This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020AE5705
Opinion of the European Economic and Social Committee on: Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on asylum and migration management and amending Council Directive 2003/109/EC and the proposed Regulation (EU) XXX/XXX [Asylum and Migration Fund] (COM(2020) 610 final – 2020/0279 (COD)) – Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council addressing situations of crisis and force majeure in the field of migration and asylum (COM(2020) 613 final – 2020/0277 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u r-Regolament propost (UE) XXX/XXX (Il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil)” (COM(2020) 610 final — 2020/0279 (COD)) u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil” (COM(2020) 613 final — 2020/0277 COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u r-Regolament propost (UE) XXX/XXX (Il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil)” (COM(2020) 610 final — 2020/0279 (COD)) u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil” (COM(2020) 613 final — 2020/0277 COD))
EESC 2020/05705
ĠU C 155, 30.4.2021, p. 58–63
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 155/58 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u r-Regolament propost (UE) XXX/XXX (Il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil)”
(COM(2020) 610 final — 2020/0279 (COD))
u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil”
(COM(2020) 613 final — 2020/0277 COD))
(2021/C 155/09)
Relatur: |
Dimitri DIMITRIADIS |
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 11.11.2020 Kummissjoni Ewropea, 27.11.2020 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
Adottata fis-sezzjoni |
8.2.2021 |
Opinjoni adottata fil-plenarja |
25.2.2021 |
Sessjoni plenarja Nru |
558 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
235/5/25 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
L-iżgurar tal-bilanċ fit-trattament tal-applikazzjonijiet għall-ażil, sabiex dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jirċevuha jew dawk li mhumiex fil-bżonn ta’ protezzjoni jiġu ritornati b’mod effettiv, m’għandux ikun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali biss, iżda għandu jiġi ġestit mill-UE kollha kemm hi. |
1.2. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-migrazzjoni hija fenomenu uman u strutturali, li l-ażil u l-protezzjoni internazzjonali huma drittijiet fundamentali għall-persuni ppersegwitati u obbligu legali skont id-dritt internazzjonali għall-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-drittijiet fundamentali u d-data personali għandhom jiġu protetti skont il-proposti għal regolamenti diskussi f’din l-Opinjoni. |
1.3. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-informazzjoni mtejba għal dawk li jfittxu l-ażil dwar il-proċess ta’ applikazzjoni previst f’dawn ir-regolamenti u d-drittijiet u l-obbligi tagħhom taħtu, li tippermettilhom jiddefendu aħjar dawk id-drittijiet. Id-dritt ta’ appell huwa msaħħaħ bid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-appell u l-istabbiliment ta’ mira għal deċiżjonijiet tal-qorti li għandhom jittieħdu f’limitu ta’ żmien armonizzat. Ir-regoli dwar ir-rimedji ġew adattati wkoll sabiex il-proċess tal-appell jitħaffef u jiġi armonizzat konsiderevolment. |
1.4. |
Il-KESE bi pjaċir jinnota wkoll li d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja u d-drittijiet tal-minorenni mhux akkumpanjati huma msaħħa billi jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni biex jinkludi aħwa, kif ukoll familji ffurmati f’pajjiżi ta’ tranżitu, fi ħdan il-kriterji għar-riunifikazzjoni tal-familja u billi jiġi applikat il-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal. |
1.5. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li l-proposti jkollhom l-istatus legali ta’ regolament — għall-kuntrarju ta’ Direttiva — li huwa vinkolanti fl-intier tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri skont it-Trattati. Madankollu, ir-regolamenti proposti rilevanti kollha jeħtieġ li jiġu adottati fl-istess ħin sabiex jirrappreżentaw politika sħiħa: jekk wieħed minnhom ma jiġix adottat, dan ikollu impatt serju fuq l-implimentazzjoni tal-oħrajn. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ konformità fil-passat mal-liġi vinkolanti tal-UE min-naħa ta’ xi Stati Membri jħalli ħafna lok għal dubju dwar l-implimentazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-regolamenti proposti. |
1.6. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposti huma riżultat ta’ konsultazzjonijiet bir-reqqa mal-partijiet interessati, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali (1), l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u organizzazzjonijiet mhux governattivi u internazzjonali, bħall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) (2) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) (3), kif ukoll gruppi ta’ riflessjoni u d-dinja akkademika. |
1.7. |
Il-KESE huwa kuntent li r-regolamenti jinvokaw il-prinċipji tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, iżda jħoss li dan il-piż mhuwiex ibbilanċjat biżżejjed minn livell korrispondenti ta’ solidarjetà. Fi kliem sempliċi, is-solidarjetà, fil-forma ta’ rilokazzjoni, ma tistax tkun volontarja. Is-solidarjetà jeħtieġ li tkun vinkolanti, fil-forma ta’ rilokazzjonijiet obbligatorji. |
1.8. |
Il-KESE għandu tħassib doppju dwar is-sikurezza tal-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali jew ħajja aħjar, minn naħa, u min-naħa l-oħra l-benesseri tal-pajjiżi fil-fruntieri esterni tal-UE, li jinkwetaw li l-pressjonijiet migratorji jaqbżu l-kapaċitajiet tagħhom. |
1.9. |
Il-KESE jaqbel li r-Regolament Dublin III ma kienx imfassal biex jittratta sitwazzjonijiet ta’ pressjoni migratorja jew tqassim ġust tar-responsabbiltà fl-Istati Membri kollha. Lanqas ma qies is-sitwazzjoni tal-ġestjoni tal-migrazzjoni ta’ flussi migratorji mħallta u l-pressjoni konsegwenti ta’ dawk il-flussi mqiegħda fuq is-sistemi ta’ migrazzjoni tal-Istati Membri. |
1.10. |
Madankollu, minħabba li l-kunċett ġenerali tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (PMA) jiddependi fuq il-kontroll tal-fruntieri u l-evitar ta’ movimenti sekondarji, dan iżid il-piż tar-responsabbiltà u l-inkonvenjenza għall-pajjiżi tal-ewwel dħul, flimkien mal-obbligi previsti fil-proposti ta’ qabel l-iskrinjar u l-kontroll tal-fruntieri. Dawn l-obbligi huma onerużi għal dawk il-pajjiżi, peress li jżidu l-għadd ta’ persuni li għandhom jibqgħu fil-fruntiera, b’konsegwenzi gravi possibbli għall-benesseri tagħhom stess, iżda wkoll għal dak tas-soċjetajiet ospitanti. |
1.11. |
Il-KESE huwa mħeġġeġ mir-rikonoxximent li huwa meħtieġ kunċett ta’ solidarjetà usa’ u li s-solidarjetà għandha tkun obbligatorja fin-natura tagħha biex tiggarantixxi rispons prevedibbli u effettiv għas-sitwazzjoni li qed tinbidel, fejn sehem dejjem jikber ta’ flussi migratorji mħallta qed jimxu lejn l-Unjoni, u biex tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà f’konformità mat-Trattat. Madankollu, dan ma jilħaqx l-aspettattivi għal mekkaniżmu ta’ solidarjetà li jtaffi verament il-piż tal-istati tal-ewwel dħul. |
1.12. |
Il-KESE jipproponi li l-politika ta’ ritorn proposta għall-pajjiżi ta’ oriġini tkun appoġġjata minn sistema ta’ inċentivi u diżinċentivi ċari għall-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-politika ta’ ritorn għandha tiġi ttrattata billi l-UE jkollha rwol aktar b’saħħtu u involviment aktar attiv, b’politiki nazzjonali li jassistu f’każijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat għandu effett ta’ lieva fuq pajjiż terz partikolari. Jeħtieġ li jsir aktar sforz fir-rigward tal-hekk imsejħa rabta tripla tal-azzjoni umanitarja, l-iżvilupp u l-paċi fil-pajjiżi ta’ oriġini ta’ dawk li jfittxu l-ażil. |
1.13. |
Il-KESE japprova azzjoni immedjata u obbligatorja kif previst fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, peress li kontinent kbir u sinjur daqs l-Ewropa għandu jkun jista’ jikkontribwixxi aktar għall-protezzjoni effettiva tar-refuġjati. |
1.14. |
Minħabba n-natura volontarja tal-għażla bejn ir-rilokazzjoni u r-ritorni sponsorjati, il-KESE jista’ jaċċetta allokazzjoni obbligatorja ta’ rilokazzjonijiet, fis-sens li jekk l-istati kollha jagħżlu li jiffinanzjaw ir-ritorni iżda ma jagħżlux li jirrilokaw jew jaċċettaw biss numru żgħir ħafna ta’ rilokazzjonijiet, dan ser ikompli jiggrava s-sitwazzjoni attwali fil-pajjiżi tal-ewwel dħul. |
1.15. |
Il-KESE jista’ jikkunsidra l-proposta dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ monitoraġġ sabiex tiġi ssorveljata l-proċedura, mill-iskrinjar sar-ritorn, u l-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali. Tali mekkaniżmi jistgħu, fost affarijiet oħra, jevitaw l-użu tal-hekk imsejħa pushbacks. Barra minn hekk, għandu jingħata biżżejjed żmien biex jiġi stabbilit il-mekkaniżmu, peress li l-proċeduri ġenerali proposti fir-Regolament dwar l-iskrinjar u fir-Regolament dwar il-proċeduri tal-asil u l-perjodi ta’ żmien involuti jidhru kemxejn diffiċli biex jinkisbu. |
1.16. |
Il-KESE huwa favur it-tisħiħ tar-regolamenti dwar kriżijiet u force majeure billi jiġu introdotti dispożizzjonijiet legali sostantivi dwar il-protezzjoni tad-data personali. Barra minn hekk, jissuġġerixxi l-estensjoni tal-limitu ta’ żmien għas-sospensjoni tal-obbligi internazzjonali ta’ stat li jkun jinsab fi kriżi, sakemm iddum il-kriżi. |
1.17. |
Il-KESE jesprimi x-xettiċiżmu tiegħu dwar l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet previsti fir-regolamenti proposti taħt skrutinju, u jesprimi t-tħassib tiegħu li l-persuni fil-bżonn tal-ażil jistgħu ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom minħabba l-proċeduri previsti li ma jiffunzjonawx tajjeb. |
2. Kuntest
2.1. |
Il-kriżi tal-2015 kixfet dgħufijiet u nuqqasijiet strutturali sinifikanti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-ażil u l-migrazzjoni, inkluż is-sistema ta’ Dublin li ma kinitx imfassla biex tiżgura tqassim sostenibbli tar-responsabilità għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali madwar l-UE. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta’ Ġunju 2018 sejħu għal riforma tar-Regolament ta’ Dublin abbażi ta’ bilanċ tar-responsabbiltà u tas-solidarjetà fir-rigward tal-persuni żbarkati wara operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ. |
2.2. |
Il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, ippreżentat flimkien mal-proposta għal Regolament ġdid dwar il-ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni, huwa maħsub biex jirrappreżenta bidu ġdid fir-rigward tal-migrazzjoni abbażi ta' approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. Din il-proposta tistabbilixxi qafas komuni għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni fil-livell tal-UE bħala kontribut ewlieni għall-approċċ komprensiv u tfittex li tippromwovi l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.
L-isfidi li ġejjin b’mod partikolari huma enfasizzati minn kriżijiet migratorji reċenti. |
2.2.1. |
Nuqqas ta’ approċċ integrat għall-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-ażil u l-migrazzjoni:
|
2.2.2. |
Ineffiċjenzi nazzjonali u nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-UE fil-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni:
|
2.2.3. |
Nuqqas ta’ mekkaniżmu wiesa’ u flessibbli għas-solidarjetà:
|
2.2.4. |
Ineffiċjenzi fis-sistema ta’ Dublin:
|
2.2.5. |
Nuqqas ta’ mekkaniżmi mmirati biex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi estrema:
|
2.2.6. |
Nuqqas ta’ sistema ġusta u effettiva għall-eżerċitar tad-drittijiet fundamentali. u diffikultajiet fid-definizzjoni ta’ mogħdijiet legali ġodda lejn l-ażil u fl-indirizzar b’mod effettiv tar-raġunijiet wara l-migrazzjoni, fosthom kwistjonijiet umanitarji, ta’ żvilupp u ta’ paċi. |
2.3. |
Huwa ttamat li l-proposti jindirizzaw dawn l-isfidi bil-mod li ġej. |
2.3.1. |
Sistema ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni aktar effiċjenti, mingħajr xkiel u armonizzata:
|
2.3.2. |
Approċċ aktar ġust u komprensiv għas-solidarjetà u r-rilokazzjoni:
|
2.3.3. |
Regoli semplifikati u aktar effiċjenti għal ġestjoni b’saħħitha tal-migrazzjoni:
|
2.3.4. |
Mekkaniżmu mmirat biex jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi estrema (proposta għal Regolament li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi). |
2.3.5. |
Ħarsien aktar effettiv tad-drittijiet fundamentali tal-migranti u ta’ dawk li jfittxu l-ażil (4). |
3. Kummenti dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u r-Regolament propost (UE) XXX/XXX (Il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil)
3.1. |
Il-PMA jenfasizza b'mod korrett l-inkonsistenzi bejn is-sistemi tal-ażil u r-ritorn tal-Istati Membri, u jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-solidarjetà fl-UE billi jingħelbu n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u tittejjeb u tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE. Madankollu, mhuwiex ċar jekk il-prinċipju ta’ solidarjetà volontarja u selettiva hux se jgħin biex jissolvew l-isfidi ewlenin ta’ koordinazzjoni ta’ dawn l-aħħar għaxar snin, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-piż jaqa’ fil-biċċa l-kbira fuq l-istati tal-ewwel dħul. |
3.2. |
Kif ġie nnotat fl-Opinjoni tal-KESE SOC/649 (5), taħt il-mekkaniżmu ta' solidarjetà l-ġdid l-Istati Membri se jkunu jistgħu jipparteċipaw fir-rilokazzjoni jew ir-ritorn sponsorizzat ta' persuni f'sitwazzjoni irregolari. Il-KESE għandu dubji dwar il-fattibbiltà tal-mekkaniżmu, li huwa bbażat fuq solidarjetà volontarja ipotetika. Ma jissemmew bl-ebda mod l-inċentivi li huma meħtieġa biex l-Istati Membri jiġu mħeġġa jipparteċipaw f'dan il-mekkaniżmu, speċjalment wara r-rifjut ta' wħud minnhom li jipparteċipaw fil-programm ta' rilokazzjoni preċedenti (6), jew in-nuqqas ta’ obbligu espliċitu. Dan il-mekkaniżmu “ibbażat fuq is-solidarjetà” jista’ jkollu wkoll l-effett kuntrarju li l-individwu kkonċernat jiġi rilokat lejn l-Istat Membru li qed jisponsorizza, jekk ir-ritorn fil-fatt ma jsirx fi żmien tmien xhur, li jirriżulta f’diskrepanzi fir-responsabbiltà fir-rigward tad-drittijiet tal-persuni rimpatrijati. Barra minn hekk, skont il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà ġdid propost, l-Istati Membri huma inċentivati biex ma jipparteċipawx fir-rilokazzjoni — l-għażla aktar pressanti, diffiċli u għalja — iżda biex jagħżlu r-ritorn minflok (7). Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri ta’ solidarjetà vinkolanti fil-forma ta’ azzjoni obbligatorja kif previst fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. |
3.3. |
Il-KESE jilqa' t-tqassir tal-perjodi minn ħames snin għal tliet snin biex tiġi żgurata residenza fit-tul għal persuni li jgawdu protezzjoni internazzjonali meta jiddeċiedu li jibqgħu fl-Istat Membru li jkun tahom tali protezzjoni. L-għan huwa b’mod ċar li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni fil-komunitajiet lokali, għalkemm jista’ jitqies li qed jillimita l-mobbiltà fl-UE, u b’hekk jiġi kkonfermat li l-piż għadu f’idejn il-pajjiżi tal-ewwel dħul. |
3.4. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-kunċett tal-qsim ġust tar-responsabbiltà; madankollu, huwa jħoss li l-piż ta’ din ir-responsabbiltà mhuwiex ibbilanċjat biżżejjed minn livell korrispondenti ta’ solidarjetà. |
3.5. |
Il-KESE jilqa' l-miżuri biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-istrateġiji nazzjonali dwar il-politiki tal-ażil u r-ritorn, imma jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li saru aktar proposti dwar il-koordinazzjoni ta’ strumenti ta' ritorn milli dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri ta' ażil u akkoljenza ta' rifuġjati. |
3.6. |
Il-KESE jinnota d-diffikultajiet li l-pajjiżi tal-UE jiffaċċjaw biex jiżguraw ritorni effettivi, kif ukoll ir-rieda tal-Kummissjoni li tgħaddi għal sistema Ewropea ta' ritorni komuni u effettiva. Il-proposta hija bbażata fuq it-titjib tal-appoġġ operazzjonali għar-ritorni u jipprovdi għall-ħatra ta’ koordinaturi tar-ritorn nazzjonali. Il-KESE jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-problemi fl-operat ta' programmi ta' ritorn mhumiex identifikati kif xieraq (8), li jagħmel dan l-approċċ — li hu meqjus bħala wieħed ta' importanza strateġika — dipendenti mir-rieda li jkun hemm kollaborazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE, kemm ta' oriġini kif ukoll ta' tranżitu. Għalhekk, l-UE għandha tieħu rwol aktar b’saħħtu fir-rigward ta’ politika ġenerali ta’ ritorn. |
3.7. |
Il-KESE jissuġġerixxi li s-solidarjetà għandha tkun awtomatika. L-obbligi ta’ solidarjetà tal-istati tal-ewwel dħul huma sproporzjonati. Il-proċeduri jibqgħu kumplessi u twal, u ma jipprovdu l-ebda assigurazzjoni għal rilokazzjoni. Hemm biss proċeduri obbligatorji fil-fruntieri mingħajr mekkaniżmu awtomatiku ta’ tqassim. Il-miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu huma li jsaħħu l-infrastruttura (tined, assistenza in natura, eċċ.), appoġġ finanzjarju jew ritorni volontarji. M’hemmx kriterji ċari dwar kif kull pajjiż se jikkontribwixxi. Dan mhuwiex effettiv — kull ma jagħmel hu li jżid il-pressjoni fuq l-istat tad-dħul — u jieħu żmien twil (8 xhur) biex jiġi implimentat, għalhekk hemm ir-riskju li l-applikanti jaħarbu. Dak li huwa meħtieġ huwa mekkaniżmu li huwa aktar awtomatiku u li jipprovdi għal distribuzzjoni aħjar tal-applikanti lill-Istati Membri kollha. |
3.8. |
Fl-istess dawl, il-KESE jissuġġerixxi li għal finijiet ta’ solidarjetà mhuwiex prattiku l-fatt li hemm tliet kategoriji differenti ta’ emerġenzi (każi ta’ pressjoni jew theddid ta’ pressjoni akbar, każi ta’ kriżi, u każi ta’ operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ). L-Istati Membri se jkollhom japplikaw għal appoġġ f’waħda mit-tliet kategoriji. Il-Kummissjoni se tiddetermina jekk it-talba hijiex valida (b’21 kriterju ta’ evalwazzjoni) u se titlob lil pajjiżi oħrajn għal assistenza prattika, li tista’ tieħu żewġ forom ewlenin: rilokazzjoni u l-isponsorizzazzjoni tar-ritorn. Huwa proċess li ma jiffunzjonax tajjeb u jieħu ħafna ħin: l-ewwel wieħed irid jitlob għal solidarjetà, umbagħad tiġi formulata l-Opinjoni, wara wieħed jista’ jikkontribwixxi solidarjetà volontarja, u fl-aħħar nett issir deċiżjoni dwar solidarjetà obbligatorja. Anki fil-każ ta’ solidarjetà obbligatorja, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tiddependi fuq l-opinjoni ta’ kumitat speċjali u jekk dak il-kumitat ma jagħtix opinjoni pożittiva, ma tittieħed l-ebda miżura. |
3.9. |
Skont il-KESE, minbarra n-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-definizzjonijiet ipprovduti (speċjalment fir-regolamenti dwar kriżijiet u force majeure), il-kunċett tal-pressjoni tal-migrazzjoni mhuwiex definit b’mod ċar, minkejja r-referenza frekwenti għalih fit-test propost tar-regolament. |
3.10. |
Għalkemm l-idea ta’ ritorni mill-Istati Membri skont ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi tista’ tkun attraenti, dan jista’ ma jaħdimx minħabba li l-kundizzjonijiet fil-pajjiż tal-oriġini jistgħu jinbidlu jew il-pajjiżi inkwistjoni jistgħu sempliċement jipprojbixxu r-ritorni. Hemm ukoll il-kwistjoni li essenzjalment jinħolqu kundizzjonijiet ta’ detenzjoni; inevitabbilment dawk li għandhom jiġu ritornati jibqgħu fil-fruntiera, u jittrasformaw il-pajjiż tal-ewwel dħul f’ċentru kbir ta’ qabel it-tluq. Fil-prattika, lanqas biss huwa ċert li t-tħaffif tal-proċeduri (kif previst fir-Regolament dwar l-iskrinjar) se jkollu impatt reali f’termini ta’ żieda fl-għadd ta’ ritorni, peress li r-ritorni jiddependu prinċipalment fuq il-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi li magħhom l-UE għad trid tinnegozja (pereżempju dwar il-ħruġ ta’ viżi), u dan iżid il-possibbiltajiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll pressjoni fuq il-komunitajiet lokali. |
3.11. |
Il-KESE jifhem li l-pajjiż responsabbli għall-applikazzjoni għall-ażil — li tikkostitwixxi s-sinsla tal-proċedura l-ġdida ta’ ġestjoni tal-ażil — jista’ jiġi ddeterminat bħala dak li fih immigrant għandu aħwa, li fih ħadem jew studja, jew dak li fih inħarġet viża. Għalkemm dan it-twessigħ tal-kriterji huwa milqugħ tajjeb, madankollu jikkonferma biss il-piż tqil li għadu jaqa’ fuq il-pajjiżi tal-ewwel dħul. |
4. Kummenti dwar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil
4.1. |
Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ komponent ta’ kriżijiet u force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil. Madankollu, il-KESE jħoss li l-istess definizzjonijiet mhumiex ċari jew adegwati. Dan il-fatt, flimkien man-nuqqas jew l-eżistenza ta’ indikaturi oġġettivi, joħloq nuqqas ta’ ċertezza legali. |
4.2. |
Il-KESE jirrimarka li għalkemm ir-regolament dwar kriżijiet u force majeure jipprovdi opportunità għal solidarjetà vinkolanti, huwa jkopri l-appoġġ proċedurali aktar milli l-miżuri ta’ solidarjetà ta’ emerġenza. Is-solidarjetà tiddgħajjef minħabba l-proċeduri kumplessi u burokratiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha. Huwa ċar li f’sitwazzjoni ta’ kriżi jew sitwazzjoni ta’ pressjoni, jeħtieġ li jiġu żgurati ir-rilokazzjonijiet. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti miżuri li ma jħallux lill-Istati Membri jaslu f’sitwazzjoni ta’ kriżi. |
4.3. |
Il-KESE jinnota li l-istabbiliment ta’ proċeduri u mekkaniżmi li jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi u force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil għandhom ikunu kompatibbli wkoll mad-drittijiet fundamentali u mal-prinċipji ġenerali tal-Unjoni, kif ukoll mad-dritt internazzjonali. |
4.4. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li fi żminijiet ta’ kriżi, l-Istat Membru li jattiva l-mekkaniżmu ser ikun jista’ jissospendi l-obbligi internazzjonali tiegħu (eż. għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-żsil) għal massimu ta’ tliet xhur. Barra minn hekk, dan il-perjodu ta’ żmien għandu jkun jista’ jiġi estiż sakemm il-kriżi tkun fis-seħħ. Iċ-ċarezza dwar kif ser jiġu ddeterminati s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi u punti ta’ riferiment ċari għal meta l-kapaċità ta’ pajjiż hija/tista’ tiġi mgħobbija żżejjed tista’ tkun utli. |
4.5. |
Il-KESE jilqa’ l-proposta biex l-Istati Membri jingħataw iż-żmien addizzjonali meħtieġ biex jittrattaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi filwaqt li jiżguraw ukoll aċċess effettiv u fil-pront għall-proċeduri u d-drittijiet rilevanti, u l-kapaċità tal-Kummissjoni li tawtorizza l-applikazzjoni tal-proċedura tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-ażil u l-proċedura tal-ġestjoni tal-kriżijiet tar-ritorn għal perjodu ta’ sitt xhur, li jista’ jiġi estiż sa perjodu ta’ mhux aktar minn sena. Wara li jiskadi l-perjodu rilevanti, l-iskadenzi estiżi previsti fil-proċeduri ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-ażil u tar-ritorn jenħtieġ li ma jiġux applikati għal applikazzjonijiet ġodda għall-protezzjoni internazzjonali. |
4.6. |
Madankollu, il-KESE jħoss li l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-proposta, jiġifieri l-estensjoni jew l-aċċelerazzjoni tal-proċeduri, idgħajjef il-funzjoni tagħha bħala mekkaniżmu li għandu jintuża fil-każ ta’ miżuri ta’ solidarjetà ta’ emerġenza. |
4.7. |
Għalkemm il-KESE jemmen li din il-proposta tista’ sservi bħala opportunità għal solidarjetà vinkolanti, mhijiex inkluża fit-test tar-regolament rilevanti. Għalhekk, il-KESE jħoss li dan għandu jiġi inkorporat fil-korp tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u r-Regolament propost (UE) XXX/XXX (Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil) biex jiġu evitati kwalunkwe inċertezzi u biex jitneħħa r-riskju li ma jiġix adottat, peress li wieħed ma jistax jeżisti mingħajr l-ieħor. |
Brussell, il-25 ta’ Frar 2021.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Pereżempju, il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Berlin dwar Politika Ewropea ġdida dwar l-Ażil, il-25 ta’ Novembru 2019, iffirmat minn 33 organizzazzjoni u muniċipalità.
(2) Ir-rakkomandazzjonijiet tal-UNHCR għall-Patt propost tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, Jannar 2020.
(3) Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-IOM għall-Patt tal-Unjoni Ewropea l-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, Frar 2020.
(4) SWD(2020) 207 final (mhux disponibbli bil-Malti).
(5) ĠU C 123, 9.4.2021, p. 15.
(6) Sentenza fil-Kawżi Magħquda C-715/17, C-718/17 and C-719/17 Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija u r-Repubblika Ċeka.
(7) Sfortunatament ma hemm l-ebda salvagwardja kontra sitwazzjonijiet fejn xi gvernijiet jiddeċiedu li jsiru atturi ewlenin tar-ritorn bħala parti minn mobilizzazzjoni populista kontra l-migranti u r-rifuġjati.
(8) Komunikazzjoni COM(2017) 200 final.