IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.2.2020
COM(2020) 150 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Semestru Ewropew 2020: Valutazzjoni tal-progress fuq ir-riformi strutturali,
il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tar-rieżamijiet dettaljati skont ir-Regolament (UE) Nru 1176(2011)
{SWD(2020) 500-527 final}
1.Introduzzjoni
L-Ewropa titkellem bis-serjetà meta tgħid li trid tkun fuq quddiem fil-ksib tas-sostenibbiltà kompetittiva Fl-aħħar mill-aħħar il-prosperità tal-Ewropa u l-benesseri ta’ niesha jiddependu fuq l-azzjonijiet tal-politika li se jittieħdu fis-snin li ġejjin biex jiġu indirizzati l-isfidi fit-tul li qed jittrasformaw lill-ekonomija u lis-soċjetà tagħna.
L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2020 ippreżentat aġenda ekonomika ġdida u stabbilixxiet prijoritajiet ċari rigward il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi fl-UE. L-għan tagħha li tikseb sostenibbiltà kompetittiva jirrifletti bis-sħiħ il-Patt Ekoloġiku Ewropew u huwa mirfud minn erba’ dimensjonijiet: is-sostenibbiltà ambjentali, iż-żieda fil-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika. Approċċ li jkun iċċentrat fuq dawn l-erba’ dimensjonijiet jippermetti l-isfruttament tas-sinerġiji, l-indirizzar tal-kompromessi u s-sejbien tas-soluzzjonijiet li jiżguraw li l-ekonomija taħdem għan-nies u għall-pjaneta. Il-valutazzjoni li ġiet ippreżentata fir-rapporti tal-pajjiżi tal-lum se tikkontribwixxi għat-traduzzjoni ta’ dawn l-objettivi f’politiki konkreti fil-livell tal-Istati Membri.
Il-bini tas-sisien tal-prosperità ġejjiena tagħna jipprovdi wkoll tweġibiet għall-isfidi fuq żmien qasir u għat-tnaqqis li qed nesperjenzaw fit-tkabbir ekonomiku. L-ambjent ta’ bħalissa ta’ tkabbir baxx jenfasizza l-importanza tar-riforma strutturali li se ssaħħaħ it-tkabbir potenzjali tagħna filwaqt li żżid il-produttività tal-ekonomiji tagħna. L-ekonomija Ewropea għandha l-kapaċità li timmobilizza r-riżorsi finanzjarji li jwasslu għall-investimenti privati u pubbliċi li huma meħtieġa b’manjiera sostenibbli. Filwaqt li l-Istati Membri b’dejn għoli għandhom jipprijoritizzaw it-tnaqqis tad-dejn, dawk l-Istati Membri f’pożizzjoni fiskali favorevoli għandhom lok li jagħtu spinta lill-investiment u jżidu t-tkabbir ekonomiku u jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali. Fl-aħħar nett, l-issoktar tat-tnaqqis tal-iżbilanċi makroekonomiċi esterni u interni se jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija tagħna.
L-uniku mod kif nistgħu nkunu ta’ suċċess bħala kontinent huwa jekk l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jidderieġu l-politiki tagħhom f’direzzjoni waħda, u jpoġġu l-iżvilupp sostenibbli fil-qalba tal-politika u tal-azzjonijiet ekonomiċi tagħna. It-traduzzjoni tal-aġenda ekonomika l-ġdida f’politiki ekonomiċi, soċjali u fiskali nazzjonali effettivi madwar l-Unjoni se tgħin lill-Ewropa tikseb l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan se jippermetti lill-Ewropa tagħti eżempju lid-dinja dwar kif azzjoni politika deċiżiva tista’ twassal għal ġejjieni iktar sostenibbli, effluwenti, ġust u sikur għalina lkoll.
2.Il-karatteristiċi ewlenin il-ġodda tas-Semestru Ewropew
Biex nagħmlu suċċess, l-aġenda ekonomika l-ġdida trid tinbidel f’politiki konkreti, bħal strateġiji ta’ investiment, politiki fiskali responsabbli u riformi strutturali li javvanzaw is-sostenibbiltà kompetittiva fid-dimensjonijiet kollha tagħha. Is-Semestru Ewropew għandu rwol importanti fil-koordinazzjoni u t-tmexxija tal-isforzi nazzjonali fid-direzzjoni tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv fit-tul. Ir-rapporti tal-pajjiżi li ġew ippubblikati llum jippreżentaw analiżi dettaljata tal-isfidi soċjoekonomiċi ewlenin ta’ rilevanza makroekonomika li kull Stat Membru qed iħabbat wiċċu magħhom b’rabta mal-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Dawn se jinformaw ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tal-futur b’enfasi fuq il-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi li huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi fl-erba’ dimensjonijiet.
Ir-rapporti tal-pajjiżi tal-2020 jenfasizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet għall-ekonomiji tagħna li joriġinaw mit-tranżizzjoni ekoloġika. Dawn il-kwistjonijiet huma analizzati f’taqsima ġdida dwar is-sostenibbiltà ambjentali. Dan l-aħħar l-Istati Membri ppreżentaw il-Pjani Nazzjonali tagħhom għall-Enerġija u l-Klima, li se jkunu dokumenti ta’ referenza ewlenin għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-enerġija u tal-klima fl-Istati Membri, fosthom l-elementi ta’ rilevanza makroekonomika li huma segwiti fis-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni se tivvaluta dawn il-pjani fl-2020. Ir-rapporti tal-pajjiżi jikkontribwixxu wkoll għall-monitoraġġ tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u jitfgħu dawl fuq il-politiki makroekonomiċi u tal-impjiegi li jistgħu jgħinu biex jinkisbu. Kull rapport tal-pajjiż jinkludi valutazzjoni mqassra tal-progress tal-Istat Membru partikolari fir-rigward tal-SDGs b’mod kumplessiv kif ukoll anness iddedikat li jistabbilixxi l-prestazzjoni f’dak li jikkonċerna d-diversi għanijiet speċifiċi.
Ir-rapporti jiffokaw ukoll fuq dawk ir-reġjuni u s-setturi li l-aktar huma milquta mit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, dawn se jiggwidaw l-użu tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta li għadu kemm ġie propost. Dan huwa biss il-bidu. Hija meħtieġa aktar ħidma, u din se tiġi żviluppata mal-Istati Membri, b’konformità mal-approċċ li jintuża għall-programmazzjoni tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni.
Biex jindirizza l-isfidi soċjoekonomiċi u ambjentali urġenti tal-lum u ta’ għada b’suċċess, is-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika se jkollu jevolvi aktar. Fis-snin li ġejjin il-ħidma jeħtieġ li tissokta tiżgura li d-diversi dimensjonijiet tal-aġenda tal-iżvilupp sostenibbli b’rilevanza makroekonomika jkunu integrati sew fis-Semestru Ewropew (ara l-Kaxxa 1).
Kaxxa 1: L-integrazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-kunsiderazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà ambjentali fis-Semestru Ewropew
·B’konformità mal-kamp ta’ applikazzjoni legali tas-Semestru Ewropew, l-integrazzjoni tal-SDGs tiffoka fuq id-dimensjoni makroekonomika u kif jistgħu jinkisbu permezz ta’ politiki ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi. It-trasformazzjoni lejn ekonomija sostenibbli hija sfida determinanti b’implikazzjonijiet fuq it-tkabbir u l-impjiegi. B’konsegwenza ta’ dan, id-dimensjoni makroekonomika tieħu perspettiva usa’ u l-politiki u l-isfidi rilevanti għall-SDGs huma identifikati fir-rapporti tal-pajjiżi b’konformità mal-Patt Ekoloġiku u l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli. Dan tagħmlu b’mod konsistenti mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li huwa kumpass għall-konverġenza mġedda lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aktar tajbin fl-UE u t-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali tiegħu, li ssegwi l-implimentazzjoni tiegħu.
·B’konformità mal-Patt Ekoloġiku u l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, is-sostenibbiltà ambjentali qed tiġi integrata bis-sħiħ fil-proċess tas-Semestru. Ir-rapporti tal-pajjiżi tal-2020 jirreflettu dan l-approċċ ġdid permezz ta’ taqsima ġdida ddedikata għal dan. Dan jikkontribwixxi aktar għall-integrazzjoni tal-SDGs fis-Semestru. It-taqsima l-ġdida dwar is-sostenibbiltà ambjentali tipprovdi analiżi aktar komprensiva tal-isfidi tal-Istati Membri relatati mal-ambjent u l-klima, b’enfasi fuq dawk l-oqsma li huma interkonnessi mal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi, fosthom l-impatt soċjali ta’ dawn l-isfidi u l-politiki.
·Kull rapport ta’ pajjiż jinkludi wkoll anness ġdid li jistabbilixxi l-prestazzjoni ta’ kull Stat Membru individwali fir-rigward tal-SDGs u x-xejriet fuq il-ħames snin li għaddew. Filwaqt li jibnu fuq il-pubblikazzjoni annwali ewlenija tal-Eurostat dwar l-iżvilupp sostenibbli (Monitoring report on progress towards the SDGs in an EU context — 2019 edition), ir-rapporti tal-pajjiżi jirreferu għall-istatistika disponibbli dwar il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-Istati Membri.
·’Il quddiem se tiġi żviluppata aktar analiżi fil-fond li ssegwi l-implimentazzjoni tal-SDGs u li taqbad it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Bħala l-ewwel pass, il-ħruġ tal-pubblikazzjoni ewlenija ta’ kull sena tal-Eurostat dwar il-prestazzjoni dwar l-SDGs se jitressaq ’il quddiem biex ikun lest fil-bidu taċ-ċiklu li jmiss tas-Semestru Ewropew. L-informazzjoni rilevanti għall-SDGs, li l-Istati Membri huma mistiedna li jipprovdu fil-programm nazzjonali ta’ riforma mill-2020 ’il quddiem, se tikkumplimenta l-valutazzjoni tal-progress. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem ukoll biex iżżid l-għodod li għandha biex ittejjeb l-analiżi tal-implikazzjonijiet makroekonomiċi u soċjali tat-tranżizzjoni ekoloġika fiċ-ċikli futuri tas-Semestru. Għal dan il-għan, qed tiġi żviluppata sensiela ta’ indikaturi ewlenin biex jiġu applikati miċ-ċiklu li jmiss tas-Semestru. L-iżviluppar tagħhom se jsir mill-Kummissjoni f’ħidma mill-qrib mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra.
Il-Kummissjoni nediet ukoll dibattitu miftuħ dwar il-qafas tal-governanza ekonomika. Ir-rieżami tal-governanza ekonomika li ġie ppubblikat dan l-aħħar mill-Kummissjoni jivvaluta kif il-qafas ta’ bħalissa ħadem fil-passat. Iqis ukoll li l-kuntest ekonomiku nbidel fil-livell materjali minn mindu ġew adottati r-riformi tas-“six-pack” u tat-“two-pack” fl-2011 u fl-2013 rispettivament, bħalma nbidlet ukoll l-ambizzjoni aktar ġenerali għat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-Ewropa, b’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan wassal biex il-Kummissjoni qajmet dibattitu pubbliku dwar għadd ta’ kwistjonijiet biex tiġbor il-fehmiet dwar il-funzjonament tas-sorveljanza sal-lum, u l-modi li huma possibbli biex tittejjeb l-effettività tal-qafas fit-twettiq tal-objettivi ewlenin.
Fiċ-ċikli tal-futur is-Semestru Ewropew se jintlaqat mill-ħolqien tal-Istrument Baġitarju għall-Konverġenza u l-Kompetittività u tal-Istrument għall-Konverġenza u r-Riforma. Pereżempju, il-prijoritajiet politiċi strateġiċi li ġew ippreżentati mir-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro se jiġu msaħħa permezz tar-riformi u l-investimenti li se jiġu mħeġġa mill-Istrument Baġitarju għall-Konverġenza u l-Kompetittività.
Il-Kummissjoni se toħloq ukoll mekkaniżmu ġdid tal-istat tad-dritt, flimkien ma’ rappurtar annwali għall-UE kollha bil-għan li tissaħħaħ il-kultura tal-istat tad-dritt. Il-governanza tajba, l-istituzzjonijiet effettivi, is-sistemi ġudizzjarji indipendenti u effiċjenti, l-amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ kwalità, l-oqfsa ta’ insolvenza effettivi, huma determinanti importanti tal-ambjent kummerċjali ta’ Stat Membru u jistgħu jħallu impatt fuq id-deċiżjonijiet ta’ investiment. Il-qafas qawwi kontra l-korruzzjoni jista’ jgħin ukoll biex jitħares il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Għaldaqstant, it-tagħrif dwar il-prestazzjoni istituzzjonali u amministrattiva tal-Istati Membri, fosthom dak relatat mal-istat tad-dritt, liema dgħufijiet jistgħu joħolqu riskji makroekonomiċi jekk ma jiġux solvuti, se jibqa’ jikkontribwixxi għas-Semestru Ewropew u jinfluwenza l-valutazzjoni makroekonomika.
3.Il-Politiki tal-Istati Membri
L-analiżi li tinsab fir-rapporti tal-pajjiżi ta’ din is-sena tistabbilixxi t-triq biex l-Istati Membri jieħdu azzjoni fuq is-sostenibbiltà kompetittiva u titfa’ dawl fuq ir-riformi strutturali li huma meħtieġa u l-ħtiġijiet ta’ investiment importanti.
3.1 Is-sostenibbiltà ambjentali
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jibdel lill-Ewropa fl-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050, b’aktar tkabbir li juża r-riżorsi b’mod effiċjenti. Jispjega approċċ komprensiv fost il-kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi kollha – li b’mod partikolari jindirizza l-isfidi fil-qasam tat-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni enerġetika, il-bijodiversità, it-tniġġis u l-ekonomija ċirkolari – u bejn is-setturi, fosthom il-mobbiltà, l-industrija u s-sistemi tal-ikel. L-ambizzjoni trid tiġi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fl-Istati Membri. Il-politiki ekonomiċi nazzjonali u tal-UE jeħtieġ li jinternalizzaw l-impatt ambjentali tal-mudelli tal-produzzjoni u tal-konsum eżistenti u joħolqu l-inċentivi adegwati biex itejbu s-sostenibbiltà tagħhom. F’Ġunju 2019, il-Kummissjoni indikat id-diskrepanzi li għad fadal bejn il-kontributi nazzjonali proposti kollha flimkien abbażi ta’ abbozzi ta’ pjani mressqa mill-Istati Membri, u l-miri madwar l-UE li ġew stabbiliti mil-leġiżlazzjoni.
It-tranżizzjoni ekoloġika se tirrekjedi investiment sostanzjali u mmirat, kemm fil-livell pubbliku kif ukoll f’dak privat, u riformi strutturali profondi. L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ewlenin ta’ investiment, it-tħejjija ta’ proġetti ta’ investiment b’impatt kbir u t-tlaqqigħ tal-proġetti mal-għejun ta’ finanzjament li jkunu disponibbli, u l-akkumpanjament tal-proġetti bl-approċċ regolatorju t-tajjeb, se jkunu essenzjali biex jitwettaq dan l-objettiv. L-analiżi li hija ppreżentata fir-rapporti tal-pajjiżi dwar ir-riformi strutturali u l-aktar ħtiġijiet ta’ investiment sinifikanti, f’oqsma bħall-enerġija, it-trasport u l-kostruzzjoni, inkluż l-effiċjenza enerġetika, tista’ tiggwida l-azzjonijiet ta’ politika tal-Istati Membri b’konformità mal-prijoritajiet miftiehma fil-livell tal-UE. Ir-rapporti tal-pajjiżi fihom ukoll informazzjoni dwar l-għejun ta’ finanzjament fil-livell tal-UE.
L-appoġġ finanzjarju pubbliku, fosthom permezz tal-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jista’ jiġġenera fondi privati li jespandu l-volumi ta’ investiment sostenibbli. Sehem akbar minn qatt qabel tal-infiq mill-baġit tal-UE fuq l-enerġija sostenibbli u fuq l-azzjoni klimatika u ambjentali se jinkludi l-finanzjament privat, bi rwol ewlieni għall-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-ftehim politiku ta’ Diċembru bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar sistema ta’ klassifikazzjoni mifruxa mal-UE fir-rigward tal-investimenti ambjentali sostenibbli, fi kliem ieħor it-tassonomija, huwa pass importanti fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima billi jwassal għar-realizzazzjoni ta’ investimenti ekoloġiċi.
Il-prattiki tal-ibbaġitjar ekoloġiku huma għodod importanti għall-monitoraġġ tal-kontribuzzjoni tal-finanzi pubbliċi għall-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-identifikazzjoni espliċita tal-politiki tan-nefqa u tad-dħul fid-dokumenti baġitarji li jikkontribwixxu għall-azzjoni klimatika u għal għanijiet ambjentali oħrajn tista’ tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika u żżid il-koerenza tal-għanijiet ta’ politika u l-monitoraġġ tagħhom. Sa issa, huwa biss għadd żgħir ta’ Stati Membri (Franza, il-Finlandja, l-Irlanda u l-Italja) li qed jimplimentaw xi tekniki ta’ bbaġitjar ekoloġiku fil-qafas tal-proċessi baġitarji tagħhom. L-approċċi jvarjaw ferm u, apparti l-Italja, il-prattiki ta’ bbaġitjar ekoloġiku huma riċenti. F’xi każi l-informazzjoni dwar l-ibbaġitjar ekoloġiku tinkludi elementi ta’ rapportar addizzjonali, bħal pereżempju valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, lista ta’ sussidji dannużi, u informazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-indikaturi tal-benesseri. Ir-rwol tal-finanzi pubbliċi fit-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, ekoloġika, kompetittiva u inklużiva jeħtieġ li jiġi żviluppat aktar fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tevalwa u tagħmel analiżi komparattiva tal-prattiki tal-ibbaġitjar ekoloġiku.
L-użu tat-tassazzjoni ekoloġika bħala għodda li tibdel l-imġiba u li tiġġenera dħul għadu baxx. It-taxxi ambjentali, kif ukoll is-suriet differenti ta’ pprezzar tal-karbonju, huma strumenti ta’ politika importanti biex tinkiseb it-tranżizzjoni meħtieġa. Il-prezz għoli tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju ilu karatteristika ewlenija tal-politika klimatika tal-Iżvezja mill-2001, u sal-lum ikopri 40 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Iżvezja, u għen lil dan il-pajjiż inaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’setturi li mhumiex koperti mis-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet, fl-istess ħin li l-ekonomija tiegħu baqgħet tikber. Pajjiżi oħrajn, fosthom l-Irlanda, id-Danimarka, Franza, il-Finlandja, is-Slovenja, l-Estonja, il-Latvja, il-Polonja u l-Portugall, ukoll japplikaw taxxa fuq il-karbonju. Fl-Irlanda d-dħul kollu miż-żieda riċenti fil-prezzijiet tat-taxxa fuq il-karbonju (madwar EUR 90 miljun fl-2020) se jiġi allokat għall-infiq relatat mal-klima. Parti minnhom (EUR 6 miljun) se jintużaw biex jinħoloq “Fond għal Tranżizzjoni Ġusta” għall-Midlands – li jkun ikopri l-investiment għat-taħriġ mill-ġdid u l-għoti ta’ ħiliet ġodda u għajnuna lill-komunitajiet lokali u lin-negozji biex jaġġustaw ruħhom għat-tranżizzjoni lejn livelli baxxi ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
It-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u newtrali għall-klima jeħtieġ li tkun ekwa u soċjalment ġusta, li jitlob li jsir monitoraġġ regolari. Għalkemm il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali se tkun ta’ benefiċċju għalina fit-tul, u tipprovdi opportunitajiet lil kulħadd fuq terminu medju, mhux il-gruppi kollha fi ħdan il-popolazzjoni, ir-reġjuni u l-Istati Membri kollha għandhom l-istess kapaċità li jirrispondi fuq żmien qasir. Il-miżuri li jittieħdu fil-livell nazzjonali huma essenzjali biex jiġu mmitigati l-impatti negattivi fuq gruppi u setturi speċifiċi u biex jiġi żgurat trattament ekwu. Il-baġit tal-UE se jipprovdi wkoll kontribuzzjoni sostanzjali permezz tal-istrumenti kollha li huma rilevanti direttament mat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta li ġie propost mill-Kummissjoni se jikkontribwixxi biex ħadd ma jibqa’ lura, billi jagħti għajnuna lir-reġjuni u lin-nies l-aktar milquta mit-tranżizzjoni, speċjalment lil dawk li jiddependu fuq l-estrazzjoni ta’ fjuwils fossili solidi u li jużawhom għal skopijiet ta’ enerġija (il-faħam, il-linjite, il-pit u ż-żejt tax-shale) u l-industriji li jiġġeneraw gassijiet serra intensivi. Ir-rapporti tal-pajjiżi tal-lum jinkludu analiżi tal-isfidi tat-tranżizzjoni u jippreżentaw il-fehmiet preliminari tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet ewlenin għall-appoġġ mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Dan se jipprovdi input għall-Istati Membri meta jkunu qed iħejju l-Pjani ta’ Tranżizzjoni Ġusta territorjali li se jidentifikaw it-territorji eliġibbli, jispjegaw il-ħtiġijiet għad-diversifikazzjoni ekonomika, għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-użu tal-ħiliet, għall-innovazzjoni bbażata fil-livell lokali u għar-riabilitazzjoni ambjentali kif ikun xieraq. Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ tekniku apposta lill-Istati Membri biex jabbozzaw il-Pjani ta’ Tranżizzjoni tagħhom. Dawk il-pjani se jitfasslu mill-Istati Membri fi djalogu mal-Kummissjoni u se jkunu konsistenti mal-Pjani Nazzjonali tagħhom għall-Enerġija u l-Klima (NECP).
3.2 It-tkabbir tal-produttività
It-tkabbir tal-produttività għadu diffiċli, aktar u aktar fid-dawl tat-tibdil demografiku. Iż-żieda fil-produttività tax-xogħol għadha qed tonqos, b’differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri u fihom stess. Fl-2018 it-tkabbir tal-produttività tax-xogħol varja bejn 6 % fil-Polonja u -1,1 % fil-Lussemburgu. Id-differenzi huma akbar fil-livell reġjonali u fuq medja t-tkabbir tal-produttività kien ogħla fost id-ditti l-kbar milli fost l-SMEs.
Din il-prestazzjoni dgħajfa hija kkaġunata minn diversi kawżi. Fattur importanti għandu x’jaqsam mad-disponibbiltà u l-kwalità tal-input tal-produzzjoni. L-investiment insuffiċjenti fit-tagħmir kapitali, u fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, it-teknoloġiji ta’ produzzjoni li relattivament żmienhom għadda, it-tixjiħ tal-forza tax-xogħol, l-integrazzjoni insuffiċjenti tan-nisa u ta’ persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni fis-suq tax-xogħol, u n-nuqqas jew l-ispariġġ tal-ħiliet qegħdin iżommu lura t-tkabbir potenzjali. Pereżempju, fiċ-Ċekja r-rata tal-impjiegi laħqet it-80 % u n-nuqqas ta’ ħaddiema sar kwistjoni serja ta’ tħassib. Fil-Bulgarija, sehem sinifikanti mill-isforz tal-investiment għandu l-għan li jissostitwixxi l-makkinarju u t-tagħmir, li l-livell tagħhom xejn ma huwa avvanzat. Barra minn hekk, it-teknoloġiji l-ġodda mhumiex jilħqu d-ditti li mhumiex teknoloġikament avvanzati daqstant malajr daqskemm qed jilħqu lil dawk li huma, u dan qiegħed inaqqas l-effiċjenza kumplessiva tal-parti l-kbira tad-ditti, partikolarment tal-SMEs.
It-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali joffru sfidi iżda wkoll opportunitajiet biex l-ekonomija Ewropea tikber, biex il-kumpaniji tagħha jiżviluppaw mudelli kummerċjali ġodda kif ukoll għal prodotti u servizzi ta’ kwalità aħjar. Bħalissa t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija tal-Ewropa hija ostakolata minn prestazzjoni batuta f’bosta Stati Membri f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ qafas ewlenin. Hemm għadd ta’ kundizzjonijiet li jiddeterminaw kemm l-ekosistema tal-ekonomija diġitali hija b’saħħitha u sostenibbli. Dawn jinkludu l-ħiliet u l-infrastruttura diġitali, il-finanzjament għall-innovazzjoni, id-disponibbiltà tad-data, iċ-ċibersigurtà u s-servizzi pubbliċi adegwati għall-era diġitali. Pereżempju, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Italja għadhom lura fil-qasam tal-Gvern elettroniku filwaqt li l-Portugall u ċ-Ċekja tjiebu konsiderevolment. B’rabta mal-ħiliet diġitali, ekonomiji kbar bħal Franza, Spanja, il-Polonja u l-Italja mhumiex jagħmlu titjib li jżomm mal-pass teknoloġiku li din il-bidla tirrekjedi. Huma biss id-Danimarka u l-Iżvezja li għandhom livelli ta’ intensità diġitali qawwija fl-impriżi tagħhom, filwaqt li l-bqija tal-Istati Membri ma jilħqux l-10 % tal-kumpaniji b’livelli għolja ta’ diġitalizzazzjoni. Biex tikkumplimenta dawn l-isforzi l-Kummissjoni stabbilixxiet viżjoni għal soċjetà diġitali li taħdem għal kulħadd.
L-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jistgħu jintlaħqu biss permezz tal-innovazzjoni u tat-teknoloġiji ġodda. Is-sehem tal-UE fl-investiment dinji fir-Riċerka u l-Iżvilupp qiegħed jonqos. Issa ċ-Ċina qabżet lill-UE kemm f’termini relattivi kif ukoll f’dawk assoluti. Fil-fatt, fl-2019 il-Kunsill talab lill-Istati Membri kollha fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi biex jindirizzaw l-aspetti relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni. It-tkabbir tal-produttività li jwassal għas-sostenibbiltà kompetittiva mhuwiex se jkun possibbli mingħajr ma r-riċerka u l-innovazzjoni jkollhom rwol ċentrali fit-trasformazzjoni tas-sistemi soċjoekonomiċi tal-Ewropa, fosthom billi jittieħdu l-miżuri li jintegraw aktar is-Suq Uniku għall-oġġetti u s-servizzi. L-Istrateġija Industrijali ġdida għall-Ewropa li dieħla fis-seħħ dalwaqt se tgħin biex jinħoloq l-ambjent għal din l-innovazzjoni. Kontributur importanti ieħor se tkun l-inizjattiva l-ġdida biex iż-Żona Ewropea tar-Riċerka tittieħed fil-livell li jmiss. It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima se tirrekjedi mudelli ġodda ta’ produzzjoni u konsum xprunati minn innovazzjonijiet teknoloġiċi u soċjali. Iż-żieda fil-produttività tar-riżorsi kif ukoll l-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi Ewropej tar-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali f’dan ir-rigward.
L-istimular tar-riċerka u l-innovazzjoni privati huwa sfida ewlenija fl-Ewropa. F’diversi Stati Membri l-isforzi tar-riċerka u l-iżvilupp huma aktar u aktar ikkonċentrati f’għadd limitat ta’ ditti filwaqt li n-nefqa fl-innovazzjoni fl-SMEs qed tonqos. Din ix-xejra tikkontribwixxi għat-twessigħ tad-diskrepanza fil-produttività bejn id-ditti li huma teknoloġikament avvanzati u l-biċċa l-kbira li mhumiex. Ir-rapporti tal-pajjiżi juru li l-Istati Membri għandhom rwol f’dan kollu. Pereżempju, fl-Iżvezja, bażi teknoloġika u ambjent tan-negozju tajbin ippermettew lil negozju ġdid jespandi, bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, sabiex isir wieħed mill-ewwel produtturi Ewropej tal-batteriji tal-karozzi elettriċi, Fiċ-Ċekja, l-investiment fl-awtomatizzazzjoni tal-manifatturi tal-karozzi żiedu l-produttività tagħhom u introduċew l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali avvanzati. Sfortunatament, it-titjib fil-ambjent tan-negozju qed isir bil-mod, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal finanzjament suffiċjenti fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-innovazzjoni. Il-ħolqien tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali jista’ jiffaċilita ferm l-aċċess tad-ditti innovattivi għal finanzjament estern. L-istrateġija tal-SMEs li jmiss tal-Kummissjoni se tindirizza l-modi kif l-aċċess għal finanzjament min-naħa tal-SMEs jista’ jittejjeb.
Id-diverġenza sinifikanti fost l-Istati Membri timpedixxi lill-ekonomija Ewropea milli tilħaq il-potenzjal sħiħ tas-servizzi diġitali. Hemm differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri fir-rigward tal-progress tagħhom biex jiddiġitalizzaw l-ekonomiji tagħhom. Dan jista’ jirriżulta f’dewmien biex l-utenti kummerċjali u industrijali jintroduċu u jużaw it-teknoloġiji diġitali. L-iskjerament mifrux tan-netwerks 5G għandu jitwettaq mingħajr dewmien għaliex se jgħin lill-Ewropa taħtaf l-opportunitajiet offruti mir-rivoluzzjoni ekoloġika u diġitali.
It-tkabbir tal-produttività jiddependi ħafna fuq il-kapital uman. Dan jirrekjedi sistemi edukattivi u ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja, fosthom tal-edukazzjoni vokazzjonali, li se jagħtu lil kull persuna li tkun fihom il-kompetenzi ewlenin u l-ħiliet professjonali li huma meħtieġa f’suq tax-xogħol li qed jinbidel b’mod rapidu. Madankollu, is-sehem persistentement għoli ta’ dawk li anqas biss għandhom ħiliet bażiċi, kif ġie enfasizzat fl-aktar riżultati riċenti tal-PISA, huwa ostaklu importanti fuq l-iżvilupp tal-ħiliet u, aktar tard, għall-impjegabbiltà. Fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, il-Kunsill tenna t-talba tiegħu biex l-Istati Membri jżidu l-investiment fil-ħiliet biex jissodisfaw id-domanda għal xogħol kwalifikat.
Il-politiki li jħeġġu l-produttività jeħtieġ li jitfasslu skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività jistgħu jwasslu għal tali għarfien speċifiku għall-pajjiż. Għadd kbir ta’ Bordijiet tal-Produttività eżistenti ma ilhomx li nħatru u, għaldaqstant, għadu kmieni wisq biex tingħata valutazzjoni komprensiva dwar l-impatt tagħhom. Huwa fatt inkoraġġanti li l-Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività diġà ġew stabbiliti fil-maġġoranza tal-Istati Membri li jinsabu fiż-żona tal-euro u l-għadd ta’ Bordijiet qiegħed jiżdied b’mod kostanti. Erbatax-il Stat Membru fiż-żona tal-euro u erba’ Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro stabbilixxew il-Bord tal-Produttività tagħhom.
3.3 Il-Ġustizzja
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa t-tweġiba Ewropea għal dawn l-ambizzjonijiet fundamentali. It-twettiq tal-Pilastru – l-istrateġija tagħna biex jiġi żgurat li t-tranżizzjonijiet ikunu ġusti u ekwi mil-lat soċjali – huwa aktar importanti fl-isfond tal-prospetti ta’ perjodu mtawwal ta’ tkabbir b’ritmu aktar bil-mod fl-UE, anke jekk is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi ssoktat titjieb, kif ġie indikat fit-tabella ta’ valutazzjoni soċjali.
Riċentement il-Kummissjoni stabbilixxiet il-perkors tagħha għal Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u bdiet l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni mas-sħab soċjali dwar il-pagi minimi ġusti. Filwaqt li ma hemm l-ebda approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd, il-ġustizzja soċjali u l-progress soċjali huma s-sisien tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew. Fl-2019 il-pagi minimi għolew fi kważi l-Istati Membri kollha li għandhom livelli statutorji nazzjonali. L-Italja u Ċipru qegħdin jiddiskutu proposti li jintroduċu paga minima statutorja bil-liġi. Minkejja t-tkabbir moderat fil-pagi f’uħud mill-Istati Membri f’dawn l-aħħar deċennji, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema b’pagi baxxi marret għall-agħar u l-inugwaljanzi fil-pagi żdiedu. Madwar ħaddiem wieħed minn kull sitta fl-UE jaqbad paga baxxa. Dan is-sehem qed jiżdied fix-xejra tiegħu. Il-faqar fost dawk li jaħdmu żdied ukoll - minn 8,1 % għal 9,6 % bejn l-2005 u l-2018.
Il-livelli tal-qgħad għadhom konsiderevolment differenti bejn l-Istati Membri. Is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol hija sfida f’diversi Stati Membri, u ta’ sikwit hija assoċjata ma’ konsegwenzi negattivi fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u fuq is-sentimenti ta’ insigurtà. Il-ħaddiema b’kuntratt temporanju jesperjenzaw riskju ta’ faqar ogħla minn dawk li għandhom impjieg permanenti (16,2 % vs 6,1 % fl-2018). Uħud mill-gruppi, bħaż-żgħażagħ, dawk b’livell baxx ta’ ħiliet, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni, ukoll għadhom fi żvantaġġ fis-suq tax-xogħol.
Għadd ta’ Stati Membri qed jieħdu azzjonijiet biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u biex jippromwovu l-integrazzjoni ta’ gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol. Pereżempju, wara li ntlaħaq ftehim mas-sħab soċjali, il-Portugall adotta miżuri li jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u li jippromwovu l-impjieg permanenti. Is-Slovenja ħadet miżuri li jrawmu l-attivazzjoni u jtejbu s-sigurtà soċjali tal-persuni qiegħda. Ċipru wettaq riforma tal-ispettorat tax-xogħol u adotta pjan ta’ azzjoni bil-għan tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u biex dan jiġi trasferit lejn l-ekonomija formali, fosthom miżuri preventivi oltre minn dawk li jaġixxu ta’ deterrent.
Fuq dawn l-aħħar snin, id-diskrepanzi fl-impjiegi u s-salarji bejn in-nisa u l-irġiel għadhom kostanti f’livell għoli ferm. In-nisa għadhom jesperjenzaw rati ta’ impjieg baxxi, għadhom jaħdmu anqas sigħat, jitħallsu anqas u għandhom karrieri b’anqas kontinwità. Dan iħalli impatt negattiv fuq il-jeddijiet tal-pensjoni tagħhom. Spanja introduċiet liv tal-ġenituri ta’ 16-il ġimgħa għal kull ġenitur. Dan se jissostitwixxi l-liv ta’ maternità u ta’ paternità mill-2021. Fl-Irlanda, il-Baġit tal-2020 se jiffinanzja, fost l-oħrajn, programm li jgħin lin-nisa li mhumiex attivi minħabba responsabbiltajiet ta’ kura biex jerġgħu jidħlu fil-forza tax-xogħol. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-paternità tħalli impatt negattiv fuq ir-rati tal-impjieg tan-nisa, filwaqt li l-irġiel jintlaqtu bil-maqlub. Diversi Stati Membri qed jieħdu azzjoni biex itejbu l-aċċess għal servizzi ta’ kura affordabbli u ta’ kwalità, iżda għad fadal diffikultajiet.
L-investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet huwa kruċjali biex isir l-adattament għal bidliet strutturali, speċjalment dawk tat-tranżizzjonijiet ekoloġika u diġitali u tal-bidla demografika. L-aċċess indaqs għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja minn età bikrija huwa essenzjali wkoll għall-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs u għat-trawwim tal-inklużjoni, fosthom ta’ gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed bħar-Rom, il-persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni u l-persuni b’diżabbiltà. Madankollu, l-isfond soċjoekonomiku għadu l-aktar determinant importanti tal-eżiti tal-edukazzjoni taż-żgħażagħ. Diversi Stati Membri qegħdin jimplimentaw miżuri biex iżidu l-inklużività tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jimmodernizzaw l-istituzzjonijiet tar-riċerka. Is-Slovenja introduċiet miżuri biex fost l-oħrajn issaħħaħ it-tagħlim tal-adulti, u fl-Irlanda, ir-rieżami tal-fond tat-Taħriġ Nazzjonali tlaqqa’ ma’ finanzjament addizzjonali li jsaħħaħ il-valutazzjoni tal-ispariġġi tal-ħiliet. Il-Finlandja ppreżentat riforma kontinwa tat-tagħlim li se tibda fl-2020, li se żżid l-opportunitajiet biex persuna tkun tista’ taħdem u tistudja b’manjiera flessibbli u li tappoġġa t-tagħlim fuq il-post tax-xogħol.
Il-faqar u l-esklużjoni soċjali għadhom jonqsu minħabba l-kundizzjonijiet tajbin tas-suq tax-xogħol. Minkejja dan, l-inugwaljanza fl-introjtu żdiedet f’dawn l-aħħar snin u stabbilizzat f’livelli storikament għoljin, li se tirriskja t-trażżin tat-tkabbir u thedded il-koeżjoni soċjali. F’dinja tax-xogħol li qed tinbidel b’mod rapidu, huwa meħtieġ li kulħadd ikollu ħarsien soċjali xieraq. Is-sena li għaddiet, l-Irlanda estendiet il-benefiċċji tal-invalidità u tal-qgħad għal dawk impjegati għal rashom. L-Italja introduċiet qafas regolatorju għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħarsien soċjali għall-ħaddiema fuq pjattaformi diġitali permezz ta’ standard ta’ protezzjoni minimu. Fil-kuntest tat-tibdil demografiku, l-iżgurar tal-aċċess indaqs għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità, kif ukoll it-tisħiħ tal-kura fit-tul se jkunu aktar u aktar importanti. Għadd ta’ Stati Membri qegħdin jinvestigaw modi biex isaħħu s-servizzi ta’ prevenzjoni u jrawmu l-għoti ta’ kura aċċessibbli, effiċjenti u kosteffettiva.
Ir-riforma tas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji tista’ tikkontribwixxi għal tkabbir sostenibbli u inklużiv. L-ibbilanċjar tal-istruttura tat-taxxa, pereżempju billi l-piż tat-taxxa jingħadda minn fuq ix-xogħol għal fuq taxxi anqas distorsivi, bħat-taxxi ambjentali, jista’ jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, l-inkoraġġiment tal-impjiegi, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u jikkontribwixxi għal ekonomija ambjentalment sostenibbli. Diversi Stati Membri għadhom għaddejjin bir-riforma tas-sistema tat-taxxa, partikolarment it-tnaqqis tat-tassazzjoni fuq ix-xogħol. Franza, l-Italja, in-Netherlands, il-Greċja u s-Slovenja qegħdin inaqqsu l-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol billi jnaqqsu t-taxxi fuq l-introjtu personali jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. B’mod ġenerali, diversi minn dawn l-azzjonijiet ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq ix-xogħol huma ffinanzjati billi jintefa’ iktar piż fuq taxxi inqas detrimentali.
Il-progress fuq ir-riforma tal-kura tas-saħħa u s-sistema tal-kura fit-tul ivarja minn Stat Membru għal ieħor. L-għoti fiskalment sostenibbli, effiċjenti, affordabbli u aċċessibbli ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa ta’ kwalità jista’ jikkontribwixxi għall-ħarsien u l-irpiljar ta’ saħħa tajba għal kulħadd, u b’hekk iwassal għal forza tax-xogħol produttiva u reżiljenti. Barra minn hekk, hemm lok għal titjib fl-għoti ta’ kura fit-tul fiskalment sostenibbli, effiċjenti u xierqa. Għal għadd ta’ Stati Membri, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi identifikaw il-kura tas-saħħa u/jew is-sistema tal-kura fit-tul bħala sistemi li jeħtieġu attenzjoni partikolari. Ċipru, il-Litwanja, il-Latvja, is-Slovakkja kisbu ċertu progress fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet. Inkiseb progress limitat fil-Belġju, fil-Bulgarija, fl-Irlanda, fl-Ungerija, f’Malta, fl-Awstrija, fil-Portugall, fir-Rumanija u fil-Finlandja waqt li ma sar l-ebda progress fiċ-Ċekja u fis-Slovenja.
Id-djalogu soċjali għandu rwol ewlieni fis-suċċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi. In-negozjar kollettiv, kif ukoll l-involviment aktar wiesa’ tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili, huwa partikolarment importanti f’mument meta l-fassala tal-politika qed jiżviluppaw strateġiji komprensivi biex jiksbu tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ekwa u ġusta u biex jindirizzaw it-tibdil demografiku. B’mod partikolari, fis-snin li għaddew inkiseb ċertu progress fir-rigward tal-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Portugall, fis-Slovenja u fi Spanja.
3.4 L-istabbiltà ekonomika
Fl-ambjent ta’ rati tal-imgħax baxxi li ninsabu fih bħalissa, l-Istati Membri għad għandhom pożizzjonijiet differenti ħafna fir-rigward tal-isfidi tad-dejn u tas-sostenibbiltà. Fuq medja, id-defiċits tal-gvern fl-UE reġgħu bdew jiżdiedu u dan reġġa’ lura x-xejra ta’ tnaqqis ta’ dawn l-aħħar snin. Il-politiki fiskali nazzjonali għadhom mhumiex differenzjati biżżejjed. Il-livelli għolja ta’ dejn ta’ bħalissa huma sors ta’ vulnerabbiltà f’uħud mill-Istati Membri u lġiem fuq il-gvernijiet li jridu jwettqu stabbilizzazzjoni makroekonomika meta din tkun meħtieġa. Fl-Italja, fil-Belġju, fi Spanja u fi Franza, il-proporzjonijiet tad-dejn ma naqsux, minkejja l-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji favorevoli fuq dawn l-aħħar snin. Dawk l-Istati Membri b’livelli ta’ dejn għoljin ħafna għandhom inaqqsuh malajr kemm jista’ jkun u jerġgħu jipprijoritizzaw in-nefqa biex ikollhom lok għal aktar investiment. Dan għandu joħloq l-ispazju għal politika fiskali kontroċiklika fil-każ ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Min-naħa l-oħra, iż-żieda addizzjonali tal-investiment u ta’ nfiq produttiv ieħor fl-Istati Membri b’sitwazzjoni baġitarja favorevoli ssostni t-tkabbir fuq terminu qasir u medju, filwaqt li tgħin ukoll l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ekonomija taż-żona tal-euro. Uħud mill-Istati Membri bi spazju fiskali mdaqqas qegħdin jagħmlu dan. Speċifikament, in-Netherlands u l-Ġermanja qegħdin jippjanaw li jżidu l-investiment bil-għan li jkattru t-tkabbir ekonomiku u b’hekk jagħtu appoġġ addizzjonali lit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika.
Oqfsa fiskali nazzjonali mfassla u li jiffunzjonaw sew huma s-sies ta’ finanzi pubbliċi sodi fl-UE. L-Istati Membri saħħew l-oqfsa fiskali nazzjonali fuq dawn l-aħħar snin, partikolarment fi tweġiba għar-rekwiżiti tad-dritt u ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni. Pereżempju, il-Litwanja u l-Polonja ssoktaw bir-riforma tal-proċessi baġitarji tagħhom biex itejbu l-ġestjoni tan-nefqa. L-Ungerija ssimplifikat is-sistema nazzjonali tar-regoli fiskali numeriċi u armonizzat l-ikkalkolar tal-proporzjonijiet tad-dejn. F’diversi Stati Membri qed isiru riflessjonijiet dwar kif il-qafas jista’ jittejjeb aktar, bħal fi Franza, fejn l-Assemblea Nazzjonali għamlet rakkomandazzjonijiet relatati mat-tfassil tal-qafas baġitarju ta’ terminu medju. Minkejja dan, għad hemm lok għat-titjib tat-tfassil tal-oqfsa, kif ġie rrakkomandat ukoll mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
L-Istati Membri għadhom jissaraw biex jirritornaw għal-livelli ta’ investiment pubbliku ta’ qabel il-kriżi. Il-maġġoranza tal-Istati Membri wrew kompożizzjonijiet baġitarji aktar favorevoli għat-tkabbir qabel il-kriżi jew meta kienet għadha tibda. B’mod partikolari, in-nefqa fuq l-investiment pubbliku għadha f’livelli storikament baxxi u l-proporzjon tal-investiment pubbliku għall-PDG previst li jiżdied biss bi ftit, speċjalment fiż-żona tal-euro. Iż-żieda tal-potenzjal tat-tkabbir tirrekjedi riformi strutturali biex jissaħħaħ it-tkabbir u l-investiment sostenibbli permezz ta’ kapital tanġibbli u intanġibbli biex tiżdied il-produttività. Dan ikun partikolarment importanti għal dawk l-Istati Membri li t-tkabbir potenzjali tagħhom huwa tassew anqas mill-medja taż-żona tal-euro. Minkejja d-dgħufijiet fil-kummerċ barrani u ż-żieda fl-inċertezza dwar il-politiki kummerċjali, il-kont kurrenti tal-Unjoni Ewropea se jibqa’ f’surplus. Dan ifisser li l-Ewropa qed tiġġenera tfaddil abbundanti biżżejjed biex tiffinanzja t-trasformazzjoni ekonomika tagħha sakemm dak l-iffrankar jiġi allokat kif xieraq għall-aħjar investiment fl-Istati Membri.
Madwar l-UE r-rieżamijiet tal-infiq qegħdin isiru eżerċizzji regolari u jistgħu jkunu għodda importanti li ttejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Uħud minnhom isiru fuq bażi ta’ kull sena (pereż. fil-Ġermanja), filwaqt li oħrajn fuq perjodu ta’ diversi snin (pereż. fil-Finlandja, fi Franza, fl-Irlanda u fil-Portugall). Għandhom ukoll differenzi b’rabta mal-ambitu tan-nefqa. Xi rieżamijiet huma komprensivi filwaqt li oħrajn jiffokaw fuq politiki settorjali ewlenin bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa (pereż. fil-Latvja, fil-Litwanja u fis-Slovakkja) jew fuq partiti speċifiċi ħafna (bħall-forza tal-pulizija f’Malta, l-inċentivi kummerċjali fil-Ġermanja u s-sussidji tal-gvern fi Spanja). Filwaqt li wħud mir-rieżamijiet rendew xi ffrankar, l-eżiti f’dak li għandu x’jaqsam mal-ksib ta’ effiċjenza mhumiex dejjem ċari. Il-produzzjoni ta’ evalwazzjonijiet regolari u indipendenti, it-titjib tal-irbit bejn l-ippjanar baġitarju u l-espansjoni tal-kopertura għall-infiq subnazzjonali jistgħu jsaħħu l-utilità tar-rieżamijiet tal-infiq. Iż-żieda tal-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku wkoll tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tan-nefqa pubblika.
Il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa hija essenzjali għall-ħarsien ta’ finanzi pubbliċi sodi u biex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn ditti differenti u bejn Stati Membri differenti. Ċerti elementi tas-sistemi tat-tassazzjoni ta’ wħud mill-Istati Membri (jiġifieri l-Irlanda, Ċipru, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta u n-Netherlands), jistgħu jintużaw mill-kumpaniji li jinvolvu ruħhom f’ippjanar aggressiv tat-taxxa. Il-prattiki tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa fi Stat Membru wieħed iħallu riperkussjonijiet kemm fuq kumpaniji kif ukoll fuq Stati Membri oħrajn, fosthom telf ta’ dħul mit-taxxa u distorsjonijiet tal-kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji. L-Istati Membri li tonqsilhom il-bażi għat-taxxa, ikollhom jiġġeneraw dħul minn taxxi oħrajn jew inkella jkollhom anqas dħul għar-riformi favorevoli għat-tkabbir, għar-ridistribuzzjoni u għall-investiment.
It-tibdil demografiku u d-dejn għoli tal-gvern huma sfidi sinifikanti biex tiġi żgurata l-kwalità u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Fuq perspettiva ta’ terminu medju sa twil, aktar minn nofs l-Istati Membri se jħabbtu wiċċhom ma’ riskji għas-sostenibbiltà medji jew għolja. Fil-każ ta’ diversi pajjiżi, ir-riskji huma marbuta ma’ stokk ta’ dejn pubbliku li huwa previst li jkun sinifikanti, b’mod partikolari fil-Belġju, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall. Barra minn hekk, l-isfidi huma relatati ma’ żidiet previsti fin-nefqa pubblika relatata mal-età. F’xi każi, ir-riformi tal-pensjoni li jsaħħu s-sostenibbiltà treġġgħu lura, u dan żied l-isfidi fiskali futuri fl-Italja u fir-Rumanija. L-Istati Membri li fil-konfront tagħhom il-Kunsill adotta rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fl-2019 ma tantx kisbu progress fir-riforma tas-sistemi tal-pensjoni tagħhom. Għaldaqstant il-Belġju, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi relatati ma’ din il-politika.
Ir-reżiljenza tas-settur bankarju ssaħħet fl-2019, b’appoġġ mill-kundizzjonijiet ekonomiċi u mill-miżuri li jtaffu l-isfidi li għad fadal. B’mod ġenerali, il-kapitalizzazzjoni tas-settur bankarju baqgħet solida, u fit-tieni trimestru tal-2019 il-medja tal-proporzjon ta’ solvenza fil-livell tal-UE laħqet it-18,8 %. Il-ħtieġa li jiġu adattati l-mudelli kummerċjali bankarji, l-ambjent tar-rati tal-imgħax baxxi u ż-żieda tal-kompetizzjoni minn suriet oħra ta’ finanzi hija sfida għal ħafna Stati Membri li tkompli teżerċita pressjoni fuq il-kompetittività u l-profittabbiltà tal-banek (pereż. il-Greċja, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Portugall u l-Lussemburgu). Il-proċess tal-fejqan tal-karta tal-bilanċ kompla miexi ’l quddiem, hekk kif l-istokk ta’ self improduttiv ta’ legat kompla jonqos. Fit-tieni trimestru tal-2019 il-proporzjon tas-self improduttiv fil-livell tal-UE naqas għal 2,9 %, jiġifieri tnaqqis ta’ nofs punt perċentwali meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Filwaqt li l-kwalità tal-assi ssaħħet fl-Istati Membri kollha, partikolarment f’dawk l-Istati Membri bl-akbar proporzjon ta’ self improduttiv, il-proporzjon għadu ogħla minn 7 % fil-Greċja, f’Ċipru, fil-Portugall, fl-Italja, fil-Bulgarija u fil-Kroazja. Id-diversifikazzjoni tal-għejun tal-introjtu bħala appoġġ ulterjuri għall-profittabbiltà tal-banek għadha diffiċli, b’mod partikolari għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu ż-żgħar.
Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija essenzjali għall-ħarsien tal-integrità tas-sistema ekonomika u finanzjarja tal-UE. Id-dgħufijiet fl-applikazzjoni tal-qafas tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus madwar l-UE jistgħu jiġu sfruttati għall-ħasil tar-rikavati minn attivitajiet illegali. Dawk l-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni mhijiex aġġornata mal-istandards tal-UE, fejn ma ssirx biżżejjed superviżjoni, fejn l-intelligence finanzjarja ma tintużax kif meħtieġ u fejn il-prosekuzzjonijiet huma limitati jirrappreżentaw punti dgħajfa fil-qafas tal-UE. L-iskandli riċenti marbuta mal-ħasil tal-flus urew l-importanza ta’ applikazzjoni stretta tar-regoli.
4.L-indirizzar tal-iżbilanċi makroekonomiċi
L-iżbilanċi makroekonomiċi jistgħu jolqtu lill-ekonomija ta’ Stat Membru partikolari, taż-żona tal-euro, jew tal-Unjoni kollha kemm hi b’mod ħażin. Il-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi għandha l-għan li taqbad u tipprevjeni tali żbilanċi fi stadju bikri biex jiġi żgurat li l-Istat Membru kkonċernat jieħu l-azzjoni xierqa biex jikkoreġihom.
Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2019 identifika 13-il Stat Membru li jrid isirilhom rieżami fid-dettall biex jiġi vvalutat jekk humiex, jew jistgħux ikunu, f’riskju li jintlaqtu minn dawn l-iżbilanċi. Dawk it-13-il pajjiż huma l-istess li sena ilu ġew identifikati li kienu qed jesperjenzaw żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi. Ir-riżultati ta’ dan iċ-ċiklu ta’ rieżamijiet fid-dettall huma inklużi fir-rapporti tal-pajjiżi tal-Istati Membri kkonċernati. L-analiżi tagħti daqqa t’għajn lejn is-serjetà tal-iżbilanċi, kif jevolvu u l-azzjoni politika li tittieħed biex jiġu kkoreġuti. Jitqiesu wkoll ir-riperkussjonijiet rilevanti u l-implikazzjonijiet transfruntiera sistemiċi tal-iżbilanċi.
4.1.
Il-progress bil-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE u fiż-żona tal-euro
L-iżbilanċi makroekonomiċi ġew ikkoreġuti gradwalment f’kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli. Fis-segwitu ta’ proċess mifrux ta’ diżingranaġġ wara l-kriżi, ġew ikkoreġuti għadd ta’ żbilanċi u xejriet insostenibbli, prinċipalment defiċits kbar fil-kont kurrenti, tkabbir eċċessiv tal-kreditu li kien qed iżid il-prezzijiet tad-djar u, b’mod ġenerali, il-kostijiet tal-unità lavorattiva qawwijin li kienu jimplikaw telf fil-kompetittività tal-kostijiet. Madankollu, minkejja l-progress li sar bid-diżingranaġġ, l-istokkijiet tad-dejn privat, pubbliku u estern għadhom f’livelli għoljin u jeħtieġu aktar żmien biex jiġu kkoreġuti. Barra minn hekk, f’ċerti każi s-settur finanzjarju għad fadallu oqsma fejn huwa vulnerabbli.
Ir-riekwilibriju tal-pożizzjonijiet esterni għadu ma tlestiex għalkollox. Bħalissa huma biss għadd żgħir ta’ Stati Membri li għandhom defiċit fil-kont kurrenti, iżda għadd ta’ Stati Membri bi stokk kbir ta’ dejn estern jeħtieġu li jżommu pożizzjonijiet prudenti fil-kont kurrenti u jevitaw it-tnaqqis tal-kompetittività. Fl-istess waqt, is-surpluses kbar fil-kont kurrenti ppersistew f’uħud mill-Istati Membri (pereż. il-Ġermanja, in-Netherlands), u wasslu biex iż-żona tal-euro rreġistrat surplus ta’ 3,3 % tal-PDG. Dan ifisser li fuq dawn l-aħħar snin l-ekonomiji Ewropej iġġeneraw konsistentement aktar iffrankar milli investimenti, u akkumulaw assi fil-konfront tal-bqija tad-dinja. Riċentement id-domanda batuta tal-esportazzjoni kkontribwixxiet għal element ta’ tnaqqis tas-surpluses fil-kont kurrenti, u f’ċerti każi għat-tkabbir tad-defiċits fil-kont kurrenti. Fil-kuntest ta’ bħalissa, ir-riekwilibriju kemm tad-defiċits kif ukoll tas-surpluses fil-kont kurrenti jistgħu jikkontribwixxu biex tingħeleb l-inflazzjoni baxxa, l-ambjent ta’ rati tal-imgħax baxxi, u biex titnaqqas id-dipendenza fuq id-domanda barranija. F’bosta pajjiżi debituri netti hemm il-ħtieġa għal riformi li jagħtu spinta lill-kompetittività u jnaqqsu d-dejn estern. Il-pajjiżi kredituri netti għandhom jaħtfu l-opportunità biex jiffinanzjaw aktar investiment pubbliku u privat b’rati tal-imgħax baxxi. It-tisħiħ tal-kundizzjonijiet li jsostnu ż-żidiet fil-pagi wkoll jikkontribwixxi għar-riekwilibriju.
Ir-reżiljenza tas-settur bankarju tal-UE tjiebet, iżda għad fadal xi sfidi. Il-proporzjonijiet tal-kapitalizzazzjoni waqfu jikbru minn livelli ’l fuq mill-istandards regolatorji. Il-profittabbiltà fis-settur bankarju tjiebet konsiderevolment fuq dawn l-aħħar snin. Il-proporzjonijiet tas-self improduttiv irreġistraw tnaqqis maġġuri fuq snin riċenti, speċjalment f’dawk il-pajjiżi li kienu akkumulaw stokks kbar ta’ self improduttiv fl-imgħoddi (pereż. Ċipru, l-Italja u l-Portugall). Madankollu, għad fadal sfidi f’għadd ta’ Stati Membri li għadhom ikkaratterizzati minn kapitalizzazzjoni u profittabbiltà relattivament baxxi u proporzjonijiet għoljin ta’ self improduttiv. Il-prospettiva ta’ rati tal-imgħax baxxi fit-tul u t-tnaqqis tat-tkabbir ekonomiku qegħdin iżidu ma’ dawn l-isfidi.
Il-prezzijiet tad-djar għadhom qed juru rati ta’ tkabbir sostnuti, iżda ċerti Stati Membri fejn l-evidenza ta’ sopravalutazzjoni hija l-aktar b’saħħitha qed juru tnaqqis f’dan ir-rigward. F’għadd ta’ pajjiżi li qiegħed jikber il-prezzijiet tad-djar huma ogħla mil-limiti massimi li ġew irreġistrati f’nofs is-snin 2000, u possibbilment huma sopravalutati. Madankollu, dan l-aħħar iż-żieda fil-prezzijiet tad-djar ikkalmat fejn kien ġie rreġistrat l-ogħla tkabbir fil-prezzijiet tad-djar f’ċerti pajjiżi tal-UE li sa issa wrew evidenza limitata ta’ sopravalutazzjoni (pereż. l-Ungerija, l-Irlanda, il-Portugall). Min-naħa l-oħra, ir-ritmu taż-żieda fil-prezzijiet naqas fejn hemm aktar tħassib dwar sopravalutazzjoni u dejn għoli tal-unitajiet domestiċi, fosthom fl-Iżvezja. F’ċerti pajjiżi, ir-rati ta’ tkabbir qawwija tal-prezzijiet tad-djar huma akkumpanjati minn tkabbir stabbli ta’ kreditu ipotekarju ġdid.
Il-kundizzjonijiet tal-kompetittività tal-kost qegħdin isiru anqas favorevoli f’għadd ta’ Stati Membri. Il-kostijiet tal-unitajiet lavorattivi qegħdin jiżdiedu b’ritmu mgħaġġel f’xi Stati Membri minħabba s-salarji għoljin u t-tkabbir baxx tal-produttività. F’uħud mill-pajjiżi taċ-ċentru u l-Lvant tal-Ewropa u fil-pajjiżi Baltiċi t-tkabbir qawwi kontinwu tal-kostijiet tal-unità lavorattiva jirrifletti swieq tal-impjiegi stretti u diskrepanzi fil-ħiliet. Fiż-żona tal-euro, filwaqt li t-tkabbir tal-unitajiet lavorattivi kien ogħla f’bosta pajjiżi kredituri netti milli f’dawk debituri netti, din id-differenza fir-rati tat-tkabbir ilha tonqos mill-2016, u għaldaqstant mhumiex jgħinu daqstant ir-riekwilibriju simetriku.
4.2. L-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku
Ġew identifikati żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi fi 12-il Stat Membru mit-13 li sarilhom rieżami fid-dettall u l-gravità tal-iżbilanċi qiegħda tonqos f’għadd ta’ każi. Ir-rieżami dettaljat tal-2020 sab li 9 Stati Membri qed jesperjenzaw żbilanċi u li 3 għandhom żbilanċi eċċessivi. Stat Membru wieħed li ġiet identifikat li kellu żbilanċi s-sena li għaddiet għamel biżżejjed progress fir-riżultati ekonomiċi u r-rispons tal-politika, u allura jidher li huwa ġġustifikat li joħroġ mill-MIP. Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri ġie rreġistrat element ta’ progress fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi tagħhom. F’dan l-istadju, dan ma kienx jiġġustifika reviżjoni tal-istatus tagħhom mill-perspettiva tal-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-iżbilanċi tagħhom. L-Appendiċi 3 jqassar is-sejbiet mir-rieżamijiet dettaljati għal kull Stat Membru.
Il-Bulgarija, li fl-2019 ġiet identifikata li kellha żbilanċi, issa nstabet li ma għandha l-ebda żbilanċ. Sar progress importanti fit-tisħiħ tal-governanza tas-settur finanzjarju u fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet regolatorji pendenti. Barra minn hekk, id-dejn korporattiv naqas u naqas ukoll il-proporzjon tas-self improduttiv (NPL), għalkemm dan tal-aħħar għadu għoli fost il-kumpaniji.
Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-oħra fejn ġew identifikati żbilanċi fl-2019, il-vulnerabbiltajiet gradwalment komplew isiru anqas serji, iżda għad fadal sfidi fil-perspettiva ekonomika u politika:
·Il-Ġermanja u n-Netherlands, minkejja li għamlu xi korrezzjonijiet u nkiseb element ta’ progress fil-politika, għad fadlilhom surpluses kbar fil-kont kurrenti. Spanja, il-Portugall, l-Irlanda u l-Kroazja huma kkaratterizzati minn vulnerabbiltajiet differenti marbuta ma’ dejn privat, dejn barrani u dejn tal-gvern għoljin. Dawn l-iżbilanċi tal-istokkijiet bdew jonqsu hekk kif is-sitwazzjoni bdiet tmur għall-aħjar mal-irkupru, partikolarment fl-Irlanda, fejn ittieħdet azzjoni politika deċiża. L-azzjoni politika fil-Kroazja u fi Spanja majnat ftit. Fi Franza, id-dejn tal-gvern għadu mhuwiex jonqos u, minkejja xi progress fil-politika, it-tkabbir tal-produttività għadu dgħajjef. Fl-Iżvezja, minkejja l-korrezzjoni reċenti, il-prezzijiet tad-djar għadhom f’livelli storikament għoljin, filwaqt li d-dejn tal-unitajiet domestiċi baqa’ jogħla; Minkejja l-progress li sar, għad fadal xi diskrepanzi fil-politika. Fir-Rumanija, il-vulnerabbiltajiet marbuta ma’ tnaqqis fil-kompetittività tal-kostijiet u defiċit dejjem jikber fil-kont kurrenti qed jippersistu fil-kuntest ta’ politika fiskali espansjonarja ħafna, u se jaggravaw jekk ix-xejriet ta’ bħalissa jibqgħu għaddejjin kif inhuma.
·Bl-istess mod bħal fl-2019, Ċipru, il-Greċja u l-Italja ġie identifikat li għandhom żbilanċi eċċessivi. F’Ċipru għad hemm vulnerabbiltajiet sinifikanti minkejja l-progress li sar fl-imgħoddi. L-NPLs tnaqqsu konsiderevolment fl-2018 u l-progress li sar minn dakinhar għaddej aktar bil-mod. Id-dejn tal-gvern u d-dejn privat qed jonqsu u mistennija li jonqsu aktar. Madankollu, id-defiċit fil-kont kurrenti kiber f’kuntest ta’ pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta negattiva ħafna. Il-progress fil-politika huma wieħed divers u ċerti impenji għal riforma għadhom pendenti. Fil-Greċja għad fadal vulnerabbiltajiet sinifikanti ħafna b’rabta mad-dejn tal-gvern, mal-NPLs u mas-settur estern, f’kuntest ta’ potenzjal tat-tkabbir li għadu baxx u rata għolja tal-qgħad. Madankollu sar progress viżibbli f’għadd ta’ oqsma. Fil-parti l-kbira tagħhom l-impenji tal-politika li huma segwiti fil-kuntest tal-programm tas-sorveljanza msaħħa jinsabu fit-triq it-tajba. Fl-Italja, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG għadu qiegħed jikber, għalkemm il-pjani tal-gvern qed isiru b’mod li jwassal għat-tnaqqis tad-dejn. It-tkabbir potenzjali, għalkemm qiegħed jiżdied, għadu mhuwiex biżżejjed biex jiġi żgurat tnaqqis tad-dejn b’pass mgħaġġel. L-azzjoni li timplimenta l-aġenda ta’ riforma ssoktat. Fit-tliet Stati Membri hemm il-ħtieġa li l-isforzi ta’ riforma jsiru aktar kostanti biex l-ekonomija terġa’ tiġi bbilanċjata. Dawn se jiġu segwiti mill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni se tkompli tirrieżamina l-iżviluppi u l-miżuri ta’ politika tal-Istati Membri kollha bi żbilanċi jew bi żbilanċi eċċessivi fil-qafas ta’ monitoraġġ speċifiku. Il-Kunsill qiegħed jipparteċipa f’dawn ir-rieżamijiet u appoġġa l-konklużjonijiet tar-rapporti tal-monitoraġġ speċifiku.
5.Il-progress fuq ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-Ipprogrammar tal-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni
Filwaqt li l-Istati Membri komplew jagħmlu progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, il-livell tal-implimentazzjoni tar-riforma kien differenti fost l-Istati Membri. Minn perspettiva pluriennali, il-livell tal-implimentazzjoni baqa’ ġeneralment stabbli fuq dawn l-aħħar snin. B’mod partikolari, mill-bidu tas-Semestru Ewropew fl-2011, tal-anqas l-Istati Membri għamlu ċertu progress fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ aktar minn żewġ terzi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi kollha. F’dak li għandu x’jaqsam mal-oqsma tal-politika, l-akbar progress tal-Istati Membri sar fis-servizzi finanzjarji, segwit mill-progress fil-leġiżlazzjoni, il-liġi li tirregola x-xogħol u l-ħarsien tal-impjiegi. Fl-istess waqt, il-progress kien partikolarment batut fir-rigward tal-estensjoni tal-bażi għat-taxxa, u dwar ir-riforma tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul.
Fl-isfond tal-inċertezza kbira dwar il-prospettiva ekonomika, huwa essenzjali li r-riformi li jsaħħu l-potenzjal tat-tkabbir jiġu implimentati b’mod f’waqtu u effettiv biex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-isfidi fit-tul tal-ekonomija. F’dak li jikkonċerna r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill li ġew adottati fl-2019, l-implimentazzjoni tar-riforma kienet b’saħħitha fis-servizzi finanzjarji u fil-politika attiva tas-suq tax-xogħol. Madankollu, ma tantx sar progress fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet bħal dawk dwar il-kompetizzjoni fis-servizzi u s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Il-Kummissjoni ħadet miżuri biex tiżgura li l-proċess ta’ valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jkun aktar trasparenti u li jissaħħu d-diskussjonijiet multilaterali dwar ir-rieżami tar-rakkomandazzjonijiet. B’mod ġenerali, il-prospettiva ekonomika inċerta titlob li l-implimentazzjoni tar-riformi terġa’ tissaħħaħ.
L-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi relatati mal-investiment tieħu ż-żmien. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar il-politiki ekonomiċi relatati mal-investiment inħarġu għall-ewwel darba s-sena li għaddiet. L-Istati Membri ġew irrakkomandati jiffokaw il-politiki tagħhom fuq oqsma speċifiċi, b’appoġġ mir-riżorsi nazzjonali pubbliċi u privati kif ukoll mill-fondi tal-UE. Il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni jeħtieġ li jiġi analizzat minn perspettiva fit-tul. L-Istati Membri għandhom jiffokaw il-politiki tagħhom fuq oqsma speċifiċi, b’appoġġ mir-riżorsi nazzjonali pubbliċi u privati kif ukoll mill-fondi tal-UE. L-indikazzjonijiet dwar l-użu tal-fondi tal-UE huma pożittivi: b’rabta mal-perjodu ta’ programmar attwali tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (2014-2020), il-Kummissjoni għamlet rieżami tal-prestazzjoni fl-2019 li wera li kienu ġew rilaxxati EUR 21,4 biljun mir-riżerva ta’ prestazzjoni. Minkejja l-karattru mhux diskrezzjonali tar-rieżami tal-prestazzjoni, fuq medja, tliet kwarti mir-riżerva ta’ prestazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, b’ammont ta’ EUR 15,9-il biljun, marru f’oqsma relatati mas-CSRs relatati mal-investiment. Is-servizzi tal-Kummissjoni stiednu lill-Istati Membri biex iqisu s-CSRs dwar l-investiment fil-proposti ta’ riallokazzjoni tagħhom fir-rigward tal-ammonti marbuta mal-programmi u l-prijoritajiet li ma kisbux l-objettivi tal-prestazzjoni. L-Istati Membri bdew iressqu l-proposti tagħhom dwar ir-riprogrammar fil-ħarifa tal-2019 biex jiġu vvalutati u adottati mill-Kummissjoni.
Kaxxa 2: Il-qagħda attwali dwar l-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni
F’bosta Stati Membri l-investimenti pubbliċi huma dipendenti ħafna fuq il-fondi tal-UE. Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ pprogrammar 2014-2020 qiesu s-CSRs dwar l-investiment meta kien qed isir l-ipprogrammar. Dawk is-CSRs saru fir-rigward tal-oqsma ta’ importanza strateġika Ewropea. Għall-ipprogrammar tal-politika ta’ koeżjoni għall-2021-2027, il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi rabta saħansitra aktar b’saħħitha mas-Semestru Ewropew. Fiċ-ċiklu tas-Semestru tal-2019 il-Kummissjoni ppreżentat gwida tal-investiment għall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u pproponiet CSRs dwar il-politiki relatati mal-investiment għall-Istati Membri kollha, li ġew adottati mill-Kunsill.
Wara l-pubblikazzjoni tar-rapporti tal-pajjiżi fi Frar 2019 ġew organizzati avvenimenti fl-Istati Membri kollha fir-rebbiegħa 2019 biex jimmarkaw il-bidu tad-djalogu informali dwar l-ipprogrammar għall-perjodu 2021-2027. L-għan tal-Kummissjoni huwa li tadotta l-programmi kollha hekk kif tidħol fis-seħħ il-leġiżlazzjoni rilevanti. Fil-każ tal-ġestjoni kondiviża, dan se jiddependi wkoll fuq ir-rieda tal-Istati Membri li jħejju u jiddiskutu l-abbozzi tal-programmi tagħhom.
6.Ħidma id f’id mal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew
Il-fiduċja u l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri huma essenzjali biex is-Semestru Ewropew ikun effettiv. Il-Kummissjoni qed tagħti diversi opportunitajiet biex isir skambju ta’ fehmiet mal-partijiet ikkonċernati kollha, fosthom tinvolvi ruħha f’laqgħat regolari mas-sħab soċjali, mas-soċjetà ċivili, mal-Parlament Ewropew u mal-Parlamenti nazzjonali. Fil-każ tal-Parlament Ewropew, il-Membri tal-Kummissjoni jinsabu lesti li jżuru lill-Parlament Ewropew qabel kull stadju prinċipali taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew. Qabel l-adozzjoni tal-pakkett tal-lum, il-Membri tal-Kummissjoni involvew ruħhom mal-Parlament fil-laqgħat tal-kumitati EMPL u ECON tal-Parlament. Il-Kummissjoni kellha wkoll laqgħat regolari mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili kemm fi Brussell kif ukoll fl-Istati Membri. Fuq medda ta’ snin dawn l-isforzi biex jiġi stabbilit djalogu miftuħ u produttiv żviluppaw fehim aktar komuni tal-isfidi u tar-risposti politiċi Ewropej u dawk nazzjonali.
B’konformità mal-isforzi li saru fl-imgħoddi, il-Kummissjoni hija impenjata favur djalogu ta’ politika ġenwin mal-Istati Membri u li tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tal-politika huma parti mill-proċess tal-politika nazzjonali, fosthom permezz tat-tisħiħ tal-involviment tal-parlamenti nazzjonali u tas-sħab soċjali fil-livell nazzjonali. Dawn l-iskambji seħħew permezz ta’ missjonijiet tekniċi u politiċi f’kull wieħed mill-Istati Membri u f’laqgħat bilaterali darbtejn fis-sena fi Brussell. Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali huma kkonsultati dwar il-kontenut analitiku tar-rapporti tal-pajjiżi qabel ma jiġu ppubblikati. Bħala karatteristika ġdida, din is-sena l-Kummissjoni kkomunikat mal-awtoritajiet nazzjonali biex jintgħażel suġġett ta’ interess komuni biex jiġi analizzat aktar fil-fond fir-rapporti tal-pajjiżi. Il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet nazzjonali wrew l-interess tagħhom lejn suġġetti ta’ rilevanza għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u l-impatti tagħhom fuq l-ekonomija, fuq l-industrija u fuq il-forza tax-xogħol, li huwa sinjal qawwi tal-allinjament tal-interess u tal-prijoritajiet mal-aġenda ekonomika ġdida tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tgħin ukoll lill-Istati Membri biex jagħtu spinta lill-isforzi tar-riforma tagħhom permezz tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali, li jagħti appoġġ tekniku lill-Istati Membri kollha tal-UE, fuq talba tagħhom, u jgħinhom ifasslu u jimplimentaw ir-riformi li jiffavorixxu t-tkabbir. Dan jinkludi wkoll l-isfidi ta’ riforma li ġew enfasizzati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.
7.Il-Passi li Jmiss
Is-Semestru Ewropew joffri l-opportunità lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati biex jinvolvu ruħhom fi djalogu permanenti ma’ xulxin matul is-sena. Ir-rapporti tal-pajjiżi li huma ppubblikati ma’ din il-Komunikazzjoni jisiltu minn skambji profondi mal-gvernijiet, mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati kemm fil-livell tekniku kif ukoll f’dak politiku, fosthom matul laqgħat bilaterali f’Diċembru 2019. Is-sejbiet tagħhom se jiġu ppreżentati fil-bliet kapitali tal-Istati Membri, u se jiġu segwiti minn aktar laqgħat bilaterali u multilaterali. Matul is-sena, l-Uffiċjali tas-Semestru Ewropew se jissoktaw bl-involviment tagħhom mal-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-Istati Membri. Il-Viċi Presidenti u l-Kummissarji tal-Kummissjoni se jżuru lill-Istati Membri biex jikkonsultaw u jieħdu l-fehmiet tal-parlamenti, tal-gvernijiet, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati oħra dwar l-analiżi u l-konklużjonijiet tar-rapporti tal-pajjiżi. Il-Kummissjoni se tiddiskuti wkoll is-sommarji tas-sejbiet tar-rapporti tal-pajjiżi mal-Parlament Ewropew.
Fid-dawl tal-isfidi li ġew identifikati, l-Istati Membri se jippreżentaw il-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali tagħhom sa nofs April fil-programm nazzjonali tagħhom ta’ riforma. Se jippreżentaw ukoll l-istrateġiji pluriennali tagħhom għal finanzi pubbliċi sodi, fis-sura ta’ programmi ta’ stabbiltà (għall-Istati Membri taż-żona tal-euro) u konverġenza (għall-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro). Fil-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima finali tagħhom, li ġew ippreżentati b’konformità mar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, l-Istati Membri jispjegaw kif biħsiebhom jilħqu l-miri tagħhom li jikkonċernaw l-enerġija u l-klima. Biex jingħata rispons xieraq u sostenibbli għall-isfidi, il-Kummissjoni tirrakkomanda li dawk il-programmi jitħejjew bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha, bħas-sħab soċjali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif jixraq.
Appendiċi 1 Is-sorveljanza integrata tal-iżbilanċi makroekonomiċi u fiskali
|
Il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku (MIP)
|
Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir
(OTM: objettiv ta’ terminu medju/PDE: proċedura ta’ defiċit eċċessiv)
|
Kummenti
|
AT
|
|
Il-parti preventiva
Il-ksib tal-OTM; suġġett għar-regola tad-dejn
|
|
BE
|
|
Il-parti preventiva
Mhux fl-OTM; Suġġett għar-regola tad-dejn
|
|
BG
|
|
Il-parti preventiva
Il-ksib tal-OTM
|
|
CY
|
Żbilanċi Eċċessivi
|
Il-parti preventiva
Il-ksib tal-OTM; Suġġett għar-regola tad-dejn
|
|
CZ
|
|
Il-parti preventiva
Il-ksib tal-OTM
|
|
DE
|
Żbilanċi
|
Il-parti preventiva
Il-ksib tal-OTM
|
|
DK
|
|
Il-parti preventiva
Il-ksib tal-OTM
|
|
EE
|
|
Il-parti preventiva
Mhux fl-OTM
|
|
EL
|
Żbilanċi Eċċessivi
|
Il-parti preventiva
Pajjiż suġġett għar-regola tad-dejn tranżizzjonali
|
Billi l-Greċja hija eżentata milli tippreżenta Programmi ta’ Stabbiltà waqt li qiegħda taħt il-programm, il-valutazzjoni tas-sena 2019 ssir fin-nuqqas ta’ OTM.
|
IE
|
Żbilanċi
|
Il-parti preventiva
Mhux fl-OTM
|
|
ES
|
Żbilanċi
|
Il-parti preventiva
Mhux fl-OTM; pajjiż suġġett għar-regola tad-dejn tranżizzjonali
|
|
FR
|
Żbilanċi
|
Il-parti preventiva
Mhux fl-OTM; pajjiż suġġett għar-regola tad-dejn tranżizzjonali
|
|
HR
|
Żbilanċi
|
Il-parti preventiva
Il-ksib tal-OTM; Suġġett għar-regola tad-dejn
|
|
HU
|
|
Il-parti preventiva (SDP)
Mhux fl-OTM; pajjiż suġġett għar-regola tad-dejn
|
|
IT
|
Żbilanċi Eċċessivi
|
Il-parti preventiva
Mhux fl-OTM; pajjiż suġġett għar-regola tad-dejn
|
|
LT
|
|
Il-parti preventiva
Mhux fl-OTM
|
|
LU
|
|
Il-parti preventiva
Il-ksib tal-OTM
|
|
LV
|
|
Il-parti preventiva
Mhux fl-OTM
|
|
MT
|
|
Il-parti preventiva
Il-ksib tal-OTM
|
|
NL
|
Żbilanċi
|
Il-parti preventiva
Il-ksib tal-OTM
|
|
PL
|
|
Il-parti preventiva
Mhux fl-OTM
|
|
PT
|
Żbilanċi
|
Il-parti preventiva
Mhux fl-OTM; pajjiż suġġett għar-regola tad-dejn tranżizzjonali
|
|
SI
|
|
Il-parti preventiva
Mhux fl-OTM; pajjiż suġġett għar-regola tad-dejn
|
|
SE
|
Żbilanċi
|
Il-parti preventiva
Il-ksib tal-OTM
|
|
SK
|
|
Il-parti preventiva
Mhux fl-OTM
|
|
RO
|
Żbilanċi
|
Il-parti preventiva (SDP)
Mhux fl-OTM
|
|
FI
|
|
Il-parti preventiva
Mhux fl-OTM
|
|
UK
|
|
Il-parti preventiva
Mhux fl-OTM; pajjiż suġġett għar-regola tad-dejn tranżizzjonali
|
|
Appendiċi 2: Il-progress lejn il-miri tal-Ewropa 2020
Il-miri tal-Ewropa 2020
għall-UE
|
data tal-2010
|
L-aħħar data disponibbli
|
Fl-2020, fuq il-bażi ta’ xejriet riċenti
|
1. Iż-żieda tar-rata tal-impjieg tal-popolazzjoni bl-età 20-64 għal mill-anqas 75 %
|
68,6 %
|
73,8 % (Q3 2019)
|
Il-mira x’aktarx li ma tintlaħaqx
|
2. Iż-żieda tal-investiment pubbliku u privat ikkumbinat fir-riċerka u l-iżvilupp għal 3 % tal-PDG
|
1,93 %
|
2,12 % (2018)
|
Il-mira x’aktarx li ma tintlaħaqx
|
3a. It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-anqas 20 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990
|
Tnaqqis ta’ 14,3 %
|
Tnaqqis ta’ 23 % (2018)
|
Il-mira x’aktarx li tintlaħaq
|
3b. Iż-żieda tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija għal 20 %
|
12,5 %
|
18 % (2018)
|
Il-mira x’aktarx li tintlaħaq
|
3c. Progress lejn il-mira ta’ 20 % fl-effiċjenza enerġetika
|
5,7 % (għall-konsum tal-enerġija primarja)
|
4,6 % (id-distanza għall-mira tal-2020 dwar il-konsum tal-enerġija primarja)
|
Il-mira x’aktarx li ma tintlaħaqx
|
4a. It-tnaqqis tar-rati tal-istudenti li ma jibqgħux jistudjaw għal anqas minn 10 %
|
13,9 %
|
10,6 % (2018)
|
Il-mira x’aktarx li tintlaħaq
|
4b. Iż-żieda tas-sehem tal-popolazzjoni bl-età 30-34 li jkunu lestew edukazzjoni terzjarja għal mill-anqas 40 %
|
33,8 %
|
40,7 %
|
Il-mira x’aktarx li tintlaħaq
|
5. Mill-anqas 20 miljun ruħ jitneħħew mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali
|
Żieda ta’ 1,4 miljun (meta mqabbel mas-sena bażi 2008)
|
Tnaqqis ta’ 7,1 miljun (meta mqabbel mas-sena bażi 2008) fl-2018
|
Il-mira x’aktarx li ma tintlaħaqx
|
Appendiċi 3 - Is-sejbiet mir-rieżamijiet dettaljati mill-Istati Membri
|
L-Eżitu tal-IDRs tal-2019
|
L-Eżitu tal-IDRs tal-2020
|
L-ebda żbilanċ
Żbilanċi
|
-
BG, DE, ES, FR, HR, IE, NL, PT, RO, SE
|
BG
DE, ES, FR, HR, IE, NL, PT, RO, SE
|
Żbilanċi Eċċessivi
|
CY, EL, IT
|
CY, EL, IT
|