EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AA0005

Opinjoni Nru 5/2020 (skont l-Artikoli 288(4) u 322(1)(a), TFUE) dwar il-proposti 2020/0006 (COD) tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 2020 u tat-28 ta’ Mejju 2020 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (COM(2020) 22 final u COM(2020) 460 final)

ECA_OPI_2020_5

ĠU C 290, 1.9.2020, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/1


OPINJONI Nru 5/2020

(skont l-Artikoli 288(4) u 322(1)(a), TFUE)

dwar il-proposti 2020/0006 (COD) tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 2020 u tat-28 ta’ Mejju 2020 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (COM(2020) 22 final u COM(2020) 460 final)

(2020/C 290/01)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

Introduzzjoni…

1-4

2

Kummenti ġenerali…

5-9

3

Kummenti Speċifiċi…

10-25

3

Riżorsi għall-JTF…

10-11

3

Data mmirata għall-użu tal-fondi…

12-14

4

Ambitu tal-appoġġ…

15-19

4

Qafas tal-prestazzjoni…

20-23

5

Metodu ta’ allokazzjoni…

24-25

6

Introduzzjoni

1.

F’Diċembru 2019, il-Kummissjoni ppubblikat il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final), li għandu l-għan li jappoġġa t-tranżizzjoni għal ekonomija tal-UE ttrasformata, u li jwieġeb għall-isfidi ppreżentati mit-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali. F’Jannar 2020, il-Kummissjoni pproponiet li toħloq Pjan ta' Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, li kien jinkludi l-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta.

2.

Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta jkollu fil-mira r-reġjuni u s-setturi l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ħadra. Dan l-appoġġ jkun disponibbli biex jiġu indirizzati l-impatti soċjali, ekonomiċi u ambjentali tat-tranżizzjoni. Il-mekkaniżmu huwa ffukat fuq il-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta, u għandu tliet pilastri ta’ finanzjament.

Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta: il-pilastri ta’ finanzjament

Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), li ġie implimentat permezz ta’ ġestjoni kondiviża

skema għal tranżizzjoni ġusta għall-mobilizzazzjoni ta' investimenti privati

faċilità ta’ self għas-settur pubbliku mal-Bank Ewropew tal-Investiment, appoġġata mill-baġit tal-UE

3.

Il-proposta ta’ Jannar 2020 għal Regolament li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (COM(2020) 22 final) kienet ippjanat EUR 7,5 biljun bi prezzijiet tal-2018 minn approprjazzjonijiet baġitarji. Il-JTF jikkomplementa l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni li ġew proposti għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2021-2027, li huma koperti mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) u li jinkludu l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK). F’Mejju 2020, wara t-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kummissjoni emendat il-proposta tagħha dwar il-JTF (COM(2020) 460 final), u pproponiet infiq addizzjonali ta’ EUR 32.5 biljun bi prezzijiet tal-2018 (ara l-Figura 1).

Figura 1

Riżorsi tal-JTF – f’biljuni EUR, bi prezzijiet tal-2018

Image 1

Sors:

il-QEA, ibbażat fuq il-proposta dwar il-JTF u l-emenda tiegħu.

4.

Il-bażi ġuridika tal-proposta emendata tal-Kummissjoni tirrikjedi konsultazzjoni mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (1), u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill talbu lill-Qorti għall-opinjoni tagħha. Din l-opinjoni tissodisfa r-rekwiżit ta’ konsultazzjoni, hija limitata għall-proposti dwar il-JTF, u tikkomplementa l-opinjonijiet tagħna msemmija hawn taħt:

L-Opinjoni Nru 1/2018 dwar il-proposta tat-2 ta’ Mejju 2018 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri;

L-Opinjoni Nru 6/2018 rigward il-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2018 għall-RDK, COM(2018) 375 final;

L-Opinjoni Nru 2/2020 (skont l-Artikoli 287(4) u 322(1)(a), TFUE) dwar il-proposta emendata tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 2020 għall-RDK, COM(2020) 23 final;

L-Opinjoni Nru 4/2020 rigward ir-regolament propost dwar REACT-EU u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni li jirregola l-fondi SIE.

Aktar tard fl-2020, aħna għandna l-għan li nippubblikaw opinjoni dwar il-faċilità ta' self għas-settur pubbliku taħt il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta.

Kummenti ġenerali

5.

Fl-UE kollha se jkunu meħtieġa investimenti sinifikanti biex tinkiseb it-tranżizzjoni tal-UE għal ekonomija newtrali għall-klima sal-2050. Jenħtieġ li l-appoġġ mill-UE għal din it-tranżizzjoni jkun immirat lejn ir-reġjuni l-aktar affettwati u fejn se jkollu l-ikbar impatt.

6.

Il-Premessi 6 u 10 tal-proposta jorbtu l-JTF mal-Patt Ekoloġiku, b'reazzjoni għall-isfidi klimatiċi u ambjentali, biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni tal-UE għal ekonomija newtrali għall-klima sal-2050. Madankollu, l-artikoli tal-proposta ma jistabbilux rabta ċara mal-ambizzjonijiet klimatiċi tal-UE, pereżempju f'dak li jirrigwarda l-objettiv speċifiku tagħha, l-ambitu tal-appoġġ, il-programmazzjoni tar-riżorsi tal-JTF, jew il-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta.

7.

Taħt l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS), l-installazzjonijiet industrijali li huma meqjusa bħala f’riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jirċievu trattament speċjali. Id-deroga taħt l-Artikolu 10c tad-Direttiva dwar l-EU ETS (2) tagħti kwoti mingħajr ħlas lill-impjanti tal-enerġija eżistenti fi Stati Membri magħżula għal perjodu tranżitorju, biex tappoġġa l-modernizzazzjoni tas-setturi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tagħhom (3). L-Artikolu 10d tal-istess Direttiva jistabbilixxi l-Fond għall-Modernizzazzjoni, li huwa mmirat lejn il-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika u l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta għar-reġjuni li jiddependu mill-karbonju sal-2030. Uħud mill-attivitajiet jistgħu jiġu appoġġati kemm mill-JTF kif ukoll mill-Fond għall-Modernizzazzjoni.

8.

Għalhekk, din il-proposta tipprovdi aktar finanzjament għar-reġjuni li diġà rċevew fondi dedikati għall-modernizzazzjoni tal-enerġija. Aħna ma identifikajniex analiżi komprensiva ta’ dak li nkiseb permezz tal-finanzjament preċedenti li ngħata mill-UE f’dawn ir-reġjuni, jew tal-ħtiġijiet li fadlilhom. Huwa importanti li l-pjanijiet ta' tranżizzjoni ġusta jindirizzaw il-kwistjoni tal-koordinazzjoni u l-komplementarjetà tad-diversi sorsi ta’ finanzjament.

9.

Fil-proposta, ir-rabta bejn il-prestazzjoni u l-finanzjament hija relattivament dgħajfa, u hemm riskju sinifikanti li l-użu ta’ dawn il-fondi mhux se jtemm id-dipendenza kbira ta’ xi reġjuni fuq attivitajiet b’intensità qawwija ta’ karbonju. Dan ir-riskju huwa aċċentwat mill-perjodu ta’ żmien limitat tal-programm: jekk it-tnaqqis mistenni tal-impjiegi fis-setturi b’intensità qawwija ta’ karbonju ma jintlaħaqx fi ħdan il-perjodu, hemm riskju li se jiġi allokat aktar infiq biex tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni.

Kummenti ġenerali

ħtieġa għal rabta aktar b’saħħitha mal-ambizzjonijiet klimatiċi u ambjentali tal-UE

l-ebda analiżi ta’ dak li nkiseb permezz tal-finanzjament preċedenti għal tranżizzjoni ġusta

rabta dgħajfa bejn il-prestazzjoni u l-finanzjament

riskju li t-tranżizzjoni se jkollha terġa’ tiġi ffinanzjata

Kummenti Speċifiċi

Riżorsi għall-JTF

10.

Essenzjalment, il-proposta emendata dwar it-twaqqif tal-JTF iżżid l-appoġġ minn EUR 7,5 biljun għal EUR 40 biljun (bi prezzijiet tal-2018). Il-Kummissjoni tiġġustifika ż-żieda fl-appoġġ mill-UE fuq il-bażi tal-effetti tal-kriżi tal-COVID-19, u fuq id-differenzi fil-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali biex jindirizzawhom.

11.

Il-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni tal-impatt speċifika, jew konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, biex tiġġustifika l-ammont emendat (4). Il-Kummissjoni ffaċċjat data ta' skadenza stretta għall-abbozz tal-proposta emendata, u biex tivvaluta l-ispejjeż potenzjali tat-tranżizzjoni u l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19. Madankollu, analiżi tajba tal-ħtiġijiet tkun tappoġġa l-allokazzjoni aħjar tar-riżorsi finanzjarji tal-UE, u timmira u tikkwantifika l-objettivi li jridu jintlaħqu.

Riżorsi għall-JTF

żieda fl-appoġġ li jsir disponibbli għal tranżizzjoni ġusta

importanti li jiġu kkwantifikati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament, biex jiġu mmirati u kkwantifikati l-objettivi li jridu jintlaħqu

Data mmirata għall-użu tal-fondi

12.

L-użu tar-riżorsi tal-JTF jiddependi mill-adozzjoni mingħajr xkiel tal-QFP għall-2021-2027, kif ukoll mill-proposti għall-RDK, inkluż ir-Regolament dwar il-JTF. Kwalunkwe dewmien fl-adozzjoni ta’ dawn il-proposti se jkompli jnaqqas il-ħin disponibbli għall-użu tar-riżorsi tal-JTF. Barra minn hekk, il-programmazzjoni tal-JTF se tkun ibbażata fuq il-pjanijiet ta' tranżizzjoni ġusta, li jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima. Il-Kummissjoni tista’ tapprova biss il-pjanijiet ta' tranżizzjoni ġusta wara l-adozzjoni tal-QFP għall-2021-2027, għalhekk hija tistma li dawn il-pjanijiet ma jistgħux jappoġġaw it-talbiet għal finanzjament li jsiru mill-Istati Membri qabel nofs l-2021.

13.

Ir-Regolament emendat propost jipprevedi li r-riżorsi mill-Istrument Ewropew għall-Irkupru (ERI) - EUR 32,8 biljun fi prezzijiet kurrenti – jenħtieġ li jiġu impenjati sal-2024, u li jintużaw sal-2026.

14.

Għalhekk, hemm tieqa ta’ opportunità relattivament żgħira li jenħtieġ li matulha l-Istati Membri jwasslu r-riżultati mistennija. Dan iżid ir-riskju li l-Istati Membri jew ma jużawx il-finanzjament, jew inkella jużawh mingħajr ma jiksbu t-tranżizzjoni meħtieġa.

Data mmirata għall-użu tal-fondi

dewmien fl-adozzjoni tal-proposti għall-QFP u l-RDK se jkompli jnaqqas il-ħin disponibbli

sfida għall-Istati Membri biex jużaw il-finanzjament b’mod effettiv fi ħdan id-data mmirata proposta

Ambitu tal-appoġġ

15.

Skont l-Artikolu 2 tal-proposta, jenħtieġ li l-JTF jikkontribwixxi biex “jippermetti lir-reġjuni u n-nies jindirizzaw l-impatti soċjali u ekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima”. Skont il-proposta, jenħtieġ li l-pjanijiet ta' tranżizzjoni ġusta jkunu konsistenti mal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima tal-Istati Membri: l-ilħuq tal-objettiv tal-JTF għalhekk jiddependi minn dawn tal-aħħar (5). L-interventi ta' politika jkunu jiddependu ħafna mill-għażliet li l-Istati Membri jagħmlu fil-pjanijiet ta' tranżizzjoni ġusta tagħhom u mill-approvazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawn il-pjanijiet. Aħna nemmnu li huwa kruċjali li l-pjanijiet ta' tranżizzjoni ġusta jinkludu impenji ċari biex jiġu appoġġati proġetti ta’ tranżizzjoni li jkunu allinjati tajjeb mal-objettivi klimatiċi tal-UE.

16.

L-attivitajiet eliġibbli taħt il-JTF propost jindirizzaw primarjament l-objettivi soċjali u ekonomiċi, u sa ċertu punt inqas dawk ambjentali: il-proposta tipprevedi investimenti fir-riġenerazzjoni u d-dekontaminazzjoni ta’ siti, restawr ta’ art u proġetti ta’ adattament (l-Artikolu 4(2(f)). F’konformità mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas (6), jenħtieġ li l-ispejjeż bħar-restawr jew id-dekontaminazzjoni tal-art jiġu mġarrba mill-oriġinatur.

17.

Ibbażat fuq il-Premessa 10 tal-proposta, jenħtieġ li l-attivitajiet sostenibbli li għandhom l-għan li jikkontribwixxu b’mod attiv għal ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima biss jiġu inklużi fil-pjanijiet ta' tranżizzjoni ġusta u jkunu eliġibbli għall-finanzjament, f’konformità mal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima. Biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-objettivi klimatiċi tal-UE, ikun utli jekk ir-regolament jeskludi b’mod espliċitu mill-ambitu tal-appoġġ l-attivitajiet li jwasslu għal żieda netta fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

18.

Jenħtieġ li l-attivitajiet eliġibbli jsegwu l-prinċipju ta' “la tagħmilx ħsara”, biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi mhux intenzjonati, b’mod partikolari fir-rigward tat-tibdil fil-klima. L-Artikolu 5(d) tal-proposta jeskludi speċifikament mill-ambitu tal-appoġġ tal-JTF l-investimenti relatati mal-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni, il-ħżin jew il-kombustjoni tal-fjuwils fossili. Hemm riskju li kwalunkwe investiment fil-fjuwils fossili (pereżempju, fil-gass naturali jew fiż-żejt) isir “assi mitlufa” (7).

19.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ijippermetti l-finanzjament ta’ investimenti produttivi f’intrapriżi li mhumiex SMEs f’ċerti oqsma, fejn ikunu “meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta”. Jekk dan ikun il-każ, jenħtieġ li l-pjanijiet jinkludu lista eżawrjenti ta’ tali intrapriżi u jenħtieġ li jiġġustifikaw il-ħtieġa li jagħtuhom appoġġ (l-Artikolu 7(2)(h)). Aħna nqisu li, fil-prattika, jenħtieġ li l-finanzjament għall-intrapriżi li mhumiex SMEs ikun eċċezzjoni, u marbut mal-aċċellerazzjoni fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2

Ambitu tal-appoġġ

bżonn ta’ impenji ċari lejn l-objettivi klimatiċi tal-UE fil-pjanijiet ta' tranżizzjoni ġusta

jenħtieġ li l-attivitajiet li jwasslu għal żieda netta fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra jiġu espliċitament esklużi mill-ambitu

Qafas tal-prestazzjoni

20.

Ir-Regolament dwar il-JTF jipproponi indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati, li fil-biċċa l-kbira huma allinjati mal-indikaturi komuni proposti għall-FEŻR u l-FSE+. Dan se jappoġġa l-aggregazzjoni u l-analiżi tad-data dwar il-prestazzjoni (8).

21.

Kif jidher fil-Figura 2, l-indikaturi tal-output huma relatati l-aktar mal-impatti ekonomiċi u soċjali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, aktar milli ma' dawk ambjentali. L-indikaturi komuni għall-JTF ma jirriflettux b’mod ċar l-objettiv ta’ tranżizzjoni lil hinn mis-setturi b’intensità qawwija ta’ karbonju.

Figura 2

Għadd ta’ indikaturi tal-output għall-JTF

Image 2

Sors:

il-QEA, ibbażat fuq l-Anness III tar-regolament propost dwar il-JTF.

22.

Il-proposta għal Regolament dwar il-JTF tippermetti korrezzjonijiet finanzjarji meta ma jintlaħqux mill-inqas 65 % tal-miri stabbiliti għall-indikaturi komuni. Billi l-korrezzjonijiet finanzjarji bbażati fuq il-miri tal-prestazzjoni għandhom il-potenzjal li jsaħħu l-obbligu ta’ rendikont għall-ksib tar-riżultati, aħna konna stedinna preċedentement lill-Kummissjoni u lil-leġiżlaturi biex iqisu li jikkjarifikaw il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji (pereżempju l-valutazzjoni tal-validità tal-miri stabbiliti; id-detezzjoni tan-nuqqas ta’ lħuq tal-miri; l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji) (9).

23.

Filwaqt li dawn il-korrezzjonijiet finanzjarji jkunu jintroduċu element ta’ kundizzjonalità fir-rigward tal-prestazzjoni, l-inċentiv jitnaqqas minħabba n-nuqqas kbir fil-prestazzjoni li ma jkun jiskatta l-ebda korrezzjoni – u minħabba l-fatt li l-indikaturi komuni ma jirriflettux b’mod ċar l-objettiv għal tranżizzjoni lil hinn mis-setturi b’intensità qawwija ta’ karbonju. F’oqsma ta’ politika oħra, aħna osservajna preċedentement li l-miri jistgħu ma jintlaħqux b’marġni konsiderevoli u jkollhom impatt żgħir fuq il-finanzjament li jingħata mill-UE (10). Ikun aħjar jekk jintuża mudell ta’ implimentazzjoni li jorbot l-iżborż tal-fondi mal-ilħuq tal-objettivi. Dan l-approċċ jista’ jiġi kkombinat ma’ rekwiżit ta’ rimborż tal-finanzjament jekk l-impenji stabbiliti fil-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta ma jinżammux matul perjodu speċifiku.

Qafas tal-prestazzjoni

l-indikaturi komuni ma jirriflettux b’mod ċar l-objettiv ta’ tranżizzjoni lil hinn mis-setturi b’intensità qawwija ta’ karbonju

il-korrezzjonijiet finanzjarji marbuta mal-ilħuq tal-miri: potenzjal biex jissaħħaħ l-obbligu ta’ rendikont għall-ksib tar-riżultati, iżda jkun aħjar jekk jintuża mudell ta’ implimentazzjoni li jorbot l-iżborż tal-fondi mal-ilħuq tal-objettivi

Metodu ta’ allokazzjoni

24.

L-Anness I tar-regolament propost dwar il-JTF jipproponi metodu ta’ allokazzjoni għar-riżorsi tal-JTF f’pakketti finanzjarji għall-Istati Membri, limitati għal EUR 8 biljun (bi prezzijiet tal-2018) – ara l-Figura 3. Il-Kummissjoni infurmatna li ffaċċjat l-isfida li tidentifika d-data affidabbli disponibbli fil-livell reġjonali u territorjali, u għalhekk iddeċidiet li tibbaża l-allokazzjoni fuq ir-reġjuni ta' livell NUTS 2, filwaqt li l-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta huma bbażati fuq livell aktar granulari – ir-reġjuni ta' livell NUTS 3.

Figura 3

Kriterji għall-allokazzjoni tar-riżorsi tal-JTF

Image 3

Sors:

il-QEA, ibbażat fuq l-Anness I tar-regolament propost dwar il-JTF.

25.

Il-metodu ta’ allokazzjoni jqis sett ta’ kundizzjonijiet preeżistenti għall-Istati Membri, iżda l-kundizzjonalità fir-rigward tal-prestazzjoni hija dgħajfa. Għalhekk, żewġ Stati Membri bi ħtiġijiet ta' tranżizzjoni simili – kif ikkwantifikati mill-metodu ta' allokazzjoni propost – ipotetikament kieku jirċievu livell ta’ finanzjament li jkun simili, għalkemm Stat Membru wieħed jista’ jieħu l-impenn li – u jirnexxilu – jagħlaq l-operazzjonijiet b’intensità qawwija ta’ karbonju, filwaqt li l-ieħor jista’ jnaqqashom, anke temporanjament, Il-metodu ta' allokazzjoni propost, filwaqt li għandu fil-mira r-reġjuni affettwati, jipprovdi inċentivi dgħajfa għall-bidla profonda, sinifikanti u strutturali meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE.

Metodu ta’ allokazzjoni

l-ebda rabta mal-livell ta’ ambizzjoni klimatika tal-Istati Membri

inċentivi dgħajfa għal bidla strutturali sinifikanti

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tal-20 ta’ Lulju 2020.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

Il-President


(1)  It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 322(1)(a).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3).

(3)  Ara r-Rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent Nru 14/2018: Trends and projections in the EU ETS in 2018, The EU Emissions Trading System in numbers, il-Figura 2.12.

(4)  Ara wkoll l-Osservazzjonijiet tal-QEA fil-qosor dwar il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss tal-14 ta’ Frar 2019, u r-Rapport Analitiku Nru 2/2020 li jmiss dwar It-tfassil tal-liġijiet fl-Unjoni Ewropea wara kważi 20 sena ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, il-paragrafu 9.

(5)  L-Opinjoni Nru 2/2020 dwar il-proposta emendata tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 2020 għall-RDK, COM(2020) 23 final, il-paragrafu 7.

(6)  Ara d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

(7)  Ara r-Rapport Analitiku Nru 1/2017: Azzjoni tal-UE f'dak li jirrigwarda l-enerġija u t-tibdil fil-klima (Analiżi Panoramika), il-paragrafi 211 u 212.

(8)  L’ Opinjoni Nru 6/2018 rigward il-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2018 għall-RDK, COM(2018)375 final, il-paragrafu 59 u l-Opinjoni Nru 2/2020 dwar il-proposta emendata tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 2020 għall-RDK, COM(2020) 23 final, il-paragrafu 9.

(9)  L-Opinjoni Nru 2/2020 dwar il-proposta emendata tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 2020 għall-RDK, COM(2020) 23 final, il-paragrafi 11 u 12.

(10)  L-Opinjoni Nru 7/2018 rigward il-proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti relatati mal-Politika Agrikola Komuni għall-perjodu wara l-2020, il-paragrafu 8.


Top