Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE2619

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19” (COM(2020) 233 final — 2020/0113 (COD))

EESC 2020/02619

ĠU C 311, 18.9.2020, p. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19”

(COM(2020) 233 final — 2020/0113 (COD))

(2020/C 311/07)

Relatur:

Gerardo LARGHI

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 8.6.2020

Parlament Ewropew, 17.6.2020

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Deċiżjoni tal-Bureau

9.6.2020

Adottata fil-plenarja

11.6.2020

Sessjoni plenarja Nru

552

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

226/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’b’sodisfazzjon il-Proposta għal Regolament, li fil-fehma tiegħu hija rispons adatt u proporzjonat għall-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19.

1.2.

Il-Proposta tissodisfa l-għan doppju li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà pubblika u protezzjoni ambjentali.

2.   Il-kontenut tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jistabbilixxi limiti ġodda tal-emissjonijiet (“Stadju V”) li huma maħsuba biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja mill-magni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, u jistabbilixxi limitu ta’ żmien għal din it-tranżizzjoni.

2.2.

Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat tfixkil kbir fil-katina tal-provvista, li kellu impatt fuq il-kapaċità tal-manifatturi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li li jilħqu xi wħud mid-dati ta’ skadenza imposti mir-Regolament.

2.3.

Il-Proposta għandha l-għan li tipposponi bi 12-il xahar id-dati tal-produzzjoni u r-rilaxx fis-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq u tratturi mgħammra b’magni ta’ tranżizzjoni, u b’hekk tgħin lill-manifatturi jindirizzaw tfixkil li ma setax jiġi previst.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jtenni l-konvizjoni tiegħu li t-tnaqqis tal-emissjonijiet dannużi tal-monossidu tal-karbonju, l-ossidi tan-nitroġenu, l-idrokarburi u l-partikolati mill-magni ta’ tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija huwa pass indispensabbli biex jintlaħqu l-livelli tal-UE rigward il-kwalità tal-arja.

3.2.

Fl-Opinjoni tiegħu (2) dwar ir-Regolament (UE) 2016/1628, il-KESE rrakkomanda l-approvazzjoni mill-iżjed fis tar-Regolament il-ġdid, minħabba t-tħassib serju dwar is-saħħa pubblika fir-rigward tan-nanopartiċelli li jirriżultaw mill-proċessi ta’ kombustjoni u l-livell għoli ta’ protezzjoni li jista’ jinkiseb bl-implimentazzjoni tal-Istadju V proposta għall-magni ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq.

3.3.

Madankollu, il-KESE jagħraf sew li l-kriżi tal-COVID-19 ħolqot ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom impatt fuq għadd ta’ oqsma. B’mod partikolari, il-kriżi wasslet għal interruzjonijiet totali fil-provvista ta’ spare parts u komponenti, u b’hekk il-manifatturi tħallew b’ħażniet ta’ magni u bi prodotti mhux lesti.

3.4.

B’hekk, ħafna manifatturi tal-magni u tal-makkinarju mhux se jkunu jistgħu jissodisfaw l-iskadenzi stabbiliti fir-Regolament mingħajr ma jsofru dannu ekonomiku serju.

3.5.

Barra minn hekk, il-KESE huwa għalkollox konxju mill-fatt li l-kriżi ma kenitx u ma setgħetx tiġi prevista.

3.6.

Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-estensjoni ta’ sena prevista fil-proposta li, skont il-KESE, hija miżura raġonevoli u proporzjonata biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u livell għoli ta’ sigurtà pubblika u protezzjoni ambjentali.

Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2020.

Luca JAHIER

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53) – Opinjoni tal-KESE (ĠU C 251, 31.7.2015, p. 31).

(2)  ĠU C 251, 31.7.2015, p. 31.


Top