This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019IP0005
European Parliament resolution of 15 January 2019 on autonomous driving in European transport (2018/2089(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2019 dwar is-sewqan awtonomu fit-trasport Ewropew (2018/2089(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2019 dwar is-sewqan awtonomu fit-trasport Ewropew (2018/2089(INI))
ĠU C 411, 27.11.2020, p. 2–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
27.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 411/2 |
P8_TA(2019)0005
Is-sewqan awtonomu fit-trasport Ewropew
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2019 dwar is-sewqan awtonomu fit-trasport Ewropew (2018/2089(INI))
(2020/C 411/01)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2018 bit-titolu “Fi triqitna lejn il-mobbiltà awtomatizzata: Strateġija tal-UE għall-mobbiltà tal-futur” (COM(2018)0283), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 dwar Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata (COM(2016)0766), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-konnettività tal-internet għat-tkabbir, il-kompetittività u l-koeżjoni: is-soċjetà Ewropea tal-gigabits u l-5G (1), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar Strateġija Ewropea dwar Sistemi Kooperattivi ta' Trasport Intelliġenti (2), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0425/2018), |
A. |
billi l-istrateġija tal-UE dwar il-mobilità konnessa u awtomatizzata hija marbuta mill-qrib mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni, b'mod partikolari dawk tal-aġendi tagħha għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, ir-riċerka u innovazzjoni, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, il-mobilità u trasport nodfa u sikuri, is-sikurezza fit-toroq u d-dekonġestjoni tat-traffiku, is-suq uniku diġitali u l-Unjoni tal-Enerġija; |
B. |
billi l-pass mgħaġġel tal-iżvilupp teknoloġiku, kemm fl-industrija tat-trasport kif ukoll fis-settur tar-robotika u l-intelliġenza artifiċjali, għandu impatt sinifikanti fuq l-ekonomija u s-soċjetà; billi l-vetturi awtonomi ser ibiddlu b'mod sinifikanti l-ħajja ta' kuljum tagħna, jiddeterminaw il-futur tat-trasport bit-triq fid-dinja kollha, inaqqsu l-ispejjeż tat-trasport, itejbu s-sikurezza fit-toroq, iżidu l-mobbiltà u jnaqqsu l-impatti ambjentali. billi s-settur tat-trasport bit-triq jista' jiftaħ il-bieb għal servizzi u modi ġodda ta' trasport, u b'hekk jissodisfa d-domanda dejjem tikber għall-mobbiltà individwali u għat-trasport tal-merkanzija, u jista' anki jgħin fir-revoluzzjoni tal-ippjanar urban; |
C. |
billi l-Kummissjoni għandha l-għan li sal-2020 tnaqqas bin-nofs l-għadd annwali ta' mwiet fit-toroq tal-UE meta mqabbla mal-2010, f'konformità mal-għanijiet ta' Viżjoni Żero; billi l-progress fit-tnaqqis tal-għadd totali ta' mwiet u korrimenti donnu staġna dan l-aħħar, meta jitqies il-fatt li fl-2016 aktar minn 25 000 ruħ tilfu ħajjithom fit-toroq tal-UE filwaqt li 135 000 oħra weġġgħu serjament; billi l-ibliet tagħna qed jiffaċċjaw problemi kbar relatati mal-mobilità li qed jiġu aggravati mit-tniġġis u mit-tibdil fil-klima; |
D. |
billi s-sistemi avvanzati ta' għajnuna lis-sewwieq bħat-twissija ta' ħruġ mil-karreġġata u l-brejkijiet ta' emerġenza awtomatiċi diġà wrew li jikkontribwixxu għas-sikurezza fit-toroq u jnaqqsu l-għadd ta' inċidenti gravi; |
E. |
billi l-maġġoranza l-kbira tal-inċidenti tat-traffiku jseħħu minħabba żbalji tal-bniedem u, bħala tali, hemm bżonn imperattiv li jitnaqqsu l-possibbiltajiet għal tali inċidenti, billi jkun meħtieġ l-użu ta' sistemi tal-vetturi avvanzati li jtejbu s-sikurezza filwaqt li tinżamm il-mobilità personali; |
F. |
billi kien hemm tnaqqis fir-ritmu tax-xejra pożittiva fis-sikurezza fit-toroq li l-UE esperjenzat matul l-aħħar deċennju; billi t-trasport bit-triq għadu responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-emissjonijiet mit-trasport, f'termini ta' gassijiet serra u sustanzi li jniġġsu l-arja; |
G. |
billi l-ħtiġijiet tat-trasport, kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija, qed jiżdiedu madwar id-dinja kollha, f'kuntest ta' sensibilizzazzjoni akbar dwar il-limiti tar-riżorsi tal-pjaneta tagħna, u billi għalhekk l-effiċjenza tat-trasport se ssir kwistjoni dejjem aktar kruċjali; |
H. |
billi l-UE għandha tinkoraġġixxi u tiżviluppa aktar it-teknoloġiji diġitali għal mobilità awtomatizzata biex jibbilanċjaw l-effetti tal-imġiba illeċita umana u jnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku u l-fatalitajiet fit-toroq; |
I. |
billi l-awtomatizzazzjoni u l-varar ta' teknoloġija ġdida se jżidu s-sikurezza tat-trasport u tas-sistemi tat-trasport u jeliminaw uħud mill-fatturi umani involuti; billi b'mod parallel mal-awtomatizzazzjoni għandhom jitqiesu kemm id-diversità kif ukoll il-kundizzjoni tas-sistemi tat-trasport fi Stati Membri differenti; billi jeħtieġ li jinbnew sistemi tat-trasport ġodda u kemm is-sistemi tat-trasport ġodda kif ukoll dawk eżistenti jeħtieġ li jiġu mgħammra b'karatteristiċi tas-sikurezza xierqa qabel ma tkun tista' tiġi introdotta l-awtomatizzazzjoni; |
J. |
billi jeżistu livelli ta' awtomatizzazzjoni, filwaqt li l-livelli 1 u 2 diġà jinsabu fis-suq, iżda l-livelli ta' awtomatizzazzjoni kondizzjonali, għolja u sħiħa (meta vettura ssir awtonoma) huma mistennija li jsiru disponibbli biss fl-2020-2030, u billi s-sistemi ta' għajnuna lis-sewwieq huma għalhekk importanti bħala teknoloġija abilitanti fil-perkors lejn awtomatizzazzjoni sħiħa; |
K. |
billi jeħtieġ li jsir investiment kemm fl-istadju tar-riċerka kif ukoll fl-istadju ta' żvilupp sussegwenti sabiex jittejbu t-teknoloġiji disponibbli u tiġi implimentata infrastruttura tat-trasport sikura u intelliġenti; |
L. |
billi bosta pajjiżi madwar id-dinja (eż. l-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Ġappun, il-Korea u ċ-Ċina) mexjin b'pass mgħaġġel biex jagħmlu kemm il-mobilità konnessa, kif ukoll dik awtomatizzata, disponibbli fis-suq; billi l-Ewropa teħtieġ li tirrispondi b'mod ferm aktar proattiv għall-iżviluppi mgħaġġla f'dan is-settur, biex tħeġġeġ inizjattivi u tippromwovi rekwiżiti tas-sikurezza strinġenti għall-parteċipanti kollha tat-traffiku li jivvjaġġaw bil-baħar, minn passaġġi fuq l-ilma interni, bit-triq, bl-ajru jew bil-ferrovija u li jużaw modi ta' trasport imħallta; |
M. |
billi l-Kummissjoni tistenna li s-suq il-ġdid għall-vetturi awtomatizzati u konnessi jikber b'mod esponenzjali, bi dħul stmat li jaqbeż EUR 620 biljun sal-2025 għall-industrija tal-karozzi tal-UE u EUR 180 biljun għas-settur tal-elettronika tal-UE; |
N. |
billi d-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam (2016) tiddeskrivi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-industrija fil-qasam tas-sewqan konness u awtomatizzat; |
O. |
billi t-trasport awtonomu jkopri kull forma ta' mezzi ppilotati mill-bogħod, awtomatizzati u awtonomi tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru, bil-baħar u fl-ilmijiet navigabbli interni; |
P. |
billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “fi triqitna lejn il-mobbiltà awtomatizzata” tikkostitwixxi stadju importanti fl-istrateġija tal-UE għal mobilità konnessa u awtomatizzata; |
Q. |
billi trid issir enfasi fuq il-mobilità awtonoma, minħabba li vetturi kompletament awtonomi se jġibu benefiċċji tas-sikurezza fit-toroq notevoli u se jkunu jistgħu joperaw mingħajr funzjonalitajiet konnessi; billi l-kapaċitajiet u s-servizzi anċillari xorta waħda jistgħu jirrikjedu komunikazzjoni diġitali; |
R. |
billi l-introduzzjoni ta' vetturi awtonomi, mistennija fl-2020, se ġġib benefiċċji konsiderevoli, iżda tinvolvi wkoll varjetà ta' riskji ġodda, b'mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza tat-traffiku fit-toroq, ir-responsabbiltà ċivili u l-assigurazzjoni, iċ-ċibersigurtà, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-protezzjoni tad-data u kwistjonijiet ta' aċċess għad-data, l-infrastruttura teknika, l-istandardizzazzjoni u l-impjieg; billi huwa impossibbli li tiġi prevista l-firxa sħiħa tal-impatt fuq terminu twil tal-mobbiltà awtonoma fuq l-impjiegi u fuq l-ambjent; billi huwa ta' importanza kruċjali li jiġi żgurat li l-qafas ġuridiku tal-UE jkun adatt biex iwieġeb b'mod xieraq għal dawk l-isfidi u jżid is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u l-aċċettazzjoni tal-vetturi awtonomi; |
S. |
billi l-kwistjonijiet etiċi dwar l-użu ta' dawn it-teknoloġiji jeħtieġu l-iżvilupp ta' linji gwida għall-użu tal-intelliġenza artifiċjali, flimkien ma' sistemi li jiżguraw li dawn il-kwistjonijiet etiċi jiġu indirizzati b'mod koerenti; |
Prinċipji ġenerali
1. |
Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “fi triqitna lejn il-mobbiltà awtomatizzata”, li tistabbilixxi approċċ biex l-UE ssir il-mexxejja dinjija fl-użu ta' sistemi sikuri għall-mobilità awtomatizzata, biex jiżdiedu s-sikurezza u l-effiċjenza tat-toroq, tiġi miġġielda l-konġestjoni, jitnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet mit-trasport, u gradwalment jiġu eliminati l-karburanti fossili; |
2. |
Jagħraf il-passi inizjali meħuda mill-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar mobilità awtomatizzata tal-futur u jirrikonoxxi l-inizjattivi leġiżlattivi rigward id-Direttiva ITS (3) u r-reviżjonijiet proposti tad-direttiva dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq (4) u s-sikurezza ġenerali tar-regolamentazzjoni tal-vetturi motorizzati (5); |
3. |
Jafferma r-rwol importanti tas-sistemi kooperattivi ta' trasport intelliġenti (C-ITS) biex jipprovdu konnettività għall-vetturi awtomatizzati/awtonomi tal-livelli 2, 3 u possibbilment 4 tal-Għaqda tal-Inġiniera Awtomobilistiċi (SAE); iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-industrija biex ikomplu jimplimentaw is-C-ITS, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri u lill-industrija fil-varar tas-servizzi tas-C-ITS, b'mod partikolari permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-programm InvestEU; |
4. |
Jenfasizza l-potenzjal tal-innovazzjoni tal-mezzi awtonomi kollha tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, fuq l-ilma u bl-ajru; jissottolinja l-ħtieġa għall-atturi Ewropej li jgħaqqdu l-forzi sabiex jilħqu u jżommu pożizzjoni ta' mexxejja globali fit-trasport awtonomu; jinnota li l-avvanzi fil-mobilità awtonoma, b'mod partikolari fit-trasport bit-triq, jirrikjedu l-kooperazzjoni sinerġistika ta' bosta setturi tal-ekonomija Ewropea, inklużi l-manifattura tal-vettura u s-setturi diġitali; |
5. |
Jirrikonoxxi l-potenzjal sinifikanti tal-mobilità awtomatizzata għal bosta setturi, billi toffri opportunitajiet ġodda ta' negozju għan-negozji ġodda, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), u l-industrija u l-intrapriżi fl-intier tagħhom, b'mod partikolari f'termini tal-ħolqien ta' servizzi tal-mobilità u possibbiltajiet ta' impjiegi ġodda; |
6. |
Jissottolinja l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' vetturi awtonomi li huma aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u b'mobbiltà mnaqqsa (PRMS); |
7. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta strateġija, b'mod partikolari rigward il-protezzjoni tad-data, l-aċċess għad-data u ċ-ċibersigurtà, skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta' Marzu 2018 dwar strateġija Ewropea dwar C-ITS, filwaqt li tiżgura approċċ teknoloġikament newtrali, miftuħ u lest għas-suq; jirrikonoxxi l-opportunitajiet ippreżentati mir-rakkomandazzjonijiet li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-aċċess tad-data fil-vettura u l-aċċess għar-riżorsi; |
8. |
Jafferma l-ħtieġa li jiġu esplorati azzjonijiet leġiżlattivi sabiex jiġi żgurat aċċess ġust, sikur, f'ħin reali u teknoloġikament newtrali għad-data fil-vettura għal xi entitajiet ta' parti terza; jemmen li tali aċċess għandu jippermetti lill-utenti finali u lill-partijiet terzi jibbenefikaw mid-diġitalizzazzjoni u jippromwovi kundizzjonijiet ekwi u sigurtà fir-rigward tal-ħżin tad-data fil-vettura; |
9. |
Jinnota li mistoqsijiet simili b'rabta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-drittijiet ta' użu korrispondenti se jirriżultaw fir-rigward tal-intelliġenza artifiċjali għall-iskop ta' mobbiltà awtonoma bħal f'oqsma oħra, bħalma huma d-drittijiet ta' proprjetà jew użu għall-kodiċi, id-data u l-invenzjonijiet maħluqa mill-intelliġenza artifiċjali nnifisha; iqis, madankollu, li għal dawn il-mistoqsijiet għandhom jinstabu soluzzjonijiet li jkunu ġenerali kemm jista' jkun; |
10. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li fl-abbozzar tal-qafas leġiżlattiv ġdid dwar ir-regolamentazzjoni tal-mobilità awtonoma, jiġi żgurat li kwalunkwe ostakolu għall-avvanz tal-progress teknoloġiku, ir-riċerka u l-innovazzjoni jkun jista' jingħeleb; |
11. |
Jirrimarka li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “fi triqitna lejn il-mobilità awtomatizzata” m'għandhiex analiżi u proposti għal vetturi awtonomi fil-modi kollha tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura analiżijiet u strateġiji speċifiċi għall-modi, inkluż fl-oqsma tat-trasport intermodali u tal-mobilità; |
12. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwessgħu l-politika tagħhom dwar is-sewqan awtonomu b'tali mod li jinkludi wkoll it-trasport kollettiv kif ukoll li jestendu l-ideat tagħhom lejn il-modi kollha ta' trasport; |
13. |
Jilqa' l-ħidma li saret fil-Laqgħat ta' Livell Għoli tal-Kunsill dwar is-sewqan awtonomu u jixtieq jara dak x-xogħol estiż ukoll biex jindirizza modi ta' trasport minbarra t-trasport bit-triq; |
14. |
Jissottolinja li għandhom jiġu żviluppati u allinjati f'livell internazzjonali, tal-UE u nazzjonali, standards tekniċi għall-vetturi u l-infrastruttura (eż. sinjali tat-traffiku, marki fit-toroq, sistemi ta' sinjalazzjoni u C-ITS) li jibbażaw fuq il-ħidma u l-forums eżistenti biex tiġi evitata d-duplikazzjoni, abbażi tal-prinċipji ta' approċċ miftuħ, trasparenti u teknoloġikament newtrali u li jżidu s-sikurezza fit-toroq, filwaqt li jiżguraw interoperabbiltà transkonfinali uniformi; |
15. |
Jinnota li data fil-vetturi u tar-rotot affidabbli hija element fundamentali għall-kisba kemm ta' sewqan awtonomu u konness f'żona unika Ewropea tat-trasport kif ukoll ta' servizzi kompetittivi għall-utenti aħħarin; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni biex tiżgura li jitneħħew l-ostakoli għall-użu ta' tali data u tiġi stabbilita sistema regolatorja b'saħħitha f'dan ir-rigward qabel l-1 ta' Jannar 2020, filwaqt li tiżgura l-istess kwalità u disponibbiltà tad-data madwar l-Istati Membri; |
16. |
Jinnota l-urġenza li tingħata ċertezza legali kemm għall-utenti kif ukoll għall-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-konformità tal-vetturi awtonomi mal-leġiżlazzjoni ewlenija eżistenti, b'referenza partikolari għal-leġiżlazzjoni dwar il-Privatezza Elettronika u għar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (6); jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika liema kategoriji ta' informazzjoni ġġenerati mill-vetturi awtonomi għandhom jiġu ttrattati bħala data miftuħa u jsiru disponibbli f'ħin reali, u liema għandhom jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali; |
17. |
Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-utenti jkollhom kontroll kemm fuq id-data personali kif ukoll fuq id-data fil-vetturi prodotti, miġbura u kkomunikati minn vetturi awtonomi u jkollhom aċċess għalihom; jenfasizza li l-konsumaturi jeħtiġilhom jiġu offruti l-ogħla livell ta' protezzjoni ċibernetika; |
18. |
Jenfasizza ż-żieda massiva mistennija fid-data prodotta, miġbura u trażmessa minn vetturi awtonomi, u jissottolinja l-ħtieġa li din id-data tintuża, b'mod partikolari d-data mhux personali u dik anonimizzata, biex tiffaċilita l-varar ta' vetturi awtonomi u biex tkompli tiżviluppa l-innovazzjonijiet fil-qafas ta' soluzzjonijiet ġodda ta' mobilità; jirrimarka li l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data sensittiva ġġenerata minn vetturi awtonomi trid tkun prijorità assoluta; |
19. |
Jissottolinja li vetturi kompletament awtonomi jew awtomatizzati ħafna se jkunu disponibbli kummerċjalment fis-snin li ġejjin u li jeħtieġ li jkun hemm fis-seħħ kemm jista' jkun malajr oqfsa regolatorji xierqa li jiżguraw l-operat sikur tagħhom u jipprevedu reġim ċar li jirregola l-obbligu ta' rendikont, sabiex jindirizzaw il-bidliet li jirriżultaw, inkluża l-interazzjoni bejn vetturi u infrastrutturi awtonomi u utenti oħrajn; |
20. |
Jinnota li r-regoli eżistenti dwar l-obbligu ta' rendikont, bħad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (7) (id-Direttiva dwar l-Obbligu ta' Rendikont għall-Prodotti) u d-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta' assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (8) (id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur), ma ġewx żviluppati biex jindirizzaw l-isfidi imposti mill-użu ta' vetturi awtonomi u jenfasizza li hemm evidenza dejjem akbar li l-qafas regolatorju attwali, speċjalment fir-rigward tal-obbligu ta' rendikont, l-assigurazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tad-data personali, mhux se jibqa' suffiċjenti jew xieraq meta jiġi affaċċjat bir-riskji ġodda li qed jirriżultaw mill-awtomatizzazzjoni, il-konnettività u l-kumplessità tal-vetturi; |
21. |
Huwa tal-opinjoni li, fid-dawl tal-bidliet teknoloġiċi dinamiċi fis-settur, teżisti l-ħtieġa li jiġi ċċarat min għandu jġorr id-dannu fil-każ ta' inċidenti kkawżati minn vetturi għalkollox awtonomi, u meta l-livell ta' awtonomija jkun tali li l-vettura tkun tista' topera jew b'mod għalkollox awtonomu jew misjuqa minn sewwieq irid jiġi stabbilit mingħajr ebda dubju min tkun il-parti responsabbli f'kull xenarju speċifiku; teżisti l-ħtieġa partikolari li jiġi eżaminat jekk il-fehma li proporzjon żgħir ħafna tal-inċidenti s'issa kien attribwibbli għal fatturi tekniċi tiġġustifikax il-qlib tar-responsabbiltà għal fuq il-manifattur li, bħala fattur ta' riskju li huwa indipendenti min-negliġenza, jista' jintrabat sempliċiment mar-riskju kkawżat mit-tqegħid fis-suq ta' vettura awtonoma; jisħaq ukoll li teżisti ħtieġa ulterjuri li jiġi eżaminat jekk obbligi tas-sikurezza tat-triq speċifiċi min-naħa tas-sid tal-vettura u obbligi ta' istruzzjoni applikabbli għas-sewwieq f'kull każ jistgħux jikkumpensaw għal dan il-qlib ta' responsabbiltà b'mod adegwat; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni bir-reqqa, biex tadatta l-qafas ġuridiku attwali tal-UE u tintroduċi, jekk meħtieġ, regoli ġodda li abbażi tagħhom jiġi determinat min hu responsabbli; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tivvaluta u timmonitorja l-possibbiltà li jiġu introdotti strumenti tal-UE addizzjonali li jżommu l-pass mal-iżviluppi fl-intelliġenza artifiċjali; |
22. |
Isostni li t-teknoloġiji bbażati fuq is-sistema globali ta' navigazzjoni bis-satellita (GNSS) u l-proġett Galileo għandhom parti importanti x'jaqdu biex itejbu l-interazzjoni u l-interoperabbiltà ta' sistemi diġitali abbord u tan-netwerk; jitlob il-finalizzazzjoni u t-tnedija, malajr kemm jista' jkun, tas-satelliti li jifdal, sabiex is-sistema Ewropea ta' pożizzjonament Galileo tkun tista' tintuża bħala s-sistema ta' pożizzjonament awtomatika fil-vetturi awtomatizzati; |
23. |
Jinnota li l-aċċess universali għal teknoloġiji b'mobilità awtomatizzata mhux se jkun possibbli mingħajr aċċess għall-internet b'veloċità għolja u netwerks 5G; jiddispjaċih li hemm reġjuni fejn l-implimentazzjoni tal-ġenerazzjoni attwali tan-netwerks 4G għadha lura, speċjalment f'żoni rurali; |
Trasport bit-triq
24. |
Ifakkar fir-regoli l-ġodda ta' sikurezza li jinsabu fil-prinċipji ta' gwida għall-interfaċċja bniedem-magna proposta fir-rapport finali GEAR 2030; |
25. |
Jissottolinja l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq fil-livell tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), tal-UE u dak nazzjonali titħejja biex tappoġġja l-innovazzjonijiet teknoloġiċi u s-sewqan awtonomu malajr kemm jista' jkun, sabiex jitnaqqsu l-iżbalji umani, l-inċidenti tat-traffiku u l-imwiet fit-toroq; |
26. |
Jissottolinja l-importanza li jiġi adottat Regolament ġdid u ambizzjuż dwar is-Sikurezza Ġenerali għall-vetturi bil-mutur, minħabba l-potenzjal ta' salvataġġ għal perjodu qasir ta' installazzjoni obbligatorja ta' teknoloġiji ġodda għas-sikurezza tal-vetturi, li barra minn hekk se jintużaw ukoll għall-varar ta' vetturi konnessi u awtomatizzati (CAVs) fil-futur; |
27. |
Ifakkar li l-iżvilupp tas-CAVs kien immexxi primarjament mill-ispinta teknoloġika; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu studjati u rikonoxxuti l-aspetti tal-bniedem u tas-soċjetà fir-rigward tal-iżvilupp tas-CAV u jiġi żgurat li l-użu tagħhom jirrispetta bis-sħiħ il-valuri u l-għanijiet tas-soċjetà, tal-bnedmin u tal-ambjent; |
28. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fid-dawl tal-importanza tal-mobilità fl-UE, biex jilħqu pożizzjoni komuni u jikkooperaw biex l-UE taqdi u żżomm rwol ewlieni fl-armonizzazzjoni teknika internazzjonali ta' vetturi awtomatizzati fil-qafas tal-UNECE u l-Konvenzjoni ta' Vjenna, b'mod partikolari fid-diskussjonijiet kollha tal-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tal-UNECE (Grupp ta' Ħidma 29) u tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Vetturi Awtomatizzati/Awtonomi u Konnessi (GRVA); |
29. |
Jissottolinja li l-proċeduri tas-sorveljanza tas-suq relatati mal-vetturi awtomatizzati tul il-ħajja tagħhom għandhom ikunu standardizzati, trasparenti u verifikabbli kemm jista' jkun, inkluż ittestjar transfruntier imwettaq f'toroq miftuħa u f'kundizzjonijiet ta' sewqan reali kif ukoll testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali; |
30. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni ċara, li tiġi rieżaminata b'mod regolari, aġġornata fejn meħtieġ, u armonizzata, li tirrikjedi l-installazzjoni ta' reġistraturi tad-data tal-avvenimenti f'konformità mar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali rivedut sabiex ittejjeb l-investigazzjonijiet ta' inċidenti kif ukoll tiċċara u tippermetti l-indirizzar, kemm jista' jkun malajr, ta' kwistjonijiet relatati mal-obbligu ta' rendikont; jinnota li dawn ir-reġistraturi tad-data tal-avvenimenti huma meħtieġa biex jiġu ddeterminati r-responsabbiltajiet tal-atturi differenti involuti f'każ ta' inċident; |
31. |
Jenfasizza l-ħtieġa li sa mill-fażi tat-tranżizzjoni jiġu inkorporati sistemi ta' salvagwardja, li matulha l-vetturi awtomatizzati se jeżistu flimkien ma' vetturi b'żero konnettività u żero awtomatizzazzjoni; jenfasizza l-importanza tas-sistemi ta' għajnuna lis-sewwieq bħala pass 'il quddiem biex is-sewqan jiġi kompletament awtomatizzat, sabiex minn issa jiġu evitati l-inċidenti bit-triq permezz ta' sistemi tas-sikurezza attivi jew titnaqqas il-gravità tal-inċidenti permezz ta' sistemi tas-sikurezza passivi; |
32. |
Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu infrastruttura tat-toroq sikura, ta' kwalità għolja, li se tiffaċilita l-użu ta' vetturi awtomatizzati u awtonomi; |
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi kollha li jinkludu informazzjoni dwar it-traffiku fit-toroq ikkomunikata b'mod diġitali jkunu interoperabbli; |
34. |
Jenfasizza t-tħassib li qed jitfaċċa dwar il-kompjaċenza tal-utenti meta jużaw vetturi li jirrikjedu grad ta' intervent tas-sewwieq; jitlob li tingħata kjarifika aħjar tad-definizzjoni u tad-differenzjazzjoni tar-rekwiżiti ta' “vetturi b'sistemi avvanzati ta' għajnuna għas-sewwieq” (livelli 1 sa 3 tal-SAE) meta mqabbla ma' “vetturi awtomatizzati” (livelli 4 sa 5 tal-SAE) fil-leġiżlazzjoni relatata mas-sikurezza fit-toroq u li jsiru aktar studji dwar il-fattibbiltà u s-sikurezza tal-vetturi awtomatizzati ta' livell 3, speċjalment fir-rigward tal-kwistjoni li tiġi indikata l-ħtieġa għal intervent lis-sewwieq u l-perikli li jistgħu jinqalgħu minħabba dewmien fl-intervent; |
35. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi linji gwida etiċi ċari għal sistemi ta' intelliġenza artifiċjali; |
36. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji ta' responsabbiltà u sistemi ta' salvagwardja għall-protezzjoni tal-persuni, sabiex tipprovdi approċċ koerenti għall-kwistjonijiet etiċi dwar is-sistemi awtonomi għall-vetturi awtomatizzati; |
37. |
Jenfasizza li l-leġiżlatur għandu jindirizza u jsolvi l-aspetti etiċi tal-vetturi mingħajr sewwieq qabel ma dawn il-vetturi jkunu jistgħu jiġu aċċettati għal kollox u jkunu disponibbli f'sitwazzjonijiet tat-traffiku; jenfasizza għalhekk li l-vetturi awtomatizzati jeħtieġ li ssirilhom valutazzjoni minn qabel biex jiġu indirizzati dawn l-aspetti etiċi; |
38. |
Jenfasizza l-isfidi ta' konġestjoni għall-mobilità urbana li huma mistennija li jirriżultaw minn użu mifrux tal-vetturi awtonomi; iqis li l-vetturi awtonomi u soluzzjonijiet bħal car sharing u ride hailing għandhom jikkontribwixxu għall-indirizzar ta' dawn l-isfidi; jistieden lill-awtoritajiet jiżviluppaw politiki biex jiżguraw li l-vetturi awtonomi jtejbu l-għażliet tal-ivvjaġġar, inkluż it-trasport pubbliku u soluzzjonijiet oħra, għaċ-ċittadini kollha; |
39. |
Jenfasizza li l-platooning għandu futur promettenti, peress li dan jiffranka l-fjuwil u l-enerġija u jtejjeb is-sikurezza fit-toroq, u jistieden għalhekk lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-industrija sabiex jimplimentaw il-miżuri stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas regolatorju biex tippromwovi konnettività “vehicle-to-everything” (V2X) għal vetturi awtomatizzati ħafna u kompletament awtomatizzati (pereżempju platooning), speċjalment fit-trasport bit-triq fit-tul; |
40. |
Isostni li kemm il-karatteristiċi tas-sikurezza passivi kif ukoll attivi f'vetturi awtonomi jaqdu rwol importanti fit-tnaqqis tal-għadd tal-ħabtiet, u tal-korrimenti u tal-imwiet li jirriżultaw mill-ħabtiet, peress li l-ħabtiet xorta jistgħu jibqgħu jseħħu, speċjalment matul l-istadju tat-traffiku mħallat intermedju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu s-sikurezza fit-toroq; |
41. |
Jissottolinja r-riskji li marbuta ma' xejra dejjem akbar ta' traffiku mħallat ta' vetturi tradizzjonali u awtonomi, u li għaldaqstant titlob aktar testijiet fuq il-post sabiex jiġu appoġġati riċerka u żvilupp reżistenti għall-futur min-naħa ta' intrapriżi u korpi pubbliċi u privati, iżda wkoll biex tingħata data konkreta li tgħin biex jiġu adattati kif xieraq ir-regoli tar-responsabbiltà ċivili; |
42. |
Jissottolinja li soluzzjoni possibbli biex jiġu indirizzati l-lakuni u n-nuqqasijiet eżistenti tista' tkun l-istabbiliment ta' qafas ta' assigurazzjoni ta' responsabbiltà oġġettiva għal ħsara li tirriżulta minn vetturi awtonomi; |
43. |
Jisħaq fuq il-punt li, skont ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar regoli ta' dritt ċivili dwar ir-robotika (9), mhux se jkun hemm limitazzjoni fuq ir-responsabbiltà fir-rigward tan-natura u l-firxa tad-dannu li jrid jiġi kkumpensat sabiex tiġi ggarantita protezzjoni tal-vittmi adegwata; |
Trasport bl-ajru
44. |
Jenfasizza r-Regolament tal-EASA adottat reċentement (10) dwar ir-regoli aġġornati ta' sikurezza tal-avjazzjoni li jinkludu, fost affarijiet oħra, dispożizzjonijiet li joffru bażi ġuridika soda għall-ewwel sett ta' regoli komprensivi tal-UE għal kull tip ta' drone ċivili; ifakkar f'kemm kienet meħtieġa l-adozzjoni tar-Regolament tal-EASA, minħabba li teknoloġiji ġodda, bħall-vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs), qed jitfaċċaw ukoll fl-ajru Ewropew, u li kellu bżonn l-adattament tal-qafas regolatorju attwali tal-UE u regoli nazzjonali diverġenti; |
45. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta wkoll, mingħajr dewmien, regoli ddettaljati għal inġenji tal-ajru awtomatizzati, li jirrikjedu speċifikazzjonijiet speċifiċi u mfassla apposta, minħabba li approċċ uniku tal-UAV u operazzjonali mhuwiex adattat biex jiżgura l-integrazzjoni sikura tal-inġenji tal-ajru awtomatizzati fi spazju tal-ajru kondiviż ma' inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ; ifakkar li l-UAVs se jkollhom bżonn sistemi ta' intelliġenza sikuri, u fejn xieraq, iċċertifikati, kif ukoll ambjent speċifiku għall-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru; jenfasizza li tali regoli applikabbli għall-UAVs għandhom iqisu n-natura u r-riskju tal-operazzjoni jew tal-attività, il-karatteristiċi operazzjonali tal-inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ ikkonċernat u l-karatteristiċi taż-żona tal-operazzjonijiet bħad-densità tal-popolazzjoni, il-karatteristiċi tal-wiċċ, u l-eżistenza ta' bini u infrastrutturi sensittivi oħra; |
46. |
Itenni l-importanza li tiġi protetta d-data personali f'każ li jintużaw mezzi ta' sewqan awtomatiku fis-settur tal-ajru; |
47. |
Ifakkar fid-Dikjarazzjoni ta' Varsavja tal-2016 dwar Drones bħala lieva għall-impjiegi u l-opportunitajiet ta' negozju ġodda; itenni l-importanza tal-azzjonijiet ippjanati biex tiġi żviluppata l-ekosistema tad-drones tal-UE, li huma mistennija li jidħlu fis-seħħ sal-2019, u biex jibnu fuq il-prinċipji gwida tad-Dikjarazzjoni ta' Riga; |
48. |
Jindika l-importanza ta' żvilupp ikkoordinat ta' teknoloġiji u ta' kunċetti li joperaw li se jippermettu lill-inġenji tal-ajru jiġu integrat b'mod sikur għall-finijiet tas-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru f'konformità mal-għanijiet ta' U-Space, programm immexxi mill-Impriża Konġunta SESAR (SESAR JU); jirrikonoxxi l-attivitajiet li twettqu s'issa minn SESAR JU, li għandhom ikomplu jiġu appoġġjati; |
49. |
Ifakkar li l-finanzjament għall-programmi attwali ta' riċerka u esperimentazzjoni li jikkonċernaw l-UAVs, bħal U-Space, se jkollu jiżdied fil-perjodi ta' bbaġitjar futuri; jinnota li dawn l-esperimenti, li llum jagħmluha possibbli li jiġi ttestjat f'kundizzjonijiet reali l-iskjerament ta' flotta kbira ta' UAVs, filwaqt li jiggarantixxu sigurtà massima fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-kundizzjonijiet tas-sigurtà tiegħu, jistgħu jservu bħala eżempju għal sperimentazzjoni b'vetturi awtonomi fuq l-art; |
50. |
Jinnota li huwa meħtieġ li jinħolqu żoni tat-test adattati għal teknoloġiji tal-inġenji tal-ajru awtonomi, inkluż droni, sabiex jipprovdu kundizzjonijiet sikuri għas-simulazzjoni ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda qabel l-implimentazzjoni finali tagħhom; |
It-trasport bil-baħar jew fl-ilmijiet navigabbli interni
51. |
Jissottolinja l-potenzjal u l-valur miżjud tal-vapuri awtonomi, speċjalment fl-ilmijiet navigabbli interni u fit-trasport marittimu fuq distanzi qosra, li jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-għadd ta' inċidenti fuq il-baħar u fuq il-passaġġi tal-ilma, li l-biċċa l-kbira tagħhom iseħħu minħabba żball uman; |
52. |
Jissottolinja l-potenzjal tal-awtomatizzazzjoni li telimina porzjon tal-iżbalji umani u tagħti lill-persunal fuq il-pont aktar żmien għal osservazzjoni ottika speċjalment fir-rotot tal-baħar u fiż-żoni tal-portijiet dojoq; jenfasizza, madankollu, li l-iskambju ta' informazzjoni u l-komunikazzjoni huma imperattivi għas-sikurezza, speċjalment fi prossimità mill-qrib ma' vapuri oħra, u għalhekk il-pontijiet jeħtieġ li jibqgħu jkunu mgħammra bil-persunal; |
53. |
Jilqa' l-ħidma tal-grupp ta' ħidma PIANC dwar tbaħħir intelliġenti u n-Netwerk Internazzjonali għal Vapuri Awtonomi; |
54. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddeskrivi u tiddefinixxi l-livelli ta' awtomatizzazzjoni kemm għan-navigazzjoni interna kif ukoll bil-baħar u standards komuni, inkluż għall-portijiet, sabiex tarmonizza u tistimula l-użu ta' bastimenti awtonomi f'interazzjoni ma' utenti u infrastruttura awtomatizzati u mhux awtomatizzati; |
55. |
Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati u estiżi l-hubs diġitali u l-kurituri Netwerks Transewropej tat-Trasport (TEN-T) interkonnessi permezz ta' faċilitajiet terminali aġġornati u sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku elettroniċi effiċjenti bħas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar u s-Sistema ta' Informazzjoni tal-Portijiet tar-Renu (RPIS), sabiex tinkiseb sistema tat-trasport awtonoma multimodali sħiħa; |
56. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva bil-għan li tistimola l-awtomatizzazzjoni ulterjuri fit-tbaħħir intern, l-infrastruttura tiegħu, il-ġestjoni tal-passaġġi navigabbli u tat-traffiku, filwaqt li tqis il-pożizzjoni tal-portijiet interni bħala hubs multimodali meta tħejji ż-Żona Diġitali ta' Passaġġi fuq l-Ilma Interni (DINA); |
57. |
Jitlob li jingħata aktar appoġġ u jiġu promossi aktar iż-żoni tat-test transkonfinali kif ukoll li jkun hemm aktar proġetti bħan-NOVIMAR u bħan-Navigazzjoni Marittima Mingħajr Ekwipaġġ permezz ta' Intelliġenza fin-Netwerks (MUNIN), kofinanzjati mill-UE taħt is-Seba' Programm Kwadru tagħha u Orizzont 2020 biex tiġi żviluppata aktar it-teknoloġija tat-tbaħħir awtonomu u tal-infrastruttura awtomatizzata fl-UE; |
58. |
Jenfasizza li l-istandards applikabbli għall-bastimenti jridu jiġu żviluppati u allinjati mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali sabiex jiġi stabbilit qafas legali internazzjonali għall-operat sikur tal-vapuri; |
Trasport bil-ferrovija
59. |
Jistieden lill-Kummissjoni, f'konsultazzjoni u f'koordinazzjoni mal-industrija u ma' partijiet ikkonċernati oħra, biex toħloq protokolli u standards komuni li jippermettu sistemi tal-ferrovija u ferrovjarji ħfief awtonomi; |
60. |
Jitlob li jsir titjib fil-kundizzjonijiet qafas għall-vetturi awtonomi fit-trasport bil-ferrovija u li tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni lejn settur ferrovjarju diġitali; jinnota li s-Sistema Ewropea ta' Kontroll tal-Ferroviji (ETCS) isservi bħala l-bażi għal awtomatizzazzjoni fis-settur ferrovjarju, li tinkiseb billi l-ETCS tingħaqad mal-operazzjoni awtomatika tal-ferroviji (ATO); iħeġġeġ lill-Kummissjoni taċċellera u tipprijoritizza l-varar tal-ETCS fl-iskemi ta' finanzjament tal-UE eżistenti u futuri; |
61. |
Jenfasizza l-importanza tal-lokkjaturi diġitali bħala stadju importanti ġdid għat-trawwim tad-diġitalizzazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jappoġġjaw dan il-varar; |
62. |
Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-programm Shift2Rail bil-għan li tipprovdi żviluppi ulterjuri lejn netwerk ferrovjarju diġitali u tħaddim tal-ferroviji kompletament awtomatizzat, inkluż l-iżvilupp ta' standard ta' ATO fuq l-ETCS kif ukoll iċ-ċibersigurtà; |
63. |
Jenfasizza l-isfidi dejjem jikbru għall-mobilità urbana marbuta mal-konġestjoni, kif ukoll l-opportunitajiet offruti minn sistemi ta' trasport pubbliku awtomatizzati bbażati fuq il-ferrovija biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu u jappoġġjaw proġetti li jindirizzaw dawn l-isfidi permezz ta' innovazzjonijiet fit-trasport pubbliku awtomatizzat ibbażat fuq il-ferrovija; |
Drittijiet tal-konsumaturi u kundizzjonijiet kompetittivi
64. |
Jistieden lill-Kummissjoni toħloq regoli komprensivi li jistabbilixxu r-responsabbiltajiet u d-drittijiet tal-manifatturi, tas-sewwieqa u l-operaturi f'kull livell ta' awtomatizzazzjoni fil-modi kollha ta' trasport; jissottolinja li dawk ir-responsabbiltajiet jeħtieġ li jiġu kkomunikati lis-sewwieqa jew lill-operaturi b'mod ċar u mingħajr il-bżonn ta' spjegazzjoni permezz ta' ttikkettar kummerċjali jew forom oħra ta' komunikazzjoni; iqis li huwa essenzjali li jiġu żgurati s-sikurezza tal-vetturi u l-manutenzjoni regolari tagħhom tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u jirrimarka r-rwol abilitanti ta' aċċess għas-suq ġust fir-rigward tad-data u r-riżorsi fil-vetturi għal partijiet ikkonċernati rilevanti f'dan ir-rigward; |
65. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sistemi kollha f'vetturi awtonomi jitfasslu b'tali mod li jippermetti lis-sidien jew lill-utenti tal-vetturi jagħżlu b'mod liberu bejn fornituri tas-servizz kompetituri, mingħajr ma jiddependu unikament fuq is-servizzi offruti mill-manifattur tal-vettura; |
66. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ggarantit aċċess ġust għas-suq għall-fornituri tas-servizzi awtomobilistiċi fiż-żona tal-manutenzjoni u t-tiswija tal-vetturi awtonomi; ifakkar li entitajiet ta' dan it-tip, b'mod partikolari l-manifatturi tal-partijiet u workshops żgħar u ċentri ta' servizz, huma element kompetittiv importanti fis-suq awtomobilistiku u għandhom impatt pożittiv fuq id-disponibbiltà u l-prezzijiet ta' dawn is-servizzi; |
67. |
Jinnota li f'suq diġitalizzat tas-servizzi awtomobilistiċi, l-aċċess dirett u f'waqtu għal data u funzjonijiet fil-vettura se jiddetermina jekk is-suq għal servizzi ta' mobilità awtomatizzata u kkombinata hux se jkun soġġett għal kompetizzjoni ġusta; ifakkar li l-operaturi indipendenti għandhom rwol importanti ħafna tul il-katina tal-provvista tal-karozzi; |
68. |
Ibassar li l-kompetizzjoni fis-suq uniku fl-industrija tas-servizzjar tal-vetturi awtonomi tista' titpoġġa f'riskju jekk il-manifatturi jagħmluha diffiċli għal sewwejja indipendenti biex jaċċessaw is-sistemi installati f'dawn il-vetturi; jenfasizza li dan is-segment tas-suq għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 461/2010 (11); |
69. |
Jenfasizza li l-konsumaturi għandhom jiġu infurmati minn qabel dwar il-vetturi li jixtru u s-servizzi ta' tiswija li jistgħu jaċċessaw; |
70. |
Huwa tal-fehma li l-bidla għal vetturi awtomatizzati, minbarra l-impatt pożittiv tagħha fuq is-sikurezza fit-toroq, il-konsum tal-fjuwil, l-ambjent u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda fis-setturi tat-telekomunikazzjoni u dak tal-karozzi, tista' twassal ukoll għal telf ta' impjiegi fis-settur tat-trasport kif ukoll ikollha konsegwenzi negattivi fuq is-settur tal-assigurazzjoni, li jridu jiġu indirizzati malajr kemm jista' jkun biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel; |
Riċerka u bżonnijiet edukattivi
71. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati teknoloġiji awtonomi ewlenin (eż. formalizzazzjoni u simulazzjonijiet tal-moħħ u l-konjizzjoni umana waqt is-sewqan, sistemi ta' perċezzjoni ambjentali u intelliġenza artifiċjali) fl-UE biex jinżamm il-pass tal-kompetizzjoni globali u jinħolqu impjiegi ġodda; |
72. |
Jenfasizza l-fatt li ladarba jkunu disponibbli fis-suq, il-vetturi awtomatizzati se jkollhom impatt kbir fuq id-distribuzzjoni u l-konsum tal-oġġetti; iqis għalhekk li hemm bżonn urġenti li jiġi vvalutat dan l-impatt u jiġu żgurati miżuri biex jappoġġjaw lis-setturi u lill-persuni affettwati; |
73. |
Jitlob biex ikun hemm inizjattivi li jidentifikaw u jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' bidliet fil-provvista u fid-domanda tal-impjiegi fid-dawl tal-ħtieġa għal ħiliet ġodda u speċjalizzati kemm fil-produzzjoni tal-vetturi kif ukoll fl-użu professjonali permezz ta' rikonverżjoni edukattiva (pereżempju korsijiet, sessjonijiet ta' taħriġ), bil-għan li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn forom ġodda ta' mobilità; |
74. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, biex tipproponi inizjattivi li jippromwovu l-ħiliet u l-edukazzjoni u t-taħriġ meħtieġa biex l-UE tinżamm fuq quddiem nett tas-settur tat-trasport awtonomu; jenfasizza li huwa importanti għall-Istati Membri li jqisu dawn ix-xejriet li qed jirriżultaw dan l-aħħar fil-programmi edukattivi tagħhom sabiex jirrispondu għall-ħtieġa ta' forza tax-xogħol bi kwalifiki u ħiliet għolja fis-setturi ta' trasport differenti; |
75. |
Ifakkar l-EUR 300 miljun iddedikati taħt Orizzont 2020 għal programmi ta' riċerka u innovazzjoni dwar vetturi awtomatizzati mill-2014 sal-2020 u jirrakkomanda li dawn il-programmi jitkomplew u jiġu estiżi għall-modi kollha tat-trasport fil-perjodu finanzjarju pluriennali li jmiss għall-2021-2027 (Orizzont Ewropa); |
76. |
Jenfasizza r-rwol importanti ta' riċerka kollaborattiva biex jiġi żgurat avvanz mgħaġġel tal-awtomatizzazzjoni tat-trasport bl-involviment tal-ekosistema tal-innovazzjoni sħiħa; |
77. |
Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Impriża Konġunta simili għal Shift2Rail għat-trasport ferrovjarju u CleanSky għall-industrija ajrunawtika, sabiex toħloq inizjattiva strateġika xprunata mill-industrija fir-rigward tat-trasport awtonomu, li għandha tkun ta' interess għaċ-ċittadini tal-UE, tagħmel sens kummerċjali sinifikanti, tingrana l-potenzjal ta' riċerka u ta' innovazzjoni tal-UE abbażi tal-kollaborazzjoni wiesgħa tal-isferi industrijali, pubbliċi u akkademiċi, u trawwem l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji b'mod armonizzat u interoperabbli, sabiex tinħoloq sistema tat-trasport multimodali globalment skalabbli għat-trasport awtonomu; |
78. |
Jenfasizza l-ħtieġa għal siti tal-ittestjar reali madwar l-UE sabiex jiġu ttestjati u żviluppati bir-reqqa teknoloġiji ġodda; iħeġġeġ lil kull wieħed mill-Istati Membri biex jinnomina, sal-2020, żoni urbani u ekstraurbani fejn vetturi ta' riċerka awtonomi jkunu jistgħu jiġu ttestjati f'kundizzjonijiet ta' traffiku reali, filwaqt li tiġi ssalvagwardjata s-sikurezza fit-toroq f'dawk iż-żoni u biex jiżgura l-ħolqien ta' oqfsa ta' ttestjar transkonfinali u interoperabbli tal-UE; |
79. |
Jirrimarka li ċerti ċittadini tal-UE esprimew nuqqas ta' fiduċja fil-mobilità awtomatizzata; jenfasizza għalhekk li l-leġiżlaturi jeħtiġilhom jindirizzaw id-dimensjoni teknika sabiex itejbu l-aċċettazzjoni pubblika f'dan ir-rigward; jitlob li jsir investiment f'riċerka estensiva dwar l-intelliġenza artifiċjali u dwar dimensjonijiet oħra tal-mobilità awtomatizzata; |
80. |
Jitlob li ssir riċerka estensiva dwar l-effetti fit-tul ta' trasport awtonomu fuq kwistjonijiet bħall-adattament tal-konsumatur, l-aċċettazzjoni mis-soċjetà, ir-reazzjonijiet fiżjoloġiċi, ir-rispons fiżiku u l-mobilità soċjali, it-tnaqqis tal-inċidenti u t-titjib tat-trasport inġenerali; |
81. |
Iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-manifatturi tal-vetturi, il-fornituri tal-komponenti u s-servizzi tas-softwer u tad-disinn, kif ukoll l-Istati Membri u l-awtoritajiet involuti, biex jikkooperaw fit-trawwim tal-innovazzjoni, jiżguraw investiment f'infrastruttura adatta għal mobbiltà awtomatizzata, kemm fuq l-awtostradi u kemm fit-toroq tal-bliet, u jiffaċilitaw l-ittestjar transfruntier; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-investiment fl-aġġustament tal-infrastruttura tal-lum, fil-bini ta' infrastruttura ġdida u fit-titjib tal-konnettività tat-toroq Ewropej; jirrimarka li jista' jiġi osservat nuqqas ta' fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fis-sewqan awtomatizzat u li jeħtieġ li tiġi implimentata kampanja ta' sensibilizzazzjoni li tqawwi l-fiduċja tagħhom; jitlob li jsir investiment f'riċerka estensiva dwar l-intelliġenza artifiċjali u dwar id-dimensjoni etika ta' trasport awtonomu u konness; |
o
o o
82. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU C 307, 30.8.2018, p. 144.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0063.
(4) COM(2018)0274.
(5) COM(2018)0286.
(7) ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29.
(8) ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11.
(9) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 239.