Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0273

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-83 Laqgħa Plenarja tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) rigward il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala osservatur fil-GRECO

COM/2019/273 final

Brussell, 6.6.2019

COM(2019) 273 final

2019/0135(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-83 Laqgħa Plenarja tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) rigward il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala osservatur fil-GRECO


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-istatus ta’ osservatur tal-Unjoni Ewropea.

2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-GRECO ġie stabbilit fl-1999 mill-Kunsill tal-Ewropa biex jimmonitorja l-konformità tal-Istati mal-istandards kontra l-korruzzjoni stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tal-Liġi Ċivili dwar il-Korruzzjoni. L-objettiv tal-GRECO huwa li jtejjeb il-kapaċità tal-membri tiegħu li jiġġieldu l-korruzzjoni billi jimmonitorjaw il-konformità tagħhom mal-istandards kontra l-korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa permezz ta’ proċess dinamiku ta’ evalwazzjoni reċiproka u pressjoni mill-pari. Permezz ta’ sistema ta’ evalwazzjonijiet, dan jgħin biex jiġu identifikati nuqqasijiet fil-politiki nazzjonali kontra l-korruzzjoni, filwaqt li jwassal għal riformi leġiżlattivi, istituzzjonali u prattiċi meħtieġa.

Attwalment, il-GRECO għandu 49 membru sħaħ 1 u 10 osservaturi 2 .

Il-parteċipazzjoni tal-UE fil-GRECO kienet prijorità għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa. Filwaqt li l-UE qed tikkoopera mal-Kunsill tal-Ewropa abbażi ta’ Memorandum ta’ Qbil li ġie miftiehem fl-2007 3 , GRECO huwa wieħed mill-ftit korpi tal-Kunsill tal-Ewropa li miegħu l-UE ma għandha l-ebda qafas legali dedikat ta’ kooperazzjoni. L-UE mhijiex preżenti fil-laqgħat tal-GRECO, u l-opportunitajiet għall-iskambju tal-fehmiet mal-GRECO u l-membri tiegħu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni fil-qasam tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma għalhekk limitati ħafna.

Fl-2011, il-Kummissjoni ddefinixxiet l-objettivi ewlenin ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-GRECO u analizzat il-modi possibbli biex l-UE tipparteċipa fil-ħidma tal-GRECO kif ukoll il-benefiċċji li dan iġib miegħu 4 . Dan kien segwit fl-2012 b’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 5 li tistabbilixxi approċċ f’żewġ fażijiet għall-adeżjoni tal-UE mal-GRECO li kien jimplika status 6 ta’ parteċipant sħiħ fl-ewwel stadju u status ta’ sħubija sħiħa fit-tieni stadju.

Il-Parlament Ewropew esprima appoġġ kontinwu għall-parteċipazzjoni tal-UE fil-GRECO permezz ta’ diversi rapporti u riżoluzzjonijiet, bħar-riżoluzzjoni tal-2016 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u s-segwitu tar-riżoluzzjoni tal-2015 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, kif ukoll f’dibattitu fil-Plenarja fl-2018.

Fl-20 ta’ Marzu 2019, id-Direttur Eżekuttiv tal-GRECO bagħat ittra lill-Presidenza tal-Kunsill, li fiha ssuġġerixxa li l-UE ssir osservatur fil-GRECO. L-istatus ta’ osservatur jippermetti lill-UE tipparteċipa fil-laqgħat tal-GRECO u jkollha aċċess għad-dokumenti kollha diskussi. Bħala osservatur, l-UE ma jkollhiex id-dritt li tivvota, ma tkunx soġġetta għal evalwazzjoni u ma tiħux pożizzjoni formali fi proċessi ta’ evalwazzjoni u lanqas ma tipparteċipa f’missjonijiet ta’ evalwazzjoni. Ma hemm l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mitluba mill-osservaturi. Ta’ min jinnota li r-regoli huma l-istess għal kull osservatur.

Skont l-Artikolu 220 tat-TFUE, l-Unjoni tistabbilixxi l-forom kollha xierqa ta' koperazzjoni mal-organi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji speċjalizzati tagħha, mal-Kunsill tal-Ewropa, mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u mal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-intenzjoni tagħha li titlob lill-GRECO li l-Unjoni Ewropea tingħata l-istatus ta’ osservatur. Il-Kunsill esprima l-appoġġ tiegħu biex l-Unjoni ssir osservatur fil-GRECO fil-laqgħa tiegħu tas-6 ta’ Ġunju 2019.

Fis-6 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni ppreżentat talba lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa biex issir osservatur 7 .

L-UE li issa qed tfittex li ssir osservatur fil-GRECO ma tipprekludix forom oħra possibbli ta’ parteċipazzjoni fil-futur, inkluża s-sħubija sħiħa.

Huwa probabbli li l-Plenarja tal-GRECO tikkunsidra t-talba tal-UE fil-laqgħa tagħha tas-17–21 ta’ Ġunju 2019. Hija għandha tiddeċiedi b’unanimità. Jekk ma tintlaħaqx l-unanimità fil-Plenarja, il-kwistjoni tista’ tiġi riferuta lill-Kumitat tal-Ministri li jiddeċiedi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tar-rappreżentanti kollha tiegħu. L-Istati Membri kollha tal-UE huma membri tal-GRECO u se jipparteċipaw fid-deċiżjoni li għandha tittieħed dwar l-għoti tal-istatus ta’ osservatur tal-UE fil-GRECO.

L-Istati Membri huma obbligati li jappoġġjaw it-talba skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet f’din l-okkażjoni li tagħmel proposta bbażata fuq l-Artikolu 218(9) tat-TFUE. Dan se jiżgura saħasitra b’aktar ċertezza li l-Istati Membri tal-UE jitkellmu b’vuċi waħda b’appoġġ tal-UE li tingħata l-istatus ta’ osservatur fil-Laqgħa Plenarja tal-GRECO u, jekk ikun meħtieġ, waqt il-laqgħa sussegwenti tal-Kumitat tal-Ministri.

3.BAŻI ĠURIDIKA

L-objettiv ewlieni tal-GRECOhuwa li jtejjeb il-kapaċità tal-membri tiegħu biex jiġġieldu l-korruzzjoni.  Jenħtieġ għalhekk li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 83 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.



2019/0135 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-83 Laqgħa Plenarja tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) rigward il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala osservatur fil-GRECO

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 83, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Riżoluzzjoni Statutorja tal-Kunsill tal-Ewropa Nru (93)28 tipprevedi l-possibilità li Stati mhux membri kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali jsiru osservaturi fi ftehimiet parzjali u estiżi bħal dak li jistabbilixxi l-GRECO,

(2)Fis-6 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni ppreżentat talba lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-GRECO bħala osservatur,

(3)Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-GRECO bħala osservatur ma tipprekludix il-parteċipazzjoni futura possibbli tagħha fil-GRECO bħala membru sħiħ,

(4)L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma membri tal-GRECO,

(5)Huwa mistenni li l-Plenarja tal-GRECO tintalab tiddeċiedi dwar l-istatus ta’ osservatur tal-Unjoni Ewropea fit-83 Laqgħa Plenarja tal-GRECO (Strasburgu, 17–21 ta’ Ġunju 2019),

(6)Jekk din id-deċiżjoni ma titteħidx fit-83 Laqgħa Plenarja tal-GRECO tas-17–21 ta’ Ġunju 2019 jew fil-Laqgħa Plenarja sussegwenti tal-GRECO, jenħtieġ li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea juru l-appoġġ tagħhom biex il-kwistjoni titressaq quddiem il-Kumitat tal-Ministri, fejn huma mistennija jappoġġjaw l-ammissjoni tal-UE bħala osservatur fil-GRECO,

(7)Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea rigward l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-istatus ta’ osservatur tal-Unjoni Ewropea,

(8)Din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera u l-obbligu diġà eżistenti għall-Istati Membri kollha biex jappoġġjaw it-talba għall-istatus ta’ osservatur tal-UE,

(9)[F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda rigward l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawn l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni,]

(10)[F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda rigward l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll, dawn l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha,]

(11)[F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,]

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-83 Laqgħa Plenarja tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tas-17–21 ta’ Ġunju 2019 jew, jekk meħtieġ, fil-Laqgħa Plenarja sussegwenti, għandha tkun din li ġejja:

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jappoġġaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni li l-Unjoni Ewropea ssir osservatur fil-GRECO.

Jekk id-deċiżjoni ma titteħidx fit-83 Laqgħa Plenarja tal-GRECO tas-17–21 ta’ Ġunju 2019 jew fil-Laqgħa Plenarja sussegwenti tal-GRECO, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jappoġġaw li l-kwistjoni tiġi riferuta lill-Kumitat tal-Ministri, fejn huma għandhom isostnu l-ammissjoni tal-UE bħala osservatur mal-GRECO.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    L-Albanija, Andorra, l-Armenja, l-Awstrija, l-Azerbajġan, il-Belarussja, il-Belġju, il-Bosnija-Ħerzegovina, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġeorġja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Islanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Moldova, Monako, il-Montenegro, in-Netherlands, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Russja, San Marino, is-Serbja, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, l-Isvizzera, it-Turkija, l-Ukrajna, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerka.
(2)

   Erba’ Korpi tal-Kunsill tal-Ewropa, jiġifieri l-Assemblea Parlamentari, il-Kumitat Ewropew dwar il-Kooperazzjoni Legali (CDCJ), il-Kumitat Ewropew dwar il-Problemi ta’ Kriminalità (CDPC), u l-Bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa (CEB); L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD); in-Nazzjonijiet Uniti, rappreżentati mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), l-Akkademja Internazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (IACA); l-Istitut Internazzjonali għad-Demokrazija u l-Għajnuna Elettorali (IDEA), u l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS).

(3)    CM(2007)74, adottat fl-10 ta’ Mejju 2007 mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa.
(4)    COM(2011)307 final.
(5)    COM(2012)604 final.
(6)    L-istatus ta’ parteċipant sħiħ ikun jimplika li l-Unjoni Ewropea ma tkunx soġġetta għas-sistema ta’ evalwazzjoni reċiproka, ma jkollha l-ebda dritt tal-vot, u ma tkunx tista’ tibgħat rappreżentant lill-Bureau tal-GRECO; ċertu involviment min-naħa tal-Unjoni Ewropea fis-sistema ta’ evalwazzjoni kien previst ukoll.
(7)    Skont il-proċedura tal-Kunsill tal-Ewropa, organizzazzjoni tista’ tingħata status ta’ osservatur fil-GRECO billi tindirizza ittra lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa li titlob dan l-istatus. Ara b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni Statutorja tal-Kunsill tal-Ewropa Nru (93) 28.
Top