Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0354

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar qafas ta’ governanza għall-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro

    COM/2019/354 final

    Brussell, 24.7.2019

    COM(2019) 354 final

    2019/0161(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar qafas ta’ governanza għall-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Meta l-kriżi globali laqtet lill-Unjoni u liż-żona tal-euro għaxar snin ilu, l-Unjoni kellha tħabbat wiċċha ma’ deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħha. Kriżi finanzjarja malajr saret kriżi ekonomika u ta’ dejn sovran fiż-żona tal-euro. B’rispons, ittieħdet azzjoni biex jiġu ppreservati l-istabbiltà u l-integrità taż-żona tal-euro. Minn dak iż-żmien ’l hawn dawn il-passi ġew ikkomplementati u msaħħa minn bosta inizjattivi biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet fl-arkitettura taż-żona tal-munita unika f’terminu ta’ żmien itwal. Filwaqt li sar titjib sinifikanti, konformi mar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015 u fid-Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-31 ta’ Mejju 2017, għad fadal xi lakuni sinifikanti. Waħda mil-lezzjonijiet li tatna l-kriżi hija li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jenħtieġ li jkomplu jsaħħu r-reżiljenza tal-ekonomiji tagħhom, permezz ta’ riformi strutturali u investiment iffukati, sabiex titrawwem il-konverġenza u l-kompetittività taż-żona tal-euro kollha kemm hi.

    F’dan l-isfond, fis-Summit tal-Euro tal-14 ta’ Diċembru 2018 (li sar fil-format inklużiv ta’ 27), il-Mexxejja tal-Unjoni taw il-mandat lill-Grupp tal-Euro biex jaħdem fuq għadd ta’ kwistjonijiet biex jikkontribwixxi għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u b’mod partikolari fuq it-tifsila, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni u t-twaqqit ta’ strument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro u tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (ERM II) fuq bażi volontarja. L-istrument se jkun parti mill-baġit tal-Unjoni u se jkun adottat fuq il-bażi tal-proposta leġislattiva rilevanti tal-Kummissjoni li tiġi emendata jekk meħtieġ. Is-Summit tal-Euro indika wkoll li jenħtieġ li l-istrument ikun soġġett għal kriterji u gwida strateġika mill-Istati Membri taż-żona tal-euro. Hi u tieħu rendikont erba’ snin wara r-Rapport tal-Ħames Presidenti, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tat-12 ta’ Ġunju 2019 1 indikat it-triq ’il quddiem għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Hija saħqet b’mod partikolari li strument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività jikkontribwixxi għar-reżiljenza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja billi jappoġġa pakketti koerenti ta’ riforma u investiment immirati biex jindirizzaw l-isfidi għall-kompetittività u l-konverġenza tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni indikat ukoll li kienet lesta li tipproponi Regolament ġdid fuq il-bażi tal-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-qafas ta’ governanza ta’ tali strument, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-prerogattivi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-baġit u l-implimentazzjoni tal-programm. Fl-14 ta’ Ġunju 2019, il-Grupp tal-Euro qabel dwar Dokument rigward l-elementi ewlenin tal-istrument baġitarju futur għall-konverġenza u l-kompetittività tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u għall-Istati Membri li jieħdu sehem fl-ERM II fuq bażi volontarja 2 . Il-Mexxejja, fis-Summit tal-Euro tal-21 ta’ Ġunju 2019, laqgħu l-ftehim u saħqu dwar il-ħtieġa li ssir ħidma fuq il-kwistjonijiet pendenti kollha bil-ħsieb li tiġi żgurata l-awtonomija tad-deċiżjoni mill-Istati Membri taż-żona tal-euro 3 .

    Għal dak il-għan, ir-Regolament propost jistabbilixxi qafas ta’ governanza għal strument baġitarju ġdid għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro. L-istrument se jkun inkluż fil-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi 4 . Il-qafas ta’ governanza se jipprovdi gwida għall-politika ekonomika għar-riformi u l-investiment li se jiġu appoġġati mill-istrument baġitarju l-ġdid f’konformita mal-qafas ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika ġenerali tal-Unjoni.

    Bħala parti mill-Programm ta' Appoġġ għal Riformi, l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għandu l-għan li jippromwovi l-koeżjoni fi ħdan l-Unjoni billi jipprovdi lill-Istati Membri taż-żona tal-euro b’appoġġ finanzjarju għar-riformi u l-investiment, kif stabbilit f’pakketti koerenti. Ir-Regolament propost għandu l-intenzjoni li jorganizza l-aspett ta’ governanza ta’ dak l-istrument baġitarju u jrid jinqara flimkien mal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi.

    F’dan il-kuntest, il-Kunsill, fejn ikollhom dritt jivvutaw biss l-Istati Membri taż-żona tal-euro, ikun fdat fil-kompiti fir-rigward ta’: (i) l-istrateġija u s-sorveljanza globali fir-rigward tar-riformi u l-investiment fiż-żona tal-euro; u (ii) gwida speċifika għall-pajjiżi b’relazzjoni mal-objettivi tar-riformi u l-investiment li jkunu se jiġu appoġġati mill-istrument baġitarju. B’mod partikolari, ir-Regolament propost jipprevedi li l-Kunsill (wara diskussjonijiet fil-Grupp tal-Euro) jistabbilixxi ta’ kull sena orjentazzjonijiet strateġiċi dwar ir-riformi u l-prijoritajiet tal-investiment għaż-żona tal-euro kollha kemm hi, bħala parti mir-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (minn hawn ’il quddiem ir-rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro). Meta jkun qed jistabbilixxi l-orjentazzjonijiet strateġiċi, il-Kunsill jista’ jitlob il-fehmiet tas-Summit tal-Euro. Wara dan, il-Kunsill jadotta Rakkomandazzjoni bi gwida speċifika għall-pajjiżi indirizzata għall-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro dwar l-objettivi tar-riformi u l-investiment li għandhom jiġu appoġġati skont l-istrument baġitarju. Taħt l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività, l-Istati Membri taż-żona tal-euro jistgħu jiddeċiedu li jissottomettu proposti għall-pakketti tar-riforma u l-investiment; kemm l-orjentazzjonijiet strateġiċi u l-gwida speċifika għall-pajjiżi se jkollhom jitqiesu mill-Istati Membri taż-żona tal-euro meta jippreżentaw pakketti koerenti ta’ riformi u investiment taħt l-istrument baġitarju. Fir-rigward ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, li jieħdu sehem fl-ERM II, u li huma lesti li jieħdu sehem fl-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività fuq bażi volontarja, jenħtieġ li jiġu żviluppati arranġamenti xierqa b’mod konsistenti mal-qafas previst f’dan ir-Regolament.

    Il-qafas ta’ governanza propost għall-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro jirrispondi għall-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro u l-ħtieġa li jitrawmu r-riformi u l-investiment li jindirizzaw l-isfidi taż-żona tal-euro kollha kemm hi u li jikkontribwixxu għall-konverġenza ekonomika u soċjali tagħha.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-qafas ta’ governanza għall-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività se jkun konsistenti mal-proċess stabbilt sew tas-Semestru Ewropew ta’ sorveljanza u koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-Unjoni. L-implimentazzjoni tal-qafas ta’ governanza stabbilit f'dan ir-Regolament se tkun allinjata wkoll mal-iskeda ta’ żmien tas-Semestru Ewropew.

    L-orjentazzjonijiet strateġiċi annwali se jiġu adottati mill-Kunsill bħala parti integrali mir-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, li tiġi approvata mill-Kunsill Ewropew qabel jadottaha l-Kunsill. Bħala input għall-orjentazzjonijiet strateġiċi, il-Kummissjoni se tinforma lill-Kunsill dwar kif ikunu ġew segwiti l-orjentazzjonijiet strateġiċi tul is-snin preċedenti, biex b’hekk tissaħħaħ il-konsistenza tal-gwida politika.

    Il-gwida speċifika għall-pajjiżi għall-Istati Membri fiż-żona tal-euro se tqis l-orjentazzjonijiet strateġiċi u se tkun kompletament konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi adottati b’mod parallel fis-Semestru Ewropew wara diskussjonijiet, fejn ikun xieraq, mal-kumitati bbażati fuq it-Trattat rilevanti. B’mod partikolari, il-gwida speċifika għall-pajjiżi se tindika għal liema objettivi partikolari ta’ riforma u investiment fost dawk li jkunu ġew identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi kull Stat Membru taż-żona tal-euro jista’ jkun irid jippreżenta proposti ta’ pakketti koerenti tar-riforma u l-investiment skont l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività. Il-gwida speċifika għall-Istati Membri kkonċernati għaldaqstant mhijiex se żżid mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi iżda minflok se tistabbilixxi l-prijoritajiet fosthom f’termini ta’ appoġġ taħt l-istrument baġitarju. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, din il-gwida speċifika għall-pajjiżi indirizzata lill-Istati Membri fiż-żona tal-euro kollha se tiġi adottata bħala Rakkomandazzjoni waħda. Fejn ikun rilevanti, il-gwida pprovduta skont ir-Regolament propost se tqis kif dovut kwalunkwe programm ta' aġġustament makroekonomiku li Stat Membru jkun soġġett għalih dak iż-żmien.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Ir-Regolament propost se jipprovdi l-qafas ta’ governanza li jorganizza l-gwida għall-politika ekonomika għall-pakketti ta’ riforma u investiment li għandhom jiġu ppreżentati skont l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro. Se jkun konsistenti wkoll mal-programmi proposti tal-Unjoni li huma rilevanti għall-investiment bħall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u InvestEU, u se jipprevedi l-komplementarjetà u s-sinerġiji magħhom.

    Ir-Regolament propost jibni fuq l-ideat ippreżentati fid-Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-31 ta’ Mejju 2017 5 , u huwa konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa: Nieħdu kont erba' snin wara r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-12 ta’ Ġunju 2019, li indikat it-triq ’il quddiem biex tiġi approfondita l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. L-istrument baġitarju huwa ppjanat li jkun parti mill-baġit tal-Unjoni, u d-daqs tiegħu se jkun determinat fil-kuntest tan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027. Ir-Regolament propost huwa wkoll koerenti mal-objettivi ta’ dak il-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

    Ir-Regolament propost mhuwiex se jaffettwa l-prerogattivi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-baġit u l-implimentazzjoni tal-programmi.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 136(1)(b) flimkien mal-Artikolu 121(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 136(1)(b) tat-TFUE jipprevedi li, sabiex ikun assigurat il-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill jista’, f’konformità mal-proċeduri rilevanti msemmija fl-Artikoli 121 u 126 TFUE, jadotta miżuri speċifiċi għal dawk l-Istati Membri fiż-żona tal-euro sabiex jiġu stabbiliti linji gwida ta’ politika ekonomika għalihom, filwaqt li jiġi żgurat li dawn il-linji gwida jkunu kompatibbli ma’ dawk adotatti għall-Unjoni kollha kemm hi u li jinżammu taħt sorveljanza.

    L-Artikolu 121(6) tat-TFUE jipprevedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jadottaw regoli dettaljati dwar il-proċedura ta’ sorveljanza multilaterali stipulata f’dik id-dispożizzjoni, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

    F’konformità mal-Artikolu 136(1)(b) tat-TFUE, ir-Regolament propost għandu l-għan li jistabbilixxi linji gwida ta’ politika ekonomika għall-Istati Membri taż-żona tal-euro billi jistabbilixxi dispożizzjonijiet għal qafas ta’ governanza għall-istrument baġitarju futur għall-konverġenza u l-kompetittività fi ħdan il-Programm ta' Appoġġ għal Riformi, li l-benefiċjarji tiegħu huma Stati Membri taż-żona tal-euro. Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 121(6) tat-TFUE tikkostitwixxi l-proċedura rilevanti għall-adozzjoni tar-Regolament propost, minħabba s-suġġett tal-proposta.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Ir-Regolament propost jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, minħabba li jieħu azzjonijiet biss li l-objettivi tagħhom ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri waħedhom (“it-test tal-insuffiċjenza nazzjonali”), u fejn l-intervent tal-Unjoni jista’ jikseb l-objettivi aħjar meta mqabbel mal-azzjonijiet tal-Istati Membri waħedhom (“it-test tal-effiċjenza komparattiva”).

    F’dak ir-rigward, il-gwida politika, bħal orjentazzjonijiet strateġiċi għaż-żona tal-euro kollha kemm hi, u l-istabbiliment ta’ objettivi individwali mmirati għar-riforma u l-investiment, li jistgħu wkoll irawmu l-konverġenza u l-kompetittività taż-żona tal-euro, huma tabilħaqq azzjonijiet li jistgħu jiġu fformulati u implimentati aħjar fil-livell tal-Unjoni milli fil-livell tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni qiegħda fl-aħjar pożizzjoni li tieħu l-inizjattiva, u l-Kunsill biex jiddeċiedi dwar tali kwistjonijiet f’konformità mar-rwol tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tiegħu minqux fit-Trattati.

    Barra minn hekk, it-tisħiħ tar-rwol tal-Membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri taż-żona tal-euro fir-rigward tal-qafas għall-governanza tal-istrument baġitarju futur għall-konverġenza u l-kompetittività se jżid ukoll is-sjieda kollettiva fiż-żona tal-euro tal-miżuri rilevanti ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika adottati skont dan ir-Regolament. Dan jirrifletti wkoll il-prinċipju tat-Trattati li l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika hija “kwistjoni ta’ interess komuni”.

    L-orjentazzjonijiet strateġiċi u l-gwida speċifika għall-pajjiżi li għandhom jiġu adottati taħt din il-proposta huma limitati għal li jipprovdu gwida lill-Istati Membri taż-żona tal-euro, filwaqt li l-għażla tar-riformi u l-investiment infushom tibqa’ f’idejn l-Istat Membru kkonċernat. B’riżultat, ir-Regolament propost ma jippreġudikax id-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi liema azzjoni huwa neċessarju jew opportun li tittieħed fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali; ir-Regolament propost jirrispetta l-prinċipju li l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investiment hija kompetenza nazzjonali u li l-Istati Membri huma responsabbli għaliha fil-livell xieraq tal-gvern.

    Proporzjonalità

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba li hija miżura xierqa biex jinkiseb l-objettiv li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza għall-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak il-qafas ta’ governanza, sa fejn ma setgħux jintużaw mezzi anqas restrittivi biex jistabbilixxu l-linji gwida ta’ politika ekonomika fir-rigward tal-prijoritajiet u l-objettivi tar-riforma u l-investiment tal-Istati Membri. L-orjentazzjonijiet strateġiċi u l-gwida speċifika għall-pajjiżi li għandhom jinħarġu taħt il-qafas ta’ governanza propost huma atti mingħajr saħħa vinkolanti u jillimitaw lilhom innifishom biex jiddeterminaw karatteristiki individwali tar-riformi u l-investiment, li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jistgħu, min-naħa tagħhom, skont id-diskrezzjoni individwali tagħhom, jiddeċiedu li jissottomettu bħala pakkett taħt l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività. Ir-Regolament propost, barra minn hekk, jistabbilixxi biss il-kontenut ġenerali, il-konsistenza u t-twaqqit ta’ tali orjentazzjonijiet strateġiċi u gwida speċifika għall-pajjiżi. Meta jitqiesu l-elementi tal-proposta, ir-Regolament propost huwa mezz proporzjonali biex jinkiseb l-għan tagħha, minħabba li juża biss miżuri li jmorru mal-objettivi tagħha.

    Għażla tal-istrument

    Il-qafas ta’ governanza propost tal-Unjoni ma jistax jinkiseb permezz ta’ direttivi jew permezz ta’ strumenti volontarji. Għaldaqstant, l-użu ta’ regolament huwa xieraq f’dan il-każ.

    3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

    Il-proposta tqis il-fehmiet espressi mill-Parlament Ewropew u mis-Summit tal-Euro.

    Il-Parlament Ewropew, fir-rapport li għamel fuq inizjattiva tiegħu stess, ippreżenta l-fehmiet tiegħu dwar pjan direzzjonali għall-kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro (ir-rapport Böge/Berès– 2015/2344(INI), tas-16 ta’ Frar 2017).

    Is-Summit tal-Euro ta’ Diċembru 2018 ta mandat lill-Grupp tal-Euro biex jaħdem fuq it-tifsila, il-modalitajiet tal-implimentazzjoni u t-twaqqit ta’ strument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro “fuq il-bażi tal-proposta rilevanti tal-Kummissjoni li għandha tiġi emendata jekk meħtieġ”, li komunament inftiehmet bħala l-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi ppreżentat mill-Kummissjoni f’Mejju 2018. B’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Euro ta’ Diċembru 2018 appellat biex l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompettitività jkun soġġett għal kriterji u gwida strateġika mill-Istati Membri taż-żona tal-euro.

    Il-Grupp tal-Euro tal-14 ta’ Ġunju 2019 qabel dwar Dokument dwar il-Kundizzjonijiet li jistipula l-karatteristiċi ġenerali tal-istrument baġitarju futur għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro, u li talab li jsiru l-arranġamenti biex il-qafas ta’ governanza għall-Istati Membri taż-żona tal-euro jiġi kkodifikat f’“att addizzjonali”. Barra minn hekk, is-Summit tal-Euro tal-21 ta’ Ġunju 2019 innota li “l-awtonomija ta’ deċiżjoni” tal-Istati Membri taż-żona tal-euro trid tiġi żgurata fil-qafas ta’ governanza ta’ dak l-istrument.

    F’dan ir-rigward, Regolament separat skont l-Artikolu 136 TFUE biss ikun jista’ jiggarantixxi l-awtonomija tal-qafas ta’ governanza, kif stipulat skont it-Trattat. L-ewwel nett, huwa biss Regolament separat skont l-Artikolu 136 TFUE li jista’ jistabbilixxi miżuri ta’ governanza ekonomika, li jispeċifikaw l-orjentazzjonijiet strateġiċi u l-objettivi għar-riformi u l-investiment tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, rilevanti taħt l-istrument baġitarju futur għall-konverġenza u l-kompetittività. It-tieni, huwa biss Regolament skont l-Artikolu 136 TFUE li jista’ jipprevedi mekkaniżmi għall-Istati Membri taż-żona tal-euro biex jiġi eżerċitat it-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

    Minbarra li tiżgura “l-awtonomija ta’ deċiżjoni” stipulata mis-Summit tal-Euro, proposta skont l-Artikolu 136 TFUE tikkodifika d-dimensjoni taż-żona tal-euro tal-governanza tal-istrument b’mod li jkun kompatibbli mal-prerogattivi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-baġit u l-implimentazzjoni tal-programm (fir-rigward tal-istrument baġitarju futur għall-konverġenza u l-kompetittività).

    ·Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Il-proposta mhijiex marbuta mal-eżerċizzju tal-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni u ma għandha l-ebda kost ta' konformità għall-intrapriżi żgħar u medji jew kwalunkwe parti konċernata oħra.

    ·Drittijiet fundamentali

    Il-proposta mhi se jkollha l-ebda effett dirett fuq ir-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, minħabba li r-Regolament kulma jagħmel huwa li jistabbilixxi qafas għall-governanza ekonomika. L-orjentazzjonijiet strateġiċi u l-miżuri tal-Kunsill (rakkomandazzjonijiet) adottati taħt ir-Regolament propost ma għandhom l-ebda saħħa vinkolanti u huma indirizzati lill-Istati Membri.

    4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT

    Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-Unjoni.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Ir-Regolament propost jistabbilixxi qafas ta’ governanza għall-istrument baġitarju ġdid għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro. F’dan il-kuntest, is-suġġett ġenerali u l-ambitu tar-Regolament propost huwa l-qafas tal-governanza għall-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għall-Istati Membri taż-żona tal-euro fi ħdan il-Programm ta' Appoġġ għal Riformi. L-ambitu tal-applikazzjoni tiegħu għalhekk jestendi għall-Istati Membri taż-żona tal-euro (l-Artikolu 1).

    Ir-Regolament propost jipprevedi żewġ tipi distinti ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill, kif jidher ċar fl-għanijiet tiegħu (l-Artikolu 3). Għaż-żona tal-euro kollha kemm hi, wara diskussjonijiet fi ħdan il-Grupp tal-Euro, il-Kunsill jista’ jadotta orjentazzjonijiet strateġiċi dwar ir-riformi u l-prijoritajiet ta’ investiment għaż-żona tal-euro; u, għall-Istati Membri individwali taż-żona tal-euro, il-Kunsill jista’ jifformula gwida speċifika għall-pajjiż li tistabbilixxi l-objettivi għar-riforma u l-investiment rilevanti skont l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività, li l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jkunu jridu jissottomettu lill-Kummissjoni taħt l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività. Il-gwida speċifika għall-pajjiżi se tkun konsistenti mal-orjentazzjonijiet strateġiċi għaż-żona tal-euro u mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi adottati taħt is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, wara diskussjonijiet, fejn ikun xieraq, mal-kumitati bbażati fuq it-Trattat rilevanti.

    Il-proposta tagħmel provvediment biex l-orjentazzjonijiet strateġiċi tal-prijoritajiet tar-riforma u l-investiment taż-żona tal-euro jiġu integrati fir-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro (l-Artikolu 4). Se tkun meħtieġa diskussjoni fil-Grupp tal-Euro qabel ma jiġu adottati orjentazzjonijiet strateġiċi mill-Kunsill bħala parti integrali mir-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni. Is-Summit tal-Euro jkun japprova wkoll l-approċċ fuq bażi annwali. Ir-Regolament propost jeħtieġ ukoll lill-Kummissjoni tinforma lill-Kunsill kif orjentazzjonijiet strateġiċi annwali preċedenti jkunu ġew segwiti, u dan se jippermetti lill-Kunsill li jirrifletti l-progress fl-implimentazzjoni tal-politiki fl-orjentazzjonijiet strateġiċi tas-sena ta’ wara.

    Il-qafas għall-governanza huwa rifless ukoll f’termini aktar speċifiċi fil-provvediment għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (l-Artikolu 5), li tagħti gwida speċifika għall-pajjiżi lill-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro. Il-gwida speċifika għall-pajjiżi jenħtieġ li tkun konsistenti mal-gwida fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-Istat Membru kkonċernat, jew inkella jenħtieġ li tqis kwalunkwe deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova programm ta' aġġustament makroekonomiku. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bi gwida speċifika għall-pajjiżi se tiġi adottata, b’maġġoranza kwalifikata, abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni. L-orjentazzjonijiet strateġiċi (l-Artikolu 4) kif ukoll il-gwida speċifika għall-pajjiżi jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri taħt l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività. It-tnejn se jservu bħala bażi għall-Istati Membri għall-proposti possibbli tagħhom ta’ pakketti ta’ riforma u investiment koerenti taħt l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività. Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-għażla tal-Istat Membru li jieħu sehem u jippreżenta pakketti eliġibbli ta’ riforma u investiment biex jiġu appoġġati taħt l-istrument baġitarju.

    L-istrument baġitarju jista’ jistabbilixxi rata minima nazzjonali ta’ kofinanzjament bħala perċentwal tal-kost totali tar-riformi u l-investiment. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 6 jipprevedi li, abbażi ta’ valutazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill se jistabbilixxi liema Stati Membri huma kkunsidrati li qed jesperjenzaw tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku, għall-finijiet ta’ modulazzjoni tar-rata ta’ kofinanzjament nazzjonali fi ħdan l-istrument baġitarju futur għall-konverġenza u l-kompetittività. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 kif immodifikat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1056/2004 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2014 6 .

    Ir-Regolament propost jafferma mill-ġdid ir-regola tal-votazzjoni fl-Artikolu 136(2) tat-TFUE b’relazzjoni mal-orjentazzjonijiet strateġiċi u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill: huma biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri taż-żona tal-Euro li se jkunu intitolati jivvutaw (l-Artikolu 7).

    Sabiex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, u l-Kummissjoni, u biex jiġi żgurat li jkun hemm aktar trasparenza u akkontabilità, ir-Regolament propost jistipula l-parametri ta’ djalogu ekonomiku li jinvolvi l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, u l-Grupp tal-Euro (l-Artikolu 8). F’dak il-qafas, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ jospita djalogu ekonomiku u jistieden lill-President tal-Kunsill u lill-Grupp tal-Euro biex jiddiskutu miżuri adottati skont ir-Regolament.

    Sabiex tirrieżamina l-effettività tar-Regolament propost, il-Kummissjoni hija meħtieġa li kull erba’ snin, mill-2023, tippubblika u tittrażmetti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (l-Artikolu 9).

    2019/0161 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar qafas ta’ governanza għall-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1)(b) flimkien mal-Artikolu 121(6),

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali 7 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 8 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-Istati Membri hija kwistjoni ta’ interess komuni. L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom interess partikolari f’politiki ekonomiċi li jippromwovu l-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u responsabbiltà li jwettquhom, kif ukoll li jevitaw politiki li jipperikolawh fil-kuntest tal-linji gwida ġenerali fformulati mill-Kunsill.

    (2)Sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, jenħtieġ li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jieħdu miżuri biex isaħħu r-reżiljenza tal-ekonomiji tagħhom permezz ta’ riformi strutturali u investiment immirati. Is-Summit tal-Euro ta’ Diċembru 2018 ta l-mandat lill-Grupp tal-Euro biex jaħdem fuq it-tifsila, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni u t-twaqqit ta’ strument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro. Biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jwettqu riformi strutturali u investiment b’mod konsistenti, koerenti u kkoordinat tajjeb, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza biex jippermetti lill-Kunsill jipprovdi orjentazzjonijiet strateġiċi dwar il-prijoritajiet tar-riforma u l-investiment li għandhom jiġu adottati fiż-żona tal-euro mill-Istati Membri. Tali qafas isaħħaħ il-konverġenza u l-kompetittività taż-żona tal-euro. Jenħtieġ ukoll li l-Kunsill jipprovdi gwida speċifika għall-pajjiż dwar riformi u objettivi tal-investiment individwali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jistgħu jiġu appoġġati mill-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività. Minħabba li tali strument huwa speċifiku għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, jenħtieġ li jkunu biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lil dawk l-Istati Membri li jieħdu sehem f’votazzjonijiet skont dan ir-Regolament.

    (3)Fil-livell tal-Unjoni, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika huwa l-qafas biex jiġu identifikati l-prijoritajiet ta’ riforma nazzjonali tal-Istati Membri u għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawk il-prijoritajiet. Dan ir-Regolament jindirizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita koerenza bejn il-prijoritajiet tar-riforma u l-investiment għaż-żona tal-euro kollha kemm hi, u l-objettivi tar-riforma u l-investiment tal-Istati Membri individwali li l-munita tagħhom hija l-euro, u li tiġi żgurata l-konsistenza tagħhom mas-Semestru Ewropew.

    (4)Fuq bażi annwali, jenħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi orjentazzjonijiet strateġiċi dwar il-prijoritajiet tar-riforma u l-investiment għaż-żona tal-euro, bħala parti mir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. L-orjentazzjonijiet strateġiċi jenħtieġ li jiġu adottati mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, u wara li l-Grupp tal-Euro jkun iddiskuta l-prijoritajiet tar-riforma u l-investiment li jqis li huma rilevanti u xierqa biex jiġu inklużi fihom. Is-Summit tal-Euro annwali se jkollu r-rwol tiegħu.

    (5)Biex tiżgura li l-orjentazzjonijiet strateġiċi jirriflettu l-esperjenza li qed tevolvi tal-implimentazzjoni tal-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività, jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mar-rakkomandazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet strateġiċi, bħala parti mir-rakkomandazzjoni tagħha dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, tinforma lill-Kunsill dwar kif l-orjentazzjonijiet strateġiċi jkunu ġew segwiti tul is-snin preċedenti.

    (6)L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jiddeċiedu li jissottomettu proposti għal pakketti ta’ riforma u investiment taħt l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività. Għal dak il-għan, il-Kunsill se jadotta Rakkomandazzjoni li tipprovdi gwida speċifika għall-pajjiżi dwar l-objettivi tar-riformi u l-investiment li jistgħu jiġu appoġġati taħt l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Jenħtieġ li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tkun konsistenti mal-orjentazzjonijiet strateġiċi adottati skont dan ir-Regolament kif ukoll mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi adottati, b’mod parallel, skont is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, wara diskussjonijiet, fejn ikun xieraq, mal-kumitati bbażati fuq it-Trattat rilevanti. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha wkoll tqis kif dovut kwalunkwe programm ta’ aġġustament makroekonomiku approvat f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 .

    (7)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tipprovdi gwida speċifika għall-pajjiżi dwar l-għanijiet tar-riformi u l-investiment fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, adottata b’maġġoranza kwalifikata, jenħtieġ li tkun ibbażata fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Dan il-proċess jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għan-natura volontarja tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fl-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività, u mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu.

    (8)Fi ħdan il-qafas ta’ governanza stipulat f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi l-orjentazzjonijiet strateġiċi għaż-żona tal-euro kollha kemm hi u jipprovdi gwida speċifika għall-pajjiżi dwar l-għanijiet tal-pakketti ta’ riforma u investiment tal-Istati Membri individwali li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni skont l-Artikolu 317 tat-TFUE, li jinkludi l-ġestjoni tal-programmi ta’ nfiq. Jenħtieġ li r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività [fi ħdan il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi] skont ir-Regolament (UE) XXXX/XX ma jiġux affettwati.

    (9)Fuq il-bażi ta’ valutazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jistabbilixxi liema Stati Membri qed jesperjenzaw tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku għall-finijiet ta’ modulazzjoni tar-rati ta’ kofinanzjament nazzjonali previsti fir-Regolament (UE) XXXX/XX [ir-Regolament dwar il-Programm ta' Appoġġ għal Riformi], u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 kif emendat.

    (10)Sabiex jittejjeb id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u biex jiġi żgurat li jkun hemm aktar trasparenza u akkontabilità f’dak id-djalogu ekonomiku, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-President tal-Kunsill, lill-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, lill-President tal-Grupp tal-Euro biex jidhru quddiem il-kumitat sabiex jiddiskutu l-miżuri meħudin skont dan ir-Regolament.

    (11)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, f’intervalli regolari, dwar l-effettività ta’ dan ir-Regolament.

    (12)Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea u għall-konverġenza u l-kompetittività fiż-żona tal-euro billi jistabbilixxi qafas ta’ governanza għall-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u jista’ għaldaqstant, minħabba d-daqs tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilt fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I
    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1
    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-qafas ta’ governanza rilevanti għall-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro fi ħdan il-Programm ta' Appoġġ għal Riformi skont ir-Regolament (UE) XXX/XX 10 .

    2.Dan ir-Regolament għandu japplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    Artikolu 2
    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)“rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi” tfisser ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lill kull Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) TFUE fil-kuntest tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika;

    (b)“rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro” tfisser ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro f’konformità mal-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(2) tat-TFUE.

    Artikolu 3
    Għanijiet

    Dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi għall-konverġenza u l-kompetittività tal-ekonomiji tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro billi jiddefinixxi qafas ta’ governanza rilevanti għall-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività, li jippreżenta:

    (a)l-orjentazzjonijiet strateġiċi dwar il-prijoritajiet ta’ riforma u investiment taż-żona tal-euro kollha kemm hi;

    (b)gwida speċifika għall-pajjiż dwar l-għanijiet tar-riformi u l-investiment rilevanti għall-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

    Artikolu 4
    Orjentazzjonijiet strateġiċi għaż-żona tal-euro

    1.Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara diskussjoni fil-Grupp tal-Euro, il-Kunsill għandu jistabbilixxi, bħala parti mir-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro u fuq bażi annwali, l-orjentazzjonijiet strateġiċi għall-prijoritajiet ta’ riforma u investiment taż-żona tal-euro.

    2.B’mod parallel mar-rakkomandazzjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill dwar kif l-Istati Membri jkunu segwew l-orjentazzjonijiet strateġiċi tas-snin preċedenti.

    Artikolu 5
    Gwida speċifika għall-pajjiż

    1.Il-Kunsill għandu, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jadotta rakkomandazzjoni indirizzata lill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro li tipprovdi, fuq bażi annwali, gwida speċifika għall-pajjiżi dwar l-għanijiet ta’ riforma u investiment għall-finijiet tal-pakketti ta’ riforma u investiment, li l-Istati Membri jistgħu sussegwentement jissottomettu skont ir-Regolament (UE) XXXX/XX [ir-Regolament dwar il-Programm ta' Appoġġ għal Riformi].

    2.Ir-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun konsistenti mal-orjentazzjonijiet strateġiċi msemmija fl-Artikolu 4 u mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istat Membru kkonċernat. Fir-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kunsill għandu jqis kif xieraq kwalunkwe programm ta’ aġġustament makroekonomiku approvat f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013.

    Artikolu 6
    Tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku

    Fejn rilevanti, abbażi ta’ valutazzjoni mill-Kummissjoni, ir-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 għandha tistabbilixxi jekk Stat Membru huwiex qed jesperjenza tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku, għall-finijiet ta’ modulazzjoni tar-rati ta’ kofinanzjament nazzjonali previsti fir-Regolament (UE) XXXX/XX [ir-Regolament għall-Programm ta' Appoġġ għal Riformi].

    Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97.

    Artikolu 7
    Vot fil-Kunsill

    1.Fir-rigward tal-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament, għandhom jivvutaw biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    2.Maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi definita skont il-punt (a) tal-Artikolu 238(3) tat-TFUE.

    Artikolu 8
    Djalogu ekonomiku

    Sabiex jittejjeb id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u biex jiġi żgurat li jkun hemm aktar trasparenza u akkontabilità, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-President tal-Kunsill, lill-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, lill-President tal-Grupp tal-Euro biex jidhru quddiem il-kumitat sabiex jiddiskutu l-miżuri meħudin skont dan ir-Regolament.

    Artikolu 9
    Rieżami

    1.Sal-31 ta’ Diċembru 2023 u kull erba’ snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jivvaluta l-effettività ta’ dan ir-Regolament.

    2.Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/economy-finance/emu_communication_en.pdf  
    (2)     https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2019/06/14/term-sheet-on-the-budgetary-instrument-for-convergence-and-competitiveness/  
    (3)     https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2019/06/21/statement-of-the-euro-summit-21-june-2019/  
    (4)    COM(2018)391; https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/budget-may2018-reform-support-programme-regulation_en.pdf
    (5)     https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/reflection-paper-emu_mt.pdf  
    (6)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:31997R1467&from=MT ;     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32005R1056&from=MT     https://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:306:0033:0040:MT:PDF
    (7)    ĠU C , , p.
    (8)    ĠU C ; ; p.
    (9)    Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).
    (10)    ĠU C , , p.
    Top