Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE0463

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli — Il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2020) 21 final)

    EESC 2020/00463

    ĠU C 311, 18.9.2020, p. 63–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.9.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 311/63


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli — Il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew”

    (COM(2020) 21 final)

    (2020/C 311/09)

    Relatur:

    Carlos TRIAS PINTÓ

    Korelatur:

    Petr ZAHRADNÍK

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 6.2.2020

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    13.5.2020

    Adottata fil-plenarja

    10.6.2020

    Sessjoni plenarja Nru

    552

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    220/1/8

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Bħalissa, il-pandemija tal-coronavirus hija l-ewwel prijorità għall-Ewropa, biex tiffaċċja inċertezza li tista’ konsegwentement twassal għal bidla sostanzjali fl-orjentazzjoni u l-assenjazzjoni tal-baġit tal-UE. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa t-tisħiħ tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss u l-espansjoni temporanja tal-limitu massimu tal-infiq tal-baġit għal 2 %, li għandu jipprovdi l-mezzi fiskali meħtieġa u jista’ jappoġġja l-ħruġ ta’ bonds komunitarji bħala parti minn pjan ta’ rkupru qawwi.

    1.2.

    Il-Kumitat jilqa’ l-ftehim reċenti tal-Grupp tal-Euro (1) li ressaq EUR 540 biljun bħala appoġġ għall-ħaddiema, in-negozji u l-Istati Membri; filwaqt li ġiet aċċettata aktar flessibbiltà fir-regoli tal-UE dwar il-Patt Fiskali Ewropew.

    1.3.

    Il-Kunsill tal-UE għandu jilħaq qbil dwar il-Fond għall-Irkupru (2) u l-QFP qabel il-ferjat tas-sajf, f’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tas-27 ta’ Mejju, sabiex iwitti t-triq għall-irkupru ekonomiku tal-Ewropa, kif ukoll isaħħaħ it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali previsti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew.

    1.4.

    Il-Kumitat ifaħħar ukoll ir-rispons rapidu u allinjat ta’ solidarjetà tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE kkonċernati (3).

    1.5.

    It-tifqigħa tal-coronavirus se jkollha impatt profond u negattiv fuq il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għal din ir-raġuni, il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li nindirizzaw din it-theddida urġenti mill-aktar fis possibbli u li niffukaw l-isforzi ta’ rkupru tagħna mingħajr dewmien żejjed fuq l-SDGs u l-Patt Ekoloġiku Ewropew.

    1.6.

    Lil hinn mill-miżuri ta’ solidarjetà temporanji, il-KESE jappella għall-irkupru tal-Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti (EISF) kif ukoll l-implimentazzjoni immedjata tal-Istrument Baġitarju għall-Konverġenza u l-Kompetittività (BICC), u li jiżdied l-ammont tiegħu fil-QFP 2021-2027.

    1.7.

    Hemm bżonn ta’ patt ekoloġiku u soċjali ġdid sabiex iċ-ċittadini kollha jingħaqdu fid-diversità tagħhom, mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili organizzata u l-industrija li jaħdmu mill-qrib flimkien mal-istituzzjonijiet tal-UE u ma’ korpi konsultattivi.

    1.8.

    Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli (SEIP) huwa l-ewwel miżura politika komprensiva sabiex jintlaħqu l-miri ambizzjużi ħafna ta’ newtralità f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 k’konformità mal-Patt Ekoloġiku tal-UE.

    1.9.

    Filwaqt li jfaħħar l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku, il-KESE jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ konsistenza mal-allokazzjoni baġitarja, fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, li hija ferm anqas mill-1,3 % tal-ING tal-Istati Membri mitlub mill-Parlament Ewropew u mill-KESE sabiex jiġi żgurat li kull azzjoni speċifika tkun tista’ tilħaq it-tir sħiħ tagħha mingħajr ma tissagrifika oħrajn.

    1.10.

    Il-KESE jesprimi wkoll id-dubji tiegħu dwar l-effikaċja tal-integrazzjoni tal-klima fil-programmi kollha tal-UE u jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jippromovu nfiq tal-UE reżistenti għat-tibdil fil-klima. Il-passi ewlenin fejn il-gruppi tad-drittijiet ambjentali u ċivili jistgħu jinvolvu ruħhom jinkludu l-Pjani Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima (NECPs) u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR).

    1.11.

    Il-KESE jilqa’ l-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta (JTM) iżda jiddeplora l-insuffiċjenza ċara tad-dispożizzjonijiet baġitarji tal-JTF (EUR 7,5 biljun sabiex jinkiseb finanzjament b’valur ta’ EUR 100 biljun). Dan ser ikollu jiġi kopert minn trasferimenti mill-FEŻR/FSE+ u mill-kofinanzjament tal-Istati Membri, kif ukoll, kif inhu ttamat, minn investiment privat kbir u mill-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku mal-BEI.

    1.12.

    Hawnhekk is-suċċess jiddependi mill-alleanzi (SDG 17 tan-NU Sħubija għall-Għanijiet) bejn is-setturi privati u pubbliċi f’termini tal-finanzjament u tar-responsabbiltajiet kondiviżi, kif rifless fil-boom tas-swieq tal-bonds ekoloġiċi.

    1.13.

    Il-KESE japprova l-approċċ olistiku u jilqa’ bi ħġaru l-inċentivi għall-investiment u għall-finanzjament pubbliċi u privati, b’mod partikolari għall-akkwist pubbliku ekoloġiku u għall-appoġġ mistenni permezz ta’ regoli aktar flessibbli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    1.14.

    Il-KESE jagħti l-appoġġ tiegħu wkoll għat-titjib tal-governanza fiskali tal-UE b’kunsiderazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà, filwaqt li jittieħdu t-tagħlimiet mill-iskrinjar tal-aħjar prattiki dwar l-ibbaġitjar ekoloġiku u l-pjani fiskali. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ trattament tat-taxxa xieraq għall-finanzjaturi kollettivi u għad-donaturi sabiex il-politika ta’ stimolu titlesta kollha kemm hi.

    1.15.

    It-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa (riforma tat-Trattat dwar il-MES, flimkien mal-BICC kif ukoll l-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti, EDIS) hija meħtieġa wkoll sabiex jiġu żviluppati Unjoni tas-Swieq Kapitali u Unjoni Bankarja effiċjenti u integrati, li jkopru lill-Istati Membri kollha u mmirati lejn armonizzazzjoni ulterjuri.

    1.16.

    Il-KESE jappella sabiex il-proċess tas-Semestru Ewropew relatat mal-Patt Ekoloġiku jittejjeb billi l-SDGs jitqiegħdu fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politiki tal-UE, kif ukoll tassonomija aktar komprensiva tal-UE li tinkorpora d-dimensjoni soċjali.

    1.17.

    Il-KESE jqis li kemm is-settur pubbliku kif ukoll dak privat għandhom jużaw l-istess standards, mhux biss f’termini tat-tassonomija iżda wkoll fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja. Il-KESE jilqa’ r-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar mhux Finanzjarju (NFRD), li tkun fonda biżżejjed biex tħeġġeġ lill-kumpaniji jiffaċċjaw il-fehim tal-impatti reali tagħhom. Dan għandu jkun marbut mal-implimentazzjoni ta’ klawżoli ambjentali u soċjali standardizzati fl-akkwist pubbliku.

    1.18.

    Il-KESE jappella għal użu approfondit u aħjar tas-sorsi statistiċi pubbliċi, b’tali mod li jissaħħaħ ir-rwol tal-Eurostat u tar-reġistri pubbliċi sabiex tiġi pprovduta data solida relatata mal-prestazzjoni “f’termini ta’ sostenibbiltà”.

    1.19.

    Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li l-utenti potenzjali kollha jiġu pprovduti b’informazzjoni preċiża u faċilment aċċessibbli sabiex tkompli tiġi ffaċilitata l-assistenza konsultattiva u teknika ppersonalizzata. Ħadd ma għandu jitħalla jaqa’ lura!

    1.20.

    Il-ħiliet it-tajbin għall-impjiegi ekoloġiċi huma prerekwiżit sabiex isseħħ it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika u ġusta. Il-KESE japprova strateġiji ċari dwar il-previżjoni tal-ħiliet u t-taħriġ vokazzjonali bi pjani direzzjonali assoċjati biex jagħmlu u jżommu l-forza tax-xogħol adattata għall-ħtiġijiet futuri fis-setturi kollha.

    1.21.

    Il-KESE jissuġġerixxi li l-Istati Membri tal-UE jtejbu l-programmi ta’ edukazzjoni finanzjarja billi jinkludu finanzjament sostenibbli, filwaqt li jinkoraġġixxu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livelli kollha biex jintroduċu inċentivi tat-taxxa għall-kumpaniji u l-individwi biex jinvestu f’inizjattivi ekoloġiċi b’impatt soċjali.

    2.   Qafas kuntestwali

    2.1.

    Il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, magħruf ukoll bħala l-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli (SEIP), jirrappreżenta l-ewwel reazzjoni ta’ politika konkreta sabiex jiġu akkomodati l-miri ambizzjużi ħafna ta’ newtralità f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju kif iddefiniti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Huwa l-pilastru tal-investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li essenzjalment jaħdem b’allokazzjoni ta’ investiment addizzjonali mistennija ta’ EUR 260 biljun fis-sena sal-2030, madwar 1,5 % tal-PDG tal-2018 f’termini ta’ investiment annwali addizzjonali fis-sistema tal-enerġija u t-trasport u infrastruttura relatata biss bejn l-2020 u l-2030.

    2.2.

    Sabiex dan il-kunċett jirnexxi, huwa ta’ importanza assoluta li s-sorsi ta’ kapital privat ikunu involuti fih. Fil-fatt, dan il-kunċett jirrappreżenta tip ġdid ta’ kuntratt soċjali bejn is-setturi privati u pubbliċi għall-finanzjament ta’ proġetti tal-akbar importanza li huma ta’ benefiċċju għall-interess pubbliku.

    2.3.

    Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 stabbilixxa mira ġenerali ta’ 25 % għall-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-programmi kollha tal-UE. Ma jistax jintilef il-momentum fil-mixja lejn implimentazzjoni reali u approfondita tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jrid jindirizza din l-isfida planetarja enormi b’ambizzjoni politika u b’livell għoli ta’ effiċjenza teknika. Tabilħaqq, il-Patt Ekoloġiku Ewropew jista’ jitqies li huwa s-sinsla tal-konfigurazzjoni ekonomika tal-UE, il-bidu potenzjali ta’ bidla fundamentali u punt ta’ żvolta. Jista’ jkun simbolu għal valur miżjud Ewropew komuni u għat-tmexxija globali tal-UE.

    2.4.

    Riżorsi finanzjarji u strumenti adattati jridu jinġabru u jiġu kkoordinati flimkien mal-Istati Membri, mar-reġjuni u mal-bliet tagħhom, filwaqt li ssir estensjoni lejn l-ambjent internazzjonali. Għal dan l-għan, il-pjan direzzjonali tal-Patt Ekoloġiku jinkludi azzjonijiet importanti fuq il-klima, l-enerġija, il-mobilità, strateġija industrijali għal ekonomija nadifa u ċirkolari, il-politika agrikola, il-bijodiversità u d-diġitalizzazzjoni, l-integrazzjoni tas-sostenibbiltà permezz ta’ Pjan ta’ Investiment għal Patt Ekoloġiku Ewropew u strateġija sostenibbli mġedda dwar il-finanzjament. Dan huwa komponent fundamentali tal-mekkaniżmu, li għandu l-għan li jimmobilizza EUR 1 triljun ta’ investimenti privati u pubbliċi sostenibbli sal-2030, kif ukoll li jqis l-impatti soċjali konsegwenti.

    2.5.

    Il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta (JTM), inkluż Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta (JTF) (4) li jiżdied mal-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP li jmiss, għandu l-ambizzjoni li jilħaq EUR 100 biljun ta’ investiment li għandu jiġi mmobilizzat matul il-perjodu 2021-27. Dan għandu jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku, fuq ix-xogħol u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika tal-Unjoni fil-livell reġjonali.

    2.6.

    Barra minn hekk, għat-tranżizzjoni tal-UE lejn in-newtralità klimatika, il-Fondi għall-Innovazzjoni u għall-Modernizzazzjoni se jiġu ffinanzjati wkoll permezz ta’ parti mid-dħul mill-kwoti tal-karbonju (mill-inqas EUR 25 biljun matul l-għaxar snin li ġejjin); madankollu, il-Fond għall-Modernizzazzjoni se jaffettwa biss 10 Stati Membri tal-UE.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Bħalissa l-Ewropa qed tesperjenza emerġenza tas-saħħa u ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-Coronavirus. Ir-reazzjoni għat-tnejn li huma trid tkun ikkoordinata mill-istituzzjonijiet Ewropej kollha għat-tul ta’ żmien meħtieġ.

    3.2.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżorsi sinifikanti pprovduti biex tiġi indirizzata l-kriżi tas-saħħa u dik ekonomika, filwaqt li tingħata għajnuna lill-Istati Membri biex isaħħu r-riżorsi maħsuba għall-investiment, biex tiġi garantita l-likwidità tal-kumpaniji (5), sabiex jinżammu l-impjiegi u biex jiġu protetti l-persuni qiegħda. Dawn il-passi rilevanti għandhom jiġu segwiti bl-approvazzjoni tal-Iskema Ewropea ta’ Riassigurazzjoni tal-Benefiċċju tal-Qgħad.

    3.3.

    L-20 miljun kumpanija fl-Ewropa huma kruċjali għas-suċċess f’dan il-qasam, iżda l-iskala tal-investimenti mmobilizzati jeħtieġ li tkun proporzjonata għall-iskala tal-isfidi. F’dan ir-rigward huwa ta’ importanza enormi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu lesti sabiex jegħlbu d-diviżjonijiet tagħhom.

    3.4.

    Sadanittant, il-finanzjament mill-UE għandu jkun strutturat b’tali mod li jevita duplikazzjoni u trikkib, sabiex jirrifletti l-proposti tal-Kummissjoni (6).

    3.5.

    Il-KESE jixħet f’dubju l-kapaċità reali tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-QFP 2021-2027 li jissodisfa d-domandi tal-Pjan ta’ Investiment għal Patt Ekoloġiku Ewropew. Wara li ddikjara li hemm bżonn ta’ EUR 2,6 triljun f’“investimenti addizzjonali” sal-2030, it-EUR 1 triljun li l-pjan qed ifittex li jikseb għadu ’l bogħod mill-ilħiq tal-għan tiegħu. Minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ wħud mill-mekkaniżmi u mill-proġetti ppjanati, huwa diffiċli jkun magħruf l-kamp ta’ applikazzjoni veru tiegħu.

    3.6.

    Il-KESE jirrakkomanda li jiġu pprovduti aktar dettalji dwar il-qafas finanzjarju tal-SEIP. Pereżempju, it-tliet pilastri ewlenin kollha kemm huma tal-JTM jiddependu minn rekwiżiti ambizzjużi ħafna, jiġifieri l-JTF innifsu kif ukoll l-effett ta’ lieva mistenni tal-mekkaniżmu bbażat fuq il-BEI għas-settur pubbliku.

    3.7.

    Il-KESE jappella għal deskrizzjoni aktar speċifika tal-arranġament speċjali għall-Patt Ekoloġiku li ġie propost għall-Programm InvestEU.

    3.8.

    Il-KESE japprezza ferm il-ħolqien ta’ prekundizzjonijiet addizzjonali u s-simplifikazzjoni għal investimenti privati aktar robusti, jiġifieri għall-bonds ekoloġiċi. L-analiżi empirika turi biċ-ċar li fis-snin riċenti, il-bonds tassew qed isiru ekoloġiċi. L-użu tal-bonds ekoloġiċi jsaħħaħ ir-reputazzjoni tal-emittent (sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet klimatiċi u impenn favur is-sostenibbiltà). Il-bonds ekoloġiċi saru popolari fost firxa wiesgħa ta’ investituri – domestiċi, internazzjonali kif ukoll investituri msejħa ESG (ambjentali, soċjali, ta’ governanza). Barra minn hekk, il-banek tal-investiment il-kbar qed juru rieda akbar li joħorġu bonds ekoloġiċi u qed jgħinu sabiex ikattru l-attitudnijiet ekoloġiċi b’dan il-mod.

    3.9.

    Il-KESE jilqa’ sett flessibbli ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-investimenti minħabba l-kontribut tagħhom għall-ilħiq tal-miri dwar il-Patt Ekoloġiku, u jirrakkomanda li jingħata aktar lok lill-SMEs sabiex ikunu jistgħu jittrasformaw f’kumpaniji ċirkolari. Matul l-irkupru wara l-kriżi tal-coronavirus, l-UE għandha tikkunsidra wkoll, bħala għodda temporanja, dik li tista’ tissejjaħ “regola tad-deheb soċjali u ekoloġika”, fejn l-investimenti li jkunu mmirati direttament lejn il-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali u l-faqar (li mill-kriżi finanzjarja ’l hawn fil-biċċa l-kbira tagħhom baqgħu mhux indirizzati) jiġu eżentati mir-regoli fiskali. Dan għandu jżid l-investiment ferm meħtieġ matul l-irkupru ekonomiku wara l-COVID-19 u fl-istess ħin jgħin biex jiġu indirizzati fl-istess ħin l-effetti tat-tibdil fil-klima u l-koeżjoni soċjali madwar l-UE.

    3.10.

    L-impenn tal-Kummissjoni sabiex jinkisbu finanzjament u investiment ekoloġiċi filwaqt li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għas-setturi u għar-reġjuni affettwati għandu jippermetti lit-tipi kollha ta’ intrapriżi jibbenefikaw minnu, u għandu jitħeġġeġ u jintuża bħala opportunità sabiex l-awtoritajiet lokali jissieħbu ma’ inizjattivi tal-komunitajiet bħal kooperattivi tal-enerġija rinnovabbli.

    3.11.

    L-ambizzjoni ambjentali tal-pjan direzzjonali dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew sabiex jixpruna lill-partijiet terzi tal-UE jaġixxu billi tiġi żgurata komparabbiltà tal-azzjonijiet għandha tieħu l-forma ta’ koalizzjoni ta’ pajjiżi għall-klima li, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rebbieħa tal-Premju Nobel Tirole (2017) u Nordhaus (2018), tikklassifika l-pajjiżi skont il-gassijiet serra li jemettu, sabiex tingħata spinta lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) favur tariffa fuq il-karbonju. Mekkaniżmu ta “prezz minimu tal-karbonju” jista’ jiġi implimentat kemm permezz tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE jew tad-direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija, li hija rreveduta bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.   L-iżgurar ta’ effettività baġitarja

    4.1.1.

    Sabiex tittaffa l-pandemija tal-COVID-19, il-KESE japprezza l-miżuri kollha proposti li għandhom l-għan li jipprovdu appoġġ ta’ likwidità għal setturi u kumpaniji permezz tal-istrumenti bbażati fuq il-garanzija tal-BEI, li jistgħu wkoll irawmu t-trasformazzjoni tiegħu fil-bank tal-klima tal-UE.

    4.1.2.

    Bħala waħda mil-lezzjonijiet ewlenin li ttieħdu fir-rigward tal-kriżi straordinarja umana u ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-Coronavirus, hemm bżonn ta’ Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti (FESI) imsaħħa li hija kapaċi tirreaġixxi b’investiment pubbliku adegwat għall-isfidi speċifiċi ta’ kull pajjiż. Hemm bżonn ukoll ta’ miżuri li jgħinu lill-Istati Membri jtejbu l-użu tas-sistemi tat-tassazzjoni tagħhom u l-inċentivi ta’ politika pubblika (7) biex jerġgħu jqajmu l-ekonomiji tagħhom.

    4.1.3.

    Il-KESE jindika wkoll li r-riforma ppjanata tat-Trattat dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) għandha ssir id f’id mal-BICC u mal-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS). Diġà saru sforzi konsiderevoli f’termini tat-tnaqqis tar-riskju fis-settur bankarju (tnaqqis tas-self improduttiv, rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u akkumulazzjoni ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli, reġim dwar l-insolvenza, eċċ.).

    4.1.4.

    Il-KESE jaqbel ferm mar-rwol tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bħala l-bank tal-klima tal-Unjoni, u l-importanza tal-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, hemm bżonn li tiġi żgurata biżżejjed likwidità għall-banek potenzjali kollha li jistgħu jkunu involuti f’operazzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku.

    4.2.   L-ottimizzazzjoni tal-prestazzjoni tal-istrumenti u tal-għodod ippjanati li jiffokaw mill-ġdid il-proċess tas-Semestru Ewropew billi jixħtu lill-SDGs fil-qalba tat-tfassil tal-politika u tal-azzjoni tal-UE

    4.2.1.

    Hemm bżonn ta’ tassonomija solida u aktar ambizzjuża tal-attivitajiet sostenibbli, inklużi l-aspetti soċjali u l-ħolqien ta’ sinerġiji u ta’ konfluwenzi mal-progress min-Nazzjonijiet Uniti permezz ta’ integrazzjoni xierqa tal-SDGs fis-Semestru Ewropew. Id-deċiżjonijiet dwar kif għandhom jintefqu l-fondi tal-irkupru tal-UE għandhom ikunu ggwidati minn tassonomija ta’ finanzi ekoloġiċi fl-UE kollha, li għandha l-għan li tippremja l-investimenti f’teknoloġiji nodfa.

    4.2.2.

    Il-KESE jappella għal użu approfondit u aħjar tas-sorsi statistiċi pubbliċi, b’tali mod li jissaħħaħ ir-rwol tal-Eurostat fil-provvista ta’ data solida relatata mal-prestazzjoni “f’termini ta’ sostenibbiltà”. Ir-rabta mal-indikaturi tal-prestazzjoni tal-SDGs tan-NU u mad-dispożizzjonijiet tal-BEI għandha tissaħħaħ.

    4.2.3.

    Huma meħtieġa soluzzjonijiet teknoloġiċi biex tinkiseb “data granulari” ta’ provenjenza varjata (sa lokazzjoni ġeospazjali) u biex issir ħidma fuq il-komparabilità bejn il-pajjiżi. Fl-istess waqt, rieżami tad-direttiva NFI (Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju) jista’ jikkontribwixxi għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni standardizzata ta’ kwalità għolja li tkun aktar kompluta, rilevanti u komparabbli bis-saħħa ta’ metodoloġija armonizzata (8), b’kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati mal-Klima (TCFD).

    4.2.3.1.

    Id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja għandha tkun miftuħa għall-SMEs, billi tiġi pprovduta assistenza sabiex tkun koperta data importanti li tista’ tinkiseb faċilment (sabiex talimenta l-KPIs (9)).

    4.2.4.

    Tassonomija dinamika tal-attivitajiet sostenibbli: prattiki tas-suq li jakkumpanjaw indikaturi b’saħħithom tal-impatt għandhom jingħataw importanza u jiġu integrati. Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tat-testijiet tas-suq fl-għażla tal-proġetti adatti (10).

    4.2.4.1.

    Il-KESE jisħaq li l-użu ta’ metodoloġiji aktar preċiżi huwa imperattiv fejn dawn ikunu disponibbli, bl-għan li jiġu żviluppati sistemi ta’ evalwazzjoni bbażati fuq informazzjoni affidabbli pprovduta mill-kumpaniji sabiex jiġu rrispettati l-istandards tal-prodotti finanzjarji kollha (tikketti, bonds ekoloġiċi u l-parametri referenzjarji dwar is-sostenibbiltà) imfassla fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli.

    4.2.4.2.

    Hemm bżonn tal-feedback dwar il-proċess ta’ rieżami tal-kalkoli tal-impatt minn gruppi tal-abbozzar differenti tan-Nazzjonijiet Uniti (b’mod partikolari, dak relatat mat-taxxa fuq il-karbonju u l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-karbonju, aspett importanti għal parametri referenzjarji sostenibbli affidabbli).

    4.2.5.

    Il-KESE jilqa’ l-pjan bil-valutazzjoni tal-impatt sabiex jiżdiedu l-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE għall-2030 li huwa skedat li se jiġi ppjanat sas-sajf 2020, u li jinkludi analiżi tal-ħtiġijiet ta’ investiment. Barra minn hekk, il-KESE jesiġi wkoll speċifikazzjoni tal-impatt relatat mal-progress fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    4.2.6.

    L-istituzzjonijiet tal-awditjar u korpi pubbliċi oħrajn ta’ monitoraġġ, bħall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, għandu jkollhom ukoll rwol komplementari fil-monitoraġġ tal-impatti soċjali tal-miri ta’ tnaqqis imsemmija hawn fuq.

    4.2.7.

    Il-KESE jenfasizza l-potenzjal tal-big data u tal-intelliġenza artifiċjali biex il-preferenzi tal-investituri jiġu allinjati mad-destinazzjoni tal-investimenti. Soluzzjonijiet ta’ tagħlim awtomatiku għandhom jiġu analizzati wkoll sabiex jidderieġu mill-ġdid il-flussi ta’ investiment lejn setturi jew attivitajiet speċifiċi li jinkludu l-prinċipji Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG).

    4.3.   Assistenza teknika

    4.3.1.

    Il-bini ta’ kapaċità preċedenti tal-KE u taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti huwa bażi tajba għall-ħolqien ta’ medda ta’ proġetti sostenibbli, iżda jridu jiġu applikati metodoloġiji aktar robusti li jippermettu riorjentazzjoni vera tal-flussi finanzjarji lejn l-ekonomija ekoloġika.

    4.3.2.

    Il-KESE jaqbel mal-provvista ta’ punt uniku ta’ dħul sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament permezz ta’ promoturi tal-proġetti pubbliċi u privati u permezz ta’ intermedjarji finanzjarji. Fil-każ tal-SMEs, il-KESE jappoġġja l-kollaborazzjoni strutturali mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tiegħu.

    4.4.   Edukazzjoni finanzjarja (id f’id mal-assistenza teknika)

    4.4.1.

    Għaċ-ċittadini, sa mill-istadju tal-iskola preprimarja: iċ-ċittadini Ewropej qed ikunu dejjem aktar interessati li t-tfaddil u l-investimenti tagħhom ikunu marbutin ma’ objettivi soċjali u ambjentali. Il-litteriżmu finanzjarju (fehim fil-fond ta’ kif jaħdmu l-finanzi) jista’ jkun ta’ għajnuna sabiex iċ-ċittadini jingħataw is-setgħa u jsiru informati aktar dwar kwistjonijiet relatati mal-finanzjament sostenibbli, inkluża d-definizzjoni tar-rwol xieraq tal-finanzjament fis-soċjetà.

    4.4.2.

    Dan huwa rilevanti għall-korpi tekniċi kollha involuti fil-proċess tal-Patt Ekoloġiku u għall-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili.

    4.5.   Is-sostenibbiltà tal-ħiliet għan-negozju

    4.5.1.

    Il-KESE jenfasizza li l-adozzjoni u t-tixrid ta’ teknoloġiji ġodda jesiġu ħiliet fl-applikazzjoni, fl-adattament u fil-manutenzjoni tat-teknoloġija. Il-ħiliet huma kruċjali wkoll għall-ekonomiji u għan-negozji, għall-ħaddiema u għall-intraprendituri, sabiex jadattaw rapidament għat-tibdil miġjub minn politiki ambjentali jew mit-tibdil fil-klima. Il-ħiliet it-tajbin għall-impjiegi ekoloġiċi huma prerekwiżit sabiex isseħħ it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika.

    4.5.2.

    Il-KESE jindika li objettiv importanti għall-adattament għal impjiegi u għal rekwiżiti tal-impjiegi li qed jinbidlu huwa li l-ħaddiema għandhom jinżammu aġġornati bil-ħiliet il-ġodda meħtieġa fl-ekonomija ekoloġika. Għandu jkun hemm strateġija ċara dwar it-tbassir tal-ħiliet u pjan direzzjonali dwar il-ħiliet sabiex il-forza tax-xogħol issir u tinżamm adatta għall-ħtiġijiet industrijali tal-ġejjieni, u, għalhekk, l-investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ kif ukoll it-tisħiħ tal-kultura tat-tagħlim tul il-ħajja għandhom ikunu pedament ta’ tranżizzjoni reġjonali ġusta.

    4.6.   Akkwist pubbliku soċjalment responsabbli

    4.6.1.

    L-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli huwa l-bażi għat-tranżizzjoni ekoloġika mill-amministrazzjonijiet u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluża l-promozzjoni ta’ prattika responsabbli permezz tal-fornituri ta’ servizzi.

    4.6.2.

    Il-KESE jappoġġja l-kriterji jew il-miri ekoloġiċi obbligatorji minimi għall-akkwist pubbliku fl-inizjattivi settorjali, fil-finanzjament mill-UE jew fil-leġislazzjoni speċifika għall-prodotti permezz ta’ indikaturi ambjentali fid-dawl tal-progress tal-UE fit-tassonomija. F’dan ir-rigward, hemm bżonn ta’ Skemi ta’ Informazzjoni dwar it-Tikkettar Ambjentali (ELIS) aktar olistiċi, trasparenti u simplifikati, li juru konformità ma’ għanijiet sostenibbli stretti.

    4.7.   Il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta

    4.7.1.

    Il-KESE jilqa’ l-JTM, li għandu potenzjal kbir sabiex jiffaċilita t-tranżizzjoni ekoloġika f’setturi u f’reġjuni speċifiċi. Huwa jinnota li ma jridx jillimita lilu nnifsu għall-finanzjament tal-proċessi ta’ dekarbonizzazzjoni u għandu jiġi implimentat b’mod parallel mal-mekkaniżmi ta’ stabbilizzazzjoni ad hoc, filwaqt li jibbenefika lil setturi u reġjuni oħra li qed jesperjenzaw sitwazzjonijiet ekonomiċi avversi u jeħtieġu riformi strutturali.

    4.7.2.

    Il-JTM jirrappreżenta taħlita bbilanċjata ta’ sussidji u ta’ strumenti finanzjarji, bejn programmi li huma ġestiti fuq bażi ċentrali jew kondiviża, bejn tipi differenti ta’ sorsi finanzjarji kif ukoll kompetenzi u responsabbiltajiet f’diversi livelli (tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali kif ukoll muniċipali). Għaldaqstant, din it-taħlita oriġinali se tkun tesiġi livell ġdid ta’ governanza u ta’ ġestjoni.

    4.7.3.

    Il-JTM għandu joħloq impjiegi ta’ kwalità ġodda fir-reġjuni affettwati. Il-KESE jindika li d-diskrepanzi fil-ħiliet diġà huma rikonoxxuti mill-ILO bħala limitazzjoni kbira f’numru ta’ setturi, bħall-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u fl-użu tar-riżorsi, it-tiġdid enerġetiku tal-bini, il-kostruzzjoni b’enerġija żero, is-servizzi ambjentali, u l-manifattura.

    4.7.4.

    Il-KESE jappella għal koerenza b’saħħitha bejn il-Pjan ta’ Azzjoni ppjanat għall-Ekonomija Soċjali fl-2021 u l-Pjan ta’ Investiment għal Patt Ekoloġiku Ewropew sabiex dawn jinvolvu investimenti tal-ekonomija soċjali fl-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta.

    4.7.5.

    Il-JTM irid iqis ukoll l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni preċedenti li ħa kull pajjiż u r-reġjuni tiegħu mill-1990 ’l hawn (11), sabiex dawn ikunu jistgħu jaċċessaw il-fondi wkoll u ma jkunux ippenalizzati talli għamlu dan ix-xogħol qabel. Għal dan l-għan, il-Eurostat għandu jtejjeb il-pubblikazzjoni tal-indikaturi tiegħu tal-konverġenza u tad-diverġenza reġjonali (inklużi t-telf u t-tixjiħ tal-popolazzjoni) sabiex dawn it-territorji jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll.

    4.8.   Sforz globali permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali

    4.8.1.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien riċenti tal-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzjament Sostenibbli (12), li qed tkattar il-kapital privat favur il-finanzjament ambjentalment sostenibbli fil-livell globali. Dan il-forum għandu jintuża wkoll sabiex iħeġġeġ l-adozzjoni internazzjonali tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet.

    4.8.2.

    Il-KESE jinnota wkoll li huma meħtieġa investimenti ambjentali u klimatiċi sabiex jiġu appoġġjati azzjonijiet barra mill-UE, speċjalment fi ħdan il-qafas tal-istrateġija għall-Afrika.

    4.8.3.

    Fil-qafas tar-Rispons Globali għall-Coronavirus, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-kampanja ta’ mobilizzazzjoni globali biex jinġabru fondi għad-dijanjostika, it-trattament u l-vaċċin b’rabta mal-coronavirus.

    Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2020.

    Luca JAHIER

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2020/04/09/report-on-the-comprehensive-economic-policy-response-to-the-covid-19-pandemic.

    (2)  Next Generation EU ta’ EUR 750 biljun

    (3)  B’mod partikolari: il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi ottimizzat l-użu tal-baġit attwali b’mod komprensiv, aċċessibbli u flessibbli, jiġifieri l-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE, l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (pakketti I & II) u l-attivazzjoni mill-ġdid tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (ESI); Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE), il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, il-Programm ta’ Xiri ta’ Emerġenza għall-Pandemija tal-Bank Ċentrali Ewropew (PEPP), b’assi eliġibbli estiżi u rilassament tal-kollaterali; ir-rwol tal-awtoritajiet superviżorji fi trattament f’waqtu tar-rekwiżiti finanzjarji regolatorji; l-inizjattiva tal-Bank Ewropew tal-Investiment (IEB) biex jinħoloq fond ta’ garanzija pan-Ewropew li jiffoka fuq l-SMEs, l-Inizjattiva għar-Rispons għall-Kriżi tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija.

    (4)  COM(2020) 22 final.

    (5)  Aġġustamenti fir-Regoli Prudenzjali Bankarji biex tiġi massimizzata l-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jsellfu u jassorbu t-telf filwaqt li xorta jiggarantixxu r-reżiljenza kontinwa tagħhom.

    (6)  Opinjoni tal-KESE tad-19 ta’ Settembru 2018 dwar Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għal wara l-2020 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106).

    (7)  Sabiex jiġu indirizzati l-esternalitajiet pożittivi.

    (8)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Ottubru 2018 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 73).

    (9)  Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni.

    (10)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Ottubru 2018 dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm InvestEU (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 131).

    (11)  Provinċji affettwati mill-għeluq tal-operazzjonijiet tal-estrazzjoni tagħhom skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE.

    (12)  Il-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzjament Sostenibbli tnediet fit-18 ta’ Ottubru 2019 mill-awtoritajiet pubbliċi mill-Arġentina, mill-Kanada, miċ-Ċilì, miċ-Ċina, mill-Indja, mill-Kenja, mill-Marokk u mill-Unjoni Ewropea, li flimkien jirrappreżentaw kważi nofs l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tad-dinja


    Top