EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE5719

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (COM(2020) 611 — final 2016/0224-COD), Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jintroduċi skrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (COM(2020) 612 — final 2020/0278-COD), Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ data bijometrika għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) XXX/XXX [ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni] u tar-Regolament (UE) XXX/XXX [ir-Regolament dwar ir-Risistemazzjoni], għall-identifikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida b’soġġorn illegali u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi (riformulat) u li temenda r-Regolamenti (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/818 (COM(2020) 614 — final 2016/0132-COD)

EESC 2020/05719

ĠU C 155, 30.4.2021, p. 64–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 155/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE

(COM(2020) 611 — final 2016/0224-COD)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jintroduċi skrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817

(COM(2020) 612 — final 2020/0278-COD)

Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ data bijometrika għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) XXX/XXX [ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni] u tar-Regolament (UE) XXX/XXX [ir-Regolament dwar ir-Risistemazzjoni], għall-identifikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida b’soġġorn illegali u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi (riformulat) u li temenda r-Regolamenti (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/818

(COM(2020) 614 — final 2016/0132-COD)

(2021/C 155/10)

Relatur: Panagiotis GKOFAS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 27.11.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

8.2.2021

Adottata fil-plenarja

25.2.2021

Sessjoni plenarja Nru

558

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

210/9/28

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jieħu nota tal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, li għandu l-għan li jindirizza fenomenu multidimensjonali u kumpless. Il-KESE jemmen li r-Regolamenti l-ġodda jagħtu kontribut pożittiv għal sigurtà fuq il-fruntieri tal-UE aktar effettiva. Qed jiġi stabbilit proċess aħjar u aktar sikur biex jiġu kkontrollati dawk li jidħlu fl-UE. Madankollu, strateġija integrata u komuni tal-UE, u li tkun reżiljenti u li tħares ’il quddiem, hija meħtieġa ħafna u ilha mistennija żmien twil. Sfortunatament, fir-rigward tal-kwistjoni inġenerali tal-migrazzjoni u l-ażil, il-proposti attwali ma jistax jitqies li huma l-pass ’il quddiem li huwa tant meħtieġ. Barra minn hekk, l-erba’ jew ħames Stati Membri kkonċernati se jkollhom joħolqu “ċentri magħluqin” fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ dħul (1) għall-bnedmin għal perjodu twil sa sitt jew seba’ xhur, jekk mhux aktar, sakemm l-eżitu tal-proċeduri jkun magħruf, u dan jirriżulta f’sitwazzjonijiet li huma ħafna agħar minn qabel.

1.2.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE jeħtieġu jagħmlu sforzi akbar u ulterjuri. L-Opinjonijiet reċenti tal-KESE (SOC/649 (2) u SOC/669 (3)) jikkritikaw aspetti ewlenin kemm tar-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni (AMR) kif ukoll tar-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil (APR). Il-KESE jixtieq jirrimarka wkoll li, skont l-analiżi tiegħu tad-disa’ regolamenti u l-kuntatt tiegħu mal-Kummissjoni, il-prospetti għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-disa’ regolamenti differenti jidhru problematiċi minn diversi aspetti. Hija meħtieġa strateġija aktar komprensiva dwar il-migrazzjoni biex jiġu żgurati sinerġiji aħjar bejn ir-regolamenti differenti tal-UE u biex jiġu żgurati tweġibiet għal kwistjonijiet importanti fl-Istati Membri li huma aktar milqutin mill-migrazzjoni.

1.3.

Il-KESE jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-proċeduri l-ġodda fuq il-fruntieri, speċjalment fir-rigward tal-ħtieġa li jiġi protett id-dritt li jintalab l-ażil u l-kwistjonijiet li ġejjin:

il-kunċett difettuż ta’ “pajjiżi b’rati baxxi ta’ rikonoxximent tal-ażil”;

l-użu ta’ kunċetti legali mhux iddefiniti tajjeb (“theddida għas-sigurtà”, “ordni pubbliku”) li jagħtu lok għal inċertezza tad-dritt;

tfal barranin bejn l-età ta’ 12 u 18-il sena, li huma wkoll meqjusa bħala “tfal” skont il-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

kif u fejn se jinżammu n-nies matul il-proċedura fuq il-fruntiera, u kif tista’ tiġi evitata l-inċertezza tad-dritt permezz ta’ garanzija tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

1.4.

Il-KESE jirrikonoxxi l-valur miżjud u l-ħtieġa għal proċeduri tal-ażil komuni, komprensivi u effettivi li jikkonformaw mal-konvenzjonijiet internazzjonali u l-garanziji legali, favur il-kunfidenza tal-UE u tal-Istati Membri li titrawwem minn mekkaniżmi ta’ solidarjetà tanġibbli u responsabbiltajiet/ impenji kondiviżi b’mod ġust. Madankollu, din il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludix sistema komuni tal-ażil ta’ din ix-xorta — waħda komprensiva, li turi solidarjetà u tqassim ġust tar-responsabbiltà fost l-Istati Membri. Id-dispożizzjoni dwar is-solidarjetà għandha tiġi inkluża wkoll fl-APR, eżatt wara li jkun sar l-iskrinjar, u bl-għajnuna tal-IT mill-Eurodac. Jekk “solidarjetà obbligatorja” ma tissarrafx f’“rilokazzjoni obbligatorja” skont id-dispożizzjonijiet tal-APR, jew jekk ma jinħolqux proċeduri li jippermettu lill-persuni japplikaw għall-ażil fl-Istati Membri tal-UE mingħajr il-ħtieġa li jaqsmu l-fruntieri tal-UE, allura f’termini prattiċi r-Regolament ma jkunx operattiv. Għandu jkun hemm ukoll inċentivi u diżinċentivi għar-rilokazzjoni, u fi kwalunkwe każ għandu jkun possibbli li l-proċess tal-APR jitwettaq fi Stati Membri oħra u mhux esklużivament fil-pajjiż tal-ewwel dħul.

1.5.

Il-KESE jenfasizza li l-effettività tal-proċeduri l-ġodda proposti jeħtieġ li titkejjel b’mod kostanti permezz ta’ sistemi li jimmonitorjaw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet ta’ persuni u tfal vulnerabbli, il-valutazzjoni individwali tat-talbiet għall-ażil, u rimedji effettivi. Madankollu, tqum il-mistoqsija dwar fejn u kif se jiġu implimentati l-Patt il-Ġdid imtejjeb u l-proposti li jakkumpanjawh, u b’liema tip ta’ solidarjetà, rilokazzjoni jew arranġamenti ta’ risistemazzjoni.

1.6.

Il-KESE jappoġġja sistema tal-IT aktar integrata u bbilanċjat għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, ibbażata fuq bażi tad-data mtejba tal-Eurodac li tiffoka fuq l-applikazzjonijiet u l-applikanti. Il-KESE kellu l-impressjoni li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa għal approċċ komuni għall-iskrinjar obbligatorju ta’ qabel id-dħul tal-marki tas-swaba’ u tar-riskji għas-saħħa u s-sigurtà, iżda minkejja s-sistema sofistikata proposta, sfortunatament ma hemm l-ebda possibbiltà għal persuna biex tapplika għall-ażil fi Stat Membru ieħor għajr il-pajjiż tal-ewwel dħul – xi ħaġa li għandha tkun possibbli. Ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-ażil, attwalment stabbiliti fl-AMR, għandhom jiġu stabbiliti fl-APR, u jipprovdu opportunità permezz tal-Eurodac għal talbiet biex jiġu pproċessati minn Stati Membri oħra wkoll.

1.7.

Minkejja li l-KESE huwa favur proċeduri ġodda u aktar rapidi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq il-fruntieri tal-UE, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-proċeduri legali kollha, jinqalgħu bosta mistoqsijiet bħal: Kif nimplimentaw u niżguraw dawn il-proċeduri? Kif nimplimentaw ir-ritorni? Fejn hija s-solidarjetà fl-APR, biex ma nsemmux l-AMR – jekk wara kollox tipprovdi xi dispożizzjoni għas-solidarjetà? Meta persuna tingħata ażil, tista’ tmur fi Stat Membru ieħor minflok il-pajjiż tal-ewwel dħul (4)? L-Istati Membri jistgħu jagħtu ażil biex jipproteġu persuni fil-bżonn jew se jibdew jirrifjutawhom? Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tivverifika u tispjega bir-reqqa kull parti tal-proposta, u speċjalment biex twieġeb il-mistoqsija: “Dan il-Patt il-Ġdid kif se jtejjeb il-proċedura komuni tal-ażil u jissodisfa d-dritt li jintalab ażil?”

1.8.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri l-ġodda ta’ skrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fuq il-fruntieri esterni. Dan il-mekkaniżmu ġdid iżid il-pressjoni fuq dawk l-Istati Membri tal-UE bil-fruntieri marittimi esterni tal-UE, u jippromovi l-ħolqien ta’ ċentri magħluqa fuq il-fruntieri esterni, jew qrib tagħhom. Ċentri simili qajmu tħassib serju f’termini ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ta’ għajxien aċċettabbli għar-residenti.

1.9.

L-eżitu tal-proċeduri tal-fruntieri se jkun jew l-għoti tal-ażil jew iċ-ċaħda u r-ritorn. Fil-każ ta’ ażil, l-Istat Membru li jagħtih huwa responsabbli għall-integrazzjoni tal-persuni kkonċernati. Madankollu, fix-xenarju tal-Patt il-Ġdid, dan ifisser l-integrazzjoni tagħhom fil-pajjiżi tan-Nofsinhar, mingħajr ebda possibbiltà ta’ rilokazzjoni lejn l-Istati Membri l-oħra jew solidarjetà mingħandhom. Jekk ma jingħatax ażil, l-Istat Membru għandu jirritorna l-applikant għal ażil li jkun ġie rifjutat. Dan l-approċċ għandu janalizza metodi kif jiġu stabbiliti ftehimiet tal-UE mal-pajjiżi terzi ta’ oriġini u ta’ tranżitu u kif jiġu żgurati proċeduri effettivi, kif previst fid-dritt internazzjonali u fl-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem. Ebda ftehim partikolari ma jista’ jiġi stabbilit bejn l-Istati Membri individwalment, u l-Kummissjoni lanqas ma ssemmi proċedura bħal din.

1.10.

L-isfidi tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, relatati b’mod partikolari mal-iżgurar ta’ identifikazzjoni rapida ta’ dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jew mal-implimentazzjoni proprja tar-ritorni (għal dawk li ma għandhomx bżonn protezzjoni), huma mistennija jiġu indirizzati “b’mod uniformi” mill-UE kollha kemm hi, iżda ma jistax jitqies li dan qed isir bil-proposti attwali. Fil-fatt, din hija kwistjoni li għandha tiġi ttrattata biss mill-Istat Membru tal-ewwel dħul, u mhemmx kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet pereżempju permezz ta’ rilokazzjoni obbligatorja tal-applikanti għall-ażil matul il-proċess tal-APR u l-analiżi tat-talba għall-ażil.

1.11.

B’mod partikolari, huwa importanti li tinħoloq proċedura aħjar li tippermetti li jiġu identifikati persuni li x’aktarx ma jirċevux protezzjoni fl-UE (5). Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi skrinjar ta’ qabel id-dħul li għandu jkun applikabbli għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jkunu preżenti fil-fruntiera esterna mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul jew wara l-iżbark, wara operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ. B’xorti ħażina, madankollu, dan l-“iskrinjar ta’ qabel id-dħul” isir fit-territorju tal-pajjiż tal-ewwel dħul fl-UE fuq il-fruntiera. “Ta’ qabel” (id-dħul) tfisser li l-persuna kkonċernata tmur lejn “ċentru magħluq ta’ detenzjoni” u toqgħod hemm, mingħajr ebda possibbiltà li tiċċaqlaq sakemm l-awtoritajiet tal-Istat Membru jiddeċiedu jew li jagħtuhom ażil (6) jew li jirritornawhom lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ tranżitu, u dan biss jekk dan ir-ritorn ikun possibbli – li mhuwiex il-każ fil-biċċa l-kbira tal-każijiet.

1.12.

Il-KESE jappoġġja wkoll qafas tal-UE li jistabbilixxi regoli uniformi għall-iskrinjar tal-migranti irregolari maqbuda fit-territorju u li żgiċċaw mill-verifiki fuq il-fruntieri mad-dħul fiż-żona Schengen. Dan għandu l-għan li jipproteġi ż-żona Schengen u jiżgura ġestjoni effiċjenti tal-migrazzjoni irregolari jew illegali.

1.13.

Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji u l-imsieħba soċjali biex jipparteċipaw fit-tfassil ta’ politiki u programmi oħrajn (bħal Sħubijiet ta’ Talent), fi skambji tal-aħjar prattika u programmi ta’ ġemellaġġ multilaterali rigward il-“kurituri umanitarji” eżistenti. Huwa jitlob ukoll li jiġu żviluppati oqfsa legali ġodda, li jiġu introdotti proċeduri rapidi li jippermettu li l-viża umanitarja tintuża b’mod aktar wiesa’ u minn għadd akbar ta’ persuni (permezz ta’ aġġustamenti għad-dispożizzjonijiet attwali tal-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7)), u li “l-isponsorizzazzjoni” tiġi inkluża wkoll bħala perkors legali ordinarju għad-dħul fil-qasam tal-politiki tal-immigrazzjoni, applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi minn pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-koleġiżlaturi għall-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-UE li diġà teżisti, bħall-Ftehim ta’ Schengen u t-Trattat ta’ Lisbona, diġà tipprevedi “protezzjoni sussidjarja u temporanja” għal dawk li qed jaħarbu l-gwerer jew id-diżastri naturali. Dan juri kif, bl-użu ta’ strumenti leġiżlattivi diġà disponibbli għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, id-dħul regolari jista’ jiġi ggarantit għal persuni vulnerabbli li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali.

2.   Osservazzjonijiet u kummenti ġenerali

2.1.

Il-Patt Ġdid jirrakkomanda tfassil integrat tal-politika li jlaqqa’ flimkien il-politiki fl-oqsma tal-ażil, il-migrazzjoni, ir-ritorn, il-protezzjoni tal-fruntieri esterni, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-migranti, u r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi ewlenin, b’mod li jirriflettu approċċ li jkopri l-gvern kollu. Fl-aħħar mill-aħħar, madankollu, ir-regolamenti proposti li qed jiġu eżaminati se jpoġġu piż kbir fuq l-Istati Membri tan-Nofsinhar tal-Ewropa, bil-konsegwenza inevitabbli li r-regolamenti mhux se jkunu applikabbli u ma jirnexxilhomx jiksbu r-riżultat maħsub tagħhom. Wara perjodu raġonevoli ta’ żmien, l-Istati Membri se jkunu mġiegħla de facto jirrifjutaw ħafna applikazzjonijiet għall-ażil, anke dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jingħata l-ażil, sabiex jiġi evitat li għadd dejjem jikber ta’ nies jinżammu flimkien f’kundizzjonijiet inumani.

2.2.

L-Istati Membri fin-Nofsinhar tal-Ewropa m’għandhom l-ebda għażla ħlief li jiġu kkonvertiti f’ċentri ta’ detenzjoni jew ta’ qabel it-tluq.

2.3.

Din l-Opinjoni ser tiffoka fuq tlieta mid-disa’ strumenti li jinsabu fil-Patt il-Ġdid: i) Regolament ġdid dwar l-iskrinjar; ii) Proposta emendata li tirrevedi r-Regolament dwar il-proċeduri tal-ażil; iii) Proposta emendata għal riformulazzjoni tar-Regolament tal-Eurodac.

3.   Kummenti speċifiċi dwar ir-Regolament il-ġdid dwar l-iskrinjar

3.1.

Ir-Regolament il-ġdid dwar l-iskrinjar jipproponi proċedurata’ skrinjar qabel id-dħul fit-territorju tal-pajjiż tal-ewwel dħul, waħda li għandha tkun applikabbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kollha li jkunu preżenti fuq il-fruntiera esterna li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tad-dħul jew wara l-iżbark, wara operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ.

3.2.

Id-data disponibbli turi li l-wasla ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali kif osservat fl-2015-2016 ġiet parzjalment sostitwita minn wasliet imħallta ta’ persuni.

3.3.   Kummenti speċifiċi dwar l-objettivi u l-elementi ewlenin tal-proċedura ta’ skrinjar

3.3.1.

L-objettiv tal-iskrinjar huwa li jikkontribwixxi għall-approċċ komprensiv il-ġdid għall-migrazzjoni u l-flussi mħallta billi jiżgura li l-identità tal-persuni imma anke kwalunkwe riskju għas-saħħa u s-sigurtà, jiġu stabbiliti malajr u li ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jkunu preżenti fuq il-fruntiera esterna li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tad-dħul jew wara l-iżbark wara operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ jiġu rriferuti malajr għall-proċedura applikabbli. L-objettiv għandu jkun ukoll li tiġi pprovduta għodda utli li l-bqija tal-pajjiżi tal-UE jkunu jistgħu jipparteċipaw u jevalwaw ukoll l-applikant matul il-proċess tal-APR.

3.3.2.

Il-proposta tipprevedi li d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati għandhom jiġu protetti permezz ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ li għandu jitwaqqaf mill-Istati Membri.

3.3.3.

L-iskrinjar għandu jikkonsisti, b’mod partikolari, f’:

a)

verifika preliminari tas-saħħa u tal-vulnerabbiltà;

b)

verifika tal-identità kontra informazzjoni f’bażijiet tad-data Ewropej;

c)

reġistrazzjoni ta’ data bijometrika (jiġifieri data dwar marki tas-swaba’ u data dwar l-immaġni tal-wiċċ) fil-bażijiet tad-data adatti, sa fejn din tkun għadha ma seħħitx; u

d)

verifika tas-sigurtà permezz ta’ tiftix fil-bażijiet tad-data rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni, b’mod partikolari s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), biex jiġi vverifikat li l-persuna ma tikkostitwixxix theddida għas-sigurtà interna.

3.3.4.

L-iskrinjar għandu jkun obbligatorju u jenħtieġ li japplika mhux biss fil-pajjiżi tal-ewwel dħul, iżda f’kull Stat Membru, f’konformità mal-prinċipju tas-solidarjetà tal-UE. Kif deskritt fil-Patt il-ġdid, il-proċess tal-APR se jsir biss fil-pajjiżi tal-ewwel dħul. Jekk “solidarjetà obbligatorja” ma tissarrafx f’“rilokazzjoni obbligatorja” skont id-dispożizzjonijiet tal-APR, jew jekk ma jinħolqux proċeduri li jippermettu lill-persuni japplikaw għall-ażil fl-Istati Membri tal-UE mingħajr il-ħtieġa li jaqsmu l-fruntieri tal-UE, allura f’termini prattiċi r-Regolament ma jkunx operattiv. Għandu jkun hemm ukoll inċentivi u diżinċentivi għar-rilokazzjoni, u fi kwalunkwe każ il-proċess tal-APR għandu jitwettaq fi Stati Membri oħra u mhux esklużivament fil-pajjiż tal-ewwel dħul.

3.3.5.

L-iskrinjar propost huwa mistenni li jżid il-valur għall-proċeduri attwali u, bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ saħħa, jenħtieġ li ma jitwettaqx biss f’pajjiżi bi fruntieri esterni.

3.3.6.

Mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti, effettiv u kontinwu għandu jkopri b’mod partikolari r-rispett tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-iskrinjar, kif ukoll ir-rispett tar-regoli nazzjonali applikabbli fil-każ ta’ detenzjoni u konformità mal-prinċipju ta’ non-refoulement. Barra minn hekk, għandu jiżgura li l-ilmenti jiġu ttrattati malajr u b’mod xieraq.

3.3.7.

Il-proposta tirrikonoxxi r-rwol tal-aġenziji tal-UE — il-Frontex u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil, li jistgħu jakkumpanjaw u jappoġġjaw lill-awtoritajiet kompetenti fil-kompiti kollha tagħhom relatati mal-iskrinjar — iżda din mhix ċara biżżejjed. Tagħti wkoll rwol importanti, iżda xejn ċar, lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali fl-appoġġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ indipendenti tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-iskrinjar, kif ukoll ir-rispett tar-regoli nazzjonali applikabbli fil-każ ta’ detenzjoni u konformità mal-prinċipju ta’ non-refoulement.

4.   Proposta emendata li tirrevedi r-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil

4.1.

Il-KESE jqis li l-għażla ta’ proposta leġiżlattiva ġdida u emendata fil-forma ta’ regolament tal-UE minflok direttiva, kif inhu l-każ illum, hija adatta. Madankollu, il-KESE jistaqsi kif tista’ tiġi infurzata u implimentata fl-Istati Membri kollha, b’mod partikolari dawk li kienu soġġetti għal proċeduri ta’ ksur. Jista’ japprova din il-proposta biss jekk ma tibdilx lill-Istati Membri fin-Nofsinhar f’ċentri ta’ detenzjoni jew ta’ ċentri ta’ qabel it-tluq għall-persuni.

4.2.

Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni li ttejjeb il-koordinazzjoni u l-proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u għal aktar armonizzazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-ażil u r-ritorn. Madankollu, jinnota b’dispjaċir li saru aktar proposti biex tiġi kkoordinata l-implimentazzjoni ta’ ċentri magħluqa ta’ detenzjoni fil-pajjiżi tal-ewwel dħul milli saru dwar is-sistema komuni tal-ażil, li jimponu l-obbligu esklużiv ta’ ġestjoni ta’ dawk li jfittxu l-ażil fuq il-pajjiżi tal-ewwel dħul. Dan jagħti l-impressjoni qawwija li l-proposti li għandhom jiġu implimentati huma indirizzati lill-pajjiżi tan-Nofsinhar, mingħajr ebda referenza għar-rilokazzjoni matul l-applikazzjoni tal-“proċeduri fuq il-fruntieri”.

4.3.

Barra minn hekk, il-KESE jinnota b’dispjaċir li l-problemi potenzjali fl-operat tal-programmi ta’ ritorn ma ġewx identifikati b’mod adegwat fil-proposta, fuq kollox fir-rigward tar-rieda fil-prattika ta’ pajjiżi terzi, pajjiżi ta’ oriġini jew pajjiżi ta’ tranżitu biex jikkooperaw mal-UE.

4.4.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal strateġija aktar komprensiva bbażata fuq sistema ta’ responsabbiltà bbilanċjata u kondiviża għall-governanza tal-flussi migratorji bejn l-UE u pajjiżi mhux tal-UE.

4.5.

Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi pprovduta protezzjoni adegwata għall-familji bit-tfal u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni speċjali fir-rigward tal-minuri mhux akkumpanjati, l-effettività ġenerali tal-proċeduri ta’ gwida dwar l-ażil, l-indikaturi ta’ standards operazzjonali u l-kumpilazzjoni ta’ eżempji tal-aħjar prattika (ippubblikati mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO)). Mhuwiex aċċettabbli li minuri jitqies bħala tali jekk ikun taħt l-età ta’ 12-il sena biss, u mhux taħt l-età ta’ 18-il sena, f’konformità mad-dritt internazzjonali. Skont il-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, minuri ifisser kull bniedem taħt l-età ta’ 18-il sena.

4.6.

F’konsultazzjonijiet reċenti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili pproponew li jiġu riveduti ċerti regoli dwar id-determinazzjoni tar-responsabbiltà u li jiġi previst mekkaniżmu ta’ solidarjetà obbligatorju, inkluż għal persuni żbarkati wara operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ. L-organizzazzjonijiet mhux governattivi rrakkomandaw ukoll l-istabbiliment ta’ fehim komuni ta’ “responsabbiltà” fost l-Istati Membri u appellaw biex ir-regoli riveduti ta’ Dublin jinkludu mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni aktar permanenti (8) . Il-KESE jistaqsi kif mekkaniżmu ta’ solidarjetà li jiffunzjona tajjeb fost l-Istati Membri jista’ jiġi implimentat b’mod realistiku skont il-proposta emendata l-ġdida. Ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-ażil, attwalment stabbiliti fl-AMR, għandhom ikunu fl-APR, u jipprovdu opportunità permezz tal-Eurodac għal talbiet li għandhom jiġu pproċessati minn Stati Membri oħra wkoll.

5.   L-emendar tal-proposta tal-2016 għal riformulazzjoni tar-regolament tal-Eurodac

5.1.

L-emenda għall-Proposta tal-2016 għal riformulazzjoni tar-Regolament tal-Eurodac għandha l-għan li toħloq rabta bejn individwi speċifiċi u l-proċeduri li huma soġġetti għalihom sabiex jitjiebu l-kontroll tal-migrazzjoni irregolari u d-detezzjoni ta’ movimenti mhux awtorizzati.

5.2.

L-għan ewlieni tal-Eurodac huwa li tidentifika lil dawk li jfittxu l-ażil u li tiffaċilita, permezz ta’ data tal-marki tas-swaba’ u tal-immaġni tal-wiċċ (“bijometrika”), il-provvista ta’ evidenza biex tgħin fid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fl-UE.

5.3.

Il-KESE mhuwiex konvint li l-użu tal-Eurodac (9) ikun l-għodda adatta għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, u lanqas li l-użu tal-Eurodac se jappoġġja b’mod effettiv lill-Istati Membri fil-monitoraġġ tal-għoti ta’ assistenza għar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni (10).

5.4.

Il-proposta li temenda l-proposta tal-2016 tibni fuq ftehim proviżorju bejn il-koleġiżlaturi, tikkumplementa dawn il-bidliet u għandha l-għan li tittrasforma l-Eurodac f’bażi ta’ data komuni Ewropea biex tappoġġja l-politiki tal-UE dwar l-ażil, ir-risistemazzjoni u l-migrazzjoni irregolari.

5.5.

Barra minn hekk, għandha l-għan li tiġbor data aktar preċiża u kompluta biex tinforma t-tfassil tal-politika u b’hekk tgħin aħjar fil-kontroll tal-migrazzjoni irregolari u fid-detezzjoni ta’ movimenti mhux awtorizzati billi, minbarra l-applikazzjonijiet, isir ukoll l-għadd tal-applikanti individwali. Madankollu, il-KESE jemmen li din is-sistema sofistikata trid tipprovdi wkoll lill-migrant bil-possibbiltà li japplika għal ażil fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkun limitat għall-pajjiż tal-ewwel dħul.

5.6.

L-Eurodac għandha wkoll l-għan li tappoġġja l-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ politika adatti f’dan il-qasam billi tippermetti li titfassal statistika li tikkombina data minn diversi bażijiet tad-data.

5.7.

Il-KESE jaqbel li regoli komuni dwar it-teħid tal-marki tas-swaba’ u l-immaġni tal-wiċċ għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet tal-Eurodac jeħtieġ li jiġu applikati bl-istess mod fl-Istati Membri kollha.

5.8.

Il-KESE huwa favur li jinħoloq strument ta’ għarfien li jipprovdi lill-Unjoni Ewropea b’informazzjoni dwar kemm ċittadini minn pajjiżi terzi jidħlu fl-UE b’mod irregolari jew wara operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ u japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali, xi ħaġa li hija indispensabbli għat-tfassil ta’ politika sostenibbli u bbażata fuq l-evidenza fil-qasam tal-migrazzjoni u l-politika dwar il-viża.

5.9.

Objettiv ieħor tal-Eurodac huwa li tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-awtoritajiet nazzjonali li jittrattaw l-applikanti għall-ażil li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu diġà ġew irrifjutati fi Stat Membru ieħor, billi tidentifika l-applikazzjonijiet rifjutati, iżda l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jingħataw id-dritt li jeżaminaw mill-ġdid applikazzjoni pproċessata minn Stat Membru ieħor.

Brussell, il-25 ta’ Frar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Il-kunċett tan-nuqqas ta’ dħul huwa xi ħaġa li eżistiet kemm f’Schengen kif ukoll fl-acquis tal-ażil (l-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil (APD)).

(2)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 15.

(3)  Ara l-paġna 58 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika, id-drittijiet u l-benefiċċji li jirriżultaw mill-istatus ta’ rifuġjat/protezzjoni sussidjarja huma marbutin mal-Istat Membru li jkun ta l-istatus.

(5)  Is-sehem tal-migranti li jkunu ġejjin minn pajjiżi b’rati ta’ rikonoxximent ta’ inqas minn 25 % żdied minn 14 % fl-2015 għal 57 % fl-2018.

(6)  Fir-rigward tal-użu tad-detenzjoni matul il-proċedura fuq il-fruntiera, ara l-paragrafi 179 u 183 tas-sentenza tal-QĠUE C-808/18: “l-Istati Membri huma, fil-fatt, awtorizzati li jżommu f’‘detenzjoni’, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri tagħhom, qabel ma jagħtuhom dritt ta’ dħul fit-territorju tagħhom, taħt il-kundizzjonijiet li l-imsemmi Artikolu 43 jistabbilixxi u sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-proċeduri li jipprevedi l-istess Artikolu 43”; “mill-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li detenzjoni bbażata fuq din id-dispożizzjoni hija ġġustifikata biss sabiex tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jeżamina, qabel ma jirrikonoxxi lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali d-dritt li jidħol fit-territorju tiegħu, jekk l-applikazzjoni tiegħu hijiex inammissibbli […] jew jekk din għandhiex tiġi miċħuda bħala infondata […]”.

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

(8)  Rapport tal-proġett minn CEPS, Search and rescue, disembarkation and relocation arrangements in the Mediterranean Sailing Away from Responsibility?, Ġunju 2019 [Mhux disponibbli bil-Malti].

(9)  Dan ser itejjeb il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri f’dan il-qasam u jipprevjeni x-“shopping” għar-ritorn volontarju assistit u r-riintegrazzjoni (AVRR), peress li l-Istati Membri ser ikollhom aċċess immedjat għal din l-informazzjoni u persuna li tingħata assistenza fi Stat Membru wieħed ikollha toqgħod lura milli tiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor bil-għan li tikseb tip ieħor jew aħjar ta’ assistenza. Bħalissa, l-Istati Membri ma għandhom l-ebda bażi ta’ data komuni jew xi mod biex jiskopru jekk persuna rimpatrijata tkunx diġà bbenefikat minn appoġġ għar-ritorn u r-riintegrazzjoni. Din l-informazzjoni hija essenzjali fil-ġlieda kontra l-użu ħażin u l-benefiċċji doppji.

(10)  Is-sistema ta’ Dħul/Ħruġ tippermetti lill-Istati Membri jidentifikaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ilhom joqogħdu illegalment minkejja li jkunu daħlu fl-UE legalment. Madankollu, ma teżisti l-ebda sistema bħal din għall-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi preżenti illegalment li jidħlu fl-UE b’mod irregolari fil-fruntieri esterni. Is-sistema attwali tal-Eurodac hija l-bażi tad-data ideali biex tospita din l-informazzjoni peress li diġà fiha data ta’ dan it-tip. Għalissa, l-għan tal-ġbir ta’ tali data huwa limitat għall-assistenza fid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex janalizza applikazzjoni għall-ażil. L-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi preżenti illegalment u dawk li daħlu fl-Unjoni Ewropea b’mod irregolari fil-fruntieri esterni ser jassisti b’mod partikolari lill-Istati Membri fid-dokumentazzjoni mill-ġdid ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet ta’ ritorn.


ANNESS

L-emenda li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet tal-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 43(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 2.2

Ibdel it-test kif ġej:

2.2.

L-Istati Membri fin-Nofsinhar tal-Ewropa m’għandhom l-ebda għażla ħlief li jiġu kkonvertiti f’ċentri ta’ detenzjoni jew jistabbilixxu ċentri magħluqa ta’ qabel it-tluq fejn is-sitwazzjonijiet ta’ dawk li jfittxu l-ażil huma problematiċi ħafna f’termini ta’ kundizzjonijiet ta’ għixien u drittijiet.

Raġuni

It-test attwali huwa faċli ħafna biex jiġi interpretat ħażin peress li l-pajjiżi nnifishom mhuma kkonvertiti la f’ċentru ta’ detenzjoni u lanqas f’xi ħaġa oħra. Fil-pajjiżi hemm stabbiliti ċentri ta’ qabel it-tluq.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

96

Kontra:

100

Astensjoni:

47

Il-punti li ġejjin tal-Opinjoni tas-Sezzjoni ġew modifikati biex jirriflettu l-emenda adottata mill-assemblea, iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 43(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

1.1.

Il-KESE jieħu nota tal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, li għandu l-għan li jindirizza fenomenu multidimensjonali u kumpless. Il-KESE jemmen li r-Regolamenti l-ġodda jagħtu kontribut pożittiv għal sigurtà fuq il-fruntieri tal-UE aktar effettiva. Qed jiġi stabbilit proċess aħjar u aktar sikur biex jiġu kkontrollati dawk li jidħlu fl-UE. Madankollu, strateġija integrata u komuni tal-UE, u li tkun reżiljenti u li tħares ’il quddiem, hija meħtieġa ħafna u ilha mistennija żmien twil. Sfortunatament, fir-rigward tal-kwistjoni inġenerali tal-migrazzjoni u l-ażil, il-Kummissjoni qed toffri l-istess platt tas-soltu, imsaħħan mill-ġdid u, kif inhi l-prattika standard, xorta servut kiesaħ fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa. Barra minn hekk, l-erba’ jew ħames Stati Membri kkonċernati se jsiru “ċentri magħluqin tad-detenzjoni”  (1) għall-bnedmin għal perjodu ta’ mill-inqas sitt jew seba’ xhur, jekk mhux aktar, sakemm l-eżitu tal-proċeduri jkun magħruf, u dan jirriżulta f’sitwazzjonijiet li huma 20 darba agħar minn qabel.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

105

Kontra:

99

Astensjoni:

43

1.2.

Il-KESE jixtieq jirrimarka li jidher li hemm nuqqas ta’ rieda tajba min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tas-suġġerimenti tiegħu. L-Opinjonijiet kollha tiegħu (SOC/649, SOC/669 u SOC/670) jikkritikaw l-adozzjoni kemm tar-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni (AMR) kif ukoll tar-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil (APR). Il-KESE jixtieq jirrimarka wkoll li mill-analiżi tiegħu tad-disa’ regolamenti u l-kuntatt tiegħu mal-Kummissjoni, jidher li mhemmx prospetti għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-disa’ regolamenti differenti. Huwa tipiku tal-Kummissjoni li tonqos milli tittratta l-immigrazzjoni bħala kwistjoni speċifika, u pjuttost tiddikjara li kwalunkwe proposta jew suġġeriment jaqgħu taħt regolament ieħor. B’riżultat ta’ dan, l-ebda kwistjoni ma tista’ tiġi konnessa b’mod sostanzjali, li jfisser li l-kwistjonijiet jitqiesu individwalment fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kull regolament esklużiv. Fi kliem ieħor, “għal kull osservazzjoni, napplikaw regola differenti”, jew il-Kummissjoni sempliċement twarrab il-kummenti kollha bl-argument li dawn jaqgħu taħt regoli differenti.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

101

Kontra:

97

Astensjoni:

41


(1)  Il-kunċett tan-nuqqas ta’ dħul huwa xi ħaġa li eżistiet kemm f’Schengen kif ukoll fl-acquis tal-ażil (l-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil (APD)).


Top