EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0242

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fir-rigward tad-delega tas-setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar id-deċiżjoni li jiġu adottati miżuri tranżizzjonali biex jiġi estiż il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

COM/2019/242 final

Brussell, 17.5.2019

COM(2019) 242 final

2019/0116(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fir-rigward tad-delega tas-setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar id-deċiżjoni li jiġu adottati miżuri tranżizzjonali biex jiġi estiż il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) 1 , iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, se jiskadi fid-29 ta’ Frar 2020. Din il-proposta tal-Kummissjoni tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni li tikkonċerna d-delega ta’ setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar l-applikazzjoni possibbli ta’ miżuri tranżizzjonali biex jiġi estiż il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-“Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou”

Sa mill-2000, il-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou (il-“Ftehim” jew “FSC”) kien il-qafas għar-relazzjonijiet tal-UE ma’ 79 pajjiż tal-AKP. Il-Ftehim ġie konkluż għal perjodu ta’ 20 sena, mill-1 ta’ Marzu 2000 sad-29 ta’ Frar 2020. Sussegwentement kien ġie rivedut fl-2005 u fl-2010. 

2.2.Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE

Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE huwa korp fil-livell ministerjali, stabbilit permezz tal-Ftehim (l-Artikolu 15 tal-FSC). Jinkludi, minn naħa, membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u membri tal-Kummissjoni Ewropea u min-naħa l-oħra, membru tal-gvern ta’ kull Stat tal-AKP.

L-uffiċċju tal-President tal-Kunsill tal-Ministri jinżamm darba minn membru tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u d-darba ta’ wara minn membru ta’ gvern ta’ Stat tal-AKP. "Il-Kunsill tal-Ministri jiltaqa' bħala regola darba fis-sena fuq l-inizjattiva tal-President u kull meta tinħass il-ħtieġa, fil-forma u l-għamla ġeografika xierqa skont il-kwistjonijiet li jkunu ser jiġu diskussi.

Il-funzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri jinkludu, fost affarijiet oħra 2 , li jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni u għall-eżekuzzjoni tal-FSC.

Il-Kunsill tal-Ministri jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim komuni tal-Partijiet. Sabiex id-deċiżjonijiet ikunu validi,

nofs il-membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (i.e. 14-il ministru mill-Istati Membri tal-UE),

membru wieħed tal-Kummissjoni, u

żewġ terzi tal-membri li jirrappreżentaw lill-gvernijiet tal-Istati tal-AKP (jiġifieri membri tal-gvern minn 55 Stat differenti tal-AKP)

iridu jkunu preżenti. Kull membru tal-Kunsill tal-Ministri li ma jistax jattendi jista' jkun irrappreżentat. Ir-rappreżentant għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta’ dak il-membru (l-Artikolu 15(3) FSC).

Skont l-Artikolu 15(4) FSC, il-Kunsill tal-Ministri jista’ jiddelega setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi. Il-Kunsill tal-Ministri jista’ jiddelega s-setgħa li jittieħdu deċiżjonijiet vinkolanti fuq il-Partijiet. Din id-delega ta’ setgħat għandha tieħu l-għamla ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri.

2.3.IL-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE

Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi huwa stabbilit skont l-Artikolu 16 FSC. Dan jinkludi, minn naħa, ir-rappreżentant permanenti ta' kull Stat Membru tal-UE u rappreżentant tal-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra, il-kap tal-missjoni ta' kull Stat tal-AKP għall-UE. L-uffiċċju tal-President tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi jinżamm darba mir-Rappreżentat Permanenti ta' Stat Membru nominat mill-Unjoni, u darba oħra minn Kap ta' missjoni li jirrappreżenta Stat tal-AKP, nominat mill-Istati tal-AKP.

Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi jassisti lill-Kunsill tal-Ministri fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u jwettaq il-mandat fdat lilu mill-Kunsill. (l-Artikolu 16(2) FSC). F’dan il-kuntest, jista’ jadotta deċiżjonijiet vinkolanti fuq il-partijiet fi ħdan il-mandat mogħti lilu mill-Kunsill tal-Ministri.

Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi jimmonitorja wkoll l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u l-progress lejn il-kisba tal-objettivi stabbiliti fih. Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi jiltaqa' regolarment, partikolarment biex iħejji s-sessjonijiet tal-Kunsill u kull meta jkun hemm bżonn.

2.4.Miżuri tranżizzjonali

Il-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou jiskadi fil-29 ta’ Frar 2020. F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(4) tal-Ftehim, in-negozjati lejn Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ġdid tnedew f’Settembru 2018. F’każ li l-Ftehim il-ġdid ma jkunx lest biex jiġi applikat sad-data tal-iskadenza msemmija hawn fuq, jeħtieġ li jkun hemm miżuri fis-seħħ biex jiġi evitat vojt ġuridiku fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-AKP.

L-Artikolu 95(4), it-tieni subparagrafu FSC jgħid hekk: “Il-Kunsill tal-Ministri għandu jadotta kull miżura transizzjonali li tista' tkun meħtieġa rigward id-dispożizzjonijiet emendati sakem dawn jidħlu fis-seħħ.” Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(4) FSC, jistgħu jiġu applikati miżuri tranżizzjonali biex tiġi estiża l-applikabilità tal-FSC kollu jew ta’ partijiet minnu, sad-data tal-applikazzjoni tal-Ftehim il-ġdid (applikazzjoni provviżorja jew dħul fis-seħħ wara r-ratifika mill-Partijiet kollha).

Sabiex tinżamm kontinwità ġuridika mal-FSC, jekk il-Ftehim il-ġdid ma jsirx applikabbli qabel l-iskadenza tal-qafas ġuridiku eżistenti, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri tranżizzjonali biex tiġi estiża l-applikazzjoni tal-Ftehim attwali.

Id-deċiżjoni dwar il-miżuri tranżizzjonali (jiġifieri liema parti(jiet) tal-Ftehim għandha tapplika b’mod tranżizzjonali u sa meta) tista’ tittieħed jew mill-Kunsill tal-Ministri stess jew inkella billi dan tal-aħħar jiddelega s-setgħa lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi biex jadotta din id-deċiżjoni.

2.5.L-Att previst tal-Kunsill tal-Ministri

Skont ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-Ministri dan jiltaqa’ darba fis-sena. L-44 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri ser issir fi Brussell fit-23 u fl-24 ta’ Mejju 2019. Peress li l-kontenut u t-tajming tal-miżuri tranżizzjonali ma ġewx diskussi man-naħa tal-AKP, huwa impossibbli li l-Kunsill tal-Ministri jadotta l-miżuri tranżizzjonali.

Peress li mhumiex previsti laqgħat ulterjuri tal-Kunsill tal-Ministri qabel ma jiskadi l-Ftehim huwa meħtieġ li d-deċiżjoni li jiġu adottati miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) FSC tiġi ddelegata lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE. Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi jista’ jiżgura li d-deċiżjoni dwar il-miżuri tranżizzjonali tittieħed f’waqtha.

Għalhekk, waqt l-44 sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jeħtieġ li jadotta deċiżjoni biex jiġu ddelegati s-setgħat li jiġu adottati miżuri tranżizzjonali lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE (“l-att previst”).

L-iskop tal-att previst huwa li jiddelega setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, dwar id-deċiżjoni li jiġu applikati miżuri tranżizzjonali, f’konformità mal-Artikolu 15(4) tal-Ftehim, li jipprevedi: “Il-Kunsill tal-Ministri jista' jiddelega poteri lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi”. L-att previst ikun vinkolanti fuq il-Partijiet.

Meta l-kontenut u d-duratura tal-miżuri tranżizzjonali jkunu ġew stabbiliti mill-Partijiet, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi se jeżerċita s-setgħat delegati tiegħu u jadotta d-deċiżjoni dwar miżuri tranżizzjonali kif previst fl-Artikolu 95(4) FSC. Sabiex titħejja dik id-deċiżjoni mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi, se tkun meħtieġa deċiżjoni oħra tal-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) TFUE biex tiġi ddefinita l-pożizzjoni tal-Unjoni.

3.Il-pożizzjoni li jeħtieġ li tittieħed f’isem l-Unjoni

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-pożizzjoni proposta tal-Unjoni hija li fl-44 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jiġi adottat tal-att previst u b’hekk il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE jiġi fdat biex jadotta d-deċiżjoni dwar miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) FSC.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti ġuridiċi bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Artikolu 15(1) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000.

L-att li l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE huwa msejjaħ li jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-atti previsti jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f'konformità mal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim.

L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw, b’mod ġenerali, il-funzjonament tal-korpi internazzjonali stabbiliti abbażi tal-FSC u l-funzjonament tal-FSC fis-sħuħija tagħhom (potenzjalment b’estensjoni tal-applikazzjoni tiegħu lil hinn mid-data ta’ skadenza prevista). Il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni tal-Kunsill trid tiġi ddeterminata fid-dawl tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou fis-sħuħija tiegħu 4 .

Il-FSC ġie konkluż bħala ftehim ta’ assoċjazzjoni u għalhekk kien ibbażat fuq l-Artikolu 310 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-ekwivalenti tal-Artikolu 217 TFUE. Għalhekk il-bażi ġuridika sostantiva għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 217 TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 217 TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

2019/0116 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fir-rigward tad-delega tas-setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar id-deċiżjoni li jiġu adottati miżuri tranżizzjonali biex jiġi estiż il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (“AKP”) minn naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE”) 5 , ġie ffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000. Il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003 u għandu jiġi applikat sad-29 ta’ Frar 2020.

(2)F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, in-negozjati lejn Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ġdid tnedew f’Settembru 2018. F’każ li l-Ftehim il-ġdid ma jkunx lest biex jiġi applikat sad-data tal-iskadenza tal-qafas ġuridiku attwali, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri tranżizzjonali biex tiġi estiża l-applikazzjoni tal-Ftehim attwali.

(3)It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE jipprevedi li l-Kunsill tal-Ministri jadotta miżuri tranżizzjonali biex jestendi l-applikabilità tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE kollu jew ta’ partijiet minnu, sal-applikazzjoni provviżorja jew sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim il-ġdid.

(4)Skont l-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista’ jadotta deċiżjoni biex jiddelega setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, inkluża s-setgħa li tiġi adottata deċiżjoni dwar miżuri tranżizzjonali.

(5)Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE għandu jkollu l-laqgħa ordinarja tiegħu fit-23 u fl-24 ta’ Mejju 2019 fi Brussell. Il-miżuri tranżizzjonali ma ġewx miftiehma u għalhekk ma jistgħux jiġu adottati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fil-laqgħa ordinarja tiegħu. Peress li mhumiex previsti aktar laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE qabel ma jiskadi l-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjoni dwar il-miżuri tranżizzjonali tittieħed fil-waqt, huwa meħtieġ li d-deċiżjoni li jiġu adottati miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE tiġi ddelegata lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.

(6)Matul l-44 sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE għandu jadotta deċiżjoni li tiddelega s-setgħat biex jiġu adottati miżuri tranżizzjonali lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE (“l-att previst”).

(7)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE billi l-att previst huwa vinkolanti fuq l-Unjoni.

(8)Il-pożizzjoni tal-Unjoni li tapprova l-att previst fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jenħtieġ li tiġi stabbilita f’din id-deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-44 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE għandha tkun li tapprova d-delega ta’ setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, f’konformità mal-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, dwar id-deċiżjoni li tiġi adottata, skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, kwalunkwe miżura tranżizzjonali li tista’ tkun meħtieġa sakemm jidħol fis-seħħ il-Ftehim il-ġdid.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2002 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Grupp ta' Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 65, 08.03.2003, p.27).
(2)    Skont l-Artikolu 15(2) FSC, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE għandu “(a) it-tmexxija tad-djalogu politiku; (b) jitwettqu gwidi politiċi u jittieħdu deċiżjonijiet bżonjużi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, l-aktar dwar l-istrateġiji ta' żvilupp f'żoni speċifiċi msemmija f'dan il-Ftehim jew kull żona oħra li tipprova li taqa' taħt il-Ftehim, u skont il-proċeduri; (ċ) biex teżamina u ssolvi xi kwistjonijiet li jistgħu ma' jħallux l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta' dan il-Ftehim jew ipoġġu ostaklu biex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu; (d) jassiguraw il-funzjonament bla xkiel tal-mekkaniżmi ta' konsultazzjoni”.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    Ara, b’mod partikolari, is-sentenza fil-kawża C-244/17 il-Kummissjoni vs il-Kunsill (“il-Każakistan”) [ECLI:EU:C:2018:662], p. 40 u l-ġurisprudenza msemmija.
(5)    Il-Ftehim (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3) kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u mill-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L287, 4.11.2010, p 3).
Top