Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0070

    Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati bil-ħsieb ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali

    COM/2019/70 final

    Brussell, 5.2.2019

    COM(2019) 70 final

    Rakkomandazzjoni għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati bil-ħsieb ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.    KUNTEST

    Il-flussi transnazzjonali tad-data qegħdin jiżdiedu flimkien mal-użu dejjem ikbar tal-midja soċjali, il-webmail, is-servizzi tal-messaġġi u l-apps biex nikkomunikaw, naħdmu, nissoċjalizzaw u niksbu l-informazzjoni, inkluż għal skopijiet illegali. Għaldaqstant, iktar u iktar investigazzjonijiet kriminali qegħdin jiddependu fuq evidenza elettronika li mhijiex pubblikament disponibbli. Billi l-internet m’għandux fruntieri, u minħabba l-mod li bih jistgħu jiġu pprovduti servizzi minn madwar id-dinja kollha, inkluż minn kumpaniji li mhumiex Ewropej, il-faċilitazzjoni tal-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika huwa kwistjoni urġenti li tikkonċerna kważi kull tip ta’ reat. B’mod partikolari, l-attakki terroristiċi riċenti ssottolinjaw il-ħtieġa, bħala kwistjoni ta’ prijorità, li jinstabu mezzi biex il-prosekuturi u l-imħallfin tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jiksbu l-evidenza elettronika aktar malajr u effettivament.

    Aktar minn nofs l-investigazzjonijiet kriminali daż-żmien jeħtieġu aċċess għal evidenza elettronika transfruntiera. L-evidenza elettronika hija meħtieġa f’madwar 85 % tal-investigazzjonijiet kriminali, u f’żewġ terzi ta’ dawk l-investigazzjonijiet ikun hemm ħtieġa li tinkiseb evidenza minn provdituri ta’ servizzi online li jkunu bbażati f’ġuriżdizzjoni oħra. L-għadd ta’ talbiet għall-provdituri ewlenin ta’ servizzi online kiber b’84 % fil-perjodu bejn l-2013 u l-2018. Dawn it-tipi ta’ data huma essenzjali biex fl-investigazzjonijiet kriminali tiġi identifikata persuna jew tinkiseb informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha.

    L-evidenza elettronika tirreferi għal diversi tipi ta’ data f’format elettroniku li jkunu rilevanti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali, u spiss ikunu maħżuna fis-servers tal-provdituri tas-servizzi online. Dawn jinkludu “data tal-kontenut” bħal e-mails, messaġġi, ritratti u filmati, kif ukoll “data mhux ta’ kontenut”, bħal data dwar l-abbonati u informazzjoni dwar it-traffiku rigward kont online.

    Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji hija l-metodu li tradizzjonalment l-awtoritajiet jużaw biex jaħdmu flimkien biex jindirizzaw kull tip ta’ reat. Illum il-ġurnata, l-istrument ewlieni li l-Istati Membri jużaw biex jitolbu aċċess għall-evidenza elettronika transfruntiera fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea huwa l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea.

    L-Istati Membri għandhom rikors għat-talbiet ta’ Assistenza Legali Reċiproka ma’ pajjiżi terzi (u d-Danimarka u l-Irlanda li ma jipparteċipawx fl-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea). Hemm bosta awtoritajiet differenti involuti fuq iż-żewġ naħat. Il-proċeduri tfasslu fiż-żmien ta’ qabel l-internet, fejn il-volum ta’ talbiet kien biss frazzjoni ta’ dak li hemm illum, u ma kinux iħabbtu wiċċhom mal-volatilità tal-evidenza elettronika.

    Wieħed mir-riċevituri ewlenin ta’ Assistenza Legali Reċiproka mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (u mid-dinja kollha) għall-aċċess għall-evidenza elettronika huwa l-Istati Uniti tal-Amerka, fejn huma bbażati l-akbar provdituri ta’ servizzi. Ġie ffirmat ftehim dwar l-Assistenza Legali Reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka fil-25 ta’ Ġunju 2003, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2010. Il-ftehim huwa mekkaniżmu transatlantiku ewlieni biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni effettiva fil-qasam tal-ġustizzja kriminali u fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu.

    L-ewwel rieżami konġunt tal-ftehim sar fl-2016 1 . Dan ikkonkluda li l-Ftehim iżid il-valur għar-relazzjoni ta’ Assistenza Legali Reċiproka bejn l-Unjoni Ewropewa u l-Istati Uniti, u li ġeneralment jaħdem tajjeb. Se jsiru aktar sforzi biex din il-kooperazzjoni tittejjeb. Filwaqt li l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet pubbliċi, inkluż mal-Istati Uniti tal-Amerka, hija kruċjali, dan il-metodu spiss idum wisq meta titqies in-natura volatili tal-evidenza elettronika, billi jdum medja ta’ 10 xhur, u jista’ jinvolvi użu sproporzjonat ta’ riżorsi. Barra minn hekk, filwaqt li s-sovranità hija aspett importanti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja f’investigazzjoni partikolari, qed issir ħaġa aktar komuni li l-uniku konnessjoni għal stat ieħor tkun il-lokazzjoni tad-data jew tal-provditur tas-servizz. Dwar l-evidenza elettronika b’mod speċifiku, ir-rieżami konġunt tal-2016 ħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw direttament mal-provdituri tas-servizzi tal-Istati Uniti sabiex jiżguraw u jiksbu l-evidenza elettronika aktar malajr u effettivament.

    Il-kooperazzjoni diretta mal-provdituri tas-servizzi fl-Istati Uniti ġiet żviluppata bħala alternattiva għall-kooperazzjoni ġudizzjarja. Hija limitata għal data 2 mhux ta’ kontenut, u mill-perspettiva tad-dritt tal-Istati Uniti hija volontarja. F’termini prattiċi, l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru tal-UE jikkuntattjaw direttament lil provditur tas-servizzi fl-Istati Uniti tal-Amerka b'talbiet skont ir-regoli nazzjonali tal-proċedura kriminali li l-provditur tas-servizzi jkollu aċċess għalihom, tipikament data dwar utent tas-servizzi li jipprovdi. Dan jikkonċerna lil xi provdituri ta’ servizzi stabbiliti fl-Istati Uniti tal-Amerka, u, sa punt limitat, fl-Irlanda, li jirrispondu direttament għal talbiet mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri fuq bażi volontarja, sa fejn dawn it-talbiet ikunu jikkonċernaw data mhux ta’ kontenut.

    Id-dritt tal-Istati Uniti 3 jippermetti lill-provdituri tas-servizzi jikkooperaw direttament mal-awtoritajiet pubbliċi Ewropej fir-rigward ta’ data mhux ta’ kontenut. Madankollu, din il-kooperazzjoni hija volontarja. Għaldaqstant, il-provdituri ħolqu l-politiki tagħhom stess jew jiddeċiedu każ b’każ jekk jikkooperawx u kif. Flimkien maż-żieda fil-kooperazzjoni diretta mal-provdituri tas-servizzi, sentenzi u kawżi fil-qrati riċenti fl-Istati Uniti tal-Amerka ppruvaw jiċċaraw jekk l-awtoritajiet tal-Istati Uniti għandhomx id-dritt li jitolbu li tingħatalhom data maħżuna barra mill-pajjiż minn provditur tas-servizz li s-sede ewlenija tiegħu tinsab fl-Istati Uniti, fosthom b’mod partikolari l-kawża “Microsoft Ireland” 4 .

    L-iskala ta’ talbiet għal kooperazzjoni diretta fuq bażi volontarja żdiedet rapidament, u fl-2017 saru aktar minn 124 000. Filwaqt li tiżgura aċċess aktar malajr għall-Assistenza Legali Reċiproka, il-kooperazzjoni diretta fuq bażi volontarja hija limitata għal data mhux ta’ kontenut. Barra minn hekk, din tista’ ma tkunx affidabbli, jista’ jkun li ma tiżgurax ir-rispett tas-salvagwardji proċedurali xierqa, hija possibbli biss ma’ għadd limitat ta’ provdituri ta’ servizzi li kollha japplikaw politiki differenti, mhijiex trasparenti u ma għandhiex biżżejjed akkontabilità. Il-frammentazzjoni li tirriżulta tista’ tiġġenera inċertezza tad-dritt, tqajjem domandi dwar il-legalità tal-prosekuzzjoni, kif ukoll tħassib dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u s-salvagwardji proċedurali għall-persuni relatati ma’ tali talbiet. Barra minn hekk, anqas minn nofs it-talbiet kollha lill-provdituri ta’ servizzi jiġu ssodisfati 5 .

    Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ talbiet reċiproċi mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għall-provdituri ta’ servizzi fl-Unjoni Ewropea, f’ħafna Stati Membri il-qafas legali tat-telekomunikazzjoni bħalissa jipprojbixxi lill-provdituri tat-telekomunikazzjoni milli jwieġbu direttament għal talbiet minn awtoritajiet barranin, inkluż għal data mhux ta’ kontenut. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda qafas legali li jippermetti l-kooperazzjoni diretta f’setturi oħrajn tal-komunikazzjoni. L-awtoritajiet tal-Istati Uniti normalment jistgħu jiksbu tali data minn provdituri ta’ servizzi mill-UE permezz ta’ talba għal Assistenza Legali Reċiproka.

    2.    GĦANIJIET TAL-PROPOSTA

    Fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà ta’ April 2015 6 , il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li teżamina l-ostakli għall-investigazzjonijiet kriminali rigward kriminalità ffaċilitata miċ-ċibernetika, b’mod partikolari dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika. Fis-17 ta’ April 2018, il-Kummissjoni pproponiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Regolament dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali 7 u Direttiva li tistipula r-regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanza legali għall-iskop tal-ġbir ta’ evidenza fi proċedimenti kriminali (“il-proposti għall-evidenza elettronika”) 8 .

    L-għan ta’ dawn il-proposti huwa li fl-Unjoni Ewropea jitħaffef il-proċess biex tinkiseb l-evidenza elettronika direttament mill-provdituri ta’ servizzi stabbiliti f’ġuriżdizzjoni oħra. L-ambitu tal-proposti jinkludi tipi speċifiċi ta’ provdituri ta’ servizzi li jipprovdu servizzi fl-Unjoni Ewropea. Provditur joffri servizzi fl-Unjoni Ewropea meta jippermetti lill-utenti fi Stat Membru jew aktar biex jużaw is-servizzi tiegħu u meta jkollu konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni, pereżempju meta jkun stabbilit fi Stat Membru jew għax jipprovdi servizzi lil għadd kbir ta’ utenti f’dak l-Istat Membru. Dawk li ma għandhomx preżenza fl-Unjoni Ewropea huma obbligati li jaħtru rappreżentant legali li jkunu jistgħu jiġu infurzati ordnijiet ta’ produzzjoni fil-konfront tiegħu.

    Il-Kunsill Ewropew saħaq fuq l-importanza ta’ din il-kwistjoni kemm internament kif ukoll esternament. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta’ Ottubru 2018 jgħidu li “Għandhom jinstabu soluzzjonijiet biex jiġi żgurat aċċess transkonfinali rapidu u effiċjenti għall-evidenza elettronika sabiex jiġu miġġielda b'mod effettiv it-terroriżmu u kriminalità serja u organizzata oħra, kemm fl-UE kif ukoll fuq livell internazzjonali; sa tmiem il-leġislatura 9 , jeħtieġ li jiġu miftiehma l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-evidenza elettronika u l-aċċess għall-informazzjoni finanzjarja, kif ukoll dwar ġlieda aktar effikaċi kontra l-ħasil tal-flus. Il-Kummissjoni għandha wkoll tippreżenta b'urġenza mandati ta' negozjar għan-negozjati internazzjonali dwar levidenza elettronika”.

    Il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-evidenza elettronika jipprovdu l-bażi għal approċċ koordinat u koerenti kemm fl-Unjoni Ewropea stess kif ukoll mill-Unjoni Ewropea fil-livell internazzjonali, b’konsiderazzjoni dovuta lejn ir-regoli tal-Unjoni Ewropea, inkluż dwar in-nondiskriminazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħhom. Filwaqt li l-Kummissjoni, fil-Valutazzjoni tal-Impatt tagħha għall-proposti dwar l-evidenza elettronika, diġà nnutat li l-proposti jistgħu jiġu kkomplementati utilment minn ftehimiet bilaterali jew multilaterali dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika flimkien ma’ salvagwardji li jakkumpanjawhom, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi regoli tal-UE dwar il-modalitajiet u s-salvagwardji xierqa għall-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika qabel ma tidħol f’negozjati ma’ partijiet terzi.

    Fil-livell internazzjonali, diġà qed isiru taħditiet bħala parti min-negozjati dwar it-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa 10 . L-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika kien punt regolari fil-laqgħat ministerjali tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.

    Iż-żewġ rakkomandazzjonijiet biex jinfetħu n-negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerka u għall-parteċipazzjoni fin-negozjati tat-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa qed jiġu adottati mill-Kummissjoni fl-istess ħin. Filwaqt li ż-żewġ proċessi se jimxu ’l quddiem b’pass differenti, dawn jindirizzaw kwistjonijiet interkonnessi, u impenji li jsiru f’negozjati partikolari jista’ jkollhom impatt dirett fuq taqsimiet oħrajn tan-negozjati.

    Filwaqt li l-proposti dwar l-evidenza elettronika jindirizzaw is-sitwazzjoni ta’ tipi speċifiċi ta’ provdituri ta’ servizzi li jipprovdu servizzi fis-suq tal-UE, hemm riskju ta’ obbligi konfliġġenti ma’ liġijiet f’pajjiżi terzi. Sabiex dawn il-konflitti tal-liġijiet jiġu indirizzati, u f’konformità mal-prinċipju tal-korteżija internazzjonali, il-proposti dwar l-evidenza elettronika jinkludu dispożizzjonijiet għal mekkaniżmi speċifiċi fil-każ li provditur ta’ servizz ikun qed jaffaċċja obbligi konfliġġenti li jinbtu mid-dritt ta’ pajjiż terz meta tintalab l-evidenza. Dawn il-mekkaniżmi jinkludu proċedura ta’ rieżami biex tiġi ċċarata sitwazzjoni bħal din. Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti jenħtieġ li jkun immirat biex jevita obbligi konfliġġenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka.

    Il-provdituri ta’ servizzi ewlenin li jkollhom evidenza rilevanti għall-investigazzjonijiet kriminali joperaw taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti. L-Att dwar il-Komunikazzjoni Maħżuna (Stored Communications Act) tal-1986 ipprojbixxa l-iżvelar ta’ data tal-kontenut, filwaqt li d-data mhux ta’ kontenut tista’ tiġi pprovduta fuq bażi volontarja. Il-United States CLOUD Act (Clarifying Lawful Overseas Use of Data), adottat mill-Kungress tal-Istati Uniti fit-23 ta’ Marzu 2018, jiċċara permezz ta’ emenda tal-att dwar il-komunikazzjoni maħżuna tal-1986 li l-provdituri ta’ servizzi fl-Istati Uniti huma obbligati li jimxu mal-ordnijiet tal-Istati Uniti li jiżvelaw id-data tal-kontenut u mhux, irrispettivament minn fejn hija maħżuna tali data, inkluż fl-Unjoni Ewropea. Il-CLOUD Act jippermetti wkoll il-konklużjoni ta’ ftehimiet eżekuttivi ma’ gvernijiet barranin, fuq il-bażi ta’ liema l-provdituri ta’ servizzi fl-Istati Uniti jkunu jistgħu jipprovdu data tal-kontenut direttament lil dawn il-gvernijiet barranin. L-ambitu tad-data koperta mill-CLOUD Act hija data maħżuna u l-interċezzjoni ta’ komunikazzjoni bil-fil jew elettronika, filwaqt li r-reati koperti huma “reati serji”. Il-ftehimiet eżekuttivi mal-gvernijiet barranin huma soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, li l-pajjiż barrani jkollu biżżejjed protezzjonijiet fis-seħħ, inkluż biex jiġi ristrett l-aċċess għal data relatata ma’ ċittadini tal-Istati Uniti.

    L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li tindirizza, permezz ta’ regoli komuni, il-kwistjoni speċifika legali tal-aċċess għad-data tal-kontenut u data mhux ta’ kontenut miżmuma minn provdituri ta’ servizzi fl-Unjoni Ewropea jew fl-Istati Uniti tal-Amerka. Din l-inzjattiva, fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali, tkun tikkomplementa l-proposti dwar l-evidenza elettronika tal-UE billi tindirizza konflitti tal-liġijiet, b’mod partikolari rigward data tal-kontenut u tħaffif tal-aċċess għall-evidenza elettronika. Din ir-rakkomandazzjoni tinkludi direttivi ta' negozjati għall-ftuħ tan-negozjati fuq ftehim tal-UE kollha kemm hi mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika. L-Unjoni Ewropea għandha interess fi ftehim komprensiv mal-Istati Uniti tal-Amerka, kemm mill-perspettiva tal-ħarsien tad-drittijiet u l-valuri Ewropej bħall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, kif ukoll mill-perspettiva tal-interessi tas-sigurtà tagħna.

    F’dak li għandu x’jaqsam mad-data tal-kontenut, id-dritt tal-Istati Uniti (Stored Communications Act tal-1986) kif inhu bħalissa, jipprojbixxi lill-provdituri ta’ servizzi mill-Istati Uniti milli jirrispondu għal talbiet minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi barranin. Id-dritt tal-Istati Uniti bħalissa jitlob li tintwera l-kawża probabbli qabel ma tkun tista’ tiġi eżegwita talba minn pajjiż terz għal Assistenza Legali Reċiproka. Il-provdituri ta’ servizzi mill-Istati Membri bħalissa ma jistgħux jirrispondu għal talbiet diretti minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi. Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka ikun jikkomplementa l-objettiv u l-effettività tal-proposti dwar l-evidenza elettronika, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mad-data tal-kontenut miżmuma minn provdituri ta’ servizzi Amerikani fl-Istati Uniti tal-Amerka. Ikun jippermetti kooperazzjoni diretta ma’ provditur ta' servizz billi jinħoloq qafas legali aktar effiċjenti għall-awtoritajiet ġudizzjarji, minħabba li bħalissa l-prattikanti tal-UE jaffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu data tal-kontenut permezz ta’ talbiet għal Assistenza Legali Reċiproka.

    Fir-rigward ta’ data mhux ta’ kontenut, minħabba l-għadd li qed jikber ta’ talbiet għal Assistenza Legali Reċiproka indirizzati lill-Istati Uniti tal-Amerka, l-awtoritajiet Amerikani ħeġġew lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji tal-UE biex jitolbu d-data mhux ta’ kontenut direttament mingħand il-provdituri ta’ servizzi Amerikani, u d-dritt tal-Istati Uniti jippermetti iżda ma jirrikjedix li l-provdituri ta’ servizzi bbażati fl-Istati Uniti jirrispondu għal tali talbiet. Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti jkun jipprovdi aktar ċertezza, salvagwardji proċedurali ċari u jnaqqas il-frammentazzjoni għall-awtoritajiet tal-UE biex jaċċessaw id-data mhux ta’ kontenut miżmuma minn provdituri ta’ servizzi Amerikani. Ikun ukoll jippermetti li jkun hemm aċċess reċiproku mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għal data miżmuma minn provdituri ta’ servizzi fl-UE.

    Ir-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill hija biex jitnedew in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka, sabiex ikun jista’ jintlaħaq ftehim transatlantiku dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika direttament mingħand il-provdituri ta’ servizzi għall-użu fi proċedimenti kriminali. Hija tfittex li tadatta l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni għall-era diġitali, billi tagħti lill-ġudikatura u lill-infurzar tal-liġi l-għodod sabiex jindirizzaw il-mod kif il-kriminali jikkomunikaw illum u sabiex jiġġieldu l-forom moderni ta’ kriminalità.

    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jkun joffri għadd ta’ vantaġġi prattiċi:

    ·Ikun jipprevedi aċċess reċiproku lill-awtoritajiet ġudizzjarji għad-data tal-kontenut;

    ·Ikun jindirizza l-aċċess għad-data mhux ta’ kontenut abbażi ta’ ordnijiet mill-awtoritajiet ġudizzjarji, jiżgura aċċess reċiproku mill-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti u jirrieżamina l-kundizzjonijiet u s-salvagwardji għall-kooperazzjoni diretta għall-provdituri ta’ servizzi;

    ·Ikun jikkontribwixxi biex jittejjeb l-aċċess fil-ħin għad-data mill-awtoritajiet ġudizzjarji;

    ·Ikun jindirizza r-riskju tal-konflitt tal-liġijiet;

    ·Ikun inaqqas ir-riskju ta’ frammentazzjoni tar-regoli u l-proċeduri, u jarmonizza d-drittijiet u s-salvagwardji permezz ta’ mandat uniku tan-negozjar għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kollha mal-Istati Uniti biex tiġi żgurata n-nondiskriminazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħhom;

    ·Ikun jiċċara n-natura vinkolanti u l-infurzar tal-ordnijiet lil provdituri ta’ servizzi filwaqt li jagħti d-dettalji tal-obbligi għall-awtoritajiet ġudizzjarji.

    Jenħtieġ li l-ftehim ikun kondizzjonali fuq mekkaniżmi ta’ protezzjoni b’saħħithom għad-drittijiet fundamentali. Dawn id-direttivi ta' negozjati għandhom l-għan li jtejbu ċ-ċertezza tad-dritt għall-awtoritajiet, għall-fornituri ta’ servizzi u għall-persuni affettwati, u jiżguraw il-proporzjonalità, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, it-trasparenza, u l-akkontabilità tal-awtoritajiet ġudizzjarji kif ukoll tal-provdituri ta’ servizzi.

    3.    DISPOŻIZZJONIJIET RILEVANTI FIL-QASAM TA’ POLITIKA

    Il-qafas legali attwali tal-Unjoni Ewropea jikkonsisti fi strumenti ta’ kooperazzjoni f’materji kriminali, bħad-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali 11 (id-Direttiva OIE), il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea 12 , ir-Regolament 2018/1727 dwar l-Eurojust 13 , ir-Regolament (UE) 2016/794 dwar l-Europol 14 , id-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI dwar l-iskwadri ta' investigazzjoni konġunti 15 , u r-Regolament propost dwar il-prevenzjoni tat-tixrid tal-kontenut terroristiku online 16

    Fis-17 ta’ April 2018, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Regolament dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali 17 u Direttiva li tistipula r-regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanza legali għall-iskop tal-ġbir ta’ evidenza fi proċedimenti kriminali 18 . Esternament, l-Unjoni Ewropea kkonkludiet għadd ta’ ftehimiet bilaterali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, bħall-Ftehim dwar l-Assistenza Legali Reċiproka (Mutual Legal Assitance — “MLA”) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka 19 . Dan il-ftehim huwa maħsub biex jikkomplementa dawn l-arranġamenti.

    Id-data personali koperta minn din ir-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill hija protetta u tista’ tiġi pproċessata biss f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) 20 u għall-awtoritajiet fl-Unjoni Ewropea, mad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-Awtoritajiet tal-Pulizija u tal-Ġustizzja Kriminali (id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-Infurzar tal-Liġi) 21 . Dan il-ftehim jenħtieġ li jikkomplementa l-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Privatezza, magħruf ukoll bħala l-“Ftehim Umbrella” li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2017 u l-Judicial Redress Act (JRA) tal-Istati Uniti, li jestendi l-benefiċċji tal-US Privacy Act liċ-ċittadini tal-UE, li kien adottat mill-Kungress tal-Istati Uniti fl-24 ta’ Frar 2016.

    Id-data tal-komunikazzjoni elettronika koperta minn din ir-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill hija protetta u tista’ tiġi pproċessata biss f’konformità mad-Direttiva 2002/58/KE (id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika) 22 .

    Jenħtieġ li dan il-ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali, il-libertajiet u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE kif imnaqqxin fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-drittijiet proċedurali inkluż id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet tad-difiża, il-prinċipji ta' legalità u proporzjonalità ta' reati u ta' pieni u kwalunkwe obbligu li huma soġġetti għalihom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarji f’dan ir-rigward. Fir-rigward tas-salvagwardji għad-data personali neċessarji għad-data personali ttrasferita mill-Unjoni Ewropea lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi Amerikani, id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Privatezza se jiġu kkomplementati b’salvagwardji addizzjonali biex iqisu l-livell ta’ sensittività tal-kategoriji tad-data kkonċernata u l-ħtiġijiet uniċi tat-trasferiment ta’ evidenza elettronika direttament mill-provdituri ta’ servizzi.

    Jenħtieġ ukoll li l-ftehim ikun mingħajr preġudizzju għal ftehimiet internazzjonali eżistenti oħrajn dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali bejn l-awtoritajiet, bħall-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Assistenza Legali Reċiproka. Jenħtieġ li l-ftehim, fir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea, jieħu preċedenza fuq kwalunkwe ftehim jew arranġament li jkun intlaħaq fin-negozjati tat-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa.

    Il-Kunsill għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, jadotta d-direttivi ta' negozjati u jawtorizza l-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim kif stabbilit fl-Artikolu 218(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Drittijiet fundamentali

    Il-ftehim jista’ potenzjalment jaffettwa għadd ta’ drittijiet fundamentali:

    ·id-drittijiet tal-individwu li tiġi aċċessata d-data tiegħu: inkluż id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali; id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-komunikazzjoni; id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda; id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet tad-difiża, il-prinċipji ta' legalità u proporzjonalità ta' reati u ta' pieni;

    ·id-drittijiet tal-fornitur ta’ servizz: id-dritt għal-libertà ta’ intrapriża; id-dritt għal rimedju effettiv;

    ·id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuni.

    Huwa u jitqies l-acquis rilevanti tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data, jenħtieġ li jiġu inklużi salvagwardji suffiċjenti u importanti fil-ftehim biex jiġi żgurat li d-drittijiet ta’ dawn il-persuni jitħarsu f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE u mal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Il-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-proposti tal-Kummissjoni dwar l-evidenza elettronika, inkluż waqt li dawn jevolvu fil-proċedura leġiżlattiva u fil-forma finali adottata tagħhom.

    Id-definizzjonijiet ta’ proċedimenti kriminali li għalihom tali data tista’ tinkiseb, it-tipi ta’ data koperti, ir-rekwiżiti biex tinħareġ ordni, ir-rimedji u s-salvagwardji ġudizzjarji, u l-ambitu tar-reati kkonċernati se jiffurmaw parti importanti min-negozjati sabiex jiġu evitati konflitti tal-liġijiet u jittejjeb l-aċċess għall-awtoritajiet. Jenħtieġ li d-definizzjonijiet u l-ambitu jkunu kompatibbli ma’ dawk tar-regoli interni tal-UE dwar l-evidenza elettronika huma u jevolvu.

    Il-Kummissjoni temmen li huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Istati Uniti tal-Amerka li jiġi konkluż ftehim komprensiv, billi dan ikun jipprovdi ċarezza ġuridika għall-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi miż-żewġ naħat u jiġu evitati obbligi ġuridiċi konfliġġenti għall-provdituri ta’ servizzi. Dan huwa wkoll l-uniku mod li bih nevitaw li jkollna regoli differenti għaċ-ċittadini u għall-provdituri ta’ servizz tal-UE skont in-nazzjonalità tagħhom.

    Jenħtieġ li l-ftehim jiċċara n-natura vinkolanti u l-infurzar tal-ordnijiet lill-provdituri ta’ servizzi, filwaqt li jenħtieġ li l-ftehim jiddefinixxi wkoll l-obbligi għall-awtoritajiet ġudizzjarji.

    Fil-punti minn 1 sa 3 tad-direttivi ta' negozjati, il-Kummissjoni tipproponi t-tliet objettivi ewlenin tal-ftehim, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli komuni u li jiġu indirizzati konflitti tal-liġijiet għal ordnijiet fuq data tal-kontenut u mhux ta’ kontenut, minn awtorità ġudizzjarja f’parti kontraenti waħda, indirizzata lil provditur ta' servizz li jkun soġġett għal-liġi ta’ parti kontraenti oħra; it-tieni, abbażi ta’ tali ordni, biex jippermetti trasferiment tal-evidenza elettronika direttament fuq bażi reċiproka minn provditur ta' servizz lil awtorità rikjedenti u t-tielet, biex jiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali, il-libertajiet u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni kif imnaqqxa fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    Fil-punt 4 tad-direttivi ta’ negozjar, il-Kummissjoni tipproponi li l-ftehim għandu japplika għall-proċedimenti kriminali, li jinkludu kemm il-fażi ta’ qabel il-proċess kif ukoll il-fażi tal-proċess. Jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-Artikolu 3 tar-Regolament propost dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni u ta’ Preżervazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali. Kemm fil-fażi ta’ qabel il-proċess u fil-fażi tal-proċess, japplikaw il-protezzjonijiet legali kollha għall-persuni affettwati, b’mod partikolari s-salvagwardji proċedurali tal-liġi kriminali.

    Bil-punt 5 tad-direttivi ta’ negozjar, il-Kummissjoni tipproponi li l-Ftehim joħloq drittijiet u obbligi reċiproki tal-partijiet tal-ftehim.

    Fil-punt 6 tad-direttivi ta’ negozjar, il-Kummissjoni tipproponi li-Ftehim jistabbilixxi d-definizzjonijiet u t-tipi ta’ data li għandhom ikunu koperti, inkluża data tal-kontenut kif ukoll mhux ta’ kontenut. Id-data tal-kontenut tinkludi l-kontenut tal-iskambju elettroniku u hija meqjusa l-iktar kategorija intrużiva tal-evidenza elettronika. Id-data li mhijiex kontenut tiġbor id-data dwar l-abbonati, li hija l-iktar tip ta’ data mitluba spiss għall-finijiet tal-investigazzjonijiet kriminali, u d-data dwar it-traffiku li tinkludi informazzjoni dwar l-identitajiet ta’ min jibgħat u jirċievi l-messaġġi elettroniċi u l-metadata inkluż il-ħin, il-frekwenza u d-durata tal-iskambji.

    Fil-punt 7 tad-direttivi ta’ negozjar, il-Kummissjoni tipproponi li l-ftehim għandu jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni eżatt tiegħu f’termini tar-reati kriminali koperti u l-livelli limitu tal-livell tal-pieni. Jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament propost dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni u ta’ Preżervazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali. Jenħtieġ li l-awtorità emittenti tkun meħtieġa tassigura fil-każ individwali li l-miżura tkun meħtieġa u proporzjonata, inkluż fid-dawl tal-gravità tar-reat li jkun qed jiġi investigat. Jenħtieġ li l-ftehim ikun jinkludi livelli limitu xierqa ta’ livelli ta’ pieni għal data tal-kontenut u mhux tal-kontenut. Jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-limitu ta’ tliet snin, li jillimita l-ambitu tal-istrument għal reati aktar serji, mingħajr ma jillimita eċċessivament il-possibbiltajiet tal-użu tiegħu mill-prattikanti.

    Il-Kummissjoni tipproponi fil-punt 8 tad-direttivi ta’ negozjar li l-ftehim għandu jgħid liema huma l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati qabel ma awtorità ġudizzjarja tkun tista’ toħroġ ordni, u l-modi li bihom ordni tista’ tinħareġ. Jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-Artikolu 5 dwar il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ ordni tar-Regolament propost dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni u ta’ Preżervazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali.

    Fil-punt 9 tad-direttivi ta’ negozjar, il-Kummissjoni tipproponi li l-ftehim għandu jinkludi klawżola li tippermetti rimedji ġudizzjarji effettivi għall-persuni suspettati u għall-akkużati tul il-proċedimenti kriminali. Jenħtieġ li l-ftehim jiddefinixxi f’liema ċirkustanzi provditur ta' servizz ikollu d-dritt li joġġezzjona għal ordni. Għall-persuni affettwati, il-linja bażi għal dawn id-dispożizzjonijiet huma l-Artikolu 17 tar-Regolament propost dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni u ta’ Preżervazzjoni Ewropej għall-evidenza f'materji kriminali li jiżgura li l-persuni affettwati mill-Ordni ta' Produzzjoni Ewropea jkollhom rimedji effettivi f'konformità mal-liġi nazzjonali, normalment tul il-proċedimenti kriminali. Ir-rimedji għas-suġġetti tad-data huma wkoll definiti fid-Direttiva (UE) 2016/680 u r-Regolament (UE) 2016/679. Minħabba li l-ordni hija miżura vinkolanti, tista’ taffettwa wkoll id-drittijiet tal-provdituri ta’ servizzi, b’mod partikolari l-libertà ta' intrapriża u l-kundizzjonijiet għal dan. Il-Kummissjoni tipproponi li l-ftehim ikun jinkludi d-dritt għall-provditur ta’ servizz li jagħmel ċerti pretensjonijiet fl-Istat emittenti, pereżempju jekk l-ordni ma jkunx inħareġ jew ġie vvalidat minn awtorità ġudizzjarja.

    Fil-punt 10 tad-direttivi ta' negozjati, il-Kummissjoni tipproponi li l-ftehim għandu jiddefinixxi l-perjodu ta’ żmien biex tingħata d-data koperta mill-ordni. Jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-Artikolu 9 tar-Regolament propost dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni u ta’ Preżervazzjoni Ewropej għall-evidenza f’materji kriminali, li jobbliga lid-destinatarji jirrispondu fi skadenza normali ta’ 10 ijiem, filwaqt li l-awtoritajiet jistgħu jistipulaw skadenza iqsar fejn iġġustifikat.

    Il-Kummissjoni tipproponi fil-punt 11 tad-direttivi ta' negozjati li l-ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għal ftehimiet internazzjonali eżistenti oħrajn dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali bejn l-awtoritajiet, bħall-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Assistenza Legali Reċiproka.

    Fil-punt 12 tad-direttivi ta’ negozjar il-Kummissjoni tipproponi li l-ftehim għandu, fir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka, jieħu preċedenza fuq il-konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa u fuq kwalunkwe ftehim jew arranġament li jkun sar fin-negozjati tat-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni, sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ wieħed minn dawn tal-aħħar ikopru kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim.

    Fil-punt 13 tad-direttivi ta’ negozjar, il-Kummissjoni tipproponi li l-ftehim għandu jkun reċiproku f’termini tal-kategoriji ta’ persuni li d-data tagħhom ma tistax tintalab skont dan il-ftehim. Jenħtieġ li l-ftehim ma jiddiskriminax bejn persuni minn Stati Membri differenti tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tqis li dan il-ftehim, li japplika madwar l-UE, huwa salvagwardja biex jintlaħaq dan ir-rekwiżit.

    Il-punti minn 14 sa 16 tad-direttivi jkopru s-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data meħtieġa għal dan il-ftehim speċifiku. Il-punt 14 tad-direttivi ta’ negozjar jgħid li l-ftehim għandu jagħmel applikabbli b’referenza l-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Privatezza, magħruf ukoll bħala l-“Ftehim Umbrella”. Fil-punt 15 il-Kummissjoni tgħid li l-ftehim għandu jikkomplementa l-Ftehim Umbrella b'salvagwardji addizzjonali li jqisu l-livell ta’ sensittività tal-kategoriji tad-data kkonċernati u r-rekwiżiti uniċi tat-trasferiment tal-evidenza elettronika direttament mill-provdituri ta’ servizzi minflok bejn l-awtoritajiet. Il-punt 16 jistipula s-salvagwardji addizzjonali li l-Kummissjoni tipproponi bħala meħtieġa għal dan il-ftehim, inkluża l-ispeċifikazzjoni tal-iskop, il-limitazzjoni tal-iskop, in-notifika u t-trasferiment ulterjuri.

    Il-punt 17 tad-direttivi ta’ negozjar ikopri d-drittijiet proċedurali addizzjonali li l-Kummissjoni tipproponi se jkunu meħtieġa biex iqisu r-rekwiżiti uniċi tat-trasferiment tal-evidenza elettronika direttament mill-provdituri ta’ servizzi minflok bejn l-awtoritajiet. Dawn jinkludu li d-data ma tkunx tista’ tintalab għall-użu fi proċedimenti kriminali li tista’ twassal għall-piena tal-mewt, il-proporzjonalità tal-ordnijiet, u salvagwardji speċifiċi għal data protetta minn privileġġi u immunitajiet. L-immunitajiet u l-privileġġi mogħtija ta’ ċerti professjonijiet bħall-avukati kif ukoll l-interessi fundamentali tad-difiża jew tas-sigurtà nazzjonali fl-Istat tad-destinatarju jridu jiġu kkunsidrati wkoll waqt il-proċess fl-Istat emittenti. Ir-rieżami minn awtorità ġudizzjarja hawnhekk iservi bħala salvagwardja ulterjuri.

    Fid-dispożizzjonijiet dwar il-governanza fil-punti minn 18 sa 23, il-Kummissjoni tipproponi fid-direttivi ta' negozjati li l-ftehim jinkludi rieżamijiet konġunti perjodiċi tal-applikazzjoni tal-ftehim, u klawżola dwar id-durata tiegħu. Huwa wkoll propost li l-ftehim jistipula li l-partijiet jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiffaċilitaw ir-riżolviment ta’ kwalunkwe tilwima rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim. Jenħtieġ li jinġabru statistiċi miż-żewġ naħat biex il-proċess ta’ rieżami jiġi ffaċilitat. Barra minn hekk, id-direttivi ta' negozjati jipproponu li l-ftehim futur jinkludi klawżola ta’ sospensjoni u terminazzjoni fil-każ li l-proċedura ta' konsultazzjoni ma tkunx tista’ ssolvi t-tilwima.

    Rakkomandazzjoni għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati bil-ħsieb ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

    (1)    Fis-17 ta’ April 2018, il-Kummissjoni pproponiet Regolament dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali u Direttiva li tistipula r-regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanza legali għall-iskop tal-ġbir ta’ evidenza fi proċedimenti kriminali (“il-proposti għall-evidenza elettronika”) 23 . Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali dwar il-proposta tal-Kummissjoni għar-regolament fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tas-7 ta’ Diċembru 2018 24 .

    (2)    Jenħtieġ li jinfetħu n-negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-aċċess transfruntier minn awtoritajiet ġudizzjarji fi proċedimenti kriminali għal evidenza elettronika miżmuma minn provditur ta’ servizz.

    (3)    Jenħtieġ li l-ftehim ikun jinkludi s-salvagwardji neċessarji għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u li josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-komunikazzjoni rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta, il-preżunzjoni ta' innoċenza u dritt għad-difiża rikonoxxuti fl-Artikolu 48 tal-Karta, u l-prinċipji ta' legalità u proporzjonalità ta' reati u ta’ pieni rikonoxxuti fl-Artikolu 49 tal-Karta. Jenħtieġ li l-ftehim jiġi applikat f’konformità ma’ dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

    (4)    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 u ta l-opinjoni tiegħu fi … 26

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata li tinnegozja, f’isem l-Unjoni, ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-aċċess transfruntier minn awtoritajiet ġudizzjarji fi proċedimenti kriminali għal evidenza elettronika miżmuma minn provditur ta’ servizz.

    Artikolu 2

    Id-direttivi tan-negozjati huma stipulati fl-Anness.

    Artikolu 3

    Jenħtieġ li n-negozjati jitwettqu f’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

    Artikolu 4

    Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Ir-rieżami tal-Ftehim dwar Assistenza Reċiproka UE-Stati Uniti tal-2010, 7 ta’ April 2016, 7403/16.
    (2)    Id-data tal-kontenut tista’ tinkiseb fuq bażi volontarja biss f’każijiet li jitqiesu bħala emerġenza li tinvolvi l-periklu tal-mewt jew ta’ ħsara serja fuq xi persuna.
    (3)    Sezzjoni 2701(2) tal-Electronic Communications and Privacy Act 1986 (ECPA) 41.
    (4)    Il-kawża nstemgħet mill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti fis-27 ta’ Frar 2018. Il-Qorti ċaħdet il-kawża fis-17 ta’ April 2018, wara li ġiet infurmata mill-partijiet li l-Att CLOUD kien ġie ffirmat fil-liġi u b’hekk ippermetta li jinħareġ mandat ġdid biex tinkiseb l-informazzjoni mitluba minn Microsoft.
    (5)    Valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja l-pakkett dwar l-evidenza elettronika, 17 ta’ April 2018, SWD (2018) 118 final.
    (6)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, 28 ta’ April 2015, COM (2015) 185 final.
    (7)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali, 17 ta' April 2018, COM(2018) 225 final.
    (8)    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali, 17 ta’ April 2018, COM(2018) 226 final.
    (9)    Filwaqt li għadhom għaddejjin in-negozjati mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni fis-7 ta’ Diċembru 2018.
    (10)    Il-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità ta’ Budapest tal-Kunsill tal-Ewropa (CETS Nru 185), 23 ta’ Novembru 2001, http://conventions.coe.int  
    (11)     Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1.
    (12)     L-Att tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000  li jistabbilixxi skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea.
    (13)    Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI.
    (14)    Ir- Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI.
    (15)    Id- Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti.
    (16)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online, 12 ta’ Settembru 2018, COM(2018) 640 final
    (17)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali, 17 ta' April 2018, COM(2018) 225 final
    (18)    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali, 17 ta’ April 2018, COM(2018) 226 final.
    (19)    Id- Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/820/PESK tat-23 ta’ Ottubru 2009 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka.
    (20)    Ir- Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE.
    (21)    Id- Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI.
    (22)    Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37), emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi.
    (23)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali, 17 ta' April 2018, COM(2018) 225 final. Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali, 17 ta’ April 2018, COM(2018) 226 final.
    (24)    Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali, Approċċ Ġenerali tal-Kunsill, ST 15292 2018 INIT, 12 ta’ Diċembru 2018
    (25)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
    (26)    ĠU C …
    Top

    Brussell, 5.2.2019

    COM(2019) 70 final

    ANNESS

    tar-

    Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati bil-ħsieb ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali


    ANNESS

    1.OBJETTIVI

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni matul in-negozjati timmira li tikseb l-objettivi speċifiċi indikati fid-dettal aktar ’l isfel, filwaqt li tiżgura li l-eżitu tan-negozjati jkunu kompatibbli mar-regoli interni tal-Unjoni dwar l-evidenza elettronika, inkluż huma u jevolvu fil-proċedura leġiżlattiva mill-koleġiżlaturi tal-Unjoni u, eventwalment, fil-forma finali adottata tagħhom. Dawn ir-regoli interni se jservu bħala l-linja bażi għall-pożizzjoni ta’ negozjar tal-Unjoni.

    1.L-istabbiliment ta’ regoli komuni, u l-indirizzar ta’ konflitti tal-liġijiet għal ordnijiet biex tinkiseb evidenza elettronika fil-forma ta’ data tal-kontenut u mhux tal-kontenut, minn awtorità ġudizzjarja f’parti kontraenti waħda, indirizzata lil provditur ta' servizz li huwa soġġett għal-liġi tal-parti kontraenti l-oħra. Dan għandu jnaqqas ir-riskju ta’ frammentazzjoni tal-prattiki u r-regoli legali u jsaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerka meta tinkiseb l-evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali.

    2.Jiġi permess it-trasferiment tal-evidenza elettronika direttament fuq bażi reċiproka mingħand provditur ta' servizz għal awtorità rikjedenti kif stipulat fil-paragrafu 1.

    3.Jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE kif imnaqqxa fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-proporzjonalità, id-drittijiet proċedurali, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet ta’ difiża ta’ persuni soġġetti għal proċedimenti kriminali, kif ukoll il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali u d-data ta’ komunikazzjoni meta tali data tiġi pproċessata, inklużi trasferimenti għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f’pajjiżi terzi, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji f'dan ir-rigward.

    Biex jinkisbu l-objettivi indikati fil-parti 1, jenħtieġ li l-ftehim jindirizza b’mod partikolari l-elementi li ġejjin:

    2.IN-NATURA U L-AMBITU TAL-FTEHIM

    4.Jenħtieġ li l-ftehim ikun japplika għall-proċedimenti kriminali li jinkludu kemm il-fażi ta’ qabel il-proċess kif ukoll il-fażi ta’ matul il-proċess.

    5.Jenħtieġ li l-ftehim joħloq drittijiet u obbligi reċiproċi għall-partijiet.

    6.Jenħtieġ li l-ftehim jistipula d-definizzjonijiet u t-tipi ta’ data li għandhom jiġu koperti, inkluż data tal-kontenut u mhux tal-kontenut.

    7.Jenħtieġ li l-ftehim jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni eżatt tiegħu f’termini tar-reati koperti u l-limiti.

    8.Jenħtieġ li l-ftehim jistipula liema kundizzjonijiet iridu jiġu ssodisfati qabel ma awtorità ġudizzjarja tkun tista’ toħroġ ordni, u l-modi li bihom ordni tista’ tinħareġ.

    9.Jenħtieġ li l-ftehim jinkludi klawsola li tippermetti li jkun hemm rimedji ġudizjarji effettivi għas-suġġetti tad-data matul il-proċedimenti kriminali. Jenħtieġ li l-ftehim jiddefinixxi f’liema ċirkustanzi provditur ta' servizz ikollu d-dritt li joġġezzjona għal ordni.

    10.Jenħtieġ li l-ftehim jiddefinixxi l-perjodu ta’ żmien biex tingħata d-data koperta mill-ordni.

    11.Jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal ftehimiet internazzjonali eżistenti oħrajn dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali bejn l-awtoritajiet, bħall-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Assistenza Legali Reċiproka.

    12.Jenħtieġ li l-ftehim, fir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka, jieħu preċedenza fuq il-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa u fuq kwalunkwe ftehim jew arranġament li jkun sar fin-negozjati tat-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Kovenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa, sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ wieħed minn dawn tal-aħħar ikopru kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim.

    3.SALVAGWARDJI

    13.Jenħtieġ li l-ftehim ikun reċiproku f’termini tal-kategoriji ta’ persuni li d-data tagħhom ma tistax tintalab skont dan il-ftehim. Jenħtieġ li l-ftehim ma jiddiskriminax bejn persuni minn Stati Membri differenti.

    14.Jenħtieġ li l-ftehim jagħmel applikabbli b’referenza l-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Privatezza, magħruf ukoll bħala l-“Ftehim Umbrella”, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2017.

    15.Jenħtieġ li l-ftehim jikkomplementa l-Ftehim Umbrella b'salvagwardji addizzjonali li jqisu l-livell ta’ sensittività tal-kategoriji tad-data kkonċernati u r-rekwiżiti uniċi tat-trasferiment tal-evidenza elettronika direttament mill-provdituri ta’ servizzi minflok bejn l-awtoritajiet.

    16.Is-salvagwardji addizzjonali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, li għandhom jiġu rieżaminati soġġetti għall-ambitu tal-ftehim, jenħtieġ li jinkludu fost l-oħrajn:

    (a)L-ispeċifikazzjoni tal-iskopijiet li għalihom id-data personali u d-data dwar il-komunikazzjoni elettronika jistgħu jintalbu u jiġu ttrasferiti.

    (b)Ir-rekwiżit li l-ordni jkun limitat għal data personali u data dwar il-komunikazzjoni elettronika li hija neċessarja u proporzjonata b’rabta mal-finijiet li għalihom huma aċċessati.

    (c)Ir-rekwiżit li l-użu minn u l-iżvelar lil awtoritajiet oħrajn tal-Istati Uniti li mhumiex marbutin mill-Ftehim Umbrella huwa soġġett għan-notifika lil, u awtorizzazzjoni mingħand l-awtorità ġudizzjarja kompetenti maħtura fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit jew irrappreżentat il-provditur ta' servizz, u jistgħu jsiru biss jekk l-awtorità riċeventi tipproteġi b’mod effettiv id-data personali u d-data tal-komunikazzjoni elettronika f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim. Meta tikkunsidra tali awtorizzazzjoni minn qabel, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti jenħtieġ li tqis kif xieraq il-fatturi rilevanti kollha, inkluża s-serjetà tar-reat u l-għan li għalih id-data tkun ġiet inizjalment trasferita.

    (d)Ir-rekwiżit li t-trasferiment ulterjuri lejn pajjiżi terzi oħrajn jista’ jsir biss lil awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi responsabbli għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni tar-reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, u li jenħtieġ ikun soġġett għal notifika lil, u awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti maħtura mill-Istat Membru li fih il-provditur ta' servizz huwa stabbilit jew rappreżentat. Meta tqis tali awtorizzazzjoni minn qabel, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti jenħtieġ li tqis il-fatturi kif stipulat fl-Artikolu 7(2) tal-Ftehim Umbrella.

    (e)Il-ftehim jista’ jqis iċ-ċirkostanzi ta' eċċezzjoni u s-salvagwardji meħtieġa meta t-trasferiment ulterjuri jista’ jseħħ mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, f’każ ta’ theddida serja u imminenti għas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz.

    (f)In-notifika ta’ inċident marbut mas-sigurtà tal-informazzjoni lill-awtorità kompetenti maħtura mill-Istat Membru li fih huwa stabbilit jew irrappreżentat il-provditur ta' servizz għandha ssir skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) tal-Ftehim Umbrella.

    17.Is-salvagwardji addizzjonali għad-drittijiet proċedurali, li għandhom jiġu rieżaminati soġġetti għall-ambitu tal-ftehim, jenħtieġ li jinkludu fost l-oħrajn:

    (a)Is-salvagwardji xierqa biex jiġi żgurat li ma tkunx tista’ tintalab data għall-użu fi proċedimenti kriminali li jistgħu jwasslu għall-piena tal-mewt.

    (b)Il-kundizzjonijiet adegwati biex tiġi żgurata n-neċessità u l-proporzjonalità tal-ordnijiet għall-aċċess għall-evidenza elettronika, b’distinzjoni partikolari bejn il-kategoriji tad-data kif xieraq.

    (c)Is-salvagwardji proċedurali għal individwi soġġetti għal ordni għad-data fil-qafas ta’ proċedimenti kriminali.

    (d)Is-salvagwardji speċifiċi għad-data protetta minn privileġġi u immunitajiet,

    (e)Is-salvagwardji tal-kunfidenzjalità għall-awtoritajiet u l-provdituri ta’ servizzi, inklużi klawżoli ta’ nuqqas ta’ żvelar.

    4.GOVERNANZA TAL-FTEHIM

    18.Jenħtieġ li l-ftehim jistipula li l-partijiet għandhom jagħmlu rieżamijiet konġunti perjodiċi tal-applikazzjoni tal-Ftehim u jeżaminaw kif jagħmlu l-aktar użu effettiv tiegħu. Jenħtieġ li jinġabru statistiċi miż-żewġ naħat biex dan il-proċess jiġi ffaċilitat.

    19.Jenħtieġ li l-ftehim ikun jinkludi klawsola dwar id-durata tiegħu. Jekk id-durata għandhiex tkun indefinita jew definita għandu jkun ivvalutat fid-dawl tar-riżultati tan-negozjati. F’kull każ, jenħtieġ li tkun inkluża dispożizzjoni li tirrikjedi rieżami tal-ftehim fi żmien debitu.

    20.Jenħtieġ li l-ftehim jistipula li jenħtieġ li l-partijiet jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiffaċilitaw ir-riżolviment ta’ kwalunkwe tilwima rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim.

    21.Jenħtieġ li l-ftehim jipprevedi l-possibbiltà ta’ sospensjoni u terminazzjoni tal-ftehim minn kwalunkwe Parti fil-każ li l-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija qabel ma tkunx tista’ ssolvi t-tilwima.

    22.Jenħtieġ li l-ftehim ikun jinkludi klawsola li tindirizza l-applikazzjoni territorjali tiegħu.

    23.Il-ftehim se jkun ugwalment awtentiku fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

    Top