This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020AA0009
Opinion No 9/2020 (pursuant to Article 322(1)(a) TFEU) accompanying the Commission’s proposal for a Decision of the European Parliament and of the Council amending Decision No 1313/2013/EU on a Union Civil Protection Mechanism (COM(2020) 220 final)
Opinjoni Nru 9/2020 (skont l-Artikolu 322(1)(a) TFUE) li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (COM(2020) 220 final)
Opinjoni Nru 9/2020 (skont l-Artikolu 322(1)(a) TFUE) li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (COM(2020) 220 final)
ECA_OPI_2020_9
ĠU C 385, 13.11.2020, p. 1–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
13.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 385/1 |
OPINJONI Nru 9/2020
(skont l-Artikolu 322(1)(a) TFUE)
li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (COM(2020) 220 final)
(2020/C 385/01)
WERREJ
|
Paragrafu |
Paġna |
Introduzzjoni |
1-4 |
2 |
Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili |
5-6 |
3 |
L-opinjoni tagħna dwar il-bidliet li ġew proposti |
7 |
4 |
Kummenti dwar l-aspetti finanzjarji |
8-9 |
4 |
L-adegwatezza taż-żieda kumplessiva fil-baġit mhijiex appoġġata b’mod suffiċjenti |
10-14 |
4 |
L-introduzzjoni tal-akkwist dirett għandha l-potenzjal li tħaffef ir-reazzjoni tal-UE f’każ ta’ kriżi |
15-18 |
6 |
Il-ġestjoni indiretta tista’ ġġib magħha flessibbiltà fil-ġestjoni finanzjarja tajba tal-operazzjonijiet tal-UCPM, iżda wkoll riskji |
19-22 |
7 |
Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u l-kontrolli fuq il-post mill-QEA |
23-24 |
7 |
Kummenti dwar il-potenzjal tal-prestazzjoni tal-UCPM |
25-32 |
8 |
Ma hemmx garantit livell minimu ta’ nfiq f’kull wieħed mill-pilastri ta’ prevenzjoni, stat ta’ tħejjija u reazzjoni |
25-28 |
8 |
Hemm lakuni fil-monitoraġġ ta’ wħud mill-attivitajiet il-ġodda tal-UCPM |
29-32 |
8 |
IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 322(1)(a) tiegħu;
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (1);
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili kif emendata (2),
Wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (3);
Wara li kkunsidrat it-talba tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq;
ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:
Introduzzjoni
1. |
Il-pandemija tal-COVID-19 mhijiex l-ewwel darba fejn l-Ewropa ffaċċjat kriżi tas-saħħa dinjija. Iżda l-konsegwenzi tal-COVID-19 kienu mingħajr preċedent. Il-pandemija żvelat il-ħtieġa li l-UE tkun imħejjija aħjar għal kriżijiet futuri fuq skala kbira. L-Istati Membri nqabdu għal għarrieda minħabba l-iskala u l-ħeffa tal-kriżi li kienet qed tiżvolġi, u l-kapaċitajiet tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom tpoġġew taħt pressjoni serja. Il-provvisti mediċi saru skarsi, u kien hemm problemi bil-kapaċità tal-ħżin (4). |
2. |
L-Istati Membri għad għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-reazzjoni għad-diżastri u l-kriżijiet fuq it-territorju tagħhom. Iżda l-Kummissjoni Ewropea għandha l-kompetenza li tagħti appoġġ fil-qasam tal-protezzjoni ċivili. Dan ifisser li tittieħdet xi azzjoni f'dan il-qasam fil-livell tal-UE, u li l-UE stess se taqdi rwol fir-reazzjoni għal theddidiet futuri għas-saħħa. |
3. |
Fis-26 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill Ewropew iltaqa’ biex jiddiskuti r-reazzjoni tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19. Huwa ħareġ dikjarazzjoni konġunta (5), fejn iddikjara x-xewqa li jittieħdu tagħlimiet mill-kriżi tal-COVID-19. Il-Membri tal-Kunsill Ewropew iddikjaraw ukoll li kien wasal iż-żmien li tiġi stabbilita “sistema ta’ ġestjoni tal-kriżijiet aktar ambizzjuża u estensiva” fl-UE, u stiednu lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti f’dak ir-rigward. Il-Kummissjoni ħarġet it-tali proposta fit-2 ta’ Ġunju 2020, li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (6) UCPM (“il-Proposta”). |
4. |
Fit-18 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab lill-QEA biex tipprovdi Opinjoni dwar il-Proposta, mill-aktar fis possibbli. Din l-Opinjoni tissodisfa dik it-talba u tikkomplementa Opinjonijiet oħra li ppubblikajna dwar il-flessibbiltà eċċezzjonali fl-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (7), dwar ir-REACT-EU u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) (8), dwar il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (9) u dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (10). |
Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili
5. |
Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE stabbiliet il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM). Il-ħsieb kien li l-UCPM ikun jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 196 (dwar il-protezzjoni ċivili) u l-Artikolu 222 (klawżola ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-UCPM twaqqaf fl-2013 biex itejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati parteċipanti (11) bil-ħsieb ta’ prevenzjoni, tħejjija u reazzjoni aktar effettivi għad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem. Kwalunkwe pajjiż fid-dinja jista’ jitlob l-assistenza fi ħdan il-qafas tal-UCPM. Il-
Kaxxa 1
turi kif jaħdem il-UCPM.
Kaxxa 1 Kif jaħdem il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili?
|
6. |
Il-qafas legali li fuqu huwa bbażat il-UCPM ġie emendat darbtejn. L-ewwel emenda saret bir-Regolament (UE) 2018/1475 (12). It-tieni emenda saret bid-Deċiżjoni (UE) 2019/420 (13), li stabbiliet il-mekkaniżmu “rescEU” fid-dawl tan-nirien fil-foresti u l-għargħar transfruntieri fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE. L-aħħar reviżjoni (14) introduċiet ukoll dispożizzjonijiet (15) li għandhom l-għan li jimmitigaw riskji bi probabbiltà baxxa permezz ta’ livelli ta’ impatt għoljin. Kien mistenni li sa Diċembru 2020 tkun ittieħdet azzjoni sostantiva f’dan ir-rigward. Madankollu, peress li l-pandemija tal-COVID-19 bdiet qabel ma ħadu effett dawn id-dispożizzjonijiet, ma kienx possibbli li jiġi vvalutat il-potenzjal sħiħ tagħhom. |
L-opinjoni tagħna dwar il-bidliet li ġew proposti
7. |
L-objettiv kumplessiv ta’ din il-Proposta (16) huwa li tiżgura li l-UE tkun tista’ tipprovdi appoġġ aħjar f’każ ta’ kriżi u ta’ emerġenza liċ-ċittadini tagħha fl-Ewropa u barra minnha. L-opinjoni tagħna fiha kummenti dwar l-aspetti finanzjarji u l-potenzjal ta’ prestazzjoni tal-UCPM. |
Kummenti dwar l-aspetti finanzjarji
8. |
F’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (17), jenħtieġ li l-Kummissjoni taġixxi biss fejn meħtieġ fil-livell tal-Unjoni u b’mod li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tiġi riżolta l-problema (18). Minn dan, jirriżulta li l-UCPM jista’ jintuża biex tiġi kkoordinata l-assistenza biss meta kriżi thedded li tegħleb il-kapaċità ta’ pajjiż li jirreaġixxi għaliha u b’reazzjoni għal talba għall-assistenza. |
9. |
Fi kliem ieħor, ir-rwol li jaqdi l-UCPM se jkun li jikkomplementa l-kapaċitajiet proprji tal-Istati Membri, mhux li jissostitwihom. Sabiex jiġu rrispettati l-prinċipji msemmija hawn fuq, jeħtieġ li ssir valutazzjoni bir-reqqa ta’ liema kapaċitajiet ta’ reazzjoni mhumiex koperti b’mod adegwat mill-Istati Membri sabiex jiġu identifikati l-oqsma fejn jista’ jintalab appoġġ mill-UCPM. |
L-adegwatezza taż-żieda kumplessiva fil-baġit mhijiex appoġġata b’mod suffiċjenti
10. |
Il-Proposta żżid ir-riżorsi baġitarji tal-UCPM għall-perjodu 2021-2027 sa EUR 3,5 miljun, fi prezzijiet attwali. Din hija żieda ta’ 150 % fil-livell tar-riżorsi propji tiegħu ta’ EUR 1,4 biljun, fi prezzijiet attwali. Parti minn dan l-ammont (EUR 1.3 biljun) se tiġi direttament mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2021-2027 (il-paragrafu l-ġdid 1(a) fl-Artikolu 19). Ammont ulterjuri ta’ EUR 2.2 biljun se jkun disponibbli taħt l-Istrument Ewropew għall-Irkupru l-ġdid (ERI) (l-Artikolu l-ġdid 19(a)). Dawn ir-riżorsi mill-Istrument Ewropew għall-Irkupru se jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19). |
11. |
Din l-istess żieda ta’ 150 % fir-riżorsi baġitarji tal-UCPM għall-perjodu 2021-2027 kienet ikkonfermata fil-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew li saret f'Lulju 2020: id-deċiżjoni tal-Kunsill żiedet l-allokazzjoni baġitarja globali tal-UCPM għal EUR 3 miljun, minn ammont inizjali ta’ EUR 1,2 biljun, fi prezzijiet tal-2018. F’termini reali, l-ammonti użati fil-Proposta u fid-deċiżjoni tal-Kunsill huma l-istess, tal-ewwel espress fi prezzijiet kurrenti u tal-aħħar fi prezzijiet tal-2018. Fl-aħħar nett, l-ammont ta’ EUR 1,1 biljun sar disponibbli mill-QFP 2021-2027. Ammont ulterjuri ta’ EUR 1,9 miljun sar disponibbli taħt l-istrument Next Generation (NGEU) (20). Il-Kunsill ħoloq ukoll entrata baġitarja ġdida għall-UCPM. Din issa tinsab taħt l-Intestatura 2 “Koeżjoni, Reżiljenza u Valuri”, minflok taħt l-Intestatura 5, li ngħatat l-isem ġdid ta’ “Sigurtà u Difiża” (ara l-
Kaxxa 2
).
Kaxxa 2 QFP u NGEU — Mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni f’Mejju 2018 sal-ftehim tal-Kunsill Ewropew f’Lulju 2020
|
12. |
Aħna vvalutajna jekk il-Proposta fihiex loġika ta’ intervent ċara, li turi kif il-finanzjament mill-UE se jindirizza l-ħtiġijiet identifikati u li turi l-valur miżjud tal-appoġġ li jingħata mill-UE. Il-Kummissjoni osservat li “t-tagħlimiet preliminari li ttieħdu mit-tifqigħa tal-COVID-19, u li ġew identifikati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti”, kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-Unjoni, “iddaħħlu f’din il-proposta u għaldaqstant ikkontribwew għal evalwazzjoni bir-reqqa tal-impatt tal-politiki proposti” (21). Fil-fehma tagħna, din hija dikjarazzjoni eċċessiva, għaliex il-Proposta ma kinitx suġġetta għall-proċeduri tas-soltu rigward valutazzjoni tal-impatt jew konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, minħabba l-urġenza li tingħata reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19. |
13. |
Taħt il-Proposta, il-UCPM se jadotta responsabbiltajiet ulterjuri (22). Iżda l-Proposta ma fiha l-ebda informazzjoni dwar l-ispejjeż stmati li huma assoċjati ma’ dawk ir-responsabbiltajiet. Fil-fehma tagħna, dik l-informazzjoni hija neċessarja biex tiġi ġġustifikata ż-żieda baġitarja sinifikanti li qed tiġi proposta. |
14. |
Fid-dawl tal-punti msemmija hawn fuq, ma nistgħux niddeterminaw jekk il-baġit propost huwiex xieraq biex jintlaħqu l-objettivi intenzjonati. |
L-introduzzjoni tal-akkwist dirett għandha l-potenzjal li tħaffef ir-reazzjoni tal-UE f’każ ta’ kriżi
15. |
Taħt il-UCPM kif inhu mwaqqaf attwalment, il-Kummissjoni tista’ tappoġġa lill-Istati Membri permezz ta’ għotjiet diretti jew permezz tal-akkwist konġunt ta’ kapaċitajiet tar-rescEU f’isem l-Istati Membri (23). Taħt il-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt (24), il-Kummissjoni Ewropea tikkoordina l-eżerċizzju ta' akkwist. Hija tistħarreġ il-ħtiġijiet tal-Istati Membri, tabbozza l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, torganizza l-proċedura ta’ akkwist, tivvaluta l-offerti u tagħti l-kuntratti. L-Istati Membri, imbagħad, jistgħu jagħmlu ordnijiet individwali u jixtru tagħmir mediku taħt dawk il-kuntratti. |
16. |
F’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, il-leġiżlazzjoni eżistenti (25) tippermetti li jsiru eċċezzjonijiet fir-restrizzjonijiet li normalment iridu jiġu rrispettati fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku. B’mod partikolari, il-proċeduri nnegozjati mingħajr pubblikazzjoni minn qabel jistgħu jintużaw “sa fejn huwa strettament neċessarju fejn, għal raġunijiet ta’ urġenza kbira dovuti għal avvenimenti li ma setgħux ikunu previsti mill-awtorità kontraenti, il-limiti ta’ żmien […] ma jistgħux jiġu rispettati” (26). B’mod simili, ir-regoli dettaljati dwar l-akkwist stabbiliti fl-Anness I għar-Regolament Finanzjarju jiddikjaraw li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jużaw “il-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, irrispettivament mill-ammont stmat tal-kuntratt […] sa fejn hu strettament meħtieġ meta, għal raġunijiet ta’ urġenza estrema kkawżati minn avvenimenti imprevedibbli, ma jkunx possibbli li jiġu rrispettati l-limiti taż-żmien […] u meta l-ġustifikazzjoni ta’ tali urġenza estrema mhix attribwibbli għall-awtorità kontraenti” (27). Fl-1 ta’ April 2020, il-Kummissjoni ħarġet gwida (28) fejn iddikjarat li, “għal sitwazzjoni bħal dik tal-kriżi tal-COVID-19 attwali li tippreżenta urġenza estrema u imprevedibbli, id-direttivi tal-UE ma fihomx limiti proċedurali”. |
17. |
Skont il-Kummissjoni, il-kapaċitajiet ta’ akkwist dirett mill-Kummissjoni kienu jippermettu, kieku, reazzjoni aktar rapida fil-livell tal-UE, billi l-Istati Membri, mgħobbija żżejjed, ħadu erba’ ġimgħat biex iniedu l-ewwel proċedura ta’ akkwist tagħhom (29). Sa issa, tnedew erba’ proċeduri ta' akkwist konġunt relatati mal-COVID-19, b’valur massimu kkombinat ta’ EUR 3.5 biljun (30). Madankollu, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ li tirregola l-proċeduri ta' akkwist konġunt għandha ċerti limitazzjonijiet inerenti. Limitazzjoni ta’ dan it-tip hija li l-Kummissjoni hija responsabbli għall-iffirmar tal-kuntratt qafas, iżda l-Istati Membri biss jistgħu jixtru t-tagħmir direttament, skont kwota stabbilita minn qabel. Dan ifisser li l-Kummissjoni ma tistax tibni kumulu ta’ riżerva waħedha, fatt li jillimita l-kontribut li hija tista’ tagħti għal-livell kumplessiv tal-istat ta’ tħejjija tal-UE. |
18. |
Taħt il-Proposta, il-Kummissjoni se tingħata l-awtorità li tidħol għall-akkwist direttament f’emerġenzi li jkunu simili għal dik tal-kriżi tal-COVID-19. Fil-fehma tagħna, dan il-pass jista’ jippermetti li l-Kummissjoni tirreaġixxi aktar malajr f’sitwazzjonijiet simili fil-futur, u jista’ jnaqqas il-piż operazzjonali fuq l-Istati Membri. Madankollu, għall-akkwist dirett, jekk il-UCPM irid jissodisfa r-rwol komplementari tiegħu (ara l-paragrafu 9), huwa essenzjali li dak li jiġi akkwistat mill-UE jkun totalment komplementari għal dak li jiġi akkwistat mill-Istati Membri affettwati mill-kriżi. Diġa’ jeżistu ċertu għodod importanti biex tiġi żgurata din il-komplementarjetà; jiġifieri, l-Artikoli 5 u 6 tad-Deċiżjoni dwar il-UCPM, li jirrikjedu t-twettiq ta' valutazzjonijiet tar-riskju regolari bħala miżuri ta’ prevenzjoni; ir-rekwiżit għall-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kapaċitajiet operazzjonali disponibbli tagħhom permezz taċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f'każ ta' Emerġenza; u l-valutazzjonijiet tal-kapaċitajiet rikjesti mill-Artikolu 34(2) tad-Deċiżjoni dwar il-UCPM (31). |
Il-ġestjoni indiretta tista’ ġġib magħha flessibbiltà fil-ġestjoni finanzjarja tajba tal-operazzjonijiet tal-UCPM, iżda wkoll riskji
19. |
Il-Kummissjoni tipproponi li tinkludi l-ġestjoni indiretta (32) bħala metodu ta’ implimentazzjoni tal-baġit flimkien mal-mod ta’ ġestjoni diretta li kienet qed tuża sa issa. Fil-prattika, dan ifisser li l-Kummissjoni se tiddelega l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet taħt il-UCPM lill-korpi msemmija fl-Artikolu 62(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju. ll-mod ta’ ġestjoni indiretta diġa’ jintuża mill-Kummissjoni f’emerġenzi u f’sitwazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja, kemm ġewwa u kif ukoll barra mit-territorju tal-UE. Fil-fehma tagħna, dan se jżid il-flessibbiltà fil-kriżijiet. |
20. |
Taħt il-ġestjoni indiretta, is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jsegwu l-proċeduri amministrattivi tagħhom stess meta jimplimentaw l-azzjonijiet. B’hekk, l-effettività tal-azzjonijiet implimentati taħt dan il-mod ta’ ġestjoni se tiddependi mill-kapaċità u l-għarfien espert tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. |
21. |
Għal dan il-għan, se jkun essenzjali li titwettaq valutazzjoni bir-reqqa minn qabel tas-sħab prospettivi inkarigati mill-implimentazzjoni, biex jiġu żgurati r-regolarità u l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-operazzjonijiet tal-UCPM li jiġu implimentati taħt ġestjoni indiretta. L-Artikolu 154(3) u (4) tar-Regolament Finanzjarju jirrikjedi illi l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tar-regoli u l-proċeduri li jintużaw mis-sħab prospettivi inkarigati mill-implimentazzjoni qabel tidħol f'kuntratt magħhom (33). |
22. |
Minkejja dawn ir-rekwiżiti imposti mir-Regolament Finanzjarju, ix-xogħol tal-awditjar reċenti tal-QEA qabad xi żbalji ta’ legalità u regolarità fl-azzjonijiet ta’ emerġenza taħt il-mod ta’ ġestjoni indiretta, bħal pereżempju l-ineliġibbiltà tal-ispejjeż (34). |
Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u l-kontrolli fuq il-post mill-QEA
23. |
B’mod ġenerali, aħna nqisu li d-drittijiet tal-awditjar tagħna huma protetti suffiċjentement mill-Premessa 19 il-ġdida u mir-referenza għall-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju fl-Artikoli 25 u 27 tal-Proposta. Madankollu għandna tħassib li l-Artikolu 27 jaf ma jkunx qiegħed jiċċara suffiċjentement, lill-qarrejja f'pajjiżi terzi, il-firxa tad-drittijiet tal-awditjar tal-QEA. It-tħassib tagħna ġej mill-fatt li l-Artikolu jsemmi li l-OLAF għandu dritt iwettaq kontrolli fuq il-post, iżda ma jagħmilx referenza għad-dritt tal-QEA li tagħmel l-istess ħaġa. |
24. |
Dan in-nuqqas ta’ referenza għad-drittijiet tal-awditjar tal-QEA huwa problema. Fit-Trattati u fir-Regolament Finanzjarju, huwa stabbilit li l-QEA għandha d-dritt li twettaq awditi fuq il-post għand il-korpi kollha li jamministraw id-dħul jew in-nefqa f’isem l-Unjoni, u fl-uffiċċji tar-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni. Dan huwa kunċett familjari għal qarrejja li għandhom għarfien tal-istruttura istituzzjonali tal-UE. Iżda għall-qarrejja f’pajjiżi terzi, u għall-partijiet terzi li huma inqas familjari mal-leġiżlazzjoni tal-UE, referenza fil-premessi jaf ma tkunx suffiċjentement ċara. Biex tiġi rimedjata din il-problema, aħna nissuġġerixxu li l-parenteżi “inkluż kontrolli fuq il-post” tiġi ttrasferita għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 27. Imbagħad ikun tajjeb li titħassar mit-tieni sentenza biex tiġi evitata ripetizzjoni. |
Kummenti dwar il-potenzjal tal-prestazzjoni tal-UCPM
Ma hemmx garantit livell minimu ta’ nfiq f’kull wieħed mill-pilastri ta’ prevenzjoni, stat ta’ tħejjija u reazzjoni
25. |
L-istrateġija ta’ reazzjoni tal-UE f’każ ta’ kriżi għandha tliet pilastri: prevenzjoni, stat ta’ tħejjija u reazzjoni. L-Anness I tad-Deċiżjoni dwar il-UCPM jistabbilixxi perċentwali ta’ finanzjament minimi (bi flessibbiltà ta’ tmien punti perċentwali f’kull direzzjoni) għal kull wieħed minn dawn il-pilastri fundamentali, kif ġej:
— Prevenzjoni : 20 % +/– 8 punti perċentwali, jiġifieri bejn 12 % u 28 %. — Stat ta’ Tħejjija : 50 % +/– 8 punti perċentwali, jiġifieri bejn 42 % u 58 %. — Reazzjoni : 30 % +/– 8 punti perċentwali, jiġifieri bejn 22 % u 38 %. |
26. |
Dawn il-perċentwali jiggarantixxu li se jiġi allokat, biċ-ċert, ammont minimu lil kull pilastru. Fil-fehma tagħna, din hija ħaġa tajba. Iżda fil-Proposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Anness I rażżan il-flessibbiltà fir-reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19. Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi t-tħassir tal-Anness. B'riżultat ta' dan, mhuwiex se jkun hemm allokazzjoni finanzjarja minima għal kull pilastru strateġiku. |
27. |
Il-Kummissjoni tiġġustifika dan it-tħassir propost billi tiddikjara li “l-perċentwali deskritti fl-Anness I ma jidhirx li jiżguraw biżżejjed flessibbiltà biex l-Unjoni tkun tista’ tikseb l-objettivi li stabbiliet. Matul emerġenza l-perċentwali fl-Anness I jwasslu għal piż amministrattiv żejjed u jistgħu jrażżnu l-flessibbiltà meħtieġa għall-adattament għall-ħtiġijiet marbuta mad-diżastri fi kwalunkwe sena partikolari” (35). |
28. |
Kif jiddikjara l-Memorandum ta' Spjegazzjoni għall-Proposta, “[f]i żmien twil, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-impatt tad-diżastri permezz ta’ tħejjija aħjar huma aktar kosteffettivi milli tingħata reazzjoni matul il-kriżi”. L-istat ta’ tħejjija huwa s-sinsla tal-ġestjoni tal-kriżijiet; dan ilu kunċett ewlieni sa mill-bidu tal-UCPM. Fil-fehma tagħna, it-tħassir tal-Anness I jimplika li ma għadhiex garantita allokazzjoni finanzjarja minima għal kull pilastru strateġiku. Aħna nqisu li jkun tajjeb li l-leġiżlazzjoni tfakkar li jenħtieġ li l-Kummissjoni tinvesti fit-tliet pilastri strateġiċi kollha (prevenzjoni, stat ta’ tħejjija u reazzjoni) taċ-ċiklu ta’ ġestjoni tad-diżastri. |
Hemm lakuni fil-monitoraġġ ta’ wħud mill-attivitajiet il-ġodda tal-UCPM
29. |
Il-Proposta fiha biss l-indikatur prinċipali addizzjonali li ġej: “l-għadd ta’ kapaċitajiet tar-rescEU li jiġu stabbiliti biex tingħata assistenza f’sitwazzjonijiet gravi” (36). |
30. |
Uħud mill-attivitajiet u l-objettivi l-ġodda proposti għall-UCPM ma għandhomx xi indikatur jew monitoraġġ speċifiku assoċjat magħhom. Dawn li ġejjin huma eżempji ta' dan:
|
31. |
Fil-fehma tagħna, jenħtieġ li l-Proposta tinkludi indikaturi addizzjonali li jimmonitorjaw b’mod speċifiku l-punti deskritti hawn fuq. |
32. |
Barra minn hekk, peress li l-Proposta ma tistabbilix livell minimu ta’ nfiq għal kull wieħed mit-tliet pilastri strateġiċi ewlenin tal-istrateġija tal-UE għall-operazzjonijiet ta’ reazzjoni f’emerġenza (prevenzjoni, stat ta’ tħejjija u reazzjoni), aħna nqisu li jkun ta' għajnuna jekk jiġi inkluż mekkaniżmu għar-rappurtar tal-infiq reali taħt il-UCPM għal kull wieħed minn dawn il-pilastri. |
Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fit-28 ta’ Settembru 2020.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Klaus-Heiner LEHNE
Il-President
(1) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924, emendata bir-Regolament (UE) 2018/1475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 (ĠU L 250, 4.10.2018, p. 1) u bid-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2019 (ĠU L 77I, 20.3.2019, p. 1).
(3) (COM (2020) 220 final), (2020/0097 (COD)), 2.6.2020.
(4) Għal informazzjoni dettaljata, ara l-Memorandum ta' Spjegazzjoni għall-proposta (COM (2020) 220 final), it-Taqsima 3, ir-raba’ inċiż: “Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni”, p. 4.
(5) Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Membri tal-Kunsill Ewropew, is-26 ta’ Marzu 2020.
(6) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.
(7) L-Opinjoni Nru 3/2020, adottata fl-14.4.2020, ippubblikata fil-15.4.2020.
(8) L-Opinjoni Nru 4/2020, adottata fit-13.7.2020, ippubblikata fl-14.7.2020.
(9) L-Opinjoni Nru 5/2020, adottata fl-20.7.2020, ippubblikata fit-22.7.2020.
(10) L-Opinjoni Nru 6/2020, adottata fis-7.9.2020, ippubblikata fid-9.9.2020.
(11) L-Iżlanda, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Serbja u t-Turkija wkoll qed jieħdu sehem fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.
(12) Ir-Regolament (UE) 2018/1475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Ottubru 2018 li jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1288/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE (ĠU L 250, 4.10.2018, p. 1).
(13) Id-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2019 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. (ĠU L 77I, 20.3.2019, p. 1).
(14) ĠU L 77I, 20.3.2019, p. 1.
(15) L-Artikolu 6 (“Ġestjoni tar-riskju”), l-Artikolu 21 (“Azzjonijiet eliġibbli ta' prevenzjoni u ta' tħejjija”), l-Artikolu 23 (“Azzjonijiet eliġibbli marbuta mat-tagħmir u l-operazzjonijiet”), l-Artikolu 32 (“Atti ta’ implimentazzjoni”).
(16) Li tibni fuq il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2019) 125) tas-7 ta’ Marzu 2019, fil-limiti tad-dispożizzjonijiet baġitarji tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE f’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, (COM(2018) 321) tat-2 ta’ Mejju 2018.
(17) L-Artikolu 5(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 1).
(18) Better Regulation Guidelines, (SWD(2017) 350), 7.7.2017, p. 4, il-Kapitolu I.2, https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/planning-and-proposing-law/better-regulation-why-and-how/better-regulation-guidelines-and-toolbox_en
(19) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(20) Strument Ewropew għall-Irkupru, issa msejjaħ Next Generation EU mill-Kunsill, ġie propost mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Mejju 2020 (COM(2020) 441) biex jappoġġa l-irkupru tal-UE mill-pandemija tal-COVID-19.
(21) Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-Proposta, it-Taqsima 3, it-tielet inċiż: “Valutazzjoni tal-impatt”, p. 4.
(22) Pereżempju, ix-xogħol biex jiġu appoġġati approċċi transsettorjali u transfruntieri, il-ħolqien ta’ riżervi strateġiċi ta’ tagħmir mediku fil-livell tal-UE, l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika, u l-iffurmar ta’ timijiet mediċi ta’ emerġenza.
(23) L-Artikolu 12(3) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar il-UCPM kif emendata.
(24) L-Artikolu 5 “Akkwist konġunt ta’ kontromiżuri mediċi” tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE, ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-iżvolġiment ta’ proċeduri ta’ akkwist konġunt li għandhom jiġu ppreċeduti minn Ftehim ta’ Akkwist Konġunt.
(25) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004.18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65) (id-“Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku”); u r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1) (ir-“Regolament Finanzjarju”).
(26) L-Artikolu 32(2)(c) tad-Direttiva 2014/24/UE.
(27) Il-Punt 11.1(c) tal-Anness I għar-Regolament Finanzjarju.
(28) Il-Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu tal-qafas tal-akkwist pubbliku fis-sitwazzjoni ta’ emerġenza relatata mal-kriżi tal-COVID-19 (ĠU C 108 I, 1.4.2020, p. 1).
(29) “Għalkemm il-Kummissjoni rreaġixxiet mill-ewwel għat-tifqigħa billi ħolqot il-kumulazzjoni ta’ riżerva medika, l-ewwel akkwist seta’ jitnieda biss madwar erba’ ġimgħat wara li ġew ikkonfermati l-ewwel każijiet ta’ COVID-19 fl-Ewropa għaliex l-Istati Membri kienu okkupati jindirizzaw l-emerġenza u ma setgħux jiżguraw l-akkwist rapidu u l-ħżin ta’ kapaċitajiet tar-rescEU fil-faċilitajiet tal-Istat Membri.” Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-Proposta, it-Taqsima 3, ir-raba’ inċiż: “Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni”, p. 5.
(30) Il-Kummissjoni Ewropea, Appoġġ mediku u tas-saħħa tal-UE: https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/health/coronavirus-response/eu-medical-and-health-support_mt
(31) “Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill […] kull sentejn. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar progress li jkun sar lejn il-miri tal-kapaċità u l-lakuni li jkun fadal […], b'kont meħud tal-istabbiliment tal-kapaċitajiet tar-rescEU […]. Ir-rapport għandu jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi baġitarji u dawk tal-ispejjeż relatati ma’ kapaċitajiet ta' reazzjoni, u valutazzjoni tal-ħtieġa ta' żvilupp ulterjuri ta' dawk il-kapaċitajiet.”
(32) L-Artikolu 25 il-ġdid: “Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament Finanzjarju b’ġestjoni diretta jew b’ġestjoni indiretta flimkien ma’ korpi msemmija fl-Artikolu 62(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju.”
(33) “Il-Kummissjoni għandha tiżgura livell ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ekwivalenti għal dak li huwa previst meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit” (mod ta’ ġestjoni diretta). Il-Kummissjoni għandha tagħmel dan billi twettaq valutazzjoni tas-sistemi, tar-regoli u tal-proċeduri tal-persuni jew entitajiet li jimplimentaw il-fondi tal-Unjoni jekk biħsiebha tiddependi fuq tali sistemi, regoli u proċeduri għall-implimentazzjoni tal-azzjoni jew billi tieħu miżuri superviżorji xierqa”.
(34) Ir-Rapport Annwali 2019 (se jiġi ppubblikat) (Il-Kapitolu 7 — QFP3) — il-Kaxxa 7.3 — Spejjeż tas-salarji li ġew iddikjarati b’mod eċċessiv u r-Rapport Annwali 2019 dwar il-FEŻ (se jiġi ppubblikat) — il-Kaxxa 5 — Eżempji ta’ żbalji kwantifikabbli.
(35) Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-Proposta (COM(2020) 220 final), it-Taqsima 5, it-tieni inċiż, “Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta”, p. 6.
(36) L-Artikolu (3)(2)(b) tal-Proposta.