Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019XC1210(01)

    Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (jiġifieri mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina2019/C 414/08

    C/2019/8804

    ĠU C 414, 10.12.2019, p. 14–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 414/14


    Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (jiġifieri mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    (2019/C 414/08)

    Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (jiġifieri mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat” jew “ir-RPĊ”), il-Kummissjoni Ewropea rċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

    1.   Talba għal rieżami

    It-talba saret fl-10 ta’ Settembru 2019 mill-Federación Nacional de Asociaciones de Transformados Vegetales y Alimentos Procesados (“Fenaval” jew “l-applikant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw 100 % tal-produzzjoni kollha tal-Unjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (jiġifieri mandolin, eċċ.).

    Verżjoni miftuħa tat-talba u l-analiżi tal-grad ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.

    2.   Prodott taħt rieżami

    Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri mandolin ippreparat jew ippreżervat (inklużi tanġerini u satsumas), klementini, wilkings u ibridi taċ-ċitru oħrajn simili, li ma jkollhomx spirti miżjudin magħhom, sew jekk ikollhom iz-zokkor miżjud jew sustanzi tal-ħlewwa oħra, kif inhu attwalment definit fl-intestatura SA 2008, li attwalment huma klassifikati taħt il-kodiċijiet NM 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90 (il-kodiċijiet TARIC 2008309061, 2008309063, 2008309065, 2008309067 u 2008309069) u li joriġinaw mir-RPĊ (“il-prodott taħt rieżami”).

    3.   Miżuri eżistenti

    Il-miżuri li hemm fis-seħħ bħalissa huma dazju definittiv ta’ anti-dumping impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1313/2014 (3).

    4.   Raġunijiet għar-rieżami

    It-talba hija msejsa fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għat-tkomplija ta’ dumping u għat-tkomplija jew ir-rikorrenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni.

    4.1.    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà li d-dumping jitkompla

    Sabiex juri d-dumping, l-applikant iddikjara li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

    Biex jissostanza l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-applikant ibbaża fuq informazzjoni minn sorsi disponibbli pubblikament, jiġifieri dokumenti ta’ politika mill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u rapporti maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, id-Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Istati Uniti, l-OECD u korpi oħrajn, kif ukoll fuq ir-rapport tal-pajjiż (4) prodott mis-servizzi tal-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2017 li jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq fil-pajjiż ikkonċernat. B’mod partikolari, l-applikant sostna li l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt rieżami huma potenzjalment affettwati mid-distorsjonijiet fis-setturi Ċiniżi tal-agrikoltura, tal-azzar, tal-enerġija u tal-kimika.

    B’hekk, fir-rigward tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ tkomplija ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew punti ta’ riferiment bla distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Fuq dik il-bażi, il-marġnijiet ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

    Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li teżisti biżżejjed evidenza, skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li turi li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u dan jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

    Ir-rapport tal-pajjiż huwa disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni minn partijiet interessati u fis-sit web ta’ DĠ Kummerċ.

    4.2.   Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu

    L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li turi l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu.

    L-applikant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni żdiedu b’mod sinifikanti f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.

    L-applikant ipprovda wkoll evidenza li turi li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni probabbilment jiżdied minħabba l-kapaċità ta’ esportazzjoni tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni. Minbarra dan, fin-nuqqas ta’ miżuri, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi jkunu f’livell baxx biżżejjed biex jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. L-applikant finalment jallega li kull żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet bi prezzijiet soġġetti għal dumping mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx tikkawża aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni, jekk dawn il-miżuri jitħallew jiskadu.

    5.   Proċedura

    Wara li ġie ddeterminat, b’segwitu għal konsultazzjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza ta’ probabbiltà ta’ dumping u dannu biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

    Ir-rieżami tal-iskadenza se jiddetermina jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping tal-prodott taħt rieżami li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni.

    Kif diġà tħabbar, l-hekk imsejjaħ pakkett tal-Modernizzazzjoni tat-TDI (ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018) daħħal, fost affarijiet oħra, tibdiliet sinifikanti fl-iskeda ta’ żmien u l-iskadenzi applikabbli preċedentement fi proċedimenti anti-dumping. Il-limiti ta’ żmien biex il-partijiet interessati jimmanifestaw ruħhom, b’mod partikolari fl-istadju bikri tal-investigazzjonijiet, tqassru. L-iskeda ta’ żmien għal din l-investigazzjoni, kif stabbilita f’din in-Notifika, tinkludi struzzjonijiet speċifiċi għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni fi stadji varji tal-investigazzjoni u fl-organizzazzjoni ta’ seduti ta’ smigħ. L-estensjonijiet għall-iskadenzi se jsiru wkoll aktar stretti u t-talba għal estensjonijiet bħal dawn tiġi kkunsidrata biss jekk tkun motivata kif xieraq. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati jirrispettaw il-passi proċedurali u l-iskadenzi pprovduti f’din in-Notifika kif ukoll f’komunikazzjonijiet ulterjuri mill-Kummissjoni.

    5.1.    Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat

    L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2018 sat-30 ta’ Settembru 2019 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-istħarriġ tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2015 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

    5.2.    Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni

    Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) ipprovduti fit-talba fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6).

    5.3.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabilità ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping

    F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u li jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiż ikkonċernat hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni x’aktarx li jitkomplew jew jirrikorru jekk il-miżuri jiskadu.

    Għaldaqstant, il-produtturi kollha (7) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, irrispettivament minn jekk esportawx il-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni tul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami jew le, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat

    Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma hawnhekk mitluba biex jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness I ta’ din in-Notifika fi żmien sebat ijiem mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Il-Kummissjoni, sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fil-qafas ta’ żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk dawn humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-Kummissjoni żżid nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem mid-data tan-notifikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

    Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (8).

    Il-kwestjonarju se jkun disponibbli wkoll għal kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi, u għall-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

    Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi li kkooperaw iżda mhumiex inklużi fil-kampjun”).

    5.3.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat

    Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jwasslu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, permezz ta’ nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti li beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali fil-pajjiż ikkonċernat skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dan ikun ikopri s-sorsi kollha, inkluża l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq fejn ikun xieraq. Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom 10 ijiem mid-data li fiha dik in-nota tiddaħħal fil-fajl biex jippreżentaw kumment.

    Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, pajjiż terz rappreżentattiv possibbli għall-pajjiż ikkonċernat, f’dan il-każ, huwa t-Turkija. Bl-għan li finalment tagħżel pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħall-pajjiż ikkonċernat, li fihom isiru l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt rieżami u li fihom hemm data rilevanti disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż wieħed bħal dan, se tingħata preferenza, meta jkun il-każ, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

    Fir-rigward tas-sorsi rilevanti, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi kollha fil-pajjiż ikkonċernat sabiex jipprovdulha l-informazzjoni mitluba fl-Anness III ta’ din in-Notifika fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Barra minn hekk, kull preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-ispejjeż u l-prezzijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku trid issir fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Tali informazzjoni fattwali jenħtieġ li tittieħed esklużivament minn sorsi disponibbli għall-pubbliku.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li għandha bżonn għall-investigazzjoni fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tibgħat ukoll kwestjonarju lill-gvern tal-pajjiż ikkonċernat.

    5.3.3.    Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (9) (10)

    Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

    Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness II għal din in-Notifika.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-importaturi mhux relatati magħrufa kollha u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa ta’ importaturi kollha dwar il-kumpaniji li jkunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.

    Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem mid-data tan-notifikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (11).

    5.4.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu

    Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza tal-Kummissjoni.

    5.4.1.   Investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-produtturi tal-Unjoni magħrufa, li jridu jippreżentaw il-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li mhumiex elenkati hawn fuq huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, preferibbilment bil-posta elettronika, minnufih u mhux iktar tard minn sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jippreżentaw lilhom infushom u jitolbu kwestjonarju.

    Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (12).

    5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

    Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, il-fornituri tal-frott taċ-ċitru (jiġifieri l-mandolin, eċċ.), it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interessi tal-Unjoni. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

    L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ħieles jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.

    Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-fornituri tal-frott taċ-ċitru, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (13). Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

    5.6.    Partijiet interessati

    Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, il-fornituri tal-frott taċ-ċitru (jiġifieri l-mandolin, eċċ.), it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

    Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-fornituri tal-frott taċ-ċitru (jiġifieri l-mandolin eċċ.), il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni b’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3, 5,4 u 5.5 jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

    Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    L-aċċess għall-fajl li jista’ jiġi eżaminat mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna sabiex ikollok aċċess.

    5.7.    Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub

    Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    B’mod partikolari, il-kummenti mill-partijiet interessati rigward id-definizzjoni tal-prodott u l-ambitu tal-prodott iridu jsiru fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ bidu.

    5.8.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

    Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

    5.9.    Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

    L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Limited” (14) (Ristretti). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

    Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Limited” (Ristretta) huma mitluba jfasslu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew fuq DVD bl-idejn jew permezz tal-posta rreġistrata. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Uffiċċju: CHAR 04/039

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi

    Indirizzi elettroniċi:

    Għal kwistjonijiet relatati mad-dumping:

    TRADE-CITRUSFRUITS-DUMPING@ec.europa.eu

    Għal kwistjonijiet relatati mad-danni:

    TRADE-CITRUSFRUITS-INJURY@ec.europa.eu

    6.   Skeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.

    7.   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

    Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.

    Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.

    8.   Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

    Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

    Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien ħamest ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti mressqa minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata mill-iskadenza għall-kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-qafas ta’ żmien deskritt huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

    9.   Estensjoni tal-iskadenzi speċifikati f’din in-Notifika

    L-estensjonijiet tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jistgħu jingħataw fuq talba min-naħa tal-partijiet interessati li jkollhom raġuni valida.

    L-estensjonijiet għall-iskadenza biex tingħata risposta għall-kwestjonarji u għal limiti oħra ta’ żmien kif speċifikat f’din in-Notifika jew kif b’xi mod ieħor ipprovdut f’komunikazzjonijiet speċifiċi ma’ partijiet interessati jkunu limitati għal massimu ta’ tlett ijiem addizzjonali. Tali estensjoni tista’ tittawwal sa massimu ta’ sebat ijiem jekk il-parti rikjedenti tagħti prova dwar l-eżistenza ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali.

    10.   Nonkooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nonkooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata jenħtieġ li tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.

    11.   Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

    L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

    Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati jenħtieġ li jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

    Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

    12.   Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

    Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jiġu revokati jew jinżammu f’konformità mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

    Jekk xi parti interessata tqis li jkun ġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

    Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

    13.   Proċessar ta’ data personali

    Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

    Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/


    (1)  ĠU C 104, 19.3.2019, p. 10.

    (2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1313/2014 tal-10 ta’ Diċembru 2014 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreservat (jiġifieri mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, ĠU L 354, 11.12.2014, p. 17.

    (4)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 20.12.2017, SWD (2017) 483 final/2, disponibbli hawnhekk: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf. Dokumenti msemmija fir-rapport tal-pajjiż jistgħu jinkisbu wkoll fuq talba raġunata kif xieraq.

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

    (6)  Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    (7)  Produttur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.

    (8)  http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2425.

    (9)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu bħala relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

    (10)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti milli biex jiġi stabbilit id-dumping.

    (11)  http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2425.

    (12)  http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2425.

    (13)  http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2425.

    (14)  Dokument “Limited” (Ristrett) huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (15)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ANNESS I

    Image 1 Image 2 Image 3


    ANNESS II

    Image 4 Image 5


    ANNESS III

    Image 6 Image 7


    Top