Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019XX0529(02)

    Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — AT.40049 — MasterCard II (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2019/241

    ĠU C 185, 29.5.2019, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.5.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 185/8


    Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

    AT.40049 — MasterCard II

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2019/C 185/06)

    1.   

    Il-Każ AT.40049 jikkonċerna żewġ aspetti tas-sistema ta’ pagament bil-kard Mastercard (2). Ir-rapport attwali huwa magħmul b’rabta ma’ abbozz ta’ deċiżjoni (l-“Abbozz tad-Deċiżjoni”) li tikkonċerna wieħed minn dawn l-aspetti: ir-regoli li kienu japplikaw qabel dwar l-“akkwist transfruntier” f’dik is-sistema (3).

    2.   

    L-akkwist transfruntier iseħħ meta negozjant ikun jinsab f’pajjiż terz differenti mill-akkwirent tiegħu (4). Skont ir-regoli inkwistjoni, minbarra jekk akkwirent transfruntier li jinsab fi Stat Membru taż-ŻEE differenti minn dak tan-negozjant, kien preċedentement qabel dwar tariffa tal-interkambju mal-emittent, dan l-akkwirent transfruntier kien obbligat iħallas lill-emittent it-tariffa domestika ta’ interkambju multilaterali tal-inadempjenza (5) tal-pajjiż tan-negozjant.

    3.   

    L-Abbozz ta’ Deċiżjoni huwa indirizzat lil MasterCard Europe S.A., MasterCard Incorporated u MasterCard International Incorporated (flimkien, “MasterCard”).

    4.   

    Skont l-Abbozz ta’ Deċiżjoni, mis-27 ta’ Frar 2014 sat-8 ta’ Diċembru 2015 inklużiv, MasterCard kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE meta adottat deċiżjonijiet li jirregolaw it-tariffa multilaterali tal-interkambju fir-rigward tal-akkwist transfruntier fis-settur tal-pagamenti tal-kards fiż-ŻEE.

    5.   

    Fid-9 ta’ April 2013, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti fir-rigward ta’ MasterCard. Fid-9 ta’ Lulju 2015, hija adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet li tkopri ż-żewġ aspetti tal-Każ AT.40049.

    6.   

    Fl-24 ta’ Lulju u t-3 ta’ Awwissu 2015, MasterCard ingħatat aċċess għal dokumenti mhux kunfidenzjali fil-fajl tal-investigazzjoni. Wara talbiet minn MasterCard f’Awwissu 2015, id-DĠ Kompetizzjoni organizza, bil-kunsens tal-fornituri tal-informazzjoni kkonċernati, proċedura li tħejjiet f’kamra tad-data fejn konsulenti esterni speċifikati ta’ konsulenti MasterCard setgħu jaċċessaw, f’“kamra tad-data”, informazzjoni sensittiva miksuba fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, għalkemm f’forma anonimizzata fejn rilevanti.

    7.   

    MasterCard oġġezzjonat għal-livell ta’ omissjonijiet imposti minn DĠ Kompetizzjoni dwar l-abbozz ta’ rapport imħejji għall-attenzjoni ta’ MasterCard mill-konsulenti esterni tagħha fil-kamra tad-data. Fir-rigward ta’ subsett ta’ dawn l-omissjonijiet, applikati għal taqsima speċifika ta’ dak ir-rapport, MasterCard irreferiet l-oġġezzjonijiet tagħha lili f’konformità mal-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE. MasterCard fittxet ukoll differiment tal-iskadenza għat-tweġiba bil-miktub tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    8.   

    Fid-deċiżjoni tiegħi ta’ April 2016, jiena ma qbiltx mal-valutazzjoni ta’ DĠ Kompetizzjoni bħala kunfidenzjali tal-informazzjoni sigrieta f’dik it-taqsima. Jien stabbilejt ukoll skadenza riveduta għat-tweġiba bil-miktub ta’ MasterCard għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ġimagħtejn minn meta MasterCard tkun irċeviet verżjoni mhux sigrieta ta’ dak it-taqsima. It-tweġiba bil-miktub ta’ MasterCard tal-21 ta’ April 2016 irrispettat dik l-iskadenza riveduta.

    9.   

    Fit-22 ta’ April 2016, DĠ Kompetizzjoni pprovda lil MasterCard bl-aħħar parti ta’ passaġġi oħra tar-rapport imħejji fl-kamra tad-data li MasterCard ma kinitx irreferietli għal rieżami indipendenti u li DĠ Kompetizzjoni kien impenja ruħu li jirrilaxxa, jekk il-partijiet terzi rilevanti jagħtu l-kunsens.

    10.   

    Konsegwenza ta’ dan, fis-6 ta’ Mejju 2016 MasterCard ippreżentat verżjoni aġġornata tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet.

    11.   

    Jien aċċettajt tliet persuni interessati fil-proċedimenti, l-ewwel tnejn minnhom kienu jirrappreżentaw tliet entitajiet li jirrappreżentaw is-sistema ta’ pagament tal-Visa kard. Meta l-persuna terza interessata tiġi ammessa, jien spjegajt għaliex it-talba tagħha li tieħu sehem fi smigħ orali kienet waslet tard wisq sabiex ikolli aċċess għaliha.

    12.   

    MasterCard żviluppat l-argumenti tagħha fi smigħ orali li sar fil-31 ta’ Mejju 2016. Iż-żewġ partijiet terzi interessati li jirrappreżentaw is-sistema ta’ pagament tal-Visa kard ħadu sehem.

    13.   

    Fit-3 ta’ Diċembru 2018, MasterCard ippreżentat offerta formali ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Fost affarijiet oħra. F’din l-offerta, MasterCard irrikonoxxiet li hija kienet irċeviet id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, ingħatat aċċess sħiħ għall-fajl u ingħatat opportunità biżżejjed biex tagħti l-fehmiet tagħha lill-Kummissjoni.

    14.   

    B’mod ġenerali, inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali ġie rrispettat matul dawn il-proċedimenti.


    (1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

    (2)  F’sistema ta’ pagament “miftuħa” (jew “b’erba’ partijiet”) bħas-sistema ta’ Mastercard, il-partijiet involuti f’kull xirja magħmula minn kard tal-pagament huma, minbarra s-sid/il-liċenzjatur: (1) id-detentur tal-kard; (2) l-istituzzjoni finanzjarja li tkun ħarġet il-kard (magħrufa bħala l-“emittent”); (3) in-“negozjant”; u (4) l-istituzzjoni finanzjarja li tipprovdi n-negozjant b’servizzi li jippermettulu jaċċetta l-kard bħala mezz ta’ saldu tat-tranżazzjoni kkonċernata (magħrufa bħala l-“akkwirent”).

    (3)  Il-proċedimenti għadhom għaddejjin fir-rigward tal-aspett l-ieħor tal-Każ AT.40049, jiġifieri tariffi multilaterali tal-interkambju interreġjonali pagabbli mill-akkwirenti lill-emittenti bħala riżultat ta’ tranżazzjonijiet li jinvolvu negozjanti li jinsabu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) li huma saldati b’kards ta’ debitu jew ta’ kreditu tal-konsumatur tad-ditta Mastercard maħruġa barra miż-ŻEE.

    (4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 2 hawn fuq għal spjegazzjoni qasira tat-termini “negozjant” u “akkwirent” f’dan il-kuntest.

    (5)  It-tariffi multilaterali tal-interkambju huma somom li, fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet saldati permezz ta’ pagament tal-kard f’sistema bħal dik ta’ Mastercard, huma tipikament pagabbli lill-emittent mill-akkwirent inadempjenti f’arranġament alternattiv ta’ “skambju” magħmul b’mod bilaterali bejn l-emittent u l-akkwirent fir-rigward tat-tip ta’ kard u tranżazzjoni kkonċernata.


    Top