EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IP0224

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-ftehim komprensiv il-ġdid bejn l-UE u l-Użbekistan (2018/2236(INI))

ĠU C 108, 26.3.2021, p. 126–132 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 108/126


P8_TA(2019)0224

Ftehim komprensiv UE-Użbekistan

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-ftehim komprensiv il-ġdid bejn l-UE u l-Użbekistan (2018/2236(INI))

(2021/C 108/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/… tas-16 ta' Lulju 2018 li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jiftħu negozjati dwar, u jinnegozjaw, f'isem l-Unjoni, id-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni ta' Ftehim Komprensiv bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra (10336/18),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tas-16 ta' Lulju 2018, li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tiftaħ negozjati dwar, u tinnegozja, f'isem l-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri ta' Ftehim Komprensiv bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra (10337/18),

wara li kkunsidra d-direttivi ta' negozjati tal-Kunsill tas-16 ta' Lulju 2018 (10601/18 EU Restricted), trażmessi lill-Parlament fis-6 ta' Awwissu 2018,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti bejn l-UE u r-Repubblika tal-Użbekistan, li daħal fis-seħħ fl-1999,

wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil bejn l-UE u l-Użbekistan dwar l-enerġija ffirmat f'Jannar 2011,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-2013,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, filwaqt li titqies l-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti (1)

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, filwaqt li titqies l-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Użbekistan (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali (4), u tat-13 ta' April 2016 dwar implimentazzjoni u rieżami tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali (5),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-19 ta' Settembru 2018 bit-titolu “Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja – Elementi Fundamentali għal Strateġija tal-UE” (JOIN(2018)0031),

wara li kkunsidra ż-żjarat fl-Użbekistan mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu u s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu ta' Settembru 2018 u Mejju 2017 rispettivament, u ż-żjarat regolari fil-pajjiż mid-Delegazzjoni tiegħu għall-Kumitati ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Każakistan, UE-Kirgiżistan, UE-Użbekistan u UE-Taġikistan, u għar-relazzjonijiet mat-Turkmenistan u l-Mongolja,

wara li kkunsidra r-riżultati tat-13-il laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE u l-Asja Ċentrali, li saret fl-10 ta' Novembru 2017 f'Samarkand, li indirizzat l-aġenda bilaterali (l-ekonomija, il-konnettività, is-sigurtà u l-istat tad-dritt) u kwistjonijiet reġjonali,

wara li kkunsidra l-Joint Communiqué tal-14-il laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE u l-Asja Ċentrali, li saret fit-23 ta' Novembru 2018 fi Brussell, bit-titolu “EU-Central Asia – Working together to build a future of inclusive growth, sustainable connectivity and stronger partnerships” (6) (L-UE u l-Asja Ċentrali – Naħdmu flimkien biex nibnu futur ta' tkabbir inklużiv, konnettività sostenibbli u sħubiji aktar b'saħħithom),

wara li kkunsidra l-assistenza għall-iżvilupp kontinwa mill-UE lill-Użbekistan, li tammonta għal EUR 168 miljun fil-perjodu bejn l-2014 u l-2020, l-assistenza finanzjarja mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostituzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), u miżuri oħra tal-UE f'appoġġ tal-paċi u s-sigurtà u t-tnaqqis tal-iskart nukleari fil-pajjiż,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Tashkent dwar l-Afganistan tas-26 u s-27 ta' Marzu 2018, ospitata mill-Użbekistan u kopreseduta mill-Afganistan, bit-titolu “Peace process, security cooperation and regional connectivity” (Il-proċess ta' paċi, il-kooperazzjoni tas-sigurtà u l-konnettività reġjonali),

wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Azzjonijiet f'Ħames Oqsma Prijoritarji għall-Iżvilupp tal-Użbekistan (l-Istrateġija għall-Iżvilupp) għall-2017-2021,

wara li kkunsidra l-passi meħuda mill-Użbekistan lejn soċjetà aktar miftuħa u lejn relazzjonijiet aktar miftuħa mal-ġirien tiegħu sa mill-indipendenza mill-Unjoni Sovjetika,

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU,

wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0149/2019),

A.

billi fit-23 ta' Novembru 2018, l-UE u l-Użbekistan nedew negozjati dwar Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni (EPCA) komprensiv, bil-ħsieb li jiġi sostitwit l-FSK attwali bejn l-UE u l-Użbekistan, bil-għan ta' kooperazzjoni msaħħa u aktar profonda fl-oqsma ta' interess reċiproku u abbażi tal-valuri kondiviżi tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għal-libertajiet fundamentali, u governanza tajba, sabiex jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà internazzjonali u jiġu indirizzati b'mod effettiv sfidi globali bħat-terroriżmu, it-tibdil fil-klima u l-kriminalità organizzata;

B.

billi l-EPCA jirrikjedi l-kunsens tal-Parlament sabiex jidħol fis-seħħ;

1.

Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ):

Relazzjonijiet UE-Użbekistan

(a)

jilqa' l-impenji u l-passi meħuda mill-Użbekistan lejn soċjetà aktar miftuħa u l-livell ta' impenn ġenwin fi ħdan id-djalogu politiku bejn l-UE u l-Użbekistan, li wasslu għal ftuħ ta' negozjati dwar EPCA komprensiv; jenfasizza l-interess tal-UE fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet tagħha mal-Użbekistan fuq il-bażi ta' valuri komuni u jirrikonoxxi r-rwol tal-Użbekistan bħala pont kulturali u politiku importanti bejn l-Ewropa u l-Asja;

(b)

jipprevedi djalogu regolari u fil-fond u jissorvelja l-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi politiċi u demokratiċi mmirati lejn il-ħolqien ta' ġudikatura indipendenti – inkluż it-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha fuq l-indipendenza tal-avukati –, parlament ġenwinament indipendenti li jirriżulta minn elezzjoni ġenwinament kompetittiva, li jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-libertà tal-media, it-tneħħija tal-influwenza politika fuq is-servizzi tas-sigurtà u l-iżgurar li jimpenjaw ruħhom biex jirrispettaw l-istat tad-dritt, u involviment qawwi tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' riforma; jilqa' s-setgħat il-ġodda mogħtija lill-Oliy Majlis u l-mekkaniżmi l-ġodda li jsaħħu s-sorveljanza parlamentari; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-OSKE/ODIHR wara l-elezzjonijiet parlamentari tal-2014;

(c)

jenfasizza l-importanza ta', u jipprovdi appoġġ sinifikanti għal, riformi sostenibbli u l-implimentazzjoni tagħhom, abbażi tal-ftehimiet attwali u futuri, li jwassal għal riżultati tanġibbli u jindirizza kwistjonijiet politiċi, soċjetali u ekonomiċi, bil-għan, b'mod partikolari, li tittejjeb il-governanza, li jinfetaħ spazju għal soċjetà ċivili ġenwinament diversa u indipendenti, li jissaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, li jitħarsu l-minoranzi u l-persuni vulnerabbli kollha, inklużi l-persuni b'diżabilità, li jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u reati oħra u li jitneħħew l-ostakoli għall-intraprenditorja;

(d)

jirrikonoxxi u jappoġġja l-impenn tal-Użbekistan għar-riformi strutturali, amministrattivi u ekonomiċi li għaddejjin biex jittejbu l-klima tan-negozju, is-sistema ġudizzjarja u s-servizzi tas-sigurtà, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u l-obbligu ta' rendikont u l-effiċjenza amministrattiva, u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa u verifikabbli tagħhom; jilqa' l-liberalizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta' muniti barranin u tas-suq tal-muniti barranin; jenfasizza li l-pjan ta' riforma komprensiv tal-Użbekistan, l-Istrateġija ta' Żvilupp għall-2017-2021, irid jiġi implimentat u appoġġjat minn miżuri li jiffaċilitaw il-kummerċ estern u jtejbu l-ambjent tan-negozju; iqis li l-migrazzjoni tal-ħaddiema u r-rimessi huma mekkaniżmi ewlenin biex jiġi indirizzat il-faqar fl-Użbekistan;

(e)

iħeġġeġ lill-Gvern Użbek biex jiżgura li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili, l-osservaturi internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu joperaw liberament f'ambjent legalment sod u politikament sikur, b'mod partikolari billi jiffaċilitaw il-proċessi ta' reġistrazzjoni u jippermettu rikors legali f'każ ta' ċaħda ta' reġistrazzjoni; iħeġġeġ lill-gvern biex jippermetti monitoraġġ regolari, bla xkiel u indipendenti tal-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u fis-siti tad-detenzjoni; jinkoraġġixxi lill-gvern biex jistieden lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, jimplimenta r-rakkomandazzjoni mill-aħħar żjara tiegħu fl-2003 u jġib il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali konformi mal-liġi u l-istandards internazzjonali, inkluż mekkaniżmu ta' monitoraġġ indipendenti li jagħti aċċess bla xkiel għal postijiet ta' detenzjoni sabiex it-trattament tal-priġunieri jkun jista' jiġi mmonitorjat; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw bir-reqqa l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura jew ta' trattament inuman;

(f)

jippromwovi l-ħolqien ta' soċjetà tolleranti, inklussiva, pluralista u demokratika taħt gvern kredibbli billi jappoġġja l-liberalizzazzjoni gradwali b'rispett sħiħ għall-prinċipji ta' gwida tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u l-progress soċjoekonomiku għall-benefiċċju tan-nies;

(g)

jilqa' l-ħelsien ta' priġunieri politiċi iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiggarantulhom rijabilitazzjoni sħiħa u aċċess għal rimedju u trattament mediku; jitlob ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi kollha li fadal u l-individwi l-oħra kollha detenuti jew ippersegwitati fuq akkużi politikament motivati bħall-attivisti għad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili u l-attivisti reliġjużi, il-ġurnalisti u l-politiċi tal-oppożizzjoni; jesprimi tħassib dwar il-bosta proċessi bil-bibien magħluqa u jħeġġeġ lill-gvern biex itemm dawn il-prattiki; iħeġġeġ lill-gvern biex jemenda malajr id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi kriminali tiegħu dwar l-estremiżmu li xi kultant jintużaw ħażin biex jikkriminalizzaw in-nuqqas ta' qbil; jilqa' l-impenji li ttieħdu biex tieqaf tintuża l-akkuża ta' “ksur tar-regoli tal-ħabs” biex jiġu estiżi b'mod arbitrarju s-sentenzi ta' priġunieri politiċi; jiżgura li l-priġunieri politiċi kollha li huma kkundannati għal reati kriminali u reati oħra jingħataw kopji tas-sentenzi tal-qorti dwar il-każijiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jużaw id-dritt tagħhom li jappellaw u japplikaw għal riabilitazzjoni; jilqa' il-laxkar ta' xi restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' għaqda paċifika u jinkoraġġixxi ukoll it-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq dawk id-drittijiet, bħad-detenzjoni ta' dimostranti paċifiċi, u b'hekk jaderixxi mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa' ż-żjara riċenti mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin;

(h)

jinnota li l-klassifikazzjoni tal-Użbekistan fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa tar-Reporters Mingħajr Fruntieri tjiebet biss ftit bejn l-2016 u l-2018 u jibqa' mħasseb dwar iċ-ċensura, l-imblukkar ta' siti web, l-awtoċensura ta' ġurnalisti u bloggers, il-fastidju, kemm onlajn kif ukoll offline, u akkużi kriminali motivati politikament; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex iwaqqfu l-pressjoni fuqil-midja u s-sorveljanza tagħha, biex iwaqqfu l-imblukkar ta' siti web indipendenti u biex jippermettu lill-midja internazzjonali takkredita l-korrispondenti u topera fil-pajjiż; jappoġġja u jilqa' l-miżuri meħuda lejn indipendenza akbar tal-midja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, pereżempju t-tneħħija ta' xi restrizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tagħhom, kif ukoll ir-ritorn ta' midja barranija u internazzjonali u NGOs, li qabel kienu esklużi mill-pajjiż; jilqa' l-liġi l-ġdida dwar ir-reġistrazzjoni tal-NGOs, li naqqset xi proċeduri ta' reġistrazzjoni u xi rekwiżiti biex jingħata permess minn ħafna qabel għal attivitajiet jew laqgħat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jimplimentaw bis-sħiħ din il-liġi, inkluż billi jitneħħew l-ostakli kollha għar-reġistrazzjoni ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jindirizzaw ir-restrizzjonijiet li fadal li jillimitaw il-ħidma tal-NGOs, bħal rekwiżiti ta' reġistrazzjoni li huma ta' piż u monitoraġġ intrużiv;

(i)

jilqa' l-progress li sar lejn l-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal u l-eliminazzjoni gradwali tax-xogħol furzat, kif ukoll iż-żjarat riċenti fl-Użbekistan minn Rapporteurs Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ftuħ mill-ġdid tal-pajjiż għal NGOs internazzjonali f'dan il-qasam; jirrimarka li x-xogħol furzat sponsorjat mill-istat fl-industriji tal-qoton u tal-ħarir u f'oqsma oħra jibqa' problema; jistenna passi mill-Gvern tal-Użbekistan biex jeqred il-forom kollha ta' xogħol furzat, jindirizza l-kawżi fundamentali tal-fenomenu, b'mod partikolari s-sistema ta' kwoti obbligatorji, u jżomm l-awtoritajiet lokali responsabbli li jimmobilizzaw il-ħaddiema fis-settur pubbliku u l-istudenti taħt pressjoni; jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi u aktar miżuri legali biex jiġi kkonsolidat il-progress f'dan il-qasam bil-ħsieb li jitneħħa x-xogħol furzat; jinkoraġġixxi f'dan ir-rigward aktar kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); jinkoraġġixxi l-għoti ta' aċċess fil-pajjiż għal żjara mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-forom kontemporanji ta' skjavitù; jenfasizza l-importanza tal-isforzi biex tiġi żviluppata katina tal-provvista tal-qoton sostenibbli kif ukoll teknoloġiji u prattiki tal-biedja moderni u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent għat-tkabbir tal-qoton fil-pajjiż; jappoġġja lill-bdiewa lokali li jkabbru l-qoton fit-titjib tal-effiċjenza tal-produzzjoni tagħhom, is-salvagwardja tal-ambjent u t-titjib tal-prattiki tax-xogħol bil-ħsieb li jitneħħa x-xogħol furzat;

(j)

iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex iżidu l-azzjoni biex inaqqsu l-qgħad fil-pajjiż, inkluż il-ftuħ tas-settur privat u t-tisħiħ tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jilqa', f'dan ir-rigward, l-estensjoni tal-Programm ta' Taħriġ għal Ġestjoni u jinkoraġġixxi programmi ta' taħriġ ulterjuri għall-intraprendituri; ifakkar fil-potenzjal tal-popolazzjoni żagħżugħa u l-livell ta' edukazzjoni relattivament għoli f'dan ir-rigward; jinkoraġġixxi l-promozzjoni ta' programmi edukattivi ta' intraprenditorija; ifakkar fl-importanza ta' programmi tal-UE bħall-Erasmus+ għall-promozzjoni ta' djalogu interkulturali bejn l-UE u l-Użbekistan u fil-provvista ta' opportunitajiet għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-studenti li jieħdu sehem f'dawn il-programmi bħala atturi pożittivi ta' bidla fis-soċjetà tagħhom;

(k)

ikompli jorganizza djalogi annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem organizzati mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u, f'dan il-kuntest, jagħmel pressjoni biex jiġu solvuti każijiet individwali ta' tħassib, inklużi dawk tal-priġunieri politiċi; jaqbel dwar oqsma konkreti qabel kull sensiela ta' djalogi fuq bażi annwali u jivvaluta l-progress fuq ir-riżultati skont l-istandards tal-UE, filwaqt li jintegra l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-laqgħat u l-politiki l-oħra kollha; jinkoraġġixxi u jevalwa l-konformità ma' strumenti internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, kif irratifikati mill-Użbekistan, b'mod partikolari fin-NU, l-OSKE u l-ILO; jesprimi tħassib kontinwu dwar il-problemi pendenti u n-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' xi riformi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiddekriminalizzaw ir-relazzjonijiet sesswali kunsenswali bejn persuni tal-istess sess u jrawmu kultura ta' tolleranza għall-persuni LGBTI; jistieden lill-awtoritajiet Użbeki biex jirrispettaw u jippromwovu d-drittijiet tan-nisa;

(l)

jiżgura reviżjoni tas-sistema tal-passaporti; jilqa' l-abolizzjoni tas-sistema ta' “viżi ta' ħruġ”, li qabel kienu meħtieġa minn ċittadini Użbeki li jivvjaġġaw barra mill-Commonwealth ta' Stati Indipendenti (CIS); jilqa' t-tħabbira tal-Użbekistan li mhux se jibqa' jirrikjedi viżi minn ċittadini tal-Istati Membri tal-UE minn Jannar 2019;

(m)

iħeġġeġ lill-awtoritajiet itejbu s-sistema lokali tal-kura tas-saħħa u jżidu r-riżorsi tal-istat biex jiffaċilitaw it-titjib, ladarba s-sitwazzjoni ddeterjorat b'mod sinifikanti minn meta l-pajjiż kiseb l-indipendenza;

(n)

iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jipprovdu l-appoġġ meħtieġ u jfittxu l-kontribuzzjoni u l-appoġġ tal-imsieħba internazzjonali biex jippermettu lill-Użbekistan, u b'mod partikolari r-Repubblika awtonoma ta' Karakalpakstan, biex jindirizzaw aktar il-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u dawk relatati mas-saħħa tad-diżastru ambjentali tal-Baħar Aral billi jistabbilixxu politiki u prattiki ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ilma sostenibbli u pjan ta' tindif gradwali kredibbli għar-reġjun; jilqa' l-iżviluppi pożittivi fil-kooperazzjoni reġjonali dwar l-ilma, b'mod partikolari mat-Taġikistan u l-Każakistan, it-twaqqif tal-Fond Fiduċjarju għas-Sigurtà tal-Bniedem tan-NU għal Bosta Msieħba għar-Reġjun tal-Baħar Aral u l-impenn muri mill-awtoritajiet; ikompli jappoġġja l-isforzi biex tittejjeb l-infrastruttura tat-tisqija;

(o)

jirrikonoxxi l-politika barranija l-ġdida tal-Użbekistan, li wasslet għal titjib fil-kooperazzjoni ma' ġirien u msieħba internazzjonali, b'mod partikolari dwar il-promozzjoni tal-istabilità u s-sigurtà fir-reġjun, il-ġestjoni tal-fruntieri u tal-ilma, id-demarkazzjoni tal-fruntiera u l-enerġija; jappoġġja l-impenn pożittiv tal-Użbekistan fil-proċess ta' paċi fl-Afganistan;

(p)

jilqa' l-impenn kontinwu tal-Użbekistan biex iħares iż-Żona Ħielsa minn Armi Nukleari tal-Asja Ċentrali; ifakkar fl-impenn tal-UE biex tappoġġja lill-Użbekistan fit-trattament ta' skart tossiku u radjuattiv; iħeġġeġ lill-Użbekistan biex jiffirma t-Trattat dwar il-Projbizzjoni ta' Armi Nukleari;

(q)

iqis ir-rwol importanti tal-Użbekistan fir-rieżmi li jmiss tal-Istrateġija tal-UE u l-Asja Ċentrali, li tapplika l-prinċipju tad-differenzjazzjoni;

(r)

jirrikonoxxi t-tħassib dwar is-sigurtà leġittima tal-Użbekistan, u jżid il-kooperazzjoni fl-appoġġ tal-ġestjoni ta' kriżijiet, il-prevenzjoni ta' konflitti, il-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-isforzi biex jiġu indirizzati r-radikalizzazzjoni vjolenti, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-kummerċ illeċitu fid-drogi, filwaqt li jiġi rrispettat l-istat tad-dritt, inkluż il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

(s)

jiżgura kooperazzjoni effettiva fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa;

(t)

jorbot it-twassil tal-assistenza lill-Użbekistan mal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE u ma' self mill-BEI u l-BERŻ lejn il-kontinwazzjoni tal-progress tar-riforma;

(u)

jappoġġja l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin meħtieġa għal status ta' GSP+;

(v)

jappoġġja l-isforzi tal-Użbekistan biex jinvolvi ruħu fil-proċess biex jingħaqad mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) sabiex jintegra aħjar lill-pajjiż fl-ekonomija dinjija u jtejjeb il-klima kummerċjali tiegħu, u b'hekk jattira aktar investiment dirett barrani (IDB);

(w)

iqis l-iżvilupp ta' dawn ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva taċ-Ċina ta' “One Belt, One Road” (OBOR); u jinsisti fuq il-konformità mat-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem marbuta ma' din l-inizjattiva, inkluż billi jiżviluppa linji gwida f'dan ir-rigward;

Ftehim komprensiv ġdid

(x)

juża n-negozjati tal-EPCA biex jappoġġja progress ġenwin u sostenibbli lejn reġim responsabbli u demokratiku li jiggarantixxi u jipproteġi d-drittijiet fundamentali għaċ-ċittadini kollha u jiffoka b'mod partikolari fuq l-iżgurar ta' ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-indipendenza tal-avukati; jiżgura li, qabel it-tmiem tan-negozjati, l-Użbekistan jagħmel progress tajjeb lejn l-iżgurar tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni u għaqda paċifika skont l-istandards internazzjonali, inkluż billi jitneħħew l-ostakli li jfixklu l-gruppi l-ġodda kollha milli jirreġistraw u jibdew legalment attivitajiet fil-pajjiż u li jirċievu finanzjament barrani;

(y)

jinnegozja ftehim modern, kumplessiv u ambizzjuż bejn l-UE u l-Użbekistan li jissostitwixxi l-FSK tal-1999, isaħħaħ il-kuntatt bejn il-ġnus, il-kooperazzjoni politika, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment, u l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-protezzjoni tal-ambjent, il-konnettività, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza, u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli tal-Użbekistan;

(z)

iġedded l-impenn tagħhom lejn l-avvanz ta' standards demokratiċi, il-prinċipji ta' governanza tajba u l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-libertà ta' reliġjon jew twemmin, u d-difensuri tagħhom;

(aa)

jappoġġja l-isforzi mġedda tal-Użbekistan lejn kooperazzjoni multilaterali u internazzjonali fir-rigward ta' sfidi globali u reġjonali, bħas-sigurtà internazzjonali u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga, l-immaniġġjar tal-ilma, id-degradazzjoni ambjentali, it-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni, fost l-oħrajn;

(ab)

jiżgura li l-ftehim komprensiv jiffaċilita u jsaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti tal-kontroversji eżistenti, u jwitti t-triq għal relazzjonijiet ġenwini ta' viċinat tajjeb;

(ac)

itejjeb id-dispożizzjonijiet relatati mar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi billi jorbothom aħjar mad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u impenn għall-implimentazzjoni tal-prinċipji gwida tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jipprovdi mekkaniżmi biex jiġu vvalutati u indirizzati l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, minn naħa, u billi jippromwovi l-prinċipji tal-ekonomija tas-suq, inkluża ċ-ċertezza legali, u istituzzjonijiet indipendenti u trasparenti, djalogu soċjali u implimentazzjoni tal-istandards tax-xogħol tal-ILO sabiex jiġi garantit investiment dirett barrani sostenibbli u jingħata kontribut għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija min-naħa l-oħra; itejjeb il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa u jiżgura li l-assi attwalment iffriżati f'diversi Stati Membri tal-UE u taż-ŻEE jiġu ripatrijati b'mod responsabbli għall-benefiċċju tal-poplu Użbek kollu;

(ad)

isaħħaħ l-aspetti tal-kooperazzjoni interparlamentari fi ħdan Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-obbligu ta' rendikont dirett ta' rappreżentanti tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u l-Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni;

(ae)

jiżgura l-involviment tal-atturi rilevanti kollha, inkluż tas-soċjetà ċivili, kemm waqt in-negozjati kif ukoll waqt il-fażi ta' implimentazzjoni tal-ftehim;

(af)

jinkludi termini dwar is-sospensjoni potenzjali tal-kooperazzjoni f'każ ta' ksur ta' elementi essenzjali minn xi parti, fir-rigward, b'mod partikolari, tar-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluż il-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew f'każijiet bħal dawn; jistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ u ta' lmenti indipendenti li jipprovdi lill-popolazzjonijiet affettwati u lir-rappreżentanti tagħhom b'għodda effettiva biex jindirizzaw l-impatti fuq id-drittijiet tal-bniedem u jissorvelja l-implimentazzjoni;

(ag)

jiżgura li l-Parlament Ewropew ikun involut mill-qrib fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-partijiet kollha tal-EPCA ladarba jidħol fis-seħħ, jorganizza konsultazzjonijiet f'dan il-kuntest, jiżgura li l-Parlament u s-soċjetà ċivili ikunu infurmati kif suppost dwar l-implimentazzjoni tal-EPCA mis-SEAE, u jirreaġixxu kif mistħoqq;

(ah)

jiżgura t-trażmissjoni tad-direttivi ta' negozjati kollha lill-Parlament Ewropew, soġġetta għar-regoli ta' kunfidenzjalità, sabiex ikun jista' jsir skrutinju xieraq mill-Parlament tal-proċess ta' negozjar; jiġu ssodisfati l-obbligi interistituzzjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 218(10) tat-TFUE, u jinforma fil-qosor, b'mod perjodiku, lill-Parlament;

(ai)

japplika l-EPCA b'mod proviżorju biss wara li l-Parlament ikun ta l-kunsens tiegħu;

(aj)

jimplimenta kampanja ta' sensibilizzazzjoni pubblika li tenfasizza r-riżultati pożittivi mistennija ta' kooperazzjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE u tal-Użbekistan, li ttejjeb ukoll ir-relazzjonijiet bejn il-ġnus;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Użbekistan.

(1)  ĠU C 238, 6.7.2018, p. 394.

(2)  ĠU C 238, 6.7.2018, p. 51.

(3)  ĠU C 274, 27.7.2016, p. 25.

(4)  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 91.

(5)  ĠU C 58, 15.2.2018, p. 119.

(6)  https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage/54354/joint-communiqué-european-union-–-central-asia-foreign-ministers-meeting-brussels-23-november_en


Top