Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019XC1112(02)

    Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill2019/C 384/09

    C/2019/8022

    ĠU C 384, 12.11.2019, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 384/16


    Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (2019/C 384/09)

    Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

    L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ din l-emenda minuri tista’ tiġi kkonsultata fil-bażi tad-data DOOR tal-Kummissjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    MEL DOS AÇORE S”

    Nru tal-UE: PDO-PT-0268-AM01 — 2.1.2019

    DOP (X) IĠP ( )

    1.   Isem/ismijiet

    “MEL DOS AÇORES”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz

    Il-Portugall

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.4. Prodotti oħrajn li joriġinaw mill-annimali (bajd, għasel, diversi prodotti mill-ħalib għajr butir, eċċ.)

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    “Mel dos Açores” huwa għasel tan-nektar prodott fl-arċipelagu tal-Azores f’konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott rilevanti.

    “Mel dos Açores” jista’ jiġi kklassifikat bħala għasel tal-pittisporu (mel de incenso) jew għasel multiflorali (mel multiflora). L-għasel tal-pittisporu jsir minn nektar miġbur min-naħal mill-fjuri tal-Pittosporum undulatum. L-għasel multiflorali jsir minn taħlita ta’ nektars ta’ varjetà ta’ speċi ta’ fjuri differenti.

    Il-karatteristiċi speċifiċi tal-“Mel dos Açores” huma dawn li ġejjin:

    ilma: mhux iżjed minn 18 %.

    kontenut ta’ sukrożju: mhux iktar minn 10 %; għall-għasel tal-pittisporu mhux aktar minn 15 %

    attività dijastika (skala Schade): mill-inqas 3.

    L-għasel tal-pittisporu għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

    huwa magħmul minn nektar miġbur prinċipalment mill-Pittosporum undulatum Vent., li jwarrdu minn Frar sa April. Dan il-perjodu meta joħorġu l-fjuri jista’ jvarja.

    Għandu livell baxx ta’ aċidità u konduttività elettrika, attività dijastika baxxa ħafna u valuri ogħla ta’ sukrożju.

    lewn: ċar ħafna (kultant kważi bla kulur) għal ambra ħafifa, sa 50 fuq l-iskala Pfund.

    riħa: delikata u tfuħ.

    togħma: ħelwa ħafna b’togħma partikolari.

    il-karatteristika ewlenija li tiddefinixxi dan l-għasel hija l-komponent tat-trab tad-dakra, fejn it-trab tad-dakra tal-Pittosporum undulatum Vent. irid jammonta għal aktar minn 30 %. Normalment, dan jinstab flimkien ma’ ammonti iżgħar ta’ trab tad-dakra tal-Eucalyptus spp. u ta’ speċi oħrajn.

    L-għasel multiflorali għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

    huwa magħmul min-nektar ta’ varjetà ta’ speċi differenti: Pittosporum undulatum Vent., Eucalyptus spp., Metrosideros excelsa Gaertner, Acacia spp., Trifolium spp., Castanea sativa Mill., Rubus spp., eċċ.

    lewn: ivarja minn ambra ħafifa għal ambra skura, sa 114 fuq l-iskala Pfund.

    togħma: rikka u tfuħ, li tixhed il-flora varjata li minnha huwa magħmul.

    3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    Wara l-ġbir, irid jitħalla biżżejjed għasel fid-doqqajs biex in-naħal jirnexxilhom jgħixu minkejja l-kundizzjonijiet tat-temp.

    Mhuwiex permess għalf artifiċjali tal-kolonji tan-naħal li jipproduċu d-DOP “Mel dos Açores” f’forma sistematika jew fuq skala kbira. Issir eċċezzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ darba fejn ikun hemm nuqqas ta’ ikel jew biex tistimula t-tkabbir tal-popolazzjoni, meta dawk li jrabbu n-naħal jistgħu jitimgħuhom dan li ġej:

    ġulepp: żewġ partijiet għasel jew zokkor muscovado ma’ parti waħda ta’ ilma;

    l-għalf artifiċjali jingħata dejjem fin-nuqqas ta’ żidiet fix-xehda artifiċjali fejn in-naħal jiddepożitaw l-għasel (honey supers) u jieqaf ġimgħa qabel ma dawn jiġu stabbiliti. In-naħal irid ikun f’kundizzjoni ta’ saħħa perfetta.

    3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Il-produzzjoni tal-għasel.

    3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    “Mel dos Açores” jista’ jinbiegħ biss ipakkjat u tikkettat.

    “Mel dos Açores” ma jrid ikollu l-ebda materja organika jew inorganika barranija, u ma jrid juri l-ebda sinjal li beda jiffermenta jew ifexfex u l-ebda sinjal li ssaħħan.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    Fuq l-ippakkjar irid jidher dan li ġej:

    isem il-prodott: “MEL DOS AÇORES – DOP” [“MEL DOS AÇORES – DOP”] jew “MEL DOS AÇORES – DENOMINAÇÃO DE ORIGEM PROTEGIDA” [“MEL DOS AÇORES – DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA”];

    tip ta’ għasel: tal-pittisporu jew multiflorali;

    il-marka taċ-ċertifikazzjoni tal-korp tal-ispezzjoni.

    It-tikketta ma jrid ikollha l-ebda informazzjoni li tista’ tissuġġerixxi li l-għasel huwa xi ħaġa oħra għajr l-għasel tal-pittisporu jew għasel multiflorali.

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    L-arċipelagu tal-Azores

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu, l-arċipelagu tal-Azores għandu klima oċeanika moderata, b’varjazzjonijiet żgħar fit-temperatura u umdità relattivament għolja. Għandu wkoll ħamrija tat-trab ġunġlieni, tat-trab ġunġlieni ramli u tat-trab ġunġlieni tafli, rikka fil-materja organika u l-potassju.

    Dawn il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima jiffavorixxu t-tkabbir spontanju tal- Pittosporum undulatum madwar l-arċipelagu, b’mod speċjali f’żoni b’altitudni baxxa sa medja, fuq l-għoljiet u f’art mhux kultivata, u f’żoni densi tal-foresti, fil-widien u fejn ikun hemm ilqugħ kontra r-riħ. Jiffavorixxu wkoll il-preżenza ta’ flora mellifera rikka u varjata f’kull gżira, b’mod speċjali f’żoni b’altitudni baxxa sa medja. Dawn l-ispeċi, li huma attraenti ħafna għad-dakkara, jinkludu b’mod speċjali l-ewkaliptu, il-pohutukawa, il-qastan, ix-xnien u l-għollieq.

    Din il-flora tagħti lill-“Mel dos Açores” il-karatteristiċi speċifiċi deskritti fil-punt 3.2.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

    https://tradicional.dgadr.gov.pt/images/prod_imagens/mel/docs/CE_MEL_ACORES_jul_2019.pdf


    (1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.


    Top