Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020BP0143

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020: Dħul tas-surplus tas-sena finanzjarja 2019 (07764/2020 – C9-0131/2020 – 2020/2061(BUD))

    ĠU C 362, 8.9.2021, p. 166–167 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.9.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 362/166


    P9_TA(2020)0143

    Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020: Dħul tas-surplus tas-sena finanzjarja 2019

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020: Dħul tas-surplus tas-sena finanzjarja 2019 (07764/2020 – C9-0131/2020 – 2020/2061(BUD))

    (2021/C 362/27)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, adottat b'mod definittiv fis-27 ta' Novembru 2019 (2),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (3),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (4),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (5),

    wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 3/2020 adottat mill-Kummissjoni fil-15 ta' April 2020 (COM(2020)0180),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020, adottata mill-Kunsill fis-6 ta' Mejju 2020 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew l-għada (07764/2020 – C9-0131/2020),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (6),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0104/2020),

    A.

    billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020 jimmira li jdaħħal fil-baġit 2020 is-surplus mis-sena finanzjarja 2019, li jammonta għal EUR 3 218,4 miljun;

    B.

    billi l-komponenti ewlenin ta' dak is-surplus huma eżitu pożittiv fuq id-dħul ta' EUR 2 414,8 miljun, u sottoinfiq fin-nefqa ta' EUR 803,6 miljun;

    C.

    billi fuq in-naħa tad-dħul, l-ikbar differenza tirriżulta minn imgħax ta' inadempjenza u multi (EUR 2 510,5 miljun), bl-eżitu tal-baġit kompost minn multi tal-kompetizzjoni u mgħax ta' inadempjenza, pagamenti ta' penali oħra u mgħax marbuta ma' multi u pagamenti ta' penali;

    D.

    billi fuq in-naħa tan-nefqa, is-sottoimplimentazzjoni fil-pagamenti mill-Kummissjoni tilħaq EUR 592,3 miljun għall-2019 (li minnhom EUR 351,5 miljun mir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u EUR 94,5 miljun f'riżerva taħt l-intestatura 3 “Sigurtà u Ċittadinanza”) u EUR 86,3 miljun għar-riporti tal-2018, u sottoimplimentazzjoni mill-istituzzjonijiet l-oħra ta' EUR 82,4 miljun għall-2019 u EUR 39 miljun għar-riporti tal-2017;

    1.

    Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020 kif imressaq mill-Kummissjoni, li huwa maħsub biss għall-ibbaġitjar tas-surplus tal-2019, għal ammont ta' EUR 3 218,4 miljun, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Finanzjarju, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill;

    2.

    Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-mezzi disponibbli kollha u l-flus mhux użati fil-baġit tal-Unjoni, inkluż is-surplus, jintużaw biex l-assistenza finanzjarja titqassam b'ħeffa lir-reġjuni u n-negozji li ntlaqtu l-iktar mill-pandemija tal-COVID-19; jitlob, f'dak il-kuntest, lill-Istati Membri jindirizzaw kompletament it-tnaqqis mistenni fil-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING tagħhom li jirriżultaw mis-surplus 2019 għall-ibbaġitjar ta' azzjonijiet b'rabta mal-COVID-19, preferibbilment fil-livell tal-Unjoni, biex tiġi garantita allokazzjoni ottimali tal-fondi;

    3.

    Josserva li, skont il-Kummissjoni, il-multi tal-kompetizzjoni fl-2019 ammontaw għal EUR 2 510,5 miljun; iqis għal darb'oħra li għandu jkun possibli għall-baġit tal-Unjoni li jerġa' juża kwalunkwe dħul li jirriżulta minn multi jew marbut ma' pagamenti tard mingħajr tnaqqis korrispondenti tal-kontribuzzjonijiet tal-ING; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu favur iż-żieda tar-riżerva proposta tal-Unjoni (Marġni Globali għall-Impenji) fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss b'ammont ekwivalenti għad-dħul li jirriżulta minn multi u penali;

    4.

    Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020;

    5.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 3/2020 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

    6.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

    (1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

    (2)  ĠU L 57, 27.2.2020.

    (3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

    (4)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

    (5)  ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.

    (6)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.


    Top