This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019IP0440
European Parliament resolution of 18 April 2019 on the negotiations with the Council and Commission on the legislative proposal for a regulation on the European Parliament’s right of inquiry (2019/2536(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2019 dwar in-negozjati mal-Kunsill u mal-Kummissjoni dwar il-proposta leġiżlattiva għal regolament dwar id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew (2019/2536(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2019 dwar in-negozjati mal-Kunsill u mal-Kummissjoni dwar il-proposta leġiżlattiva għal regolament dwar id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew (2019/2536(RSP))
ĠU C 158, 30.4.2021, p. 15–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 158/15 |
P8_TA(2019)0440
Negozjati mal-Kunsill u mal-Kummissjoni dwar id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew: proposta leġiżlattiva
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2019 dwar in-negozjati mal-Kunsill u mal-Kummissjoni dwar il-proposta leġiżlattiva għal regolament dwar id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew (2019/2536(RSP))
(2021/C 158/04)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), |
— |
wara li kkunsidra t-tielet paragrafu tal-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-16 ta' April 2014 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew li jissostitwixxi d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom KEFA tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1), |
— |
wara li kkunsidra l-paragrafi rispettivi fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (riżoluzzjoni PANA, paragrafi 190-200) (2) u r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (riżoluzzjoni EMIS, paragrafi 76-94) (3), |
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014, b'konformità mal-Artikolu 229 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, biex matul il-leġiżlatura l-ġdida tibqa' tiġi kkunsidrata l-proposta leġiżlattiva msemmija hawn fuq għal regolament dwar id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew, |
— |
wara li kkunsidra t-tliet dokumenti ta' ħidma (4) tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali dwar il-proposta leġiżlattiva msemmija hawn fuq, |
— |
wara li kkunsidra t-tħassib tal-Kunsill u tal-Kummissjoni rigward din il-proposta leġiżlattiva, kif espress fl-ittra tal-4 ta' April 2014 lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew mis-Segretarji Ġenerali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u fl-ittri lill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tat-28 ta' April 2015 mill-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, tat-3 ta' Settembru 2015 mill-Presidenza Lussemburgiża tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 2016 mill-Presidenza Slovakka tal-Kunsill u tal-25 ta' Ottubru 2018 mill-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill, |
— |
wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tat-13 ta' Diċembru 2017, u speċjalment it-tweġibiet tal-Presidenza Estonjana tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali (Artikolu 128) imressqa fid-29 ta' Novembru 2017 minn Danuta Maria Hübner f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew, |
— |
wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tas-17 ta’ April 2019, wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali (Artikolu 128) imressqa fit-22 ta' Jannar 2019 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni minn Danuta Maria Hübner f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali dwar il-proposta leġiżlattiva għal regolament dwar id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew (5), |
— |
wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (B8-0238/2019), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi diġà fl-ewwel dokument ta' ħidma adottat mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (AFCO) fl-20 ta' Jannar 2015, ġie indikat li t-“tħassib” espress mill-Kunsill u mill-Kummissjoni “m'għandux fih innifsu jikkostitwixxi oġġezzjoni insormontabbli”, u l-AFCO rrikonoxxa li “hemm soluzzjonijiet alternattivi u formulazzjonijiet aktar flessibbli, li jippermettu li tinstab soluzzjoni għall-impass fir-rigward tar-regolament”, filwaqt li indika u ppropona lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-triq 'il quddiem, bin-“negozjati politiċi l-ewwel” segwiti minn laqgħat tekniċi; |
B. |
billi l-Kunsill wieġeb għal din l-offerta billi wera r-rieda u l-impenn li jiddjaloga mal-Parlament, iżda bil-kundizzjoni li l-Parlament l-ewwel għandu jindirizza t-tħassib problematiku u fundamentali ta' natura legali u istituzzjonali; |
C. |
billi l-Kumitat AFCO adotta t-tieni dokument ta' ħidma li jippermetti lir-rapporteur jieħu passi oħra mal-Kunsill u l-Kummissjoni biex jinnegozja mod biex jiġi indirizzat it-tħassib imsemmi hawn fuq; billi strateġija ta' negozjar ġdida ġiet adottata skont dan, u dokument fil-forma ta' dokument informali li jiddeskrivi, b'argumenti politiċi, soluzzjonijiet possibbli għat-triq 'il quddiem, intbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fit-30 ta' Ġunju 2016; |
D. |
billi fl-10 ta' Ottubru 2016 it-tliet istituzzjonijiet iddeċidew li jipproċedu bi skambju informali ta' fehmiet bejn is-servizzi legali rispettivi tagħhom sabiex jiċċaraw aktar il-kwistjonijiet legali u istituzzjonali kollha; billi dan ippermetta lill-Parlament jipproponi formulazzjoni ġdida tar-regolament filwaqt li d-diverġenzi politiċi ewlenin tħallew pendenti; |
E. |
billi minkejja x-xogħol legali li sar, il-ġuriskonsulti tas-servizzi legali tal-Kummissjoni u tal-Kunsill ma setgħux japprovaw b'mod formali d-dokument li ħareġ mill-ħidma eċċezzjonali mwettqa mis-servizzi legali tat-tliet istituzzjonijiet, u dan wassal għal waqfien effettiv fir-rigward ta' dan il-fajl importanti; billi, konsegwentement, sar dibattitu fil-plenarja taħt l-awspiċji tal-AFCO fit-13 ta' Diċembru 2017 wara żewġ mistoqsijiet għal tweġiba orali, u wara dan l-AFCO, fit-3 ta' Mejju 2018, ressaq formulazzjoni ġdida tal-proposta fil-forma ta' dokument informali, li jirrappreżenta s-segwitu formali tal-ftehim milħuq bejn il-President tal-AFCO u r-Rapporteur, Ramón Jáuregui Atondo, mal-Presidenza Slovakka tal-Kunsill u mal-Kummissjoni fl-10 ta' Ottubru 2016, li jiddikjara li “sabiex jiġu varati negozjati uffiċjali, hija meħtieġa preżentazzjoni ta' formulazzjoni ġdida tal-proposta tal-PE”; |
F. |
billi l-Kunsill wieġeb fil-25 ta' Ottubru 2018 għall-formulazzjoni l-ġdida proposta abbażi tal-ħidma legali mwettqa mis-servizzi legali, l-esperjenza taż-żewġ kumitati ta' inkjesta (EMIS u PANA) stabbiliti matul it-tmien leġiżlatura, u l-proposta adottata mill-Parlament fl-2014; billi fit-tweġiba tiegħu l-Kunsill ifformalizza lista ġdida ta' tħassib, u jmur saħansitra lil hinn mill-opinjoni tas-servizz legali tiegħu stess, u jpoġġi f'dubju x-xogħol imwettaq s'issa u jelenka l-problemi istituzzjonali ewlenin għall-Parlament, li huma diffiċli li jingħelbu; iqis li bl-aġir tiegħu l-Kunsill mhu qed iħalli ebda marġni ta' manuvra għan-negozjati, filwaqt li l-idea wara d-dokument informali kienet fil-fatt li t-test il-ġdid għandu jagħti bidu għan-negozjati u d-diskussjonijiet politiċi; |
G. |
billi hija karatteristika inerenti tal-kmamar leġiżlattivi kollha u kundizzjoni fundamentali tas-separazzjoni tas-setgħat f'demokrazija denja ta' isimha li parlament għandu jkun jista' jżomm lill-eżekuttiv responsabbli billi jwaqqaf kumitati ta' inkjesta b'setgħat reali li jsejħu x-xhieda u jottjenu d-dokumenti; |
H. |
billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea impenjaw ruħhom b'mod regolari favur kooperazzjoni sinċiera, li fil-każ tar-regolament inkwistjoni huwa diffiċli li tingħaraf; |
1. |
Jesprimi n-nuqqas ta' qbil kbir tiegħu mal-attitudni tal-Kunsill (u tal-Kummissjoni), li qed ikompli jimpedixxi, wara aktar minn erba' snin ta' laqgħat informali u skambji ta' ittri u dokumenti, laqgħa formali biex jiġu diskussi fil-livell politiku soluzzjonijiet possibbli għall-problemi identifikati, filwaqt li jirrifjuta li japprova mandat politiku lill-Presidenza tal-Kunsill li jwitti t-triq għal laqgħat ta' natura politika bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet l-aktar kontenzjużi u li jiġi ddeterminat jekk jistax jintlaħaq ftehim; |
2. |
Jitlob lill-President tiegħu jressaq it-tħassib tal-Parlament għall-attenzjoni tal-mexxejja politiċi rigward in-nuqqas tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jikkonformaw mal-prinċipju ta' kooperazzjoni interistituzzjonali; |
3. |
Jissuġġerixxi li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali tiegħu għandu jeżamina l-fattibbiltà tat-tħejjija ta' azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b'rabta mal-prinċipju tal-koperazzjoni leali reċiproka bejn l-istituzzjonijiet (l-Artikolu 13(2) tat-TUE), u, f'dan ir-rigward, għandu jiċċekkja u jirrapporta wkoll dwar il-ksur mill-Kunsill tal-qafas legali attwali tal-kumitati ta' inkjesta maħluqa matul din il-leġiżlatura (PANA u EMIS); |
4. |
Jissottolinja li kif inhu fformulat bħalissa, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 226 tat-TFUE, li jistipula “proċedura leġiżlattiva speċjali” u jirrikjedi l-approvazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' regolament dwar id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament, ma jobbligax lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinnegozjaw, peress li huma obbligati biss li jagħtu jew li ma jagħtux l-approvazzjoni tagħhom għall-proposta tal-Parlament, u mhux li jinnegozjaw dwarha bil-għan li jintlaħaq qbil komuni; |
5. |
Jirrakkomanda li l-proċess leġiżlattiv li jirriżulta mid-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva mogħti lill-Parlament mit-Trattati jrid jinkludi, skont il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (IIA), talba għall-istabbiliment ta' kalendarju leġiżlattiv għall-inizjattivi kkonċernati, simili għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jissottolinja, barra minn hekk, li tali proċedura leġiżlattiva speċjali trid tirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-IIA rigward l-obbligu istituzzjonali ta' negozjar tat-tliet istituzzjonijiet; |
6. |
Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, jekk ma jistgħux jagħtu l-approvazzjoni tagħhom għall-proposta, biex ikomplu n-negozjati mal-Parlament ġdid elett, filwaqt li jirrikonoxxu l-progress li sar bil-formulazzjoni l-ġdida tal-proposta ppreżentata fid-dokument informali u bbażata fuq il-ħidma mwettqa mis-servizzi legali tat-tliet istituzzjonijiet; jemmen li dan huwa test aktar ordnat u sistematiku minn dak adottat fl-2014, li fih l-istess setgħat ta' investigazzjoni, iżda li huwa aġġornat f'konformità mal-esperjenzi ta' dawn l-aħħar snin u r-realtà istituzzjonali kurrenti; |
7. |
Jistieden lill-partiti politiċi jiżguraw li l-programmi elettorali tagħhom jesprimu l-impenn tagħhom favur il-proposta tal-Parlament għal regolament ġdid u aġġornat dwar id-dritt ta' inkjesta tiegħu, u jistieden lill-iSpitzenkandidaten differenti joffru l-appoġġ pubbliku u politiku tagħhom dwar din il-kwistjoni; |
8. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lill-parlamenti nazzjonali. |
(1) ĠU C 443, 22.12.2017, p. 39.
(2) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 132.
(3) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 140.
(4) PE544.488v03-00, PE571.670v03-00 u PE630.750v01-00.
(5) O-000003/19 u O-000004/19,