is-sostenibbiltà fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew 13 , u b’mod partikularifil-qafas tal-istrateġiji tagħha “mill-Għalqa sal-Platt” b’rabta mal-Bijodiversità. Dawn l-inizjattivi se jippromwovu ekosistemi u bijodiversità b’saħħithom, sistemi tal-produzzjoni tal-ikel aktar sostenibbli u dieti aktar tajbin għas-saħħa filwaqt li jiżguraw għajxien sostenibbli għall-bdiewa u aċċess għal ikel ta’ kwalità għolja u sustanzjuż għall-konsumaturi. Huwa rikonoxxut li se jkunu meħtieġa tekniki innovattivi biex jintlaħqu dawn l-ambizzjonijiet.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq dawn is-sorsi ta’ informazzjoni:

·Il-15 NAPs riveduti rrappurtati lill-Kummissjoni, disponibbli bl-Ingliż, sal-31 ta’ Marzu 2019 14 ,

·It-tweġibiet għal ittra mill-Kummissjoni lil kull Stat Membru f’Ottubru 2017 li tiddeskrivi n-nuqqasijiet speċifiċi fl-NAPs inizjali tagħhom,

·L-awditi tal-Kummissjoni f’erba’ Stati Membri fl-2018 15 u f’seba’ Stati Membri fl-2019 16 biex jinvestigaw il-progress ġenerali fl-implimentazzjoni tal-SUD,

·It-tweġibiet għal ittra mill-Kummissjoni lil erba’ Stati Membri 17 f’Ottubru 2 018 li jkomplu jiċċaraw nuqqasijiet speċifiċi fl-NAPs inizjali tagħhom,

·Ir-risposti ta’ 24 Stat Membru 18 għal stħarriġ tal-Kummissjoni f’Diċembru 2018 dwar ir-rieżamijiet tal-NAPs inizjali tagħhom,

·Informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma tal-SUD organizzati mill-Kummissjoni,

·Ir-riżultati ta’ indiċi tal-monitoraġġ tal-konformità żviluppat mill-Kummissjoni biex jiġi kkwantifikat il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ kull Artikolu tal-SUD mill-Istati Membri (Anness). L-indiċi ta’ monitoraġġ tal-konformità jippermetti l-kejl tal-livell ta’ konformità għal kull Artikolu tal-SUD fil-livell tal-Unjoni Ewropea, abbażi tas-sorsi ta’ informazzjoni msemmija hawn fuq u ta’ komunikazzjoni diretta mal-Istati Membri.

Il-portal web tal-Kummissjoni ddedikat għall-SUD jospita l-NAPs kollha, kemm dawk inizjali kif ukoll dawk riveduti ( https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/sustainable_use_pesticides/nap_en ). Ir-rapporti kollha tal-awditjar huma disponibbli f’ http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/audit_reports/ .

2.IL-PJANIJIET TA’ AZZJONI NAZZJONALI

Skont l-Artikolu 4 tal-SUD, l-Istati Membri kienu obbligati jikkomunikaw l-NAPs tagħhom lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra sas-26 ta’ Novembru 2012. Dawn l-NAPs għandhom jistabbilixxu għanijiet, miri, miżuri u skedi ta’ żmien kwantitattivi biex jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. L-Istati Membri kienu meħtieġa wkoll li jirrieżaminaw l-NAPs tagħhom mill-inqas kull ħames snin.

Aktar minn żewġ terzi tal-Istati Membri naqsu milli jlestu r-rieżami tal-NAP inizjali tagħhom sal-iskadenzi legali ta’ ħames snin.

Tmien Stati Membri kkonkludew ir-rieżami tal-NAP inizjali tagħhom fi żmien l-iskadenza ta’ ħames snin 19 . Seba’ Stati Membri adottaw NAPs ġodda wara dan ir-rieżami, filwaqt li l-Ġermanja ma għamlet l-ebda bidla sostanzjali, peress li qieset li kien hemm biżżejjed flessibbiltà fl-NAP inizjali tagħhom. Fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, tlettax-il Stat Membru ieħor 20 kienu kkonkludew ir-rieżami tal-NAP inizjali tagħhom, iżda mhux fi żmien l-iskadenza ta’ ħames snin. Is-seba’ Stati Membri li kien fadal ma kinux lestew ir-rieżami tal-NAP inizjali tagħhom.

Minoranza żgħira biss ta’ Stati Membri identifikaw eżempji speċifiċi ta’ miri u indikaturi utli bbażati fuq ir-rieżami tal-NAP inizjali tagħhom.

Tliet Stati Membri 21  identifikaw miri utli bbażati fuq rieżami tal-NAPs inizjali tagħhom. Il-Ġermanja stabbiliet mira ta’ tnaqqis ta’ 30 % fir-riskju potenzjali għall-ambjent sal-2023 meta mqabbel mal-linja bażi tal-medja għall-1996–2005. Id-Danimarka stabbiliet miri għal tnaqqis ta’ 40 % fl-Indikatur tat-Tagħbija tal-Pestiċidi (PLI) 22 u ta’ tnaqqis ta’ 40 % fit-tagħbija minn sustanzi ta’ tħassib serju ħafna sa tmiem l-2015, meta mqabbla mal-2011. Fl-aħħar nett, Franza stabbiliet mira għal tnaqqis ta’ 25 % fl-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPP) sal-2020, u tnaqqis ta’ 50 % fl-użu sal-2025, meta mqabbel mal-2015.

Xi Stati Membri fl-NAP inizjali tagħhom irreferew għal miri relatati mat-taħriġ tal-operaturi u l-ittestjar tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi (minn hawn ’il quddiem imsejħa miri bbażati fuq il-konformità) bħala utli. Għalkemm dawn huma rekwiżiti legali, il-fehma tagħhom hija li l-istabbiliment ta’ mira fl-NAP għen biex tissaħħaħ l-importanza tal-konformità mal-SUD f’dawn l-oqsma.

Tliet Stati Membri 23 enfasizzaw indikaturi utli ta’ riskju bbażati fuq rieżami tal-NAPs inizjali tagħhom. Dawn kienu l-indikatur tar-riskji tas-SYNOPS 24 fil-Ġermanja, il-PLI fid-Danimarka u l-indiċi tar-riskju għas-saħħa u l-ambjent fl-Isvezja 25 . Stati Membri oħra enfasizzaw li l-miżuri, kif distinti mill-indikaturi, tqiesu bħala utli. Dawn kienu jinkludu n-Numru ta’ Unitajiet ta’ Doża (NODU) 26 , ir-residwi ta’ sustanzi attivi fl-ikel, is-sejbiet ta’ sustanzi attivi fl-ilma, l-għadd ta’ persuni mħarrġa u l-kwantitajiet ta’ PPPs li tqiegħdu fis-suq.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma indirizzawx in-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni fl-NAPs inizjali tagħhom fl-NAPs riveduti tagħhom, sabiex il-maġġoranza tal-NAPs riveduti ma għandhomx ambizzjoni u jonqsu milli jiddefinixxu miri ta’ livell għoli bbażati fuq l-eżiti, sabiex jitnaqqsu r-riskji assoċjati mal-PPPs u d-dipendenza fuqhom.

Mill-15-il NAP riveduti rrappurtati lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2019, 13 27 jiffukaw fuq it-tnaqqis tar-riskju, filwaqt li Franza u l-Lussemburgu jiffukaw fuq it-tnaqqis globali tal-użu bħala mezz biex jitnaqqas ir-riskju.

Tliet Stati Membri biss 28 jistabbilixxu miri definiti b’mod ċar, ta’ livell għoli u bbażati fuq ir-riżultati skont l-Artikolu 4(1) tal-SUD. Id-Danimarka ffissat mira ta’ 1.96 għall-PLI, biex b’hekk iżżomm il-mira stabbilita fl-NAP inizjali tagħha. Franza stabbiliet mira li l-użu tal-PPP jitnaqqas b’25 % sal-2020 u b’50 % sal-2025, mingħajr ma jkollha impatt negattiv fuq id-dħul tal-azjendi agrikoli. Fl-aħħar nett, il-Lussemburgu stabbilixxa mira ta’ livell għoli biex l-użu tal-PPP jitnaqqas b’50 % sal-2030.

Stati Membri oħra għandhom jew miri bbażati fuq l-azzjoni, jew fuq il-konformità. Il-Polonja stabbiliet indikatur 29 ibbażat fuq livelli ta’ konformità b’aspetti speċifiċi tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, eż. l-użu ta’ PPPs awtorizzati, u l-SUD, eż. il-konformità mar-rekwiżit li l-utenti professjonali jkunu mħarrġa, u tistabbilixxi mira ta’ livell għoli bbażata fuq l-output ta’ dan l-indikatur. Spanja u l-Belġju t-tnejn jistabbilixxu miri ċari, iżda lkoll huma speċifiċi għas-settur u jirrelataw ma’ azzjonijiet eż. l-għadd ta’ kampanji ta’ informazzjoni kull sena, jew l-għadd ta’ azjendi agrikoli ta’ dimostrazzjoni li għandhom jiġu stabbiliti, aktar milli l-impatti kwantifikabbli, eż. l-għadd ta’ utenti professjonali li jimplimentaw l-IPM. Kemm is-Slovenja kif ukoll il-Finlandja stabbilew miri li huma rekwiżiti legali eżistenti, pereżempju li l-operaturi rilevanti kollha għandhom ikunu mħarrġa u li matul l-ispezzjonijiet m’għandu jinstab ebda PPP li jkun skada.

L-għan ġenerali tal-NAP għandu juri livell raġonevoli ta’ ambizzjoni, iżda l-maġġoranza tal-NAPs riveduti ma għandhomx ambizzjoni. Dan jidher fil-każijiet ta’ Ċipru, b’mira li jitnaqqas il-livell massimu ta’ residwi għal 3 % għall-ikel prodott f’Ċipru, u ta’ Spanja, Stat Membru bi kważi miljun azjenda agrikola 30 , li stabilixxa mira ta’ mill-inqas żewġ azjendi pilota biex jippromwovu l-IPM.

Nofs biss tal-NAPs riveduti identifikaw punti ta’ prijorità jew prattiki tajbin u sustanza attiva waħda biss identifikata ta’ tħassib partikolari.

L-Istati Membri huma obbligati li jidentifikaw jew l-elementi ta’ prijorità jew il-prattiki tajba fl-NAPs tagħhom skont l-Artikolu 15(2)(c) tal-SUD. Eżempji ta’ punti ta’ prijorità jinkludu sustanzi attivi, għelejjel, reġjuni jew prattiki li jeħtieġu attenzjoni partikolari. Ħames Stati Membri 31 identifikaw sustanzi attivi ta’ prijorità fl-NAPs riveduti tagħhom. Għadd ta’ Stati Membri, inkluż Franza, Spanja u l-Polonja identifikaw għelejjel minuri, u wessgħu l-firxa ta’ tekniki ta’ kontroll tal-pesti fuq dawn l-għelejjel, bħala punt ta’ prijorità. Fl-aħħar nett, l-ebda NAP rivedut ma identifika espliċitament reġjuni ta’ prijorità jew prattiki tajba.

L-NAPs għandhom jinkludu indikaturi biex jiġi mmonitorjat l-użu tal-PPPs li fihom sustanzi attivi ta’ tħassib partikolari skont l-Artikolu 4(1) tal-SUD. Franza hija l-uniku Stat Membru li fl-NAP tiegħu jipprovdi għall-monitoraġġ tal-użu ta’ sustanzi attivi ta’ tħassib partikolari. Hija timmonitorja l-kwantitajiet ta’ sustanzi attivi kklassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni li jinbiegħu kull sena.

Filwaqt li ebda NAP rivedut ma identifika formalment prattiki tajba skont l-Artikolu 15(2)(c) tal-SUD, l-NAPs kollha jinkludu xi azzjonijiet li jistgħu jitqiesu bħala prattiki tajba. MIatul l-awditi tal-Kummissjoni, kien hemm bosta eżempji ta’ Stati Membri li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tal-SUD. Dawn inkludew:

·Id-Danimarka, il-Lussemburgu u l-Irlanda kollha jeħtieġu li persuna mħarrġa u ċċertifikata tkun disponibbli biex tipprovdi gwida fiż-żmien tal-bejgħ ta’ PPPs għal użu mhux professjonali, filwaqt li Franza pprojbixxiet ix-xiri self-service ta’ PPPs għal użu mhux professjonali,

·Il-Belġju qed jippjana li jipprojbixxi l-bejgħ tal-PPPs kimiċi kollha lill-utenti mhux professjonali, ħlief għal sustanzi bażiċi u ta’ riskju baxx, u li jipprojbixxi r-reklamar ta’ PPPs għal użu mhux professjonali,

·Ir-Repubblika Ċeka qed tippjana reġistrazzjoni obbligatorja bbażata fuq il-web tal-applikazzjonijiet kollha tal-PPPs minn utenti professjonali sal-2022 sabiex tgħin fil-monitoraġġ aktar immirat tal-ilma,

·Spanja qed tippjana li tiżviluppa applikazzjoni tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) biex tippermetti li t-tranżazzjonijiet kollha tal-PPP jiġu rreġistrati elettronikament u tistabbilixxi mira ta’ mill-inqas 50 % tad-distributuri li jużaw din is-sistema fil-perjodu tal-NAP,

·Spanja teħtieġ ittestjar aktar frekwenti ta’ tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li jappartjeni lill-kuntratturi, peress li dan it-tagħmir x’aktarx li jintuża aktar ta’ spiss, u fuq żona usa’,

·Is-Slovenja titlob reġistrazzjoni mandatorja tat-tagħmir kollu ġdid għall-applikazzjoni tal-pestiċidi, u huwa f’dan il-punt li jridu jiġu indirizzati n-nuqqasijiet, aktar milli jinstabu mal-ewwel spezzjoni mandatorja ħames snin wara,

·Il-Belġju jistabbilixxi mira ta’ 100 % tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li għandu żnienen li ma jferrxux ħafna fil-perjodu tal-NAP,

·L-Irlanda għandha sistema integrata ta’ edukazzjoni, riċerka u estensjoni agrikola ffinanzjata mill-fondi pubbliċi, li tgħin biex tiżgura li l-produtturi jkollhom informazzjoni IPM rilevanti u aġġornata,

·Id-Danimarka qed tippjana li tistabbilixxi sħubija għall-bexx u teknoloġija ta’ preċiżjoni biex tippromwovi l-użu ta’ għodod bħal sistemi ta’ pożizzjonament globali (GPS) u droni, li tipprovdi eżempju tajjeb ta’ kooperazzjoni ma’ firxa ta’ partijiet ikkonċernati biex jintlaħqu l-għanijiet tal-SUD.

3.INDIKATURI TAR-RISKJU ARMONIZZATI

Il-Kummissjoni żviluppat żewġ indikaturi tar-riskju armonizzati, li juru li għalkemm kien hemm tnaqqis fir-riskju mill-PPPs mibjugħa, kien hemm ukoll żieda sinifikanti fl-indikatur relatat mal-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza sa mid-dħul fis-seħħ tal-SUD.

Skont l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tal-SUD, ġew stabbiliti indikaturi tar-riskju armonizzati skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2019/782 32 . Dan kien ukoll konformi mal-impenn li ngħata b’reazzjoni għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Nipprojbixxu l-glifosat u nipproteġu n-nies u l-ambjent minn pestiċidi tossiċi”. Dawn l-indikaturi jippermettu lill-Kummissjoni tikkwantifika l-progress ġenerali fit-tnaqqis tar-riskji marbuta mal-PPPs taħt l-SUD.

L-ewwel indikatur tar-riskju armonizzat huwa bbażat fuq il-kwantitajiet ta’ PPPs imqiegħda fis-suq (mibjugħa) f’kull Stat Membru, filwaqt li t-tieni huwa bbażat fuq in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza mogħtija skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 minn kull Stat Membru. Iż-żewġ indikaturi jinkludu piż li jirrifletti l-proprjetajiet intrinsiċi perikolużi tas-sustanzi attivi fihom. Huwa xieraq li tintuża linja bażi ta’ tliet snin fil-kalkolu ta’ dawn l-indikaturi peress li l-kwantità u n-natura tal-PPPs użati jvarjaw bejn is-snin minħabba varjazzjonijiet fil-firxa u s-severità tat-tifqigħat tal-pesti bejn is-snin.

Figura 1. Xejra fl-indikatur tar-riskju armonizzat 1 (HRI 1), b’linja bażi ta’ 100, abbażi tal-medja tal-2011, tal-2012 u tal-2013.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea 

L-indikatur tar-riskju armonizzat 1 juri tnaqqis fir-riskju ta’ 20 % mill-perjodu ta’ referenza għall-2017 anki jekk il-kwantità ta’ PPPs mqiegħda fis-suq baqgħet relattivament kostanti matul dak il-perjodu 33 . Dan jissuġġerixxi bidla lejn użu aktar mifrux ta’ sustanzi anqas perikolużi. Madankollu, hemm potenzjal għal aktar tnaqqis fir-riskju u fl-użu permezz ta’ implimentazzjoni mtejba tal-SUD u adozzjoni akbar tal-IPM, inkluża l-adozzjoni aktar mifruxa ta’ tekniki mhux kimiċi għall-kontroll tal-pesti.



Figura 2. Xejra fl-indikatur tar-riskju armonizzat 2 (HRI 2), b’linja bażi ta’ 100, abbażi tal-medja tal-2011, tal-2012 u tal-2013.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

L-indikatur tar-riskju armonizzat 2 juri żieda ta’ 50 % mill-perjodu ta’ referenza sal-2017. Dan l-indikatur huwa bbażat fuq l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza differenzjati mill-proprjetajiet ta’ periklu intrinsiċi tas-sustanzi attivi fil-PPPs. Madankollu, l-iskala ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza individwali (u għalhekk il-kwantitajiet ta’ PPPs użati) tvarja ħafna, pereżempju minn ftit ettari fil-każ ta’ għelejjel żgħar ħafna għal użu mifrux fl-uċuħ tar-raba’ fuq skala kbira f’każijiet oħra. Peress li l-kwantitajiet ta’ PPPs użati, jew informazzjoni relatata, ma ġewx irreġistrati bl-istess mod mill-Istati Membri kollha li taw dawn l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza fil-perjodu 2011-2017, ma kienx possibbli li jiġi stabbilit indikatur aktar sofistikat.

Dawn l-awtorizzazzjonijiet jingħataw għal firxa wiesgħa ta’ raġunijiet, inklużi kwistjonijiet emerġenti dwar is-saħħa tal-pjanti u użi minuri, kif definit fl-Artikolu 3(26) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. F’xi każijiet, dawn jistgħu jinkludu parti importanti mill-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-kontroll tat-tixrid ta’ pesti ġodda, peress li l-Istati Membri jistgħu jagħtu dawn l-awtorizzazzjonijiet relattivament malajr wara l-iskoperta tal-pest. Madankollu, iż-żieda sinifikanti fin-numru ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet tista’ tiġi attribwita għan-nuqqasijiet min-naħa tal-Istati Membri li jimplimentaw bis-sħiħ kemm l-SUD kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għar-raġunijiet spjegati hawn taħt.

Ix-xejra tal-indikatur tar-riskju armonizzat 2 turi li tekniki alternattivi għall-prevenzjoni tat-tifqigħat tal-pesti, sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq il-PPPs jew għadhom mhumiex disponibbli jew mhumiex applikati biżżejjed. Huwa jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 f’termini ta’ skadenzi biex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-PPPs u biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet għal użi minuri previsti fl-Artikolu 51 tar-Regolament (estensjoni tal-awtorizzazzjonijiet għal użi minuri). Barra minn hekk, l-aktar sustanzi attivi perikolużi qed jitneħħew mis-sett ta’ għodod għall-protezzjoni tal-pjanti kif deskritt fl-Evalwazzjoni REFIT tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u r-residwi ta’ pestiċidi (ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u r-Regolament (KE) Nru 396/2005) 34 .

L-Istati Membri huma meħtieġa jikkalkulaw l-indikatur tar-riskju armonizzat 1 u l-indikatur tar-riskju armonizzat 2, jidentifikaw ix-xejriet fl-użu ta’ ċerti sustanzi attivi, u jidentifikaw elementi ta’ prijorità, bħal sustanzi attivi, uċuħ tar-raba’, reġjuni jew prattiki li jeħtieġu attenzjoni partikolari, jew prattiki tajba. Huma jridu jikkomunikaw ukoll ir-riżultati ta’ dawn l-evalwazzjonijiet lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra u jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku. Sal-lum, għoxrin Stat Membru kkalkulaw u ppubblikaw l-indikatur tar-riskju armonizzat 1 u 2, iżda għadd żgħir biss ta’ Stati Membri identifikaw xejriet fl-użu ta’ ċerti sustanzi attivi, elementi ta’ prijorità jew prattiki tajba 35 . 

Kemm l-indikatur tar-riskju armonizzat 1 kif ukoll 2 huma indikaturi ta’ livell għoli, u skont l-Artikolu 15 tal-SUD, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw l-indikaturi nazzjonali eżistenti jew jadottaw indikaturi xierqa oħra flimkien magħhom, biex jirriflettu aħjar ix-xejriet fir-riskji rilevanti għat-territorju tagħhom.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni impenjat ruħha li taħdem fuq l-iżvilupp ta’ aktar indikaturi tar-riskju armonizzati, flimkien mal-Istati Membri, filwaqt li tqis sorsi ġodda ta’ data biex tkejjel aħjar l-evoluzzjoni fir-riskji assoċjati mal-użu tal-PPPs u d-dipendenza fuqhom. B’mod partikolari, il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li tiġi żviluppata alternattiva għall-indikatur tar-riskju armonizzat 2 biex tirrifletti b’mod aktar preċiż ir-riskji assoċjati mal-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza bħala l-ewwel prijorità f’dan il-qasam. Dan ikun jinvolvi l-iżvilupp ta’ indikatur ġdid ibbażat fuq l-għadd ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, l-iskala ta’ użu li tirriżulta minn awtorizzazzjonijiet individwali (eż. l-għadd ta’ ettari ttrattati), u l-proprjetajiet tal-PPPs użati, li mbagħad jirriflettu aħjar ir-riskji li jirriżultaw mill-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza.

Analiżi aktar dettaljata tal-indikaturi tar-riskju armonizzati disponibbli f’https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/sustainable_use_pesticides/harmonised-risk-indicators_en.

4.IMPLIMENTAZZJONI ĠENERALI TAD-DIRETTIVA

Minkejja d-dewmien mifrux fir-reviżjoni tal-NAPs, u n-nuqqas ta’ miri ta’ livell għoli bbażati fuq l-eżiti fil-biċċa l-kbira tal-NAPs riveduti, l-Istati Membri għamlu progress fl-implimentazzjoni tal-SUD f’dawn l-aħħar sentejn. F’każijiet fejn il-progress ma kienx sodisfaċenti, il-Kummissjoni bħalissa qed tikkunsidra firxa ta’ azzjonijiet, inklużi proċeduri ta’ ksur.

Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2017 36   irrikonoxxa l-progress sostanzjali li sar, iżda kkonkluda li l-Istati Membri kellhom jagħmlu aktar biex jimplimentaw l- SUD sabiex jiksbu t-titjib ambjentali u tas-saħħa li kien hemm maħsub. Ir-rapport identifika l-ispezzjoni tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi, l-informazzjoni dwar avvelenamenti bil-pestiċidi u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-IPM bħala oqsma speċifiċi li jeħtieġu titjib.

 

Hija kkonkludiet li l-Istati Membri kellhom bżonn jirrieżaminaw u jtejbu l-kwalità tal-NAPs tagħhom, billi jistabbilixxu miri u indikaturi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu bħala parti minn strateġija fit-tul biex jitnaqqsu r-riskji u l-impatti mill-użu tal-pestiċidi. Dawn il-miri mbagħad jippermettu lill-Istati Membri jimmonitorjaw il-progress fl-implimentazzjoni tal-SUD, u jaġġustaw l-istrateġija tagħhom fejn meħtieġ.

Il-Kummissjoni ħadet approċċ multidimensjonali biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni bagħtet ittri individwali lill-Istati Membri kollha f’Ottubru 2017, abbażi ta’ rieżami dettaljat tal-NAPs inizjali tagħhom u li jispjegaw in-nuqqasijiet speċifiċi tagħhom. L-Istati Membri ġew imħeġġa jirriflettu fuq dawn il-kwistjonijiet bil-ħsieb li forsi ssir reviżjoni tal-NAPs tagħhom.

Fuq il-bażi tat-tweġiba għal dawn l-ittri, il-Kummissjoni wettqet sensiela ta’ awditi mmirati biex tevalwa l-implimentazzjoni tal-SUD fi ħdax-il Stat Membru, u barra minn hekk, bagħtet ittra lil erba’ Stati Membri biex tiċċara ċerti aspetti tal-implimentazzjoni tal-SUD.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni żviluppat indiċi ta’ monitoraġġ tal-konformità biex tiġbor fil-qosor il-progress li sar fl-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ kull Artikolu tal-SUD. Dan l-indiċi juri titjib ta’ 10 % fl-implimentazzjoni globali tal-SUD fil-perjodu 2017–2019, kif deskritt fl-Anness.

Fuq il-bażi tat-tweġibiet għal dawn iż-żewġ serje ta’ ittri, l-eżiti tal-awditi, u l-progress muri mill-indikatur, il-Kummissjoni tinnota li mill-2017 sar progress addizzjonali fl-implimentazzjoni tal-SUD. Pereżempju, iż-żoni ttrattati bil-bexx mill-ajru qed ikomplu jonqsu, il-maġġoranza tal-Istati Membri stabbilew sistemi komprensivi għat-taħriġ u għaċ-ċertifikazzjoni tal-operaturi u l-ittestjar tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi, u stabbilew miżuri biex jipproteġu l-ambjent akkwatiku u biex jiżguraw li l-pestiċidi jiġu maħżuna u mmaniġġjati b’mod sikur.

Madankollu, għad hemm nuqqasijiet speċifiċi fl-implimentazzjoni ta’ xi aspetti tal-SUD f’xi Stati Membri. L-aktar oqsma mifruxa ta’ nuqqasijiet huma relatati ma’ dewmien fir-rieżami tal-NAPs, dewmien fl-ittestjar tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi, u nuqqasijiet fil-kontrolli tal-Istati Membri fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-NSUD, eż. fir-rigward tal-IPM. F’każijiet fejn il-progress ma kienx sodisfaċenti, il-Kummissjoni bħalissa qed tikkunsidra firxa ta’ azzjonijiet, inklużi proċeduri ta’ ksur.

4.1ĠESTJONI INTEGRATA TAL-PESTI

Il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-IPM mill-Istati Membri għadha l-aktar nuqqas mifrux fl-applikazzjoni tal-SUD.

L-Artikolu 3(6) tal-SUD jiddefixxi IPM bħala “konsiderazzjoni attenta tal-metodi kollha disponibbli għall-protezzjoni tal-pjanti u l-integrazzjoni sussegwenti ta’ miżuri xierqa li jiskoraġġixxu l-iżvilupp ta’ popolazzjonijiet ta’ organiżmi ta’ ħsara u li jżommu l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u forom oħra ta’ intervent f’livelli li huma ġustifikati ekonomikament u ekoloġikament u li jnaqqsu jew jimminimizzaw ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent”. Il-Kummissjoni tqis l-IPM bħala wieħed mill-pedamenti tal-SUD, u li l-implimentazzjoni sħiħa tagħha hija meħtieġa sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi.

It-tmien prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata tal-pesti huma elenkati fl-Anness III tal-SUD, madankollu, id-Direttiva ma tiddefinixxix kif dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati fil-prattika, filwaqt li titħalla d-definizzjoni tagħhom għall-Istati Membri. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, dawn il-kriterji jeħtieġ li jiġu ddeterminati fil-livell nazzjonali, jew anke f’livell subnazzjonali, minħabba d-diversità tal-agrikoltura bejn, u fi ħdan l-Istati Membri, f’termini ta’ klima, għelejjel imkabbra u tekniki ta’ produzzjoni. Madankollu, l-Istati Membri ma bidlux il-prinċipji ġenerali tal-IPM fi kriterji preskrittivi u li jistgħu jiġu vvalutati li għandhom jiġu applikati mill-utenti. Għalhekk, l-Awtoritajiet Kompetenti ma għandhomx kriterji preskrittivi u li jistgħu jiġu vvalutati sabiex tiġi ddeterminata l-konformità mal-IPM, u għalhekk hemm evidenza limitata li l-IPM jiġi applikat sistematikament.

Il-leġiżlazzjoni attwali u futura proposta tal-PAK teħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema li tagħti pariri lill-benefiċjarji dwar il-ġestjoni tal-art u l-ġestjoni tal-azjendi agrikoli, u b’mod partikolari r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 14 tal-SUD dwar l-IPM. Skont is-sistema, il-benefiċjarji u l-bdiewa jistgħu jaċċessaw pariri dwar prattiki tal-biedja tajba fuq bażi volontarja, inkluż l-IPM.

L-Istati Membri kollha qed jieħdu xi azzjonijiet biex jippromwovu l-IPM, iżda l-iskala tar-riċerka ffinanzjata pubblikament dwar l-agrikoltura applikata tvarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Hemm ukoll strutturi fqar li jgħaqqdu lir-riċerkaturi u lill-bdiewa f’ħafna Stati Membri biex jiffaċilitaw il-pariri prattiċi meħtieġa mill-bdiewa li jkunu disponibbli għalihom.

Biex tindirizza n-nuqqas fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-IPM kif enfasizzat fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2017, il-Kummissjoni organizzat serje ta’ korsijiet tal-BTSF, u Workshop ta’ ġurnata dwar l-IPM, biex l-Istati Membri jiġu pprovduti b’qafas li bih jistgħu jistabbilixxu kriterji preskrittivi u li jistgħu jiġu vvalutati, li jistgħu jintużaw biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-IPM.

Madankollu, minkejja ħafna eżempji tajba ta’ riċerka dwar l-IPM u l-promozzjoni tagħha mill-Istati Membri, il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-IPM għadha l-aktar nuqqas mifrux fl-applikazzjoni tal-SUD. Konsegwentement, l-Istati Membri naqsu milli jisfruttaw il-potenzjal sinifikanti għal adozzjoni akbar tal-IPM, inkluża l-adozzjoni aktar mifruxa ta’ tekniki mhux kimiċi għall-kontroll tal-pesti.

5.AZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI BIEX JAPPOĠĠAW L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA

Din it-taqsima tiddeskrivi għadd ta’ azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni biex tappoġġa l-implimentazzjoni tad-Direttiva, inkluż bi tweġiba għat-talbiet magħmula mill-Parlament.

 

Il-Ministri rrikonoxxew l-importanza li jinkisbu l-objettivi tal-SUD, u li titħaffef l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-IPM, wara l-preżentazzjoni tar-rapport tal-2017 tal-Kummissjoni fil-laqgħa tal-Kunsill AGRIFISH tas-6 ta’ Novembru 2017 37 . Huma identifikaw PPPs b’riskju baxx, sistemi ta’ monitoraġġ tal-organiżmi tal-pesti, appoġġ finanzjarju, metodi ta’ kontroll mhux kimiċi, u indikaturi tar-riskju armonizzati bħala oqsma importanti f’termini ta’ titjib tal-implimentazzjoni tal-prinċipji IPM.

Aktar reċentement, fi Frar 2019, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-implimentazzjoni tal-SUD 38 . Huwa esprima d-dispjaċir tiegħu li l-livell ġenerali ta’ implimentazzjoni mill-Istati Membri mhuwiex biżżejjed biex jitnaqqsu r-riskji li jirriżultaw mill-użu tal-pestiċidi u d-dipendenza fuqhom. Huwa ħeġġeġ aktar iffukar fuq it-tnaqqis tar-riskju u enfasizza li l-implimentazzjoni tal-prattiki IPM, bħal alternattivi mhux kimiċi u PPPs b’riskju baxx, għandha rwol partikolarment importanti fl-isforzi biex tinkiseb implimentazzjoni sħiħa tal-SUD. Hija kkonkludiet billi talbet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu firxa ta’ azzjonijiet biex itejbu l-implimentazzjoni tal-SUD. Dawn inkludew l-istabbiliment ta’ linji gwida għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-IPM, il-protezzjoni ta’ gruppi vulnerabbli u l-pubbliku ġenerali, l-enfasi akbar fuq l-iżvilupp ta’ alternattivi b’riskju baxx għall-pestiċidi, u l-promozzjoni tal-preċiżjoni u l-biedja diġitali bħala mezz biex jitnaqqas ir-riskju mill-pestiċidi.

5.1TAĦRIĠ AĦJAR GĦAL IKEL AKTAR SIKUR (BTSF) 39

Il-Kummissjoni appoġġat lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-SUD permezz tal-korsijiet tal-BTSF.

Il-Kummissjoni organizzat serje ta’ 12-il kors tal-BTSF dwar it-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi mill-2015 sal-2018, li għalihom attendew aktar minn 200 uffiċjal mit-28 Stat Membru kollha. Dawn il-korsijiet ipprovdew lill-Istati Membri bl-għarfien li jimplimentaw l-obbligi tagħhom relatati mal-ittestjar ta’ tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi.

Il-Kummissjoni organizzat ukoll it-tieni serje ta’ korsijiet tal-BTSF dwar it-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi, li bdew fit-tielet kwart tal-2019. Dawn is-sitt korsijiet jiffukaw fuq it-tekniki ta’ spezzjoni u ta’ kalibrazzjoni u huwa antiċipat li madwar 120 parteċipant se jattendu għal dawn il-korsijiet.

Il-Kummissjoni organizzat ukoll serje ta’ korsijiet tal-BTSF li jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-IPM. Dawn l-14-il kors bdew fl-2018 u se jibqgħu għaddejjin sal-2020. Il-korsijiet huma mfassla biex jirriflettu l-għelejjel differenti mkabbra u l-prattiki agronomiċi differenti fl-Unjoni Ewropea kollha. L-għarfien miksub permezz ta’ dawn il-korsijiet għandu jipprovdi lill-Istati Membri bl-għodod meħtieġa biex jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-IPM fil-livell tal-farms.

5.2APPROVAZZJONI TAS-SUSTANZI ATTIVI

Hemm tendenza konsistenti ta’ żieda fin-numru ta’ sustanzi attivi mhux kimiċi, ta’ riskju baxx u bażiċi approvati.

Il-Kummissjoni ħadet firxa ta’ azzjonijiet biex tħaffef il-proċeduri biex tqiegħed PPPs b’riskju baxx fis-suq. Dawn jinkludu l-prijoritizzazzjoni tal-aġġornament, sal-aħħar tal-2020, tar-rekwiżiti tad-data u l-metodoloġiji ta’ valutazzjoni għall-mikroorganiżmi, u l-bidu ta’ taħriġ tal-BTSF fl-2020 biex jissaħħaħ l-għarfien espert fl-Istati Membri għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-mikroorganiżmi u bijopestiċidi oħra.

Hemm xejra konsistenti ta’ żieda fin-numru ta’ sustanzi attivi mhux kimiċi, ta’ riskju baxx u bażiċi approvati, minn inqas minn 60 fl-2009 għal kważi 120 fl-2019. Dawn is-sustanzi attivi jagħtu lill-bdiewa l-għodda biex jikkontrollaw il-pesti filwaqt li fl-istess ħin inaqqsu r-riskji marbuta mal-PPPs.

Barra minn hekk, l-aktar sustanzi attivi perikolużi qed jitneħħew mis-sett ta’ għodod għall-protezzjoni tal-pjanti kif deskritt fl-Evalwazzjoni REFIT tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u r-residwi ta’ pestiċidi (ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u r-Regolament (KE) Nru 396/2005).

Madankollu, huwa rikonoxxut li huwa meħtieġ li titwessa’ l-firxa ta’ sustanzi attivi mhux kimiċi, ta’ riskju baxx u bażiċi approvati biex jiżdiedu l-għażliet ta’ kontroll tal-pesti disponibbli għall-bdiewa sabiex titnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq l-aktar sustanzi attivi perikolużi.

5.3RIĊERKA U INNOVAZZJONI

Il-Kummissjoni qed tappoġġa firxa ta’ proġetti ta’ riċerka biex twessa’ l-firxa ta’ strateġiji, għodod u teknoloġiji alternattivi għall-kontroll tal-pesti u biex tiddetermina l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

Il-Kummissjoni, permezz tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020, tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu żviluppati strateġiji, għodod u teknoloġiji aktar sostenibbli għall-kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara biex jappoġġaw l-IPM, bħal prodotti ġodda b’riskju baxx, kontrolli bijoloġiċi, għodod ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet u biex jiġu determinati l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem 40 .

Taħt l-Isfida Soċjetali 2, il-Kummissjoni pprovdiet EUR 159 miljun 41 biex tappoġġa r-riċerka dwar l-IPM, ir-riskji emerġenti għas-saħħa tal-pjanti, l-alternattivi għall-pestiċidi kimiċi u s-sistemi ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, taħt dan il-programm ta’ ħidma, fl-2020, huwa previst li tiġi ffinanzjata azzjoni ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ ta’ netwerk pan-Ewropew ta’ azjendi agrikoli ta’ dimostrazzjoni tal-IPM, b’allokazzjoni ta’ EUR 6 miljun 42 . Lil hinn mill-IPM u s-saħħa tal-pjanti, il-Kummissjoni tappoġġa wkoll ir-riċerka dwar approċċi ekoloġiċi u l-biedja organika biex titrawwem ir-reżiljenza tal-agrikoltura 43 .

Barra minn hekk, is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni “Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu” 44 (EIP-AGRI) tgħaqqad il-proġetti Ewropej ta’ riċerka u innovazzjoni ffinanzjati taħt Orizzont 2020 ma’ gruppi operattivi iżgħar 45 li jaħdmu fuq livell nazzjonali u reġjonali taħt il-politika tal-iżvilupp rurali. L-approċċ interattiv tal-innovazzjoni promoss mill-EIP-AGRI, ibbażat fuq l-hekk imsejjaħ approċċ b’diversi atturi, jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn atturi b’tipi differenti iżda komplementari ta’ għarfien (riċerkaturi, bdiewa, konsulenti, negozji, NGOs u oħrajn), u b’hekk jgħin biex inaqqas id-distakk bejn ir-riċerka u l-prattika u jrawwem l-adozzjoni tal-innovazzjonijiet fil-prattika, b’mod partikolari fil-protezzjoni tal-pjanti u l-ġestjoni integrata tal-pesti.

5.4IL-GRUPP TA’ ĦIDMA TAL-SUD

Il-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma tal-SUD organizzati mill-Kummissjoni jipprovdu lill-Istati Membri b’opportunità biex jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-SUD u biex jiskambjaw l-aħjar prattiki.

Il-Kummissjoni torganizza laqgħat biannwali tal-Grupp ta’ Ħidma tal-SUD tal-Istati Membri, biex tiddiskuti l-implimentazzjoni tal-SUD, u biex taqsam l-aħjar prattiki. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati rilevanti bħan-Netwerk ta’ Azzjoni dwar il-Pestiċidi (PAN) tal-Ewropa, il-European Crop Protection Association (ECPA) u l-SPISE (Proċedura Standardizzata għall-Ispezzjoni tal-Isprayers fl-Ewropa) ippreżentaw il-ħidma tagħhom fil-laqgħat reċenti tal-Grupp ta’ Ħidma.

Il-Kummissjoni organizzat laqgħa konġunta tal-SUD u l-Gruppi ta’ Ħidma għall-Infurzar tal-PPP f’Mejju 2019 biex tindirizza kwistjonijiet ta’ tħassib reċiproku flimkien ma’ Workshop dwar l-IPM. L-għan tal-Workshop kien li jgħin lill-Istati Membri jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-IPM fil-livell tal-farms, billi jibni fuq l-esperjenzi miksuba fil-korsijiet tal-BTSF dwar l-IPM.

L-aktar laqgħa reċenti tal-Grupp ta’ Ħidma tal-SUD kienet laqgħa konġunta mal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Istatistika Agroalimentari, f’Novembru 2019, li indirizzat kwistjonijiet ta’ tħassib reċiproku, b’mod partikolari dawk relatati mal-iżvilupp ta’ indikaturi tar-riskju armonizzati aktar utli.

5.5IL-PORTAL TAL-WEB TAL-SUD

Il-portal tal-web tal-SUD jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-Istati Membri, u partijiet ikkonċernati oħra, fuq l-SUD u l-IPM.

Fl-2017, il-Kummissjoni stabbiliet portal web dedikat għall-SUD https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/sustainable_use_pesticides_en , kif propost mill-grupp ta’ esperti dwar il-protezzjoni sostenibbli tal-pjanti stabbilit taħt il-Presidenza Netherlandiża fl-2016, biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti dwar l-SUD u l-IPM.

Sebgħa u għoxrin Stat Membru 46 pprovdew total ta’ 240 link għal siti web, li jistgħu jiġu mfittxija kemm skont is-suġġett kif ukoll skont l-Istat Membru, sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti fost il-partijiet interessati.

5.6L-UŻU SOSTENIBBLI TAL-PESTIĊIDI TAĦT IL-POLITIKA AGRIKOLA KOMUNI ATTWALI U FUTURA

Il-PAK tappoġġa ħafna aspetti tal-użu sostenibbli tal-pestiċidi, u l-istess se jkomplu jagħmlu l-pjanijiet strateġiċi futuri tal-PAK.

Il-PAK attwali tinkludi diversi strumenti, li huma u se jkunu saħansitra aktar rilevanti u effettivi fil-futur għall-użu sostenibbli tal-pestiċidi u tal-IPM. Eżempju ewlieni huwa kif il-PAK ikkontribwiet għal tkabbir sinifikanti fl-agrikoltura organika, b’tali mod li fl-2018 7.5 % taż-Żona Agrikola Utilizzabbli issa kienet ikkoltivata taħt sistemi ta’ produzzjoni organika, meta mqabbla ma’ 2 % fl-2000 47 .

Il-kondizzjonalità proposta futura 48 ser tinkludi l-aktar partijiet rilevanti tal-prinċipji tal-IPM, b’mod partikolari t-tinwib tal-għelejjel u r-rekwiżiti għal sehem minimu ta’ erja agrikola taħt karatteristiċi mhux produttivi, kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-SUD. Huwa importanti li l-Kummissjoni tipproponi wkoll integrazzjoni aħjar tas-sistema biex tagħti pariri lill-bdiewa u integrazzjoni aħjar mar-riċerka u t-trasferiment tal-għarfien min-netwerks tal-PAK. Barra minn hekk, il-proposta żżomm il-pagamenti agroambjentali klimatiċi attwali li jinkoraġġixxu lill-bdiewa jimplimentaw metodi alternattivi ta’ kontroll tal-organiżmi tal-pesti (eż. bijoloġiċi). Il-PAK attwali tinkludi prattiki ta’ ekoloġizzazzjoni appoġġati minn pagamenti diretti lill-bdiewa u fil-futur l-Istati Membri se jkollhom aktar lok biex jiddefinixxu l-hekk imsejħa ekoskemi, inkluż għall-promozzjoni ta’ alternattivi għall-pestiċidi. Iċ-ċarezza fid-definizzjoni tal-prinċipji obbligatorji tal-IPM hija l-element ewlieni għal dawn il-pagamenti ta’ inċentiv, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti obbligatorji.

B’mod importanti, l-Istati Membri issa se jkollhom juru fil-pjanijiet strateġiċi tagħhom tal-PAK kif dawn il-Pjanijiet se jikkontribwixxu għal miri nazzjonali fit-tul stabbiliti fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatika, inkluż l-SUD. Dan iħaddan il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tal-SUD mal-għanijiet, il-miri, il-miżuri, l-iskedi u l-indikaturi kwantitattivi tagħhom li għandhom l-għan li jnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet tal-PAK tal-Istati Membri se jiġu mmonitorjati, u l-impatt se jitkejjel bl-użu tal-indikaturi stabbiliti. Dan se jiżgura, taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, li l-PAK se tappoġġa l-prattiki agrikoli għall-użu sostenibbli tal-pestiċidi skont il-ħtiġijiet u f’konformità mal-orjentazzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku.

 

5.7ANALIŻI TAD-DIRETTIVA

Fid-dawl tad-diversi nuqqasijiet li ġew identifikati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva u t-tħassib sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati rigward l-użu tal-pestiċidi, il-Kummissjoni se tevalwa sa liema punt id-Direttiva laħqet l-għanijiet maħsuba tagħha. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni se jinfurmaw l-azzjoni futura dwar it-tnaqqis tal-użu u r-riskju ta’ pestiċidi kimiċi taħt l-Istrateġija “mill-Għalqa sal-Platt” u dik tal-Bijodiversità u se jintużaw bħala bażi ta’ evidenza biex jiddefinixxu u jappoġġaw l-għażliet ta’ politika futuri, li se tinkludi r-reviżjoni tal-SUD.

6.    KONKLUŻJONIJIET

Inqas minn terz tal-Istati Membri lestew l-analiżi tal-NAPs tagħhom fi żmien l-iskadenza legali ta’ ħames snin. Minn dawk li rrieżaminaw l-NAPs tagħhom, il-biċċa l-kbira naqsu milli jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni fl-NAPs inizjali tagħhom, u 20 % biss tal-NAPs riveduti stabbilew miri ta’ livell għoli bbażati fuq l-eżiti, bħala parti minn strateġija aktar fit-tul biex jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi. Minkejja dawn in-nuqqasijiet fl-NAPs, l-Istati Membri għamlu progress fl-implimentazzjoni tal-SUD. Il-maġġoranza tal-Istati Membri stabbilew sistemi komprensivi għat-taħriġ u għaċ-ċertifikazzjoni tal-operaturi, u firxa ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-ilma u għall-immaniġġar u l-ħżin sikur tal-pestiċidi. Min-naħa l-oħra, l-infurzar tal-IPM huwa baxx, u hemm evidenza limitata li l-prinċipji tal-IPM jiġu applikati sistematikament.

L-indikatur tar-riskju armonizzat 1 juri li kien hemm tnaqqis fir-riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent mill-PPPs mibjugħa fl-Unjoni Ewropea mid-dħul fis-seħħ tal-SUD. Barra minn hekk, dan it-tnaqqis fir-riskju seħħ filwaqt li l-kwantitajiet ta’ PPPs mibjugħa u użati baqgħu relattivament kostanti, u dan jirrifletti l-profil dejjem jinbidel ta’ pestiċidi mibjugħa u użati fl-Unjoni Ewropea. Minkejja dan, fl-istess ħin, l-indikatur tar-riskju armonizzat 2 juri żieda relatata mal-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza. Madankollu, hemm potenzjal sinifikanti għal aktar tnaqqis tar-riskju permezz ta’ implimentazzjoni aktar kompleta tal-SUD u, b’mod partikolari, adozzjoni akbar tal-IPM, inkluża l-adozzjoni aktar mifruxa ta’ tekniki mhux kimiċi għall-kontroll tal-pesti. F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni hija impenjata wkoll li tiżviluppa aktar indikaturi biex tirrifletti aħjar l-evoluzzjoni tal-użu tal-pestiċidi, u r-riskji assoċjati, b’mod partikolari fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza.

Il-ħidma li għaddejja bħalissa min-naħa tal-Kummissjoni, permezz tal-azzjonijiet deskritti hawn fuq, u permezz ta’ awditi, monitoraġġ u taħriġ, irnexxielha tiżgura li l-implimentazzjoni tal-SUD, jekk mhux il-kwalità tal-NAPs, qed titjieb. F’każijiet fejn l-Istati Membri jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt l-SUD, il-Kummissjoni bħalissa qed tikkunsidra li tieħu passi ulterjuri, inklużi proċeduri possibbli ta’ ksur. Flimkien mal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni se tħejji proposta leġiżlattiva biex tirrevedi l-SUD.

Fl-aħħar nett, skont l-Istrateġija “mill-Għalqa sal-Platt” u dik għall-Bijodiversità, il-Kummissjoni se tieħu azzjonijiet biex tnaqqas b’50 % l-użu u r-riskju ta’ pestiċidi kimiċi sal-2030 u tnaqqas b’50 % l-użu tal-pestiċidi ta’ aktar periklu sal-2030. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tirrevedi l-SUD, ittejjeb id-dispożizzjonijiet dwar l-IPM, u tippromwovi użu akbar ta’ modi alternattivi biex tipproteġi l-ħsad mill-pesti u mill-mard.

 

(1)

     It-terminu “pestiċida”, fil-kuntest ta’ dan ir-rapport, jirreferi għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs) kif definiti mill-Artikolu 3(10)(a) tad-Direttiva 2009/128/KE.

(2)

     Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi, ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71–86.

(3)

     Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE, ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1–50.

(4)

     Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1–16.

(5)

     Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1-142.

(6)

     Ir-Regolament (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi, ĠU L 324, 10.12.2009, p. 1–22.

(7)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

Ir-Regolament (KE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni.

COM(2018) 392 Proposta għal Regolament li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK)

(8)

     Disponibbli fi: https://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E

(9)

     Disponibbli fi: https://ec.europa.eu/commission/files/reflection-paper-towards-sustainable-europe_en

(10)

     Disponibbli fi: https://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/initiatives/successful/details/2017/000002

(11)

     Disponibbli fi: https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/3/2017/EN/C-2017-8414-F1-EN-MAIN-PART-1.PDF

(12)

     Disponibbli fi: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR20_05/SR_Pesticides_MT.pdf

(13)

     COM(2019) 640 final Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

(14)

     l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja

(15)

     il-Bulgarija, Franza, l-Ungerija u Spanja

(16)

     l-Awstrija, Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Portugall u r-Rumanija

(17)

     Ċipru, il-Lussemburgu, Malta u r-Rumanija

(18)

     L-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit

(19)

     l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Lussemburgu u Spanja

(20)

     Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u l-Iżvezja

(21)

     Id-Danimarka, Franza u l-Ġermanja

(22)

     L-NAP Daniż jiddefinixxi l-PLI bħala indikatur tat-tagħbija totali potenzjali fuq is-saħħa u l-ambjent ibbażat fuq il-karatteristiċi ambjentali u tas-saħħa tal-pestiċidi abbażi ta’ data dwar il-bejgħ

(23)

     id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Iżvezja

(24)

     L-indikatur tar-riskji tas-SYNOPS huwa mudell għall-valutazzjoni tar-riskju potenzjali tal-PPPs fl-ambjent https://www.nap-pflanzenschutz.de/en/practice/assessment-of-pesticide-use/risk-analysis-synops/  

(25)

     L-indikatur huwa deskritt fl-NAP Żvediż disponibbli fi: https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/plant/docs/pesticides_sup_nap_swe_en.pdf  

(26)

     L-NODU huwa kkalkulat abbażi tad-data dwar il-bejgħ u jikkorrispondi għal għadd ta’ trattamenti medji applikati kull sena għall-għelejjel kollha fil-livell nazzjonali fi Franza https://agriculture.gouv.fr/quest-ce-que-le-nodu  

(27)

     l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja

(28)

     Id-Danimarka, Franza u l-Lussemburgu

(29)

     Disponibbli fi: https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/plant/docs/pesticides_sup_nap_pol-rev-2018_en.pdf  

(30)

     Disponibbli fi: https://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=ef_m_farmleg&lang=mt  

(31)

     Il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Lussemburgu u s-Slovenja 

(32)

     Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2019/782 tal-15 ta' Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-istabbiliment ta' indikaturi tar-riskju armonizzati C/2019/3580 ĠU L 127, 16.5.2019, p. 4–10

(33)

     Disponibbli fi: http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=aei_fm_salpest09&lang=en  

(34)

     Disponibbli fi: https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/refit_en

(35)

     L-informazzjoni rilevanti għal kull Stat Membru hija disponibbli f’ https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/sustainable_use_pesticides/harmonised-risk-indicators/trends-hri-ms_en  

(36)

     Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ta' Ottubru 2017 dwar il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri u dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi — COM(2017) 587 final, disponibbli f’ https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/plant/docs/pesticides_sup_report-overview_mt.pdf  

(37)

     Disponibbli fi: https://www.consilium.europa.eu/en/meetings/agrifish/2017/11/06/  

(38)

     Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-12 ta’ Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi ( 2017/2284(INI) ), disponibbli f’:  https://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2019-0082+0+DOC+XML+V0//MT  

(39)

     Taħriġ Aħjar għal Ikel Aktar Sikur (BTSF) hija inizjattiva ta’ taħriġ tal-Kummissjoni li tkopri l-liġi dwar l-ikel u l-għalf, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali u r-regoli dwar is-saħħa tal-pjanti. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta https://ec.europa.eu/food/safety/btsf_en

(40)

     Disponibbli fi: Programm ta’ ħidma tal-Isfida tas-Soċjetà 2 2016-2017 https://ec.europa.eu/research/participants/data/ref/h2020/wp/2016_2017/main/h2020-wp1617-food_en.pdf u l-isfida soċjetali 2 programm ta’ ħidma 2018-2020 (SFS-04, SFS-05 u SFS-6) https://ec.europa.eu/research/participants/data/ref/h2020/wp/2018-2020/main/h2020-wp1820-food_en.pdf

(41)

     Disponibbli fi: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/food-farming-fisheries/farming/documents/factsheet-agri-plant-health_en.pdf  

(42)

     Disponibbli fi: SFS-6-2018-2020 fi https://ec.europa.eu/research/participants/data/ref/h2020/wp/2018-2020/main/h2020-wp1820-food_en.pdf  

(43)

     Disponibbli fi: https://ec.europa.eu/information_society/newsroom/image/document/2018-18/agri_factsheets_07_ecological-approaches_ok_1545C778-C5D7-AA24-163D1DD06A4CDF2F_51894.pdf `

(44)

     Disponibbli fi: https://ec.europa.eu/eip/agriculture/en  

(45)

     Disponibbli fi: https://ec.europa.eu/eip/agriculture/en/about/operational-groups  

(46)

     Il-Bulgarija għadha ma pprovdiet l-ebda rabta mal-portal web tal-SUD

(47)

     Disponibbli fi: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Organic_farming_statistics  

(48)

     Hemm rabta permezz tal-kundizzjonalità attwali u s-sistemi ta’ kondizzjonalità futuri proposti bejn il-wasla ta’ appoġġ sħiħ tal-PAK għall-bdiewa u r-rispett tar-regoli bażiċi dwar l-ambjent u s-saħħa pubblika. 

Top

Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 204 final

ANNESS

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri b’rabta mal-implimentazzjoni tal-miri nazzjonali stabbiliti fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom u mal-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi


ANNESS

Il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE

Il-graff nru 1: Il-perċentwal ta’ implimentazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti speċifiċi tad-Direttiva 2009/128/KE fil-livell tal-UE fl-2017 u fl-2019

Sors: Id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

Il-graff nru 2: Il-perċentwal tal-bidla li kien hemm bejn l-2017 u l-2019 fl-implimentazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti speċifiċi tad-Direttiva 2009/128/KE fil-livell tal-UE

Sors: Id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

Il-graff nru 3: Il-bidla li kien hemm bejn l-2017 u l-2019 fil-livell ġenerali ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE f’kull Stat Membru

Sors: Id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

Top