Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0110

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina

    COM/2019/110 final

    Brussell, 28.2.2019

    COM(2019) 110 final

    2019/0060(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    L-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta 1 jipprevedi li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tista’ tikkoordina l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. F’dan ir-rigward, l-Aġenzija tista’ twettaq azzjonijiet fil-fruntieri esterni li jinvolvu Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz li jkun ġar ta’ mill-anqas wieħed minn dawk l-Istati Membri, dejjem jekk il-pajjiż ġar jaqbel dwar dan, inkluż fit-territorju ta’ dak il-pajjiż terz.

    Skont l-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624, f’każijiet fejn ikun previst li jintbagħtu timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta f’pajjiż terz f’azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom setgħat eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f’pajjiżi terzi jeħtieġu dan, għandu jintlaħaq ftehim dwar l-istatus, bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Dan il-ftehim dwar l-istatus għandu jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet. Għandu b’mod partikolari jistipula l-ambitu tal-operazzjoni, ir-responsabbiltà ċivili u kriminali u l-kompiti u s-setgħat tal-membri tat-timijiet. Il-ftehim dwar l-istatus għandu jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali matul dawn l-operazzjonijiet.

    Fuq il-bażi tad-direttivi ta’ negozjati adottati mill-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat mal-Bożnija-Ħerzegovina ftehim dwar l-azzjonijiet li twettqu mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina (“il-ftehim dwar l-istatus”) bil-ħsieb li tistabbilixxi l-qafas legali li se jippermetti l-aġir immedjat permezz tal-istabbiliment ta’ Pjanijiet Operazzjonali meta jkun hemm bżonn ta’ reazzjoni rapida. Filwaqt li l-flussi migratorji fir-reġjun huma ferm anqas minn dawk fl-2015 u fl-2016, in-netwerks tal-kriminalità organizzata jadattaw malajr ir-rotot u l-metodi tagħhom ta’ traffikar tal-migranti għal kwalunkwe ċirkostanza ġdida. Mill-bidu tal-2018 il-Bożnija-Ħerżegovina ġiet ikkonfrontata b’żieda fl-influss migratorju. Bil-ftehim dwar l-istatus fis-seħħ, l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina responsabbli u l-Istati Membri tal-UE, ikkoordinati mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jirreaġixxu malajr għal dawn l-iżviluppi.

    Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali għall-konklużjoni tal-ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina.

    Fis-16 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni rċeviet l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill biex tiftaħ in-negozjati mal-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-ftehim tal-istatus dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina.

    In-negozjati dwar ftehim dwar l-istatus infetħu fid-9 ta’ Lulju 2018 u t-tieni ċiklu seħħ fl-10 ta’ Ottubru 2018. Il-Ftehim dwar l-istatus ġie inizjalat mill-Kapijiet tat-timijiet tan-negozjati.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu ntlaħqu u li l-ftehim dwar l-istatus hu aċċettabbli għall-Unjoni.

    L-Istati Membri ġew infurmati u kkonsultati fil-Grupp ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

    Erbatax-il Stat Membru għandhom ftehimiet bilaterali attwalment fis-seħħ mar-Repubblika tas-Serbja: dawn jinkludu serje ta’ miżuri konġunti bħal kontrolli fuq il-fruntieri, sorveljanza, pattuljar, ritorn eċċ. Arranġament ta’ ħidma bejn il-Ministeru tas-Sigurtà tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-Aġenzija Ewropea tal-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta diġà jinsab fis-seħħ, li jinkludi b’mod partikolari parteċipazzjoni regolari tar-rappreżentanti mill-Pulizija tal-Fruntieri tal-Ministru tas-Sigurtà f’operazzjonijiet konġunti koordinati mill-Aġenzija Ewropea tal-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, bħala osservaturi fit-territorju tal-Istati Membri, bi qbil mal-Istat Membru ospitanti.

       Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

    L-aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 2 hija mibnija fuq erba’ pilastri. Il-ġestjoni tal-fruntieri hija wieħed minnhom: din tinvolvi ġestjoni aħjar tal-fruntieri esterna tal-UE, b’mod partikolari permezz tas-solidarjetà lejn dawk l-Istati Membri li jinsabu fuq il-fruntieri esterni, u t-titjib fl-effiċjenza tal-qsim tal-fruntieri. Il-kontroll imsaħħaħ tal-fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina se jkollu wkoll effett pożittiv fuq il-fruntieri esterni tal-UE, b’mod partikolari il-fruntieri esterni tal-Kroazja, kif ukoll il-fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina. Aktar tisħiħ tas-sigurtà fil-fruntieri esterni hija wkoll f’konformità mal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 3 .

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika għal din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-Artikolu 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE.

    Il-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea ta’ ftehim dwar l-istatus hija prevista b’mod espliċitu fl-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624 li jiddikjara li, f’każijiet fejn huwa previst li t-timijiet Ewropej tal-Fruntiera u tal-Gwardja tal-Kosta jiġu skjerati pajjiż terz f’azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom setgħat eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f’pajjiżi terzi jeħtieġu dan, l-Unjoni għandha tikkonkludiftehim dwar l-istatus mal-pajjiż terz ikkonċernat.

    Skont l-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni għandu inter alia jkollha kompetenza esklussiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni. L-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624 jipprevedi l-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-status mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat. Konsegwentement, il-ftehim mal-Bożnija-Ħerzegovina, li jinsab mehmuż, jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

    Il-kunsens tal-Parlament Ewropew huwa meħtieġ għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) tat-TFUE. 

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)

    Mhux applikabbli.

    Proporzjonalità

    Fid-dawl ta’ netwerks tal-kriminalità organizzata li jadattaw malajr ir-rotot u l-metodi tagħhom għat-traffikar ta’ migranti irregolari, l-involviment tal-UE hija meħtieġa biex ittejjeb il-kontrolli fil-fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina. Il-Ftehim dwar l-istatus fis-seħħ huwa meħtieġ sabiex jippermetti lill-awtoritajiet responsabbli tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-Istati Membri tal-UE, ikkoordinati mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, biex jirreaġixxu malajr għal dawn l-iżviluppi possibbli. Ftehim dwar l-istatus se jippermetti l-iskjerament ta’ timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina f’każ ta’ influss ta’ migranti irregolari għal għarrieda.

    Għażla tal-istrument

    Din il-proposta hija skont l-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill dwar ftehimiet internazzjonali, wara l-kunsens tal-Parlament Ewropew. Ma jeżisti l-ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress fil-proposta.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Mhux applikabbli

    Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert

    Mhux applikabbli

    Valutazzjoni tal-impatt

    L-ebda valutazzjoni tal-impatt ma kienet meħtieġa għan-negozjati dwar il-ftehim dwar l-istatus.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Billi dan se jkun ftehim ġdid, ma setgħet titwettaq l-ebda evalwazzjoni jew kontroll tal-idoneità tal-istrumenti eżistenti.

    Drittijiet fundamentali

    Il-ftehim dwar l-istatus fih dispożizzjonijiet li jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tal-persuni affettwati mill-azzjonijiet tal-membri tat-tim involuti f’azzjoni kkoordinata mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jkunu protetti.

    Id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali huma spjegati aktar fil-punt 5 “Elementi oħrajn”.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-ftehim dwar l-istatus fih innifsu ma għandux implikazzjonijiet finanzjarji. Huwa tabilħaqq l-iskjerament reali tat-timijiet tal-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fuq il-bażi ta’ Pjan Operazzjonali u l-Ftehim ta’ Għotja rilevanti li se jinvolvi spejjeż li se jiġġarrbu mill-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Il-Kummissjoni se tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-istatus.

    Il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom jevalwaw kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera.

    B’mod partikolari, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Istati Membri li jipparteċipaw għal azzjoni speċifika għandhom ifasslu rapport fi tmiem kull azzjoni dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, inkluż dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Mhux applikabbli.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim

    Skont dan il-Ftehim, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tkun tista’ timmobilizza t-timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta b’setgħat eżekuttivi fil-Bożnija-Ħerzegovina biex iwettqu operazzjonijiet konġunti u interventi rapidi fil-fruntiera. Filwaqt li dan il-ftehim ma jestendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (“il-ftehim ta’ riammissjoni bejn il-KE u l-Bożnija-Ħerzegovina”) 4 , it-timijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom ukoll jitħallew, fil-kors ta’ operazzjoni ta’ ritorn speċifika, jassistu lill-Bożnija-Ħerzegovina fl-identifikazzjoni tal-persuni li għandhom jiġu riammessi fil-Bożnija-Ħerzegovina, f’konformità mal-ftehim ta’ riammissjoni bejn il-KE u l-Bożnija-Ħerzegovina.

    Timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta jistgħu jiġu mmobilizzati fit-territorju tal-Bożnija-Ħerzegovina biss f’reġjuni li għandhom il-konfini mal-fruntieri esterni tal-UE u l-membri tat-tim għandu jkollhom poteri eżekuttivi f’dawk l-oqsma tal-Bożnija-Ħerzegovina kif stabbilit fil-Pjan Operazzjonali.

    Pjan Operazzjonali

    Qabel kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera, irid jiġi miftiehem Pjan Operazzjonali bejn l-Aġenzija u l-Bożnija-Ħerzegovina. Irid jiġi miftiehem Pjan Operazzjonali bejn l-Istat Membru jew l-Istati Membri li jikkonfinaw mal-fruntiera taż-żona ta’ operazzjoni.

    Il-pjan għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzattivi u proċedurali tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera, inkluż deskrizzjoni u valutazzjoni tas-sitwazzjoni, l-għan u l-objettivi operazzjonali, it-tip ta’ tagħmir tekniku li jrid jintuża, il-pjan ta’ implimentazzjoni, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra, Aġenziji u korpi oħrajn tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data personali, il-koordinazzjoni, l-istruttura tal-kmand, tal-kontroll, tal-komunikazzjoni u tar-rapportar, l-arranġamenti organizzattivi u loġistiċi, l-evalwazzjoni u l-aspetti finanzjarji tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera.

    Kompiti u setgħat tal-membri tat-timijiet

    Bħala regola ġenerali, it-timijiet għandu jkollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat eżekuttivi meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn. Huma għandhom jirrispettaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    It-timijiet għandhom jaġixxu biss fit-territorju tal-Bożnija-Ħerzegovina taħt l-istruzzjonijiet mingħand il-gwardji tal-fruntiera jew uffiċjali tal-pulizija oħra tal-Bożnija-Ħerzegovina, jew fil-preżenza tagħhom.

    Il-membri tat-tim għandhom ukoll, fejn xieraq, jilbsu l-uniformi tagħhom, identifikazzjoni personali viżibbli u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom. Huma għandhom ukoll iġorru magħhom dokument ta’ akkreditazzjoni sabiex jiġu identifikati b’mod ċar mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    Il-membri tat-tim jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz kif awtorizzat skont il-liġi nazzjonali u l-liġi tal-Bożnija-Ħerzegovina. L-Aġenzija għandha tkun infurmata minn qabel mill-Pulizija tal-Fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina bl-armi, munizzjon u tagħmir permissibbli tas-servizz u bil-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom. L-Aġenzija għandha tippreżenta minn qabel lill-Pulizija tal-Fruntiera tal-Bożnija-Ħerzegovina l-lista ta’ armi tas-servizz tal-membri tat-tim (it-tip u n-numru tas-serje tal-armi; it-tip u l-kwantità ta’ munizzjon.

    Il-membri tat-tim jistgħu jużaw il-forza, inkluż l-armi, l-munizzjon u t-tagħmir tas-servizz, bil-kunsens tal-Istat tagħhom stess u tal-Pulizija tal-Fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina, fil-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tal-Bożnija-Ħerzegovina, u f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina. Il-Pulizija tal-Fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina tista’ tawtorizza lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza wkoll fl-assenza tagħha.

    Il-Bożnija-Ħerzegovina tista’, fuq talba, tikkomunika l-informazzjoni rilevanti li tinsab fil-bażijiet ta’ data nazzjonali lill-membri tat-tim jekk ikun meħtieġ biex jitwettqu l-għanijiet operazzjonali.

    Privileġġi u immunitajiet tal-membri tat-tim

    Il-membri tat-tim għandhom igawdu mill-immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Bożnija-Ħerzegovina fir-rigward tal-atti kollha mwettqa fit-tħaddim tal-funzjonijiet uffiċjali (“on duty”) filwaqt li dawn ma jgawdux tali immunità għal atti mwettqa “off duty”. 

    Il-Pjan Operazzjonali għandu preċiżament jistabbilixxi l-azzjonijiet li jkollhom immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Bożnija-Ħerzegovina. 

    Fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ reat kriminali li qed jitwettaq minn membru tat-tim, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, qabel il-bidu tal-proċediment quddiem il-qorti kompetenti, għandu jaġixxi bil-ħeffa u jiċċertifika jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali jew le. Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu jew tagħha wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kull rappreżentanza li ssir mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkun skjera l-gwardja tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    Il-privileġġi mogħtija lill-membri tat-tim u l-immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Bożnija-Ħerzegovina ma jeżentawhomx mill-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru ospitanti. 

    Sistema simili tapplika għar-responsabbiltà ċivili u amministrattiva tal-membri tat-tim.

    L-immunità tal-membri tat-timijiet mill-ġuriżdizzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina tista’ tiġi rinunzjata mill-Istat Membru li jkun skjera l-gwardja tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor ikkonċernati. Tali rinunzja trid tkun dejjem rinunzja espressa.

    Il-ftehim jipprevedi mekkaniżmu li jikkumpensa d-danni. Il-mekkaniżmu ta’ kumpens huwa bbażat fuq l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Jekk id-dannu huwa kkawżat minn membru tat-tim “on duty”, il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tkun responsabbli. Jekk id-dannu jkun ikkawżat minn membru tat-tim “on duty” minn Stat Membru parteċipanti minħabba negliġenza gravi jew imġiba ħażina volontarja jew jekk l-att twettaq “off duty”, il-Bożnija-Ħerzegovina tista’ titlob permezz tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija li l-kumpens jitħallas mill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat. Jekk persunal tal-Aġenzija jikkawża dannu, il-Bożnija-Ħerzegovina tista’ titlob li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija. 

    L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każ li jinbeda kontrihom proċediment kriminali jew ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.

    L-oġġetti tal-membri tat-tim meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom ma għandhomx jiġu ssekwestrati. Fil-kuntest ta’ proċedimenti ċivili, il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ lġiem.

    Il-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fil-Bożnija-Ħerzegovina fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija. Huma għandhom ikunu eżentatiwkoll minn kwalunkwe forma ta' tassazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri tal-oriġini kif ukoll fuq kwalunkwe introjtu li jirċievu minn barra l-Bożnija-Ħerzegovina.

    L-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina għandhom jippermettu d-dħul u l-ħruġ ta’ oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim, u għandhom jagħtu eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxi u dazji u oħra, u imposti (ħlief għall-ħlasijiet għal ħżin, trasport u servizzi simili) fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti. 

    Il-bagalji personali tal-membri tat-tim jistgħu jiġu spezzjonati biss f'każijiet ta’ suspetti ġustifikati li li fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tal-Bożnija-Ħerzegovina. L-ispezzjoni ta’ dawn il-bagalji personali għandha ssir biss fil-preżenza tal-membru/i tat-tim ikkonċernat(i) jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.

    Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-propjetà tal-membri tat-tim għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni.

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija jistgħu jobbligaw lill-membri tat-tim, li huma xhieda, li jipprovdu evidenza, b’rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar l-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva.

    Dokument ta’ akkreditazzjoni

    L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina, toħroġ dokument ta’ akkreditazzjoni lill-membri tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina bħala prova tad-drittijiet tad-detentur li jwettaq il-kompiti u jeżerċita l-poteri mogħtija taħt dan il-Ftehim u fil-Pjan Operazzjonali. Id-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, jagħti lill-membru tat-tim aċċess għall-Bożnija-Ħerzegovina mingħajr il-bżonn ta’ viża jew awtorizzazzjoni minn qabel. dan irid jingħata lill-Aġenzija fi tmiem l-azzjoni.

    Drittijiet fundamentali

    Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw il-poteri tagħhom, il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal proċeduri tal-ażil, id-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-tortura, trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà, il-prinċipju tan-non-refoulement u l-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Dawn ma għandhomx jiddiskriminaw b’mod arbitrarju kontra persuni fuq l-ebda bażi, inkluż is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Kwalunkwe miżura li tinterferixxi mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għandha tkun proporzjonata mal-objettivi ta’ tali miżura u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

    Kull Parti għandu jkollha mekkaniżmu ta’ lmenti sabiex tittratta l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-persunal tagħha. L-Aġenzija stabbiliet mekkaniżmu tal-ilmenti msemmi fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u għalhekk tissodisfa dan l-obbligu. L-Ombudsman tal-Bożnija-Ħerzegovina (“l-Istituzzjoni tal-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Bożnija-Ħerzegovina”) jista’ jittratta dawn l-allegazzjonijiet, ħlief jekk il-Bożnija-Ħerzegovina tiddeċiedi li tistabbilixxi mekkaniżmu li speċifikament ikollu l-kompitu li jittratta l-ilmenti mressqa skont dan il-Ftehim.

    Proċessar ta’ data personali

    Il-membri tat-tim għandhom jipproċessaw id-data personali meta dan ikun meħtieġ u proporzjonat skont ir-regoli applikabbli għall-Aġenzija u l-Istati Membri tal-UE. L-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina għandu jkun suġġett għal liġijiet nazzjonali tiegħu.

    L-Aġenzija, l-Istati Membri parteċipanti u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina għandhom iħejju rapport komuni dwar l-ipproċessar ta’ data personali mill-membri tat-tim fi tmiem kull azzjoni. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Uffiċjal tad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija u lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, kif ukoll lill-awtorità kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina. L-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija u l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jirrapportaw lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

    Sospensjoni u terminazzjoni tal-azzjoni

    Kemm l-Aġenzija kif ukoll il-Pulizija tal-Fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina jistgħu jissospendu jew itemmu l-azzjoni, jekk huma jqisu li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew tal-Pjan Operazzjonali ma jkunux rispettati mill-parti l-oħra.

    Tilwim u interpretazzjoni

    Il-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw b'rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt mir-rappreżentanti Pulizija tal-Fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina u tal-Aġenzija, li għandhom jikkonsultaw xi Stat Membru ġar jew Stati Membri ġirien tal-Bożnija-Ħerzegovina. 

    Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni minn qabel, it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt biss bin-negozjar bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kummissjoni Ewropea, li għandha tikkonsulta lil kwalunkwe Stat Membru ġar tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    Dikjarazzjonijiet konġunti

    Iż-żewġ partijiet isostnu li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta se jappoġġjaw lill-Bożnija-Ħerzegovina biex tikkontrolla b’mod effiċjenti l-fruntiera tagħha ma’ kwalunkwe pajjiż li ma jkunx membru tal-Unjoni Ewropea b’mezzi oħra għajr l-iskjerament ta’ timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta b’setgħat eżekuttivi.

    L-assoċjazzjoni mill-qrib tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen hi riflessa f’dikjarazzjoni konġunta mal-Ftehim.

    2019/0060 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 5 ,

    Billi:

    (1)L-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 jipprevedi li, f’każijiet fejn ikun previst li jintbagħtu timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta f’pajjiż terz biex iwettqu azzjonijiet li għalihom il-membri tat-tim ikollhom poteri eżekuttivi, jew fejn meħtieġ minn azzjonijiet oħra f’pajjiżi terzi, għandu jintlaħaq ftehim dwar l-istatus, bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Dak il-ftehim jenħtieġ li jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet.

    (2)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/XXX ta’ [...], il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina (“il-Ftehim”) kien iffirmat minn [...] fi [... ..], soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

    (3)Skont il-Ftehim, it-timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta, skont il-Pjan Operazzjonali, jistgħu jiġu mmobilizzatimalajr fuq it-territorju tal-Bożnija-Ħerzegovina, jirreaġixxu għall-bidla attwali fil-flussi migratorji lejn ir-rotta kostali u jassistu fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-ġlieda kontra t-traffikar ta’ migranti irregolari.

    (4)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE 7 ; għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (5)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 8 ; Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (6)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew marbuta bl-applikazzjoni tagħha.

    (7)Il-ftehim għandu għalhekk jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina (“il-Ftehim”), huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill jaħtar il-persuna bis-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, għan-notifika li hemm provvediment għaliha fl-Artikolu 11(2) tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1.
    (2)    COM(2015) 240 finali
    (3)    COM(2015) 185 finali
    (4)    ĠU L 334, 19.12.2007, p. 66.
    (5)    ĠU C , , p.
    (6)    Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).
    (7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (Ġ.U. L 131, 1.6.2000, p. 43).
    (8)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (Ġ.U. L 64, 7.3.2002, p. 20).
    Top

    Brussell, 28.2.2019

    COM(2019) 110 final

    ANNESS

    ta'

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-konklużjoni tal-ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina


    ANNESS

    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina

    L-UNJONI EWROPEA,

    u l-BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA,

    Minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,

    BILLI jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) tikkoordina l-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina, inkluż fit-territorju tal-Bożnija-Ħerzegovina,

    BILLI jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali fil-forma ta’ ftehim dwar l-istatus għal sitwazzjonijiet meta l-membri tat-tim tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta se jkollhom poteri eżekuttivi fit-territorju tal-Bożnija-Ħerzegovina,

    FID-DAWL li jenħtieġ li l-azzjonijiet kollha tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fit-territorju tal-Bożnija-Ħerzegovina jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali,

    Filwaqt LI JENFASIZZAW li dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa d-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Bożnija-Ħerzegovina li jirriżultaw mill-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni.

    IDDEĊIDEW LI JIKKONKLUDU L-FTEHIM LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim

    1.Dan il-Ftehim għandu jkopri l-aspetti li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta li jistgħu jsiru fit-territorju tal-Bożnija-Ħerzegovina fejn il-membri tat-tim tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jkollhom setgħat eżekuttivi skont il-liġijiet fil-Bożnija-Ħerzegovina.

    2.Dan il-Ftehim għandu japplika biss fit-territorju tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    3.L-istatus u d-delimitazzjoni taħt il-liġi internazzjonali fit-territorji rispettivi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Bożnija-Ħerzegovina bl-ebda mod ma huma affettwati la minn dan il-Ftehim u lanqas minn kull att imwettaq fl-implimentazzjoni tiegħu mill-Partijiet jew f’isimhom, inkluż l-istabbiliment ta’ pjanijiet operazzjonali jew il-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet transfruntiera.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)“azzjoni” tfisser operazzjoni konġunta, intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta’ ritorn;

    (2)“operazzjoni konġunta” tfisser kwalunkwe azzjoni mmirata biex tindirizza l-immigrazzjoni illegali jew kriminalità transfruntiera jew li għandha l-għan li tipprovdi aktar assistenza teknika u operattiva fil-fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina ġar ta’ Stat Membru u mwettqa fit-territorju tal-Bożnija-Ħerzegovina;

    (3)“intervent rapidu fil-fruntiera” tfisser azzjoni mmirata biex tindirizza b’mod rapidu sitwazzjoni b’diffikultajiet speċifiċi u sproporzjonati fil-fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina li jmissu Stat Membru u mwettqa fit-territorju tal-Bożnija-Ħerzegovina għal perjodu limitat ta’ żmien;

    (4)“operazzjoni ta’ ritorn” tfisser operazzjoni li tkun koordinata mill-Aġenzija u tinvolvi rinfurzar tekniku u operazzjonali li jiġi pprovdut minn Stat Membru wieħed jew aktar li permezz tiegħu dawk li jirritornaw lura minn Stat Membru wieħed jew aktar jiġu rritornati fuq bażi furzata jew fuq bażi volontarja lejn il-Bożnija-Ħerzegovina b’konformità mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-l-Bożnija-Ħerzegovina dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni;

    (5)“kontroll tal-fruntieri” tfisser il-kontroll ta’ persuni mwettqa fuq il-fruntiera b’reazzjoni esklussiva għall-intenzjoni li wieħed jaqsam jew għall-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntieri fil-punti tal-qsim tal-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti tal-qsim tal-fruntieri;

    (6)“Membru ta’ tim” tfisser jew membru tal-persunal tal-Aġenzija jew membru ta’ tim ta’ gwardji tal-fruntiera minn Stati Membri parteċipanti, inklużi gwardji tal-fruntiera li huma sekondati mill-Istati Membri lill-Aġenzija biex jieħdu sehem f'azzjoni; din tista’ tinkludi persunal rilevanti ieħor li l-funzjonijiet tiegħu se jiġu definiti fil-pjan operazzjonali; Il-persunal lokali mhuwiex ikkunsidrat bħala membru tat-tim;

    (7)“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

    (8)“Stat Membru tal-oriġini” tfisser l-Istat Membru li membru ta' tim ikun gwardja tal-fruntiera jew membru rilevanti ieħor tal-persunal tiegħu;

    (9)data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal identifikatur bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data dwar il-post, identifikatur onlajn jew aktar fatturi speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta' dik il-persuna fiżika;

    (10)“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa fl-azzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina billi jipprovdi tagħmir tekniku, gwardji tal-fruntieri u persunal rilevanti ieħor mibgħut bħala parti mit-tim;

    (11)“Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

    Artikolu 3

    Pjan operazzjonali

    Għandu jitfassal pjan operazzjonali mill-Aġenzija f’konsultazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina għal kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera. Il-pjan, li għandu l-qbil tal-Istat Membru jew l-Istati Membri li jmissu mal-fruntiera taż-żona operazzjonali, għandu jiġi miftiehem bejn l-Aġenzija u l-Pulizija tal-Fruntiera tal-Bożnija-Ħerzegovina. Il-pjan għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzattivi u proċedurali tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera, inkluż deskrizzjoni u valutazzjoni tas-sitwazzjoni, l-għan u l-objettivi operazzjonali, il-kunċett operazzjonali, it-tip ta’ tagħmir tekniku li jrid jintuża, il-pjan ta’ implimentazzjoni, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra, Aġenziji u korpi oħrajn tal-Unjoni Ewropeajew organizzazzjonijiet internazzjonali, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data personali, il-koordinazzjoni, l-istruttura tal-kmand, tal-kontroll, tal-komunikazzjoni u tar-rapportar, l-arranġamenti organizzattivi u loġistiċi, l-evalwazzjoni u l-aspetti finanzjarji tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera. L-evalwazzjoni tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera għandha titwettaq b’mod konġunt mill-Pulizija tal-Fruntiera tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-Aġenzija.

    Artikolu 4

    Kompiti u setgħat tal-membri tat-tim

    1.Il-membri tat-tim għandu jkollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat eżekuttivi meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn.

    2.Il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    3.Il-membri tat-tim jistgħu jwettqu biss kompiti u jeżerċitaw setgħat fit-territorju tal-Bożnija-Ħerzegovina taħt struzzjonijiet minn u, bħala regola ġenerali, fil-preżenza tal-Pulizija tal-Fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tal-Bożnija-Ħerzegovina, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom jiġu stabbiliti fil-pjan operazzjonali. Il-Pulizija tal-Fruntiera tal-Bożnija-Ħerzegovina għandha tagħti struzzjonijiet lit-tim skont il-pjan operazzjonali meta xieraq. Il-Pulizija tal-Fruntiera tal-Bożnija-Ħerzegovina tista’ tawtorizza lill-membri tat-tim biex jaġixxu f’isimha skont l-eċċezzjonijiet previsti fil-pjan operazzjonali.

    L-Aġenzija, permezz tal-Uffiċjal tal-Koordinazzjoni tagħha, tista’ tikkomunika l-opinjonijiet tagħha lill-Pulizija tal-Fruntiera tal-Bożnija-Ħerzegovina dwar l-istruzzjonijiet mogħtija lit-tim. F'dak il-każ, il-Pulizija tal-Fruntiera tal-Bożnija-Ħerzegovina għandha tikkunsidra dawn il-fehmiet u ssegwihom sa fejn ikun possibbli.

    4.Il-membri tat-tim għandhom jilbsu l-uniformi tagħhom waqt li jkunu qed iwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. Il-membri tat-tim għandhom ukoll jilbsu b'mod viżibbli identifikazzjoni personali u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom. Għall-finijiet ta' identifikazzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina, il-membri tat-timi għandhom, f'kull ħin iġorru magħhom id-dokument ta' akkreditazzjoni msemmi fl-Artikolu 6.

    5.Waqt li jkunu qegħdin iwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz kif awtorizzat skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ domiċilju u l-Bożnija-Ħerzegovina. Il-Pulizija tal-Fruntiera tal-Bożnija-Ħerzegovina għandha, qabel ma jintbagħtu l-membri tat-tim, tinforma lill-Aġenzija dwar l-armi, il-munizzjon u t-tagħmir tas-servizz permissibbli u dwar il-kondizzjonijiet biex jintużaw. L-Aġenzija għandha tippreżenta minn qabel lill-Pulizija tal-Fruntiera tal-Bożnija-Ħerzegovina l-lista ta’ armi tas-servizz tal-membri tat-tim, jiġifieri l-informazzjoni dwar it-tip u n-numru tas-serje tal-armi u t-tip u l-kwantità ta’ munizzjon.

    6.Waqt li jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim għandhom ikunu awtorizzati jużaw il-forza, inkluż l-armi, il-munizzjon u tagħmir tas-servizz, bil-kunsens tal-Istat Membru tal-oriġini u tal-Pulizija tal-Fruntiera tal-Bożnija-Ħerzegovina, fil-preżenza ta' gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tal-Pulizija tal-Fruntiera tal-Bożnija-Ħerzegovina u f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina. Il-Pulizija tal-Fruntiera tal-Bożnija-Ħerzegovina tista’ tawtorizza lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza fin-nuqqas ta’ gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tal-Bożnija-Ħerzegovina skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 4, paragrafu 3.

    7.Il-Bożnija-Ħerzegovina tista’, fuq talba ta’ membri tat-tim, tipprovdi data mill-bażijiet ta’ data nazzjonali tagħha jekk ikun meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-pjan operazzjonali. L-użu ta’ dik id-data għandu jsir skont il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali u l-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata.

    Artikolu 5

    Privileġġi u immunitajiet tal-membri tat-tim

    1.Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-assi tal-membri tat-tim għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni li huma permessi skont il-paragrafu 7.

    2.Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-Bożnija-Ħerzegovina fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet uffiċjali fil-kors tal-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali.

    Fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ reat kriminali li qed jitwettaq minn membru tat-tim, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu nnotifikati minnufih. Qabel ma jinbeda proċediment quddiem il-qorti, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kwalunkwe rappreżentazzjoni li ssir minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina, għandu jaġixxi bil-ħeffa u jiċċertifika jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali. Sakemm ma tasal iċ-ċertifikazzjoni mid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija, l-Aġenzija u l-Istat Membru ospitanti għandhom joqogħdu lura milli jieħdu xi miżuri li x’aktarx ifixklu l-prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli ta’ membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    Jekk l-att ikun twettaq fit-twettiq ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-membru tat-tim għandu jibbenefika mill-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-atti mwettqa matul u għall-iskop tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali matul l-azzjonijiet imwettqa skont il-pjan operazzjonali.

    3.Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tal-Bożnija-Ħerzegovina fir-rigward tal-atti kollha li jwettqu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali. Jekk jinbeda xi proċediment ċivili kontra l-membri tat-tim quddiem kwalunkwe qorti tar-Repubblika tal-Albanija, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu nnotifikati minnufih. Qabel ma jinbeda proċediment quddiem il-qorti, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kwalunkwe rappreżentazzjoni li ssir minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina, għandu jaġixxi bil-ħeffa u jiċċertifika lill-qorti jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq mill-Membri tat-tim fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali.

    Jekk l-att ikun twettaq fit-twettiq ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-membru tat-tim għandu jibbenefika mill-immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-atti mwettqa matul u għall-iskop tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali matul l-azzjonijiet imwettqa skont il-pjan operazzjonali.

    4.L-immunità tal-membri mill-ġurisdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tal-Bożnija-Ħerzegovina tista’ tiġi rinunzjata mill-Istat Membru ospitanti skont il-każ. Tali rinunzja trid tkun dejjem rinunzja espressa.

    5.Il-membri tat-tim, li huma xhieda, jistgħu jkunu obbligati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina, b’rispett sħiħ għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3, biex jipprovdu evidenza u skont id-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    6.Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn membru tat-tim fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali fil-kors tal-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali, il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe dannu.

    Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja jew jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim minn Stat Membru parteċipanti, il-Bożnija-Ħerzegovina tista’ titlob, permezz tad-direttur eżekuttiv, li jitħallas kumpens mill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat.

    Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja jew jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li huwa membru tal-persunal tal-Aġenzija, il-Bożnija-Ħerzegovina tista’ titlob li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.

    F’każ ta’ dannu kkawżat fil-Bożnija-Ħerzegovina, minħabba force majeure, la l-Bożnija-Ħerzegovina, u lanqas l-Istat Membru parteċipanti, u lanqas l-Aġenzija, ma għandu jkollhom ebda responsabbiltà.

    7.L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każ li jinbeda kontrihom proċediment kriminali jew ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.

    Il-proprjetà tal-membri tat-tim, li tkun ċertifikata mid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, għandha tkun ħielsa minn sekwestru biex tiġi ssodisfata sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fil-kuntest ta’ proċedimenti ċivili, il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ lġiem.

    8.L-immunità tal-membri tat-tim mill-ġurisdizzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina ma għandhiex teżentahom mill-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri tal-oriġini rispettivi tagħhom.

    9.Il-membri tat-tim għandhom, fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija, ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fil-Bożnija-Ħerzegovina.

    10.Il-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati minn kwalunkwe forma ta' tassazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri tal-oriġini kif ukoll fuq kwalunkwe introjtu li jirċievu minn barra l-Bożnija-Ħerzegovina.

    11.Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha, f’konformità ma’ dawk il-liġijiet u r-regolamenti li tista’ tadotta, tippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim, u għandha tagħti eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa u dazji oħra oħra jew imposti applikabbli għall-importazzjoni ta’ oġġetti minbarra imposti għall-ħlasijiet marbuta mal-ħżin, it-trasport u servizzi simili, fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti. Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha wkoll tippermetti l-esportazzjoni ta' dawn l-oġġetti.

    12.Il-bagalji personali tal-membri tat-tim jistgħu jiġu spezzjonati biss f'każijiet ta’ suspetti ġustifikati li li fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tal-Bożnija-Ħerzegovina. L-ispezzjoni ta’ dawn il-bagalji personali għandha ssir biss fil-preżenza tal-membru/i tat-tim ikkonċernat(i) jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.

    Artikolu 6

    Dokument ta’ akkreditazzjoni

    1.L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina, toħroġ dokument fil-lingwa/i uffiċjali ta' [pajjiż terz] u f’lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea lil kull membru tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ [pajjiż terz] u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita l-poteri msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim u fil-Pjan Operazzjonali. Id-dokument għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-membru: l-isem u n-nazzjonalità; il-grad jew it-titlu tal-impjieg; ritratt riċenti diġitalizzat u l-kompiti awtorizzati li għandhom jitwettqu matul l-iskjerament u d-data tal-ħruġ u d-data tal-iskadenza tal-permess.

    2.Id-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, jagħti lill-membru tat-tim aċċess u d-dritt ta’ soġġorn fil-Bożnija-Ħerzegovina mingħajr il-bżonn ta’ viża jew awtorizzazzjoni minn qabel.

    3.Id-dokument tal-akkreditazzjoni għandu jiġi ritornat lill-Aġenzija fi tmiem l-azzjoni.

    Artikolu 7

    Drittijiet fundamentali

    1.Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal proċeduri tal-ażil, id-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-tortura, trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà, il-prinċipju tan-non-refoulement u l-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Waqt it-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, ma għandhomx jiddiskriminaw b'mod arbitrarju kontra persuni fuq l-ebda bażi, inkluż is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru. Kwalunkwe miżura li tinterferixxi mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċitar tas-setgħat tagħhom għandha tkun proporzjonata mal-objettivi ta’ tali miżura u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

    2.Kull Parti għandu jkollha mekkaniżmu ta’ lmenti sabiex tittratta l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-persunal tagħha fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta’ ritorn imwettqa skont dan il-Ftehim.

    Artikolu 8

    Proċessar ta’ data personali

    1.L-ipproċessar tad-data personali għandu jsir biss meta jkun meħtieġ u jkun proporzjonat għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-Bożnija-Ħerzegovina, mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri parteċipanti.

    2.L-ipproċessar ta’ data personali mill-Bożnija-Ħerzegovina għandu jkun suġġett għal liġijiet nazzjonali tiegħu.

    3.L-ipproċessar ta’ data personali għal għanijiet amministrattivi mill-Aġenzija u mill-Istat(i) Membru/i parteċipanti, inkluż f’każ ta’ trasferiment ta’ data personali lejn il-Bożnija-Ħerzegovina, għandu jkun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data, ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI u l-miżuri adottati mill-Aġenzija għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 kif imsemmi fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624.

    4.F'każ li l-proċessar jinvolvi trasferiment ta' data personali, l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jindikaw, fil-mument tat-trasferiment tad-data personali lill-Bożnija-Ħerzegovina, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess tagħha jew l-użu tagħha, f'termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż għal trasferiment, tħassir jew qerda. Fejn il-ħtieġa għal tali restrizzjonijiet issir ċara wara t-trasferiment tad-data personali, dawn għandhom jinformaw lill-Bożnija-Ħerzegovina dwar dan.

    5.Data personali miġbura għal għanijiet amministrattivi matul l-azzjoni tista’ tiġi pproċessata mill-Aġenzija, mill-Istati Membri parteċipanti u l-Bożnija-Ħerzegovina f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

    6.L-Aġenzija, l-Istati Membri parteċipanti u l-Bożnija-Ħerzegovina għandhom iħejju rapport komuni dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu fi tmiem kull azzjoni. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Uffiċjal tal-Aġenzija responsabbli mid-Drittijiet Fundamentali u lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Huma għandhom jirrapportaw għand id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija.

    Artikolu 9

    Sospensjoni u terminazzjoni tal-azzjoni

    1.Id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jissospendi jew itemm l-azzjoni, wara li jkun informa lil Pulizija tal-Fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina bil-miktub, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew il-pjan operazzjonali ma jkunux rispettati mill-Bożnija-Ħerzegovina. Dan jista’ jikkonċerna każijiet bħal meta struzzjonijiet maħruġa lit-tim ma jkunux konformi mal-pjan operazzjonali.

    Id-direttur eżekuttiv għandu jinnotifika lill-Pulizija tal-Fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina bir-raġunijiet tiegħu.

    2.Il-Pulizija tal-Fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina tista’ tissospendi jew tittermina l-azzjoni, wara li tinforma lill-Aġenzija bil-miktub, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew tal-pjan operazzjonali ma jkunux rispettat mill-Aġenzija jew minn kwalunkwe Stat Membru parteċipant. Il-Pulizija tal-Fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina għandha tinnotifika lill-Aġenzija bir-raġunijiet għal dan.

    3.B’mod partikolari, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jew il-Pulizija tal-Fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina jistgħu jissospendu jew ittemmu l-azzjoni f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement jew tar-regoli tal-protezzjoni tad-data.

    4.It-terminazzjoni tal-azzjoni ma għandha taffettwa l-ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew tal-pjan operazzjonali qabel tali terminazzjoni.

    Artikolu 10

    Tilwim u interpretazzjoni

    1.Il-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw b'rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt mir-rappreżentanti Pulizija tal-Fruntieri tal-Bożnija-Ħerzegovina u tal-Aġenzija, li għandhom jikkonsultaw xi Stat Membru ġar tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    2.Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe soluzzjoni minn qabel skont il-paragrafu 1, it-tilwim dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew l-interpretazzjoni tiegħu għandhom jiġu solvuti esklużivament permezz ta’ negozjati bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kummissjoni Ewropea, li għandha tikkonsulta ma’ kwalunkwe Stat Membru li jkun ġar tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ, durata, sospensjoni u terminazzjoni tal-ftehim

    1.Il-Partijiet għandhom japprovaw il-Ftehim skont il-proċeduri legali interni tagħhom.

    2.Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta' wara d-data meta l-Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin li lestew il-proċeduri legali interni tagħhom imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    3.Dan il-Ftehim għandu jkun validu għal perijodu taż-żmien mhux definit. Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat jew sospiż permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet jew b’mod unilaterali minn waħda mill-Partijiet. F’dan il-każ tal-aħħar, il-Parti li jkollha l-intenzjoni tittermina jew tissospendi għandha tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra b’dan b’mezzi diplomatiċi. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-ewwel jum tat-tieni x-xahar ta’ wara dak meta tingħata n-notifika.

    4.In-notifiki li jsiru skont dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Bożnija-Ħerzegovina.

    Magħmul fi …. nhar il- …

    f'żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Bożnian, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bis-Serb, b'kull test ikollu l-istess awtentiċità.

    Fil-każ ta' diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi, tipprevali l-verżjoni bl-Ingliż.

    Firma:



    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, TAN-NORVEĠJA, TAL-IŻVIZZERA U TAL-LIECHTENSTEIN

    Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.

    F’tali ċirkostanzi huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tal-Bożnija-Ħerzegovina f’termini simili għal dawk ta' dan il-Ftehim.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLI 2(2) U 2(3)

    Il-Partijiet Kontraenti jieħdu nota li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tista’ tappoġġa lill-Bożnija-Ħerzegovina biex tikkontrolla b’mod effiċjenti l-fruntiera tagħha ma’ kwalunkwe pajjiż li mhuwiex membru tal-Unjoni Ewropea b’mezzi oħra li ma jinkludux l-iskjerament ta’ timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta b’setgħat eżekuttivi bħal: bini ta’ kapaċità, taħriġ, analiżi tar-riskju, skjerament ta’ esperti mingħajr setgħat eżekuttivi fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri.

    Top