Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0556

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt dwar l-Implimentazzjoni (“KKI”), imwaqqaf f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali, b’rabta mal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni

    COM/2019/556 final

    Brussell, 31.10.2019

    COM(2019) 556 final

    ANNESS

    ta'

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt dwar l-Implimentazzjoni (“KKI”), imwaqqaf f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali, b’rabta mal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni


    ANNESS

    REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT TA’ IMPLIMENTAZZJONI

    fi ħdan il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali (“il-Ftehim”)

    Artikolu 1

    Kompożizzjoni u Presidenza

    1. Il-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni (“KKI”) huwa magħmul kif previst fl-Artikolu 18 tal-Ftehim.

    2. Il-KKI għandu jkun presedut b’mod konġunt mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam f’isem l-Unjoni Ewropea, u mill-Viċi Ministru tal-Ministeru tal-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali f’isem ir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (“il-Partijiet”).

    Artikolu 2

    Rappreżentanza

    Qabel kull laqgħa tal-KKI, kull parti għandha tgħarraf lill-oħra bil-kompożizzjoni tad-Delegazzjoni li beħsiebha tibgħat.

    Artikolu 3

    Osservaturi u Esperti

    Il-presidenti tal-KKI, bi qbil mal-Partijiet, jistgħu jistiednu esperti u osservaturi biex jattendu l-laqgħat tagħhom bil-għan li jipprevedu informazzjoni dwar soġġetti speċifiċi, kif ukoll biex ikunu ta’ siwi billi jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    Artikolu 4

    Gruppi ta’ Ħidma u Korpi Sussidjarji

    Il-Partijiet għall-KKI jistgħu, bi ftehim reċiproku, iwaqqfu gruppi ta’ ħidma jew korpi oħra sussidjarji, inkluż:

    (i) Laqgħat Konġunti Esperti biex jirfdu l-ħidma tal-KKI fuq il-livell tekniku, u biex jesploraw kwistjonijiet tekniki kif ikun xieraq;

    (ii) Kull korp ieħor kif il-KKI jsib opportun.

    Artikolu 5

    Segretarjat

    Uffiċjal tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, u Uffiċjal tal-Amministrazzjoni tal-Forestrija fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala Segretarjat tal-KKI, sabiex jipprevedu appoġġ amministrattiv lill-KKI u lill-korpi li jiddeċiedi li jistabbilixxi.

    Artikolu 6

    Korrispondenza

    1. Ir-rappreżentanti tal-Partijiet responabbli għall-komunikazzjonijiet uffiċjali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim għandhom ikunu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, u l-Viċi Ministru tal-Ministeru tal-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali tar-Repubblika Soċjalista tal-Vietnam kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Ftehim.

    2. Kull korrispondenza indirizzata lill-KKI għandha tintbagħat lis-Segretarjat tal-KKI.

    3. Is-Segretarjat għandu jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-KKI tintbagħat ukoll liż-żewġ Presidenti tal-KKI, u fejn xieraq, tiġi ċċirkulata lill-membri kollha l-oħra tal-KKI bħala dokumenti msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

    4. Il-korrispondenza minn President jew ieħor tal-KKI għandha tintbagħat lid-destinatarji mis-Segretarjat, u fejn xieraq, għandha tiġi ċċirkulata lill-membri kollha l-oħra tal-KKI bħala dokumenti msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

    Artikolu 7

    Laqgħat

    1. Il-KKI għandu jiltaqa’ minn tal-inqas darbtejn fis-sena matul l-ewwel sentejn, u darba fis-sena minn hemm ’il quddiem, f’data u b’aġenda miftiehma bil-quddiem mill-Partijiet.

    2. Parti tista’ ssejjaħ għal laqgħat addizzjonali kull meta ċ-ċirkustanzi jitolbu dan, jekk jaqblu l-Partijiet. Tali laqgħat addizzjonali jistgħu jsiru wiċċ imb wiċċ jew bil-vidjokonferenza, jekk jaqblu l-Partijiet.

    3. Il-laqgħat tal-KKI għandhom jissejħu mis-Segretarjat tal-KKI.

    Artikolu 8

    Aġenda tal-laqgħat

    1. Għandha titfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa tal-KKI mis-Segretarjat tal-KKI, abbażi tal-proposti magħmula mill-Partijiet. L-aġenda għandha tintbagħat lill-Presidenti u lill-membri tal-KKI sa mhux iktar tard minn ħmistax-il jum tax-xogħol (15) qabel il-bidu tal-laqgħa.

    2. Kull żieda jew bidla fl-aġenda għandha tasal għand is-Segretarjat mhux iktar tard minn għaxart ijiem tax-xogħol (10) qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm tali elementi mhux se jkunu inklużi fl-aġenda provviżorja sakemm id-dokumenti ta’ appoġġ rilevanti ma jkunux waslu għand is-Segretarjat mhux aktar tard minn għaxart ijiem tax-xogħol (10) qabel il-laqgħa.

    3. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-KKI fil-bidu ta’ kull laqgħa. Kwalunkwe element ieħor barra dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda, jekk il-Partijiet jaqblu.

    4. Bi ftehim mal-Partijiet, is-Segretarjat jista’ jqassar il-limiti ta’ żmien speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu ċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari.

    Artikolu 9

    Dokumenti

    Iż-żewġ Partijiet għandhom jibagħtu d-dokumenti rilevanti kollha lis-Segretarjat tal-anqas għaxart ijiem tax-xogħol (10) qabel il-laqgħa li jmiss tal-KKI. Fejn dokumenti mhux neċessarjament ikunu se jaffettwaw id-deliberazzjonijiet tal-KKI, id-dokumenti jistgħu jintbagħtu fi kwalunkwe mument qabel il-laqgħa li jmiss tal-KKI.

    Artikolu 10

    Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1. Fejn jingħata s-setgħa skont il-Ftehim, il-KKI għandu jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjoni bi ftehim reċiproku.

    2. Bejn laqgħa u oħra, il-KKI jista’, bi qbil taż-żewġ Partijiet, jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub. Proċedura bil-miktub tikkonsisti minn skambju ta’ noti bejn il-Partijiet. Il-Kopresidenti għandu jkollhom is-setgħa li jiskambjaw tali noti u li jikkonfermaw il-ftehim dwar kwalunkwe deċiżjoni, kif xieraq.

    3. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-KKI għandu jkollhom it-titlu “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament, u għandhom ikunu segwiti b’numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Kull deċiżjoni għandha tipprevedi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

    4. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-KII għandhom ikunu awtentikati mir-rappreżentant tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, kif ukoll mill-Ministeru tal-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali f’isem ir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam.

    5. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jintbagħtu lil kull wieħed mill-kopresidenti kif imsemmi fl-Artikolu 20 tal-Ftehim.

    Artikolu 11

    Il-minuti tal-laqgħa

    1. Iż-żewġ Partijiet għandhom jippreparaw b’mod konġunt il-Minuti tal-laqgħa meta tispiċċa kull laqgħa tal-KKI. Il-Minuti tal-laqgħa għandhom ikunu ffirmati u għandhom jiġu ppubblikati.

    2. Il-Minuti tal-laqgħa jistgħu jinkludu kwalunkwe stqarrija jew deċiżjoni li Parti jew oħra tkun talbet li tiġi inkluża.

    3. Il-Minuti tal-laqgħa għandhom ikunu bl-Ingliż u bil-Vjetnamiż.

    Artikolu 12

    Missjonijiet fuq il-post

    Jekk Parti jew oħra titlob li ssir missjoni konġunta fuq il-post marbuta mal-Ftehim, iż-żewġ Partijiet għandhom jaqblu fuq it-Termini ta’ Referenza u l-iskedar tal-missjoni.

    Artikolu 13

    Lingwi

    1. Il-lingwi ta’ ħidma tal-KKI għandhom ikunu l-Ingliż u l-Vjetnamiż.

    2. Il-KKI għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu u jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni u proposti mħejjija bl-Ingliż u bil-Vjetnamiż.

    Artikolu 14

    Spejjeż

    Kull Parti għandha tieħu ħsieb l-ispejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-KKI, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta’ sussistenza kif ukoll fir-rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

    Top

    Brussell, 31.10.2019

    COM(2019) 556 final

    2019/0244(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt dwar l-Implimentazzjoni (“KKI”), imwaqqaf f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali, b’rabta mal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt dwar l-Implimentazzjoni (“KKI”), imwaqqaf f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali, b’rabta mal-adozzjoni prevista tar-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali

    Il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jiżgura li l-importazzjonijiet kollha fl-Unjoni Ewropea, mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, tal-injam u tal-prodotti tal-injam koperti mill-Ftehim ikunu ġew prodotti b’mod legali. Dan se jinkiseb permezz tal-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ Sistema ta’ Garanzija tal-Legalità tal-Injam tal-Vjetnam (“VNTLAS”) sabiex tivverifika li l-injam u l-prodotti tal-injam huma prodotti b’mod legali, u sabiex tiżgura li jiġu esportati lejn l-Unjoni biss il-konsenji li huma vverifikati f’dak ir-rigward. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2019.

    2.2.Il-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni

    Il-KKI, previst fl-Artikolu 18 tal-Ftehim u deskritt aktar fid-dettall fl-Anness IX tal-Ftehim, iservi biex jiffaċilita l-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-rieżami ta’ dan il-Ftehim. Il-KKI għandu jiffaċilita d-djalogu u l-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-Partijiet għall-Ftehim. Il-KKI għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ konsensus. Il-KKI għandu jkun kopresedut mill-Viċi Ministru, il-Ministru tal-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam.

    2.3.L-att previst tal-KKI

    Fil-ġimgħa mill-11 tal-15 ta’ Novembru 2019, matul l-ewwel laqgħa tiegħu, il-KKI se jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (“l-att previst”).

    L-għan tal-att previst huwa li jirregola kif il-Partijiet għall-Ftehim se jikkooperaw fi ħdan il-KKI. L-att previst jiddeskrivi l-kompożizzjoni tal-KKI, il-possibbiltà li jitwaqqfu korpi sussidjarji taħt il-KKI, is-Segretarjat tiegħu, u kif għandhom jiġu organizzati l-laqgħat tal-KKI. L-att previst jipprevedi li l-KKI jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet permezz ta’ konsensus bi proċedura bil-miktub, li jikkonsisti fi skambju ta’ noti, kif mogħti s-setgħa skont il-Ftehim.

    3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

    L-att previst jipprevedi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-KKI mwaqqaf skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-KKI.

    Il-Partijiet għall-Ftehim qablu fuq l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura. Soġġett għall-proċeduri ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni, ir-Regoli ta’ Proċedura jenħtieġ li jiġu adottati fl-ewwel laqgħa tal-KKI, li hija skedata għal Novembru 2019.

    Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-KKI, mehmużin, jixbhu ħafna lil dawk adottati mill-Kumitati Konġunti ta’ Implimentazzjoni mwaqqfa minn Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarji oħra.

    L-adozzjoni ta’ dan id-dokument huwa essenzjali biex id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim isiru operattivi. B’mod iktar speċifiku, l-adozzjoni tiegħu tippermetti lill-KKI jimplimenta d-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 9 (nuqqas ta’ qbil jew diffikultajiet persistenti li jwasslu għal konsultazzjonijiet dwar il-liċenzji tal-FLEGT), 10 (ilmenti mill-Evalwatur Indipendenti nnotifikati lill-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni), 12 (in-notifika, l-ikkummissjonar ta’ valutazzjoni indipendenti tal-iskema tal-liċenzjar tal-FLEGT, u r-rakkomandazzjoni ta’ data li fiha l-liċenzjar tal-FLEGT jibda jopera bis-sħiħ), u 18 (it-twaqqif u l-funzjonament tal-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni) tal-Ftehim, kif ukoll l-Anness IX tal-Ftehim (il-Funzjonijiet tal-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni).

    4.Bażi ġuridika

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 1 .

    4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

    Il-KKI huwa korp imwaqqaf minn ftehim, speċifikament il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali.

    L-att li l-KKI huwa mitlub li jadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti legali, billi jirregola kif il-Partijiet għall-Ftehim għandhom jikkollaboraw fl-implimentazzjoni tal-Ftehim, inkluż fir-rigward tal-adozzjoni possibbli ta’ emendi għall-Annessi tiegħu.

    L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

    Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

    L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma marbutin, ġeneralment, mal-funzjonament tal-korpi internazzjonali mwaqqfa abbażi tal-Ftehim. Minn dan isegwi li l-qasam li fih taqa’ d-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-Ftehim sħiħ (il-Każ C-244/17, il-Kummissjoni v il-Kunsill (il-Każakistan), ECLI:EU:C:2018:662)). L-objettiv ta’ dan il-Ftehim huwa li jipprevedi qafas ġuridiku mmirat li jiżgura li l-importazzjonijiet kollha fl-Unjoni Ewropea, mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, tal-injam u tal-prodotti tal-injam koperti mill-Ftehim, ikunu ġew prodotti b’mod legali. Il-komponent ewlieni tal-Ftehim huwa l-politika kummerċjali komuni.

    Għalhekk, il-bażijiet ġuridiċi sostantivi għad-deċiżjoni proposta huma l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

    4.3.Konklużjoni

    Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    2019/0244 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt dwar l-Implimentazzjoni (“KKI”), imwaqqaf f’konformità mal-Artikolu 18 tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali, b’rabta mal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/854 tal-15 ta’ April 2019 2 , u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2019.

    (2)F’konformità mal-Artikolu 18(3) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni (“KKI”) tal-Ftehim jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    (3)Il-KKI se jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu matul il-laqgħa tiegħu tat-13 ta’ Novembru 2019.

    (4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-KKI, għax ir-Regoli ta’ Proċedura se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

    (5)Jenħtieġ li l-KKI jadotta, fl-ewwel laqgħa tiegħu, ir-regoli ta’ proċedura mehmużin ma’ din id-Deċiżjoni, sabiex tiġi żgurata kollaborazzjoni bla xkiel u trasparenti bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam sa mill-bidu nett fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, u eventwalment fir-rigward tal-iskema ta’ Infurzar tal-Liġi, Governanza u Kummerċ fis-Settur Forestali,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-KKI għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tar-regoli ta’ proċedura tal-KKI mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    2.Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet żgħar għall-abbozz tar-regoli ta’ proċedura mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni, fid-dawl ta’ żviluppi fil-Konferenza tal-Partijiet li ġejja, mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri waqt il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja v Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
    Top