EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IR1897

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kontribut tal-KtR għall-Aġenda Territorjali mġedda, b’enfasi speċjali fuq l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità

ĠU C 39, 5.2.2020, p. 21–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/21


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kontribut tal-KtR għall-Aġenda Territorjali mġedda, b’enfasi speċjali fuq l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità

(2020/C 39/05)

Relatur

:

Radim SRŠEŇ (CS/PPE), Kunsillier Reġjonali ta’ Olomouc

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jitlob adozzjoni ħafna ogħla tal-istrumenti territorjali (żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD), investimenti territorjali integrati (ITI), eċċ.) fl-Istati Membri u allokazzjoni obbligatorja fil-fondi kollha sabiex jiġu ssodisfati l-għanijiet tal-Aġenda Territorjali imġedda u tal-koeżjoni;

2.

jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni u l-koeżjoni territorjali huma marbuta flimkien u li mhu se jkun hemm l-ebda politika ta’ koeżjoni ġenwina mingħajr ma tqis kif xieraq il-koeżjoni territorjali;

3.

ifakkar li l-KtR kien l-ewwel istituzzjoni tal-UE li ressaq proposta speċifika dwar kif għandu jitwettaq is-CLLD (1). Illum, kif ukoll fil-passat, il-KtR jemmen li żvilupp lokali integrat li jinvolvi ħafna fondi huwa definit aħjar bħala kunċett olistiku li jiffoka fuq l-isfidi u l-potenzjal fi ħdan ir-reġjuni ta’ kull tip, sew dawk urbani, rurali, u rurali-urbani (rurbani), sew dawk funzjonali;

4.

jitlob li l-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 issaħħaħ id-dimensjoni territorjali f’firxa usa’ ta’ oqsma ta’ politika u tħeġġeġ b’mod attiv aktar viżjonijiet/strateġiji territorjali minn isfel għal fuq, li għandhom ikunu koerenti b’qafas usa’;

5.

jenfasizza li strumenti territorjali bħas-CLLD jew l-ITI huma miżuri li wrew biċ-ċar li jagħmlu lill-“Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini”. Il-kisbiet ta’ LEADER/CLLD urew li l-gruppi ta’ azzjoni lokali (GAL) jistgħu jiddefendu l-valuri Ewropej, jekk ikunu rikonoxxuti bħala xprunaturi lokali għall-bidla u l-iżvilupp fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali. Permezz tal-involviment attiv tal-partijiet interessati lokali u taċ-ċittadini kollha, huma kapaċi jwieġbu għall-ħtiġijiet Ewropej b’mezzi lokali u, b’riżultat ta’ dan, jagħti spinta lil-leġittimità tal-UE. Barra minn hekk, LEADER/CLLD hija wkoll għodda b’saħħitha biex jiġu implimentati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-livell lokali. Għalhekk, il-KtR jappella għal ambizzjonijiet ikbar u l-iżvilupp tal-istrumenti territorjali fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew fil-perjodu ta’ wara l-2020;

6.

jisħaq li l-istrumenti territorjali integrati għandhom fl-interventi tagħhom isegwu l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni, kif definit fl-istrateġiji integrati tagħhom minn isfel għal fuq, mhux biss jidduplikaw il-miżuri u l-konċentrazzjoni tematika u territorjali tal-programmi operazzjonali li jiffinanzjaw dawn l-istrumenti;

7.

jappella sabiex l-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 issaħħaħ kemm ir-rabtiet rurali-urbani, kif ukoll it-tipi differenti ta’ żoni b’mod ġenerali, peress li l-iżvilupp reġjonali u lokali huwa biss aspett wieħed u jeħtieġ approċċ olistiku u integrat;

8.

jisħaq li t-TA2020 tabilħaqq kisbet ir-riżultati, prinċipalment bis-saħħa tal-politika ta’ koeżjoni disponibbli permezz tal-mezzi u l-finanzjament tagħha, li introduċiet, fil-livelli kollha ta’ governanza, l-approċċ ibbażat fuq il-post u l-parteċipazzjonni tal-komunitajiet lokali fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji lokali sostenibbli. Madankollu, għad hemm lok għal titjib: b’mod partikolari, il-viżibbiltà tagħha fil-livell subnazzjonali (li għandha tiġi indirizzata permezz ta’ CLLD, ITI, ir-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT), il-kooperazzjoni territorjali Ewropea, eċċ.) jeħtieġ li titjieb, l-influweza tal-approċċ territorjali fuq it-tfassil tal-politika tal-UE globali għandha tissaħħaħ, u l-Aġenda Territorjali bħala tali jeħtieġ li tiġi implimentata aħjar mill-politiki nazzjonali;

9.

jikkunsidra l-Aġenda Territorjali mġedda bħala opportunità biex tippreżenta narrattiva ġdida u pożittiva għall-futur tal-UE u l-iżvilupp bilanċjat tar-reġjuni kollha. Iċ-ċittadini u l-pubbliku ġenerali għandhom jingħataw dokument komprensiv u intelliġibbli, li jistabbilixxi viżjonijiet għall-futur tagħhom u jirrifletti l-ħtiġijiet ġenwini tagħhom u l-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati. Dawn għandhom jingħataw riassigurazzjoni li ħadd mhu se jitħalla lura u li kulħadd se jkollu opportunitajiet indaqs għal ħajja dinjituża, irrispettivament minn fejn joqgħod;

10.

jappella għal rabtiet aktar b’saħħithom bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-Aġenda Territorjali fl-istadji kollha tal-programmazzjoni, implimentazzjoni u monitoraġġ tal-programmi, u jindika l-ħtieġa sinifikanti li tingħeleb is-separazzjoni ġeografika u settorjali attwali tal-fondi tal-UE. L-Istati Membri għandhom, madankollu, jiżguraw li d-dimensjoni territorjali u l-ispeċifiċitajiet lokali jiġu kkunsidrati fi ħdan il-proċess tas-semestru Ewropew, b’konsultazzjoni xierqa tal-atturi lokali meta jiġu definiti l-prijoritajiet nazzjonali;

11.

jenfasizza l-kapaċità tas-CLLD biex jimmobilizza u jinvolvi l-komunitajiet lokali, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-imsieħba soċjali u ċivili, u s-settur privat. Billi juża approċċ parteċipatorju, dan qed iżomm l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali f’konformità ma’ – u jadattahom għal – tibdil fil-kundizzjonijiet lokali (koeżjoni soċjali, migrazzjoni, raggruppamenti reġjonali, ekonomija ekoloġika, tibdil fil-klima, soluzzjonijiet intelliġenti, teknoloġija, eċċ.);

12.

jenfasizza r-rwol tas-CLLD biex tingħata spinta lill-kredibbiltà tal-politika ta’ koeżjoni billi jintwera li fondi differenti tal-UE jistgħu fil-fatt jintużaw flimkien b’mod integrat u effettiv;

13.

jirrimarka li l-KtR għadu japprova l-idea li l-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 m’għandhiex tkun dokument ġdid fjamant, peress li t-TA2020 attwali xorta għadha valida fl-aspetti ewlenin;

14.

iqis li l-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 għandha tkun essenzjali biex tindirizza l-inugwaljanzi bejn il-postijiet u l-persuni li jgħixu fihom, permezz ta’ miżuri mfassla apposta, eż. permezz ta’ żvilupp territorjali integrat;

15.

jenfasizza l-importanza ta’ koordinazzjoni u netwerking aħjar fost l-awtoritajiet kollha u l-partijiet ikkonċernati li jimplimentaw u jiffinanzjaw l-Aġenda Territorjali fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali. Koordinazzjoni aħjar u prinċipju b’saħħtu ta’ sħubija huma essenzjali biex l-Aġenda Territorjali tagħmel impatt effettiv. Il-koordinazzjoni tal-Aġenda Territorjali fir-Repubblika Ċeka, l-Iżvezja, l-Awstrija u Stati Membri oħrajn hija eżempju ta’ prattika tajba f’dan il-qasam;

16.

jissottolinja l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati aktar l-istrateġiji ta’ żvilupp territorjali integrat sabiex jimmiraw investimenti fir-reġjun aktar mill-qrib b’segwitu tal-prijoritajiet tiegħu. It-tfassil tal-istrateġiji ta’ żvilupp territorjali integrat li jimplimentaw firxa wiesgħa ta’ programmi operattivi fl-Istati Membri għandu jiġi ffukat fuq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u għandu jiġi kkomunikat mhux biss liċ-ċittadini iżda b’mod partikolari “flimkien maċ-ċittadini”;

17.

jenfasizza n-neċessità li tintuża implimentazzjoni sempliċi u flessibbli tal-istrumenti territorjali integrati li jistgħu jitfasslu għat-territorju u li tuża metodoloġija li tippromovi approċċ minn isfel għal fuq, li b’mod partikolari jiffoka fuq is-sħubijiet u l-motivazzjoni, kif ukoll fuq ir-rwol tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali territorjali. Soluzzjonijiet possibbli huma għażliet tal-ispejjeż issimplifikati, mudell ta’ implimentazzjoni sempliċi għall-istrumenti territorjali (programm operazzjonali nazzjonali wieħed u awtorità maniġerjali waħda), soluzzjonijiet ta’ “punt uniku ta’ servizz”, sett komuni ta’ regoli sempliċi definiti fil-livell tal-UE sabiex jipprevjenu r-regolamentazzjoni żejda (sett ta’ miżuri għas-CLLD, gwida ċara li tiddefinixxi l-istruttura ta’ strateġiji, proċessi ta’ approvazzjoni, użu ta’ fond ewlieni, evalwazzjoni, eċċ.), eċċ.;

18.

jinnota l-potenzjal tas-soluzzjonijiet tal-IT għas-simplifikazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-ġbir tad-data fil-livell nazzjonali u lokali. Is-sistemi tal-IT jridu jiġu żviluppati b’inklużjoni ġenwina tal-partijiet ikkonċernati kollha u jkunu mmirati biex jgħinu l-istrateġija globali għas-simplifikazzjoni tal-FSIE fil-livelli kollha,

19.

jappella għal tranżizzjoni bla xkiel tal-istrutturi ta’ implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali bejn il-perjodi ta’ programmazzjoni tal-UE sabiex jiġi eliminat ir-riskju ta’ telf ta’ għarfien, riżorsi umani u sħubijiet;

20.

jenfasizza r-rwol tal-istrumenti territorjali integrati bħala l-istrument idoneu biex jiġu lokalizzati, implimentati, segwiti u riveduti l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli;

21.

jifhem il-potenzjal eċċellenti tas-CLLD bħala għodda effettiva fi ħdan il-politiki ta’ adeżjoni, tal-viċinat u tal-iżvilupp tal-UE. Il-Programm Ewropew tal-Viċinat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (ENPARD) fil-Georgia jista’ jitqies bħala eżempju ta’ prattika tajba;

Aġenda Territorjali Ġdida

22.

jinnota li l-isfidi eżistenti għall-iżvilupp territorjali, kif approvat mit-TA2020, b’mod ġenerali għadhom l-istess, b’żewġ kummenti: 1) il-bidliet huma pjuttost marbuta mal-intensifikazzjoni tagħhom bi sfidi ġodda emerġenti li jeħtieġu solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE; u 2) il-movimenti migratorji tal-lum aktarx se jkunu kriżi żgħira meta mqabbla mal-effetti potenzjali tat-tibdil fil-klima;

23.

jissuġġerixxi li għandu jiġi introdott mekkaniżmu għall-aġġornament ta’ malajr tal-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 biex jirrispondi malajr għall-isfidi ġodda u emerġenti li jistgħu jsawru l-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020, mingħajr bżonn għal riforma radikali tad-dokument kollu;

24.

jissuġġerixxi lill-presidenzi futuri jew lill-kuntrattur li jabbozza l-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 biex jiġu involuti aktar partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili meta ssir ir-riċerka dwar il-prijoritjiet u l-kontenut tal-Aġenda Territorjali mġedda ta’ wara l-2020;

25.

itenni l-appell tal-KtR għal suċċessur għall-istrateġija Ewropa 2020;

26.

jiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjoni tad-dritt primarju – l-Artikolu 174(3) tat-TFUE – li tirrikjedi li tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali u reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti. Din il-prijorità għandha titqies b’mod aħjar kemm fl-Aġenda Territorjali wara l-2020 kif ukoll fil-Fondi SIE, bil-għan li jinkisbu kundizzjonijiet ta’ għajxien ekwivalenti fir-reġjuni kollha;

27.

jinnota li l-Aġenda Territorjali 2020 għandha tkompli tappoġġja r-rwol tal-bliet kapitali reġjonali biex jipprovdu opportunitajiet indaqs għall-iżvilupp taż-żoni funzjonali tagħhom u jaħdmu biex isolvu kwistjonijiet metropolitani madwar l-UE;

28.

jisħaq li l-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 għandha tappoġġja r-rwol tal-bliet iż-żgħar u ta’ daqs medju biex jiksbu żvilupp ibbilanċjat u poliċentriku madwar l-UE;

29.

itenni l-appell tiegħu, f’dan ir-rigward, għall-ħolqien ta’ aġenda għaż-żoni rurali fejn iż-żoni rurali jitqiesu bħala żoni ekonomiċi u ħajjin u mhux biss bħala żoni agrikoli;

30.

jenfasizza li l-Aġenda Territorjali mhux biss għandha tappoġġja l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) li jipproteġi lill-bliet (SDG 11) iżda wkoll tirrakkomanda perspettiva usa’ ta’ żvilupp territorjali, inkluż l-iżvilupp rurali;

31.

jissuġġerixxi li. sabiex il-pubbliku ġenerali jiffamiljarizza ruħu mal-messaġġi ewlenin tal-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020, titfassal lista ta’ 10-12-il messaġġ ewlieni b’lingwa li tinftiehem u format definit sew u li dawn jiġu kkomunikati mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE;

32.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprovdi mudelli u linji gwida sempliċi u tintroduċi l-aħjar prattiki dwar kif jiġu implimentati strumenti territorjali integrati permezz ta’ approċċ li jinvolvi ħafna fondi fl-Istati Membri;

33.

jemmen li l-Aġenda Territorjali tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv biex jitnaqqsu t-tendenzi ta’ urbanizzazzjoni u l-isfidi relatati fir-rigward ta’ bliet kbar fl-Istati Membri kollha;

34.

jenfasizza l-istejjer ta’ suċċess tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, fejn il-kooperazzjoni territorjali fir-reġjuni tal-fruntieri jew fil-livell transnazzjonali huma eżempju eċċellenti tal-valur miżjud tal-integrazzjoni Ewropea;

35.

jenfasizza l-ħtieġa biex jiġi ddefinit b’mod ċar ir-rwol ta’ segretarjat/back office tal-Aġenda Territorjali li jista’ jinħoloq. Anness għall-Aġenda Territorjali ta’ wara l-2020 għandu jiddefinixxi l-objettivi, l-indikaturi li jistgħu jitkejlu biex tiġi mmonitorjata l-kisba tal-objettivi, il-kompiti u l-baġit meħtieġ għal tali unità/korp;

36.

isemmi d-Dikjarazzjoni ta’ Bucharest adottata fl-14 ta’ Ġunju 2019 mill-Ministri responsabbli għall-kwistjonijiet urbani, li fiha ġiet rikonoxxuta l-ħtieġa li tiġi żviluppata relazzjoni funzjonali bejn il-Karta ta’ Leipzig il-ġdida, l-Aġenda Urbana għall-UE, u l-Aġenda Territorjali 2020+;

37.

jemmen li n-natura intergovernattiva u mhux leġislattiva tal-Aġenda Territorjali Ewropea hija ideali għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi attwali u futuri, peress li tgħin fl-iżvilupp ta’ approċċ pan-Ewropew għall-iżvilupp territorjali, potenzjalment appoġġjat minn għadd ta’ programmi bħal-LEADER, Interreg jew ESPON, li l-proposti attwali għall-perjodu 2021-2027 jippermettu b’mod preċiż il-parteċipazzjoni volontarja u l-kofinanzjament minn Stati mhux membri tal-UE; Irriżulta li dawk il-programmi huma strumenti ta’ suċċess għall-istabbilizzazzjoni u r-rikonċiljazzjoni (pereżempju l-LEADER jaqdi rwol fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jew fl-involviment tas-soċjetà ċivili u l-bini ta’ demokrazija lokali fit-Turkija);

CLLD

38.

iħeġġeġ il-possibbiltà li l-adozzjoni tas-CLLD li jinvolvi ħafna fondi fir-reġjuni kollha tal-UE tkun obbligatorja, billi jiġi żgurat li jintuża approċċ tas-CLLD għat-tipi kollha tat-territorji: rurali (inklużi ż-żoni remoti, iż-żoni muntanjużi u l-gżejjer), urbani u ż-żoni kostali. Ir-reġjuni kollha tal-UE għandu jkollhom l-għażla li jużaw il-fondi kollha possibbli biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom ifformulati fl-istrateġiji tagħhom ta’ żvilupp lokali;

39.

jappella għal allokazzjoni obbligatorja ta’ 8 % għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità mill-fondi kollha tal-Fondi SIE u l-FAEŻR biex jiġi sfruttat b’mod sħiħ il-potenzjal tal-għodda u s-sinerġiji tal-fondi differenti għall-iżvilupp lokali integrat;

40.

jenfasizza l-ħtieġa li nerġgħu lura għat-tisħiħ tal-metodoloġija ta’ LEADER/CLLD, speċjalment il-prinċipji ta’ approċċ minn isfel għal fuq, sħubija, animazzjoni u r-rwol tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali integrat;

41.

jissuġġerixxi li l-ġestjoni tas-CLLD fi Stat Membru għandha tiġi adattata għat-territorji individwali u tirrispetta d-dinamika, l-istrutturi u l-approċċi lokali;

42.

ifaħħar il-ħidma mwettqa mill-KtR (2) u l-Parlament Ewropew (3) biex jiġi żgurat li s-CLLD li jinvolvi ħafna fondi jkompli jinkludi l-FAEŻR anke matul il-perjodu 2021–2027, u jħeġġeġ sabiex dawn id-dispożizzjonijiet rakkomandati miż-żewġ istituzzjonijiet jinżammu fil-ftehim finali mal-Kunsill, peress li l-vantaġġi tas-CLLD ma jistgħux jitwasslu bis-sħiħ dment li ma jkunx hemm il-possibbiltà li jiġu integrati l-interventi ffinanzjati mill-Fondi SIE u mill-FAEŻR;

43.

jappella għar-regolamentazzjoni tas-CLLD fil-livell tal-UE, abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt robusta u billi jiġi stabbilit sett unifikat ta’ regoli għall-Fondi SIE kollha sabiex jitnaqqas il-piż burokratiku enormi u r-regolamentazzjoni żejda li ssir mill-Istati Membri u, fl-istess ħin, jiġi evitat l-użu ħażin tas-setgħat mill-awtoritajiet maniġerjali jew l-aġenziji tal-pagamenti;

44.

itenni l-appell tal-KtR biex ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jinżamm applikabbli b’mod sħiħ għall-FAEŻR. Kompatibbiltà perfetta bejn il-fondi kollha hija essenzjali għall-finanzjament tal-istrumenti territorjali, b’mod partikolari s-CLLD/LEADER u l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali tagħhom;

45.

jappella għal djalogu u koordinazzjoni aħjar bejn l-atturi kollha ta’ CLLD (GAL, awtoritajiet maniġerjali, Direttorati-Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, aġenziji tal-pagamenti, netwerks LEADER bħal ELARD, u netwerks nazzjonali LEADER u rurali) biex tiġi evitata l-burokrazija li qiegħda tikber u dewmien estensiv fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni u fl-għoti ta’ fondi lill-applikanti tal-proġetti. Għalhekk il-KtR jipproponi li l-Kummissjoni toħloq unità ta’ appoġġ CLLD fil-livell tal-UE biex tappoġġja l-komunikazzjoni, il-bini ta’ kapaċità, in-netwerking u l-kooperazzjoni transnazzjonali tal-GAL kollha fil-fondi kollha;

46.

jissuġġerixxi li s-CLLD li jinvolvi ħafna fondi għandu jiġi appoġġjat aktar, pereżempju permezz ta’ rata ta’ konfinanzjament ogħla. Il-KtR jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-Artikolu 120(5) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni attwali dwar rati ta’ kofinanzjament ogħla għal operazzjonijiet appoġġjati permezz ta’ għodod ta’ żvilupp territorjali integrat tneħħa mill-proposta l-ġdida tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

47.

jappella għal użu akbar tal-għażliet tal-ispejjeż issimplifikati skont l-Artikoli 48-51 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni il-ġdid, li jnaqqas il-piż tal-awditu għall-awtoritajiet maniġerjali u l-benefiċjarji finali. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-użu tal-għażliet tal-ispejjeż issimplifikati għandu jiġi estiż għall-FAEŻR, għal darb’oħra sabiex jiġu armonizzati l-proċeduri f’każ ta’ operazzjonijiet li jinvolvu ħafna fondi;

48.

jinnota li s-CLLD għandu jkun punt tal-bidu eċċellenti għal metodu użat ħafna ta’ kif il-proġetti lokali għandhom jiġu implimentati: il-GAL m’għandhomx jiddependu bis-sħiħ fuq il-finanzjament mill-UE iżda għandhom jintużaw ukoll bħala għodda biex jiġu implimentati l-fondi nazzjonali, reġjonali u lokali hekk kif l-iżvilupp lokali jmur lil hinn mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej;

49.

jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex imorru lura għall-proposta tal-Kummissjoni ta’ 12-il xahar mid-data tal-approvazzjoni tal-aħħar programm ikkonċernat sabiex l-awtoritajiet maniġerjali jtemmu l-ewwel sensiela ta’ għażla ta’ strateġiji u biex jiġi żgurat li l-GAL magħżula jistgħu jissodisfaw il-kompiti tagħhom;

50.

jitlob kjarifika dwar ir-rwol tal-GAL fl-għażla tal-proġetti, sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tal-kompiti tagħhom mill-awtoritajiet maniġerjali. Ir-rwol tal-GAL fl-għażla tal-proġetti għandu jkun dominanti, mhux biss formali, peress li dan huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi ta’ LEADER/CLLD;

51.

jitlob evalwazzjoni ċara u sempliċi u monitoraġġ tal-mudelli ta’ strateġiji ta’ żvilupp lokali tas-CLLD. L-evalwazzjoni għandha tkun parti mill-proċess ta’ tagħlim tal-komunità u għalhekk hija importanti ħafna biex tinġabar b’mod kontinwu informazzjoni u tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-GAL. Għandhom jiġu introdotti soluzzjonijiet avvanzati tal-IT għall-ġbir u l-analiżi tad-data, ikkombinati ma’ proċessi parteċipattivi u analiżi kwalitattiva;

52.

jenfasizza li s-sjieda tar-riżultati hija probabbli ħafna li tikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-istabbiltà ta’ strateġiji ta’ żvilupp fuq perjodu itwal u effetti fit-tul, żviluppati mill-istess persuni li jimplimentawhom u jibbenefikaw mill-eżiti tagħhom;

53.

jinnota li eżempji ta’ suċċess ta’ sħubijiet lokali eżistenti ffinanzjati mill-FAEŻR u/jew l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) għandhom ikunu bażi għal finanzjament ulterjuri għas-CLLD mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE). In-netwerking u l-kollaborazzjoni permezz ta’ netwerks eżistenti jew il-ħolqien ta’ netwerks ġodda f’livell reġjonali, nazzjonali u transnazzjonali/interreġjonali għandhom rwol kruċjali, kif għandhom l-ikkowċjar u l-mentoraġġ ukoll;

54.

jenfasizza l-ħtieġa għal komunikazzjoni aħjar tas-CLLD u l-opportunitajiet li ġġib din l-għodda: tabilħaqq, għalkemm l-iżvilupp rurali kien ilu juża dan l-istrument għal żmien itwal, b’mod partikolari, l-iżvilupp urban jeħtieġ spinta aktar qawwija fir-rigward ta’ meta jużah. Jeħtieġ li jiġu abbozzati evalwazzjoni u analiżi ddettaljati ta’ x’approċċ kellu Stat Membru partikolari, inklużi rakkomandazzjonijiet għal implimentazzjoni effettiva;

55.

jinnota li s-CLLD/LEADER bħala strument jintuża minn 3 000 korp simili (GAL u FLAGs) madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Dan il-fatt għandu jiġi kkunsidrat sabiex jittejbu aktar il-kooperazzjoni territorjali u titħaddan id-diversità Ewropea permezz ta’ kooperazzjoni transnazzjonali minn isfel għal fuq fost iċ-ċittadini. Sabiex tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni territorjali permezz tas-CLLD, huwa meħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet li jippermettu lill-GAL jikkonċentraw ir-rwol tagħhom li janimaw iż-żona u jgħinu biex jinħarġu l-aħjar ideat u sussegwentement jiġu implimentati. Għandu jiġi assigurat sehem xieraq ta’ baġits għall-ispejjeż ta’ tħaddim u animazzjoni, kif ukoll għal kooperazzjoni transnazzjonali. Fl-istess ħin, il-KtR jirrakkomanda ħafna li jiġi stabbilit sett komuni ta’ prinċipji u regoli għal proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali tas-CLLD fil-livell Ewropew sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u bla xkiel tiegħu;

56.

ifakkar ir-relazzjoni tas-CLLD ma’ għodod ta’ żvilupp integrat oħra: bħala strument fakultattiv, flimkien ma’ investimenti territorjali integrati, dan jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ żvilupp usa’ li tippermetti l-lokalizzazzjoni tal-politiki. F’dan ir-rigward, il-KtR jitlob sinerġiji aħjar bejn is-CLLD u l-ITI: is-CLLD jista’ jintuża fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 bħala strument komplementari fi strateġija urbana jew territorjali, sabiex ikun jista’ jkun parti minn approċċ ta’ ITI fejn l-approċċ parteċipattiv offrut mis-CLLD jista’ jgħinu jindirizza xi problemi lokali speċifiċi;

57.

iqis li s-CLLD huwa strument vitali biex jitwettqu l-proposti tal-KtR (4), sussegwentement approvati mill-Parlament Ewropew (5) fejn permezz ta’ programmi kofinanzjati mill-FEŻR, li jkopru żoni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, kif imsemmi fl-Artikolu 174 tat-TFUE, għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet speċifiċi ta’ dawk iż-żoni;

58.

jikkunsidra lill-GAL bħala msieħba ideali biex titwettaq il-funzjoni ta’ sensara ta’ innovazzjoni għall-approċċ tal-villaġġi intelliġenti u biex jiġi kkatalizzat l-potenzjal taż-żoni rurali, peress li dawn f’ħafna każijiet diġà jagħmlu hekk. Il-GAL huma strument qawwi ta’ żvilupp endoġenu taż-żoni tagħhom, għandhom rabtiet diretti mal-intrapriżi lokali, mal-muniċipalitajiet u mas-soċjetà ċivili, u, bħala riżultat, joħolqu kapaċità b’saħħitha fiż-żona, billi jinvolvu r-riżorsi lokali u reġjonali u l-ħiliet tal-persuni;

59.

japprova l-proposta tal-Parlament Ewropew li l-pjani ffinanzjati mill-FEŻR għal żoni li qed jiffaċċjaw tnaqqis demografiku strutturali jistgħu potenzjalment jiġu allokati 5 % tar-riżorsi tal-FEŻR allokati għall-iżvilupp territorjali integrat f’żoni mhux urbani bi żvantaġġi naturali, ġeografiċi jew demografiċi jew li jkollhom diffikultà biex jaċċessaw is-servizzi bażiċi, inkluż li mill-inqas 17,5 % ta’ dan l-ammont jiġi allokat lil żoni u komunitajiet rurali biex jiżviluppaw proġetti bħal irħula intelliġenti. Il-KtR jemmen li s-CLLD huwa, fil-biċċa l-kbira, l-approċċ ideali biex tinkiseb din il-proposta ambizzjuża;

60.

jifhem l-involviment u l-bini ta’ kapaċità tal-atturi lokali bħala wieħed mill-akbar assi tal-metodoloġija tas-CLLD. L-iżvilupp lokali integrat wera li huwa effettiv ħafna biex jinbnew rabtiet u sinerġiji bejn diversi partijiet ikkonċernati u kwistjonijiet fl-iżvilupp lokali. Il-GAL kienu strument ta’ suċċess kbir għall-ippjanar strateġiku, l-animazzjoni, in-netwerking u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet, eż. il-ħolqien ta’ pjani ta’ azzjoni lokali għall-edukazzjoni jew is-servizzi soċjali f’xi Stati Membri.

Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità”, Brussell, 29 ta’ Novembru 2012, relatur: Graham Garvie, CDR1684-2012, COTER-V-031 (ĠU C 17, 19.1.2013, p. 18).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni “Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni”, relaturi: Michael Schneider u Catiusca Marini, Brussell, 5 ta’ Diċembru 2018, CdR 3593/2018 (ĠU C 86, 7.3.2019, p. 41).

(3)  Il-Parlament Ewropew, Dispożizzjonijiet komuni għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom (Rapport Krehl/Novakov), l-Erbgħa, 27 ta’ Marzu 2019 – Strasburgu. P8_TA-PROV(2019)0310 (għadhom mhux ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni”, relatur: Michiel Rijsberman, CdR 3594/2018 (ĠU C 86, 7.3.2019, p. 115).

(5)  Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2019 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (COM(2018) 0372 – C8-0227/2018 – 2018/0197(COD)) (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


Top