Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0221

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li l-Ġermanja tingħata s-setgħa li temenda l-ftehim bilaterali eżistenti tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera bil-għan li tawtorizza l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt is-servizzi internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi

    COM/2019/221 final

    Brussell, 13.5.2019

    COM(2019) 221 final

    2019/0107(COD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li l-Ġermanja tingħata s-setgħa li temenda l-ftehim bilaterali eżistenti tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera bil-għan li tawtorizza l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt is-servizzi internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

    Dwar is-suġġett

    Ir-reġjuni tal-fruntiera tal-Ġermanja u tal-Iżvizzera huma integrati mill-qrib. Ħafna Ġermaniżi jivvjaġġaw biex jaħdmu fl-Iżvizzera u viċi versa u fit-toroq hemm traffiku vibranti ta' passiġġieri transkonfinali. Huma offruti għadd ta' servizzi tax-xarabanks u tal-kowċis li jaqsmu l-fruntiera u b'hekk jgħaqqdu r-reġjuni tal-fruntiera taż-żewġ pajjiżi.

    Il-ġarr ta' passiġġieri u ta' oġġetti mit-toroq fiż-żewġ direzzjonijiet bejn l-Iżvizzera u l-UE huwa rregolat mill-Ftehim dwar it-trasport fuq l-art bejn l-UE u l-Iżvizzera 1 (minn hawn 'il quddiem "Ftehim tal-UE").

    Skont l-Artikolu 20(1) tal-Ftehim tal-UE, "[i]t-trasport bejn żewġ posizzjonijiet li jinsabu fit-territorju ta' l-istess Parti Kontraenti bit-trasportaturi stabbiliti fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra mhux awtorizzar taħt dan il-Ftehim". Dan ifisser li t-trasportaturi li joperaw is-servizzi tal-passiġġieri li jaqsmu l-fruntiera jistgħu jġorru biss passiġġieri bejn il-fruntieri jew fi ħdan it-territorju tal-Parti Kontraenti li huma stabbiliti fih. L-operaturi tax-xarabanks u tal-kowċis stabbiliti fl-Iżvizzera ma jistgħux iġorru passiġġieri bejn żewġ postijiet fuq in-naħa Ġermaniża tal-fruntiera u l-operaturi stabbiliti fl-UE ma jistgħux iġorru passiġġieri bejn żewġ postijiet fuq in-naħa Żvizzera tal-fruntiera.

    L-Artikolu 20(2) tal-Ftehim tal-UE jippermetti li jibqgħu jiġu eżerċitati d-drittijiet diġà eżistenti skont ftehimiet bilaterali konklużi bejn Stati Membri individwali tal-UE u l-Iżvizzera li kienu fis-seħħ fiż-żmien meta ġie konkluż il-Ftehim tal-UE, dment li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi tal-UE u l-ebda tfixkil tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-kabotaġġ fit-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank huwa possibbli f'relazzjonijiet mal-Iżvizzera fil-każ li ftehim bejn Stat Membru tal-UE u l-Iżvizzera li daħal fis-seħħ fil-21 ta' Ġunju 1999 ikun ippreveda dan. Fil-prattika, l-ebda wieħed mill-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Iżvizzera li kienu fis-seħħ f'dak iż-żmien ma ppreveda drittijiet tal-kabotaġġ għat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank. 2

    Permezz ta' ittra datata l-11 ta' Mejju 2017, il-Ġermanja informat lill-Kummissjoni li hija tapprezza jekk l-Unjoni kellha tagħtiha s-setgħa skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE biex temenda l-ftehim bilaterali tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera tal-1953 3 bil-għan li tawtorizza operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt l-għoti ta' servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjun tal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi. Fil-laqgħa ta' Ġunju 2018 tal-Kumitat tat-Trasport Intern bejn l-UE u l-Iżvizzera, stabbilit mill-Ftehim tal-UE, l-Iżvizzera informat lill-Kummissjoni li hija kienet interessata wkoll li temenda dan il-ftehim għal dak il-għan.

    Il-kabotaġġ fit-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank jista' jtejjeb l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tat-trasport peress li jippermetti żieda fil-fattur tat-tagħbija tal-vettura. Għalhekk, ġeneralment l-UE hija favur il-ftuħ tas-suq tal-kabotaġġ, kif għamlet ġewwa l-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank 4 (minn hawn 'il quddiem "Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009"). L-awtorizzazzjoni ta' operazzjonijiet ta' kabotaġġ fil-kuntest tal-għoti ta' servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera bejn il-Ġermanja u l-Iżvizzera tippermetti lit-trasportaturi involuti jsiru aktar kompetittivi u effiċjenti.

    Dwar il-kompetenza tal-UE

    L-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi li "[l]-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f'att leġislattiv ta' l-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista' teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista' tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta' l-applikazzjoni tagħhom".

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009, l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ fi ħdan l-Unjoni jistgħu jitwettqu, taħt ċerti kundizzjonijiet, esklużivament mit-trasportaturi li għandhom liċenzja tal-Komunità. Impenji internazzjonali li jippermettu trasportaturi oħra, b'mod partikolari trasportaturi minn pajjiżi terzi, biex iwettqu tali operazzjonijiet jaffettwaw ir-Regolament imsemmi hawn fuq, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE. 5

    Barra minn hekk, tali impenji internazzjonali jaffettwaw ukoll il-Ftehim tal-UE, b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu. Dawn mhumiex awtorizzati mill-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu, ħlief kif stabbilit fil-paragrafu 2 tiegħu.

    Konsegwentement, l-impenji bħal dawk maħsuba mill-Ġermanja jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE, l-Unjoni tista' tagħti s-setgħa lill-Istati Membri biex jaġixxu f'oqsma fejn hija għandha kompetenza esklużiva.

    L-għan ta' din il-proposta huwa li l-Ġermanja tingħata s-setgħa li temenda l-ftehim bilaterali eżistenti tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera bil-għan li tawtorizza l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt is-servizzi internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera rispettivi taż-żewġ pajjiżi.

    Dwar il-proċedura

    L-operazzjonijiet ta' kabotaġġ fi ħdan l-Unjoni minn trasportaturi ta' pajjiż terz, li ma jkollhomx liċenzja tal-Komunità skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009, jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, kif stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009. Għalhekk huwa meħtieġ li kwalunkwe għoti tas-setgħa skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE jingħata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-proċedura leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 91 tat-TFUE.

    Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Attwalment, il-Ftehim tal-UE ma jawtorizza l-ebda operazzjoni ta' kabotaġġ fit-trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank. Madankollu, l-Artikolu 20(2) tal-Ftehim tal-UE jippermetti speċifikament l-eżerċizzju kontinwu ta' drittijiet ta' kabotaġġ diġà eżistenti dment li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi tal-UE u ma jkun hemm l-ebda tfixkil tal-kompetizzjoni. Ftehim bejn il-Ġermanja u l-Iżvizzera li jawtorizza l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt l-għoti ta' servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank ma jbiddilx id-drittijiet tal-Iżvizzera skont il-Ftehim tal-UE. Barra minn hekk, emenda tal-ftehim bilaterali diġà eżistenti limitat għall-kabotaġġ fir-reġjuni tal-fruntiera rispettivi u, fir-rigward ta' nondiskriminazzjoni u kompetizzjoni mhux imxekkla, soġġetta għal kundizzjonijiet identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 20(2) tal-Ftehim tal-UE, hija konformi mal-politika sottostanti għall-eċċezzjoni stabbilita f'dik id-dispożizzjoni.

    Fl-UE, il-kabotaġġ fit-trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank huwa permess skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009. L-Artikolu 15 ta' dak ir-Regolament jawtorizza l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ fi ħdan l-UE: (1) għal servizzi okkażjonali, (2) għal servizzi regolari speċjali dment li dawn ikunu koperti minn kuntratt konkluż bejn l-organizzatur u t-trasportatur, u (3) għal servizzi regolari waqt servizz internazzjonali regolari ħlief għas-servizzi tat-trasport li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' ċentru urban jew il-ħtiġijiet ta' konurbazzjoni jew tat-trasport bejnu u bejn iż-żoni tal-madwar. L-operazzjoni ta' dak ir-Regolament se tkun affettwata mill-emenda tal-ftehim bilaterali dwar it-trasport bit-triq kif mitlub mill-Ġermanja, iżda fil-każ li l-awtorizzazzjoni tingħata taħt il-kundizzjonijiet deskritti hawn fuq, l-effett ikun biżżejjed limitat.

    Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

    Emenda tal-ftehim bilaterali eżistenti dwar it-trasport bit-triq bejn il-Ġermanja u l-Iżvizzera bil-għan li jiġu awtorizzati l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt l-għoti ta' servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera rispettivi taż-żewġ pajjiżi ma tkunx inkonsistenti ma' kwalunkwe politika oħra tal-Unjoni.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 2(1) u 91 tat-TFUE.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    Proporzjonalità

    L-uniku objettiv ta' din il-proposta huwa li l-Ġermanja tingħata s-setgħa, skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE, li temenda l-ftehim bilaterali eżistenti tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera bil-għan li tawtorizza l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt l-għoti ta' servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi. Konsegwentement, id-Deċiżjoni proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv.

    L-għażla tal-istrument

    L-operazzjonijiet ta' kabotaġġ fi ħdan l-Unjoni minn trasportaturi ta' pajjiż terz, li ma jkollhomx liċenzja tal-Komunità skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009, jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, kif stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009. Għalhekk huwa meħtieġ li kwalunkwe għoti tas-setgħa skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE jingħata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-proċedura leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 91 tat-TFUE. L-att propost, li min-natura tiegħu huwa setgħa individwali, għandu jiġi adottat b'reazzjoni għal talba korrispondenti magħmula mill-Ġermanja. Għalhekk, dan għandu jieħu l-forma ta' deċiżjoni, indirizzata lill-Ġermanja. Konsegwentement, id-Deċiżjoni proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tirrappreżenta strument adegwat biex, skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE, il-Ġermanja tingħata s-setgħa biex taġixxi f'din il-kwistjoni.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati

    Din il-proposta hija bbażata fuq talba magħmula mill-Ġermanja u tirrigwarda biss lil dan l-Istat Membru. Talba simili ġiet riċevuta mill-Italja li hija soġġetta għal proċedura parallela.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Din il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

    2019/0107 (COD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li l-Ġermanja tingħata s-setgħa li temenda l-ftehim bilaterali eżistenti tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera bil-għan li tawtorizza l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt is-servizzi internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 2(1) u 91 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 6 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 7 ,

    Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

    Billi:

    (1)Skont l-Artikolu 20(1) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport ta' Merkanzija u Passiġġieri permezz tal-Linji tal-Ferroviji u tat-Triq 8 (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim tal-UE"), it-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn żewġ postijiet li jinsabu fit-territorju tal-istess Parti Kontraenti minn trasportaturi stabbiliti fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, magħruf bħala kabotaġġ, mhux awtorizzat.

    (2)Skont l-Artikolu 20(2) tal-Ftehim tal-UE, id-drittijiet ta' kabotaġġ eżistenti skont il-ftehimiet bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u l-Iżvizzera, li kienu fis-seħħ meta ġie konkluż il-Ftehim tal-UE, jiġifieri fil-21 ta' Ġunju 1999, jistgħu jibqgħu jiġu eżerċitati dment li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi stabbiliti fl-Unjoni u l-ebda tfixkil tal-kompetizzjoni. Il-ftehim bilaterali dwar it-trasport bit-triq bejn il-Ġermanja u l-Iżvizzera tal-1953 9 ma jawtorizzax l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt l-għoti ta' servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn iż-żewġ pajjiżi. Għalhekk, id-dritt li jitwettqu tali operazzjonijiet bħala riżultat ta' emenda possibbli għall-ftehim mhux fost id-drittijiet koperti bl-Artikolu 20(2) tal-Ftehim tal-UE.

    (3)Impenji internazzjonali li jippermettu lit-trasportaturi mill-Iżvizzera jwettqu operazzjonijiet ta' kabotaġġ fi ħdan l-Unjoni jistgħu jaffettwaw l-Artikolu 20 tal-Ftehim tal-UE, sal-punt li din id-dispożizzjoni ma tawtorizzax tali operazzjonijiet.

    (4)Barra minn hekk, skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 10 , l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ fi ħdan l-Unjoni jistgħu jitwettqu, taħt ċerti kundizzjonijiet, esklużivament mit-trasportaturi li għandhom liċenzja tal-Komunità. Impenji internazzjonali li jippermettu lit-trasportaturi minn pajjiżi terzi, li ma għandhomx tali liċenzja, iwettqu operazzjonijiet ta' dak it-tip jistgħu jaffettwaw dak ir-Regolament.

    (5)Konsegwentement, tali impenji jaqgħu taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw jew jidħlu f'tali impenji biss jekk huma jingħataw is-setgħa mill-Unjoni biex jagħmlu dan skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE.

    (6)L-operazzjonijiet ta' kabotaġġ fi ħdan l-Unjoni minn trasportaturi ta' pajjiż terz, li ma jkollhomx liċenzja tal-Komunità skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009, jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, kif stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009. Għalhekk huwa meħtieġ li kwalunkwe għoti tas-setgħa skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE jingħata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-proċedura leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 91 tat-TFUE.

    (7)Permezz ta' ittra datata l-11 ta' Mejju 2017, il-Ġermanja talbet li l-Unjoni tagħtiha s-setgħa li temenda l-ftehim tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera bil-għan li tawtorizza l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ waqt is-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera rispettivi taż-żewġ pajjiżi.

    (8)L-operazzjonijiet ta' kabotaġġ jippermettu żieda fil-fattur tat-tagħbija tal-vetturi li żżid l-effiċjenza ekonomika tas-servizzi. Għalhekk huwa xieraq li jiġu awtorizzati tali operazzjonijiet waqt l-għoti ta' servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank fir-reġjuni tal-fruntiera rispettivi tal-Iżvizzera u tal-Ġermanja. Dan jista' jsaħħaħ b'mod ulterjuri l-integrazzjoni mill-qrib ta' dawn ir-reġjuni tal-fruntiera.

    (9)Sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ ikkonċernati ma jbiddlux il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank b'mod eċċessiv, kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1073/2009, l-awtorizzazzjoni tagħhom għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li bejn it-trasportaturi stabbiliti fi ħdan l-Unjoni ma hemm l-ebda diskriminazzjoni u l-ebda tfixkil tal-kompetizzjoni.

    (10)Għall-istess raġuni, l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ għandhom ikunu awtorizzati biss fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Ġermanja waqt l-għoti ta' servizzi tal-kowċ u x-xarabank bejn il-Ġermanja u l-Iżvizzera. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li r-reġjuni tal-fruntiera tal-Ġermanja jiġu ddefiniti skont it-tifsira ta' din id-Deċiżjoni b'mod li jitqies kif xieraq il-funzjonament tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009, filwaqt li tkun permessa ż-żieda fl-effiċjenza tal-operazzjonijiet ikkonċernati,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ġermanja b'dan tingħata s-setgħa li temenda l-ftehim bilaterali eżistenti tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera bil-għan li tawtorizza operazzjonijiet ta' kabotaġġ fir-reġjuni tal-fruntiera rispettivi tal-Ġermanja u tal-Iżvizzera waqt l-għoti ta' servizzi tal-kowċ u x-xarabank bejn iż-żewġ pajjiżi, dment li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi stabbiliti fl-Unjoni u l-ebda tfixkil tal-kompetizzjoni.

    Skont it-tifsira tal-ewwel paragrafu, ir-reġjuni tal-fruntiera tal-Ġermanja għandhom jitqiesu bħala d-distretti amministrattivi ta' Freiburg u Tübingen f'Baden-Württemberg u d-distrett amministrattiv ta' Swabia fil-Bavarja.

    Artikolu 2

    Il-Ġermanja għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-emenda tal-ftehim bilaterali tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera skont l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni u tinnotifika t-test ta' dan il-ftehim, Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew b'dan.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport ta' Merkanzija u Passiġġieri permezz tal-Linji tal-Ferroviji u tat-Triq, ĠU L 114, 30.4.2002, p. 91.
    (2)    Filwaqt li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(2) tal-Ftehim tal-UE tindika li d-drittijiet korrispondenti huma elenkati fl-Anness 8 għal dak il-Ftehim, attwalment l-Anness 8 jelenka biss id-drittijiet għall-ġarr ta' passiġġeiri fi traffiku triangolari (skont l-Artikolu 19(2) tal-Ftehim tal-UE), u ma jindika l-ebda dritt għall-kabotaġġ.
    Fl-2007, Franza emendat il-ftehim bilaterali tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-Iżvizzera tal-1951 sabiex tippermetti kabotaġġ fir-reġjuni tal-fruntiera taż-żewġ pajjiżi waqt l-għoti ta' servizzi transkonfinali regolari bejn iż-żewġ pajjiżi. Bħalissa Franza hija l-unika pajjiż li għandha ftehim mal-Iżvizzera li jippermetti kabotaġġ fit-trasport bit-triq tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank.
    (3)    It-test tal-ftehim jista' jinstab online taħt in-nru. "0.741.619.136" fil-Kompilazzjoni Sistematika ta' Leġiżlazzjoni Federali ( https://www.admin.ch/gov/de/start/bundesrecht/systematische-sammlung.html ).
    (4)    Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006, ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88.    
    (5)    Għal sitwazzjoni simili, ara l-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Mejju 2017, EU:C:2017:376, paragrafi 189 u 190
    (6)    ĠU C , , p.
    (7)    ĠU C , , p.
    (8)    ĠU L 114, 30.4.2002, p. 91.
    (9)    Test li jista' jinstab taħt in-nru. "0.741.619.136" fil-Kompilazzjoni Sistematika ta' Leġiżlazzjoni Federali Żvizzera.
    (10)    ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88.
    Top