Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0088

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ċerti aspetti tas-sikurezza u tal-konnettività ferrovjarja fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni

    COM/2019/88 final

    Strasburgu, 12.2.2019

    COM(2019) 88 final

    2019/0040(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar ċerti aspetti tas-sikurezza u tal-konnettività ferrovjarja fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ 1 ma jiġix irratifikat, il-liġi primarja u sekondarja tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit mit-30 ta’ Marzu 2019 (“id-data tal-ħruġ”). Ir-Renju Unit imbagħad isir pajjiż terz.

    Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim se jolqot il-validità tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/49/KE għall-managers tal-infrastruttura għall-ġestjoni u t-tħaddim tal-infrastruttura transfruntiera li torbot l-Unjoni mar-Renju Unit.

    Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2019: Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza” 2 , il-Kummissjoni stabbilixxiet il-prinċipji sottostanti għall-miżuri ta’ kontinġenza, inkluż li huma m’għandhomx jirrimedjaw għan-nuqqas ta’ miżuri ta’ tħejjija mill-partijiet ikkonċernati, jew dewmien fl-implimentazzjoni tagħhom. F’dik il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni elenkat l-azzjonijiet li fil-fehma tagħha jkunu meħtieġa, filwaqt li fakkret li jista’ jkun hemm ħtieġa ta’ azzjonijiet addizzjonali f’xi stadju aktar ’il quddiem.

    Fit-13 ta’ Diċembru 2018 il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) tenna l-appell tiegħu biex tkompli tiġi intensifikata l-ħidma dwar it-tħejjija, fil-livelli kollha, għall-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit, filwaqt li jitqiesu l-eżiti kollha possibbli.

    Il-Kummissjoni ddiskutiet mal-Istati Membri l-konsegwenzi possibbli tal-ħruġ fil-kuntest ta’ seminars organizzati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2018. Barra minn hekk, l-impatti tal-ħruġ kif ukoll il-miżuri ta’ tħejjija ġew diskussi b’mod estensiv matul sensiela ta’ żjarat fl-Istati Membri kollha.

    Fil-qasam tat-trasport ferrovjarju, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-effett tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fuq iċ-ċertifikati, l-awtorizzazzjonijiet u l-liċenzji jista’ jiġi rrimedjat mill-partijiet ikkonċernati permezz ta’ diversi miżuri, b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru u permezz tal-ksib tal-awtorizzazzjonijiet, taċ-ċertifikati u tal-liċenzji xierqa hemmhekk.

    Madankollu, in-negozjar u l-iffirmar ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri kkonċernati tal-UE u r-Renju Unit ikunu meħtieġa biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati direttament ma’ operazzjonijiet ferrovjarji transfruntiera, jiżguraw il-kontinwità tagħhom wara d-data tal-ħruġ, u b’hekk itaffu t-tfixkil fl-Unjoni. Il-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali bħal dawn tkun possibbli biss wara li r-Renju Unit isir pajjiż terz.

    B’mod partikolari, is-sitwazzjoni rigward l-awtorità binazzjonali tas-sikurezza, stabbilita skont it-Trattat ta’ Canterbury dwar iċ-Channel Tunnel, trid tiġi adattata filwaqt li jitqies l-istatus il-ġdid tar-Renju Unit bħala pajjiż terz.

    Għalhekk huwa xieraq li l-Kummissjoni tipproponi miżuri li jiżguraw il-validità kontinwa tal-awtorizzazzjonijiet għal ċerti partijiet tal-infrastruttura ferrovjarja skont il-liġi rilevanti tal-UE.

    Din il-validità estiża jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien għal dak li huwa strettament meħtieġ biex ir-Renju Unit u l-Istati Membri kkonċernati jingħataw iż-żmien neċessarju għall-konklużjoni tal-ftehimiet meħtieġa.

    Dan jikkonċerna biss l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/49/KE għall-managers tal-infrastruttura għall-ġestjoni u t-tħaddim tal-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad lill-Unjoni mar-Renju Unit.

    Id-dispożizzjonijiet proposti huma maħsuba biex jiżguraw il-kontinwità limitata għal operazzjonijiet u servizzi transfruntiera, f’konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli tal-Unjoni. Interruzzjoni ta’ dawn l-attivitajiet tista’ tikkawża problemi soċjali u ekonomiċi sinifikanti. Filwaqt li tiżgura l-konformità tal-organizzazzjonijiet mal-liġi tal-UE, il-proposta se tiżgura wkoll il-protezzjoni tal-konsumaturi u taċ-ċittadini.

    Il-miżuri f’din il-proposta huma kondizzjonali fuq l-istandards tas-sikurezza identiċi mar-rekwiżiti tal-UE li jiġu applikati għall-infrastruttura fit-territorju tar-Renju Unit, li jintużaw għall-finijiet tal-iżgurar tal-konnettività ferrovjarja transfruntiera.

    Madankollu, it-tfixkil kbir jista’ jiġi evitat biss jekk l-operaturi ferrovjarji u l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa malajr biex jiżguraw li l-liċenzji tal-aċċess għas-suq, il-liċenzji tas-sewwieqa tal-ferroviji, kif ukoll iċ-ċertifikati u l-awtorizzazzjonijiet kollha l-oħra meħtieġa biex joperaw fit-territorju tal-Unjoni jinħarġu kmieni biżżejjed qabel it-30 ta’ Marzu 2019.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Din il-proposta hija maħsuba bħala lex specialis li tindirizza xi wħud mill-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li d-Direttiva 2004/49/KE ma tibqax tapplika għar-Renju Unit. It-termini proposti huma strettament limitati għal dak li huwa meħtieġ f’dan ir-rigward, sabiex jiġi evitat it-tfixkil tal-operazzjonijiet transfruntiera. Huma maħsuba wkoll biex japplikaw għal perjodu limitat. Id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dawk l-atti se jibqgħu japplikaw. Din il-proposta hija kompletament konsistenti mal-leġiżlazzjoni eżistenti.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta tikkonċerna s-sikurezza ferrovjarja u l-konnettività ferrovjarja, tikkumplementa d-Direttiva 2004/49/KE biex tittratta b’mod speċifiku s-sitwazzjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Peress li l-proposta tikkumplementa l-liġi eżistenti tal-Unjoni, b’dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tagħhom kif suppost wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, l-għan tagħha jista’ jinkiseb biss permezz ta’ att fil-livell tal-Unjoni.

    Proporzjonalità

    Ir-Regolament propost jitqies li huwa proporzjonat peress li kapaċi jevita t-tfixkil billi jipprevedi bidla ġuridika limitata u meħtieġa, li tkopri l-ħtieġa għall-kontinwità tas-servizzi ferrovjarji transfruntiera mar-Renju Unit. Ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dan l-għan u joqgħod lura milli jwassal għal xi bidliet usa’ jew xi miżuri permanenti.

    Għażla tal-istrument

    Din il-proposta fiha sett limitat ta’ dispożizzjonijiet biex tiġi indirizzata sitwazzjoni speċifika ħafna u ta’ darba. Għalhekk, mhuwiex xieraq li jiġu modifikati d-Direttiva 2004/49/KE u d-Direttiva 2016/798/UE, li tissostitwiha b’effett mis-16 ta’ Ġunju 2019. Id-dispożizzjonijiet rilevanti li jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet milquta huma koperti mid-Direttiva 2004/49/KE. Meta jitqies dan, jidher li Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa l-unika forma adegwata ta’ att ġuridiku.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli minħabba n-natura eċċezzjonali u ta’ darba tal-avveniment li wassal biex din il-proposta tkun meħtieġa.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Iċ-ċirkostanzi speċifiċi fl-isfond tan-negozjati għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u s-sitwazzjoni li qiegħda tevolvi b’mod kontinwu kienu limitazzjonijiet kbar fuq il-possibbiltà li jkun hemm konsultazzjoni pubblika rigward din il-proposta. Madankollu, l-isfidi li jfeġġu mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u s-soluzzjonijiet possibbli tqajmu minn diversi partijiet ikkonċernati fil-qasam ferrovjarju u rappreżentanti tal-Istati Membri.

    Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    Din l-informazzjoni ġiet soġġetta għal analiżi legali u teknika interna biex jiġi żgurat li l-miżura proposta tilħaq l-għan maħsub tagħha, iżda fl-istess ħin hija limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt billi s-sitwazzjoni hija eċċezzjonali u l-ħtiġijiet għall-perjodu li matulu tiġi implimentata l-bidla fl-istatus tar-Renju Unit huma limitati. Ma hemm l-ebda opzjoni ta’ politika materjalment differenti li hija disponibbli għajr għal dik proposta.

    Drittijiet fundamentali

    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq l-applikazzjoni jew il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

    Mhux applikabbli.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Mhux applikabbli minħabba n-natura fuq medda qasira ta’ żmien tal-miżura proposta.

    2019/0040 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar ċerti aspetti tas-sikurezza u tal-konnettività ferrovjarja fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 3 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 4

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, jiġifieri mit-30 ta’ Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

    (2)Fil-qasam tat-trasport ferrovjarju, l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq iċ-ċertifikati u l-awtorizzazzjonijiet jista’ jiġi rrimedjat mill-operaturi kkonċernati permezz ta’ diversi miżuri, pereżempju billi l-operaturi jistabilixxu rwieħhom fi Stat Membru u billi jiksbu l-awtorizzazzjonijiet u ċ-ċertifikati xierqa hemmhekk.

    (3)L-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni tas-sikurezza għaċ-Channel Tunnel bħalissa hija konferita lil awtorità binazzjonali tas-sikurezza, stabbilita skont it-Trattat ta’ Canterbury. Is-sistema stabbilita minn dan it-Trattat ikollha tiġi adattata filwaqt li jitqies l-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz.

    (4)Il-miżuri f’din il-proposta huma kondizzjonali fuq l-applikazzjoni ta’ standards u proċeduri tas-sikurezza identiċi mar-rekwiżiti tal-Unjoni għall-infrastruttura, li jintużaw għall-finijiet tal-iżgurar tal-konnettività ferrovjarja transfruntiera mar-Renju Unit.

    (5)Biex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jidħlu fil-ftehimiet meħtieġa u biex jieħdu kwalunkwe miżura oħra neċessarja ħalli jiġi evitat it-tfixkil, filwaqt li jitqies l-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz, huwa meħtieġ li tiġi estiża l-validità ta’ ċerti awtorizzazzjonijiet.

    (6)It-tul ta’ din l-estensjoni tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet jenħtieġ li jkun limitat fiż-żmien għal dak li huwa strettament neċessarju biex l-Istati Membri kkonċernati jkunu jistgħu jieħdu dawk il-passi meħtieġa, skont id-dispożizzjoni applikabbli tad-dritt tal-Unjoni.

    (7)Biex jiġi evitat tfixkil maġġuri tas-servizzi ferrovarji transfruntiera mar-Renju Unit, se jkun ukoll essenzjali li l-operaturi ferrovjarji u l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu l-miżuri meħtieġa malajr biex jiżguraw li l-liċenzji tal-aċċess għas-suq, il-liċenzji tas-sewwieqa tal-ferroviji, kif ukoll iċ-ċertifikati, liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa biex joperaw fit-territorju tal-Unjoni jinħarġu kmieni biżżejjed qabel id-29 ta’ Marzu 2019.

    (8)Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-irtirar tal-benefiċċju mogħti lid-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet, meta ma jkunx żgurat li l-istandards tas-sikurezza identiċi għar-rekwiżiti tal-Unjoni jkunu applikati għal kwalunkwe infrastruttura rilevanti. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 . Jenħtieġ li tintuża l-proċedura ta’ eżami għall-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri, minħabba l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sikurezza ferrovjarja. Fid-dawl tal-urġenza inerenti tal-kwistjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta minnufih atti ta’ implimentazzjoni applikabbli.

    (9)Minħabba l-urġenza li nħolqot miċ-ċirkostanzi tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni, jenħtieġ li tapplika eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    (10)Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ b’urġenza u japplikaw mill-għada tal-jum meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u ġewwa fih, sakemm ma jidħolx fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit sa dik id-data.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi, fid-dawl tal-irtirar tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) mill-Unjoni Ewropea, għal ċerti awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa skont id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 .

    2.Dan ir-Regolament għandu japplika għall-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/49/KE għall-managers tal-infrastruttura għall-ġestjoni u t-tħaddim tal-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad lill-Unjoni mar-Renju Unit, li jkunu validi fil-jum qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2004/49/KE flimkien mal-atti ta’ implimentazzjoni adottati bis-saħħa ta’ din id-Direttiva. Id-definizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 u kwalunkwe atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skontha għandhom japplikaw mid-data li fiha dik id-Direttiva ssir applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 3

    Validità tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza

    L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandhom jibqgħu validi għal tliet (3) xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Regoli u obbligi fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet

    1.L-awtorizzazzjonijiet irregolati mill-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament huma soġġetti għar-regoli applikabbli għalihom skont id-Direttiva 2004/49/KE u d-Direttiva 2016/798/UE mid-data meta ssir applikabbli għal dawn l-awtorizzazzjonijiet, u l-atti ta’ implimentazzjoni u delegati adottati bis-saħħa ta’ dawn id-Direttivi.

    2.Id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2), u, kif xieraq, l-awtorità li toħroġhom, meta din tkun differenti mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza kompetenti li fit-territorju tagħha tinsab l-infrastruttura fl-Unjoni, għandhom jikkooperaw mal-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza u jagħtuha l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha.

    3.Fejn l-informazzjoni jew id-dokumenti ma jkunux twasslu fil-limiti ta’ żmien stabbiliti mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fil-paragrafu 2 fit-talbiet tagħha, il-Kummissjoni tista’, malli tirċievi notifika mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 7(2), tirtira l-benefiċċju mogħti lid-detentur skont l-Artikolu 3.

    4.Id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji dwar kwalunkwe azzjoni minn awtoritajiet kompetenti tas-sikurezza oħra, li tista’ tkun f’kunflitt mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, skont id-Direttiva 2004/49/KE, u skont id-Direttiva 2016/798/UE.

    5.Qabel ma tirtira l-benefiċċji skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha, fi stadju bikri kemm jista’ jkun, tinforma lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fil-paragrafu 2, lill-awtorità li ħarġet l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2), lid-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet bħal dawn, kif ukoll lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza tar-Renju Unit, bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi għal tali rtirar u tagħtihom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

    Artikolu 5

    Standards tas-sikurezza

    1.L-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fl-Artikolu 4(2) għandha timmonitorja l-istandards tas-sikurezza ferrovjarja applikati għall-infrastruttura transfruntiera msemmija fl-Artikolu 1(2). L-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji b’rapporti regolari dwar din il-kwistjoni, akkumpanjati, fejn xieraq, b’rakkomandazzjoni għall-Kummissjoni biex taġixxi skont il-paragrafu 2.

    2.Meta l-Kummissjoni jkollha dubji ġustifikati dwar jekk l-istandards tas-sikurezza applikati għat-tħaddim tal-infrastruttura koperta mill-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew parti mill-istess infrastruttura li tinsab fir-Renju Unit humiex konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha mingħajr dewmien żejjed, permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 7(2), tirtira l-benefiċċju mogħti lid-detentur skont l-Artikolu 3.

    3.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza tista’ titlob informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, filwaqt li tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli. Meta dawn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba sal-iskadenza stabbilita mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza, inkella jipprovdu informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni tista’, wara li tinnotifika lill-Awtorità tas-Sikurezza Internazzjonali, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 7(2), tirtira l-benefiċċju mogħti lid-detentur skont l-Artikolu 3.

    4.Qabel ma tirtira l-benefiċċji skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha, fi stadju bikri kemm jista’ jkun, tinforma lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fl-Artikolu 4(2), lill-awtorità li ħarġet l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2), lid-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet bħal dawn, kif ukoll lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza tar-Renju Unit bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi għal tali rtirar u tagħtihom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

    Artikolu 6

    Konsultazzjoni u kooperazzjoni

    1.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkonsultaw l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit u jikkooperaw magħhom skont il-ħtieġa sabiex jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    2.Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed kwalunkwe informazzjoni miksuba skont il-paragrafu 1 jew kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 7

    Kumitat

    1.Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2016/797/UE tal-Parlament u tal-Kunsill 8 . Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.Għandu japplika mill-għada tal-jum li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u ġeww fih, skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    3.Dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jkun daħal fis-seħħ mid-data msemmija fil-paragrafu 2.

    4.Dan ir-Regolament għandu jieqaf japplika tliet xhur wara li jkun sar applikabbli skont il-paragrafu 2.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)     https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/draft_withdrawal_agreement_0.pdf .
    (2)    COM(2018)880 final, 13.11.2018.
    (3)    ĠU C […], […], p. […].
    (4)    ĠU C […], […], p. […].
    (5)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni, ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
    (6)    Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà, ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44.
    (7)    Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (riformulazzjoni), ĠU L 138, 26.5.2016, p.102.
    (8)    Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea, ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44.
    Top