Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IE1356

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-‘valur tal-użu’ reġa’ lura: aspettattivi u sfidi ġodda għall-prodotti u s-servizzi Ewropej” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2019/01356

    ĠU C 97, 24.3.2020, p. 27–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 97/27


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-‘valur tal-użu’ reġa’ lura: aspettattivi u sfidi ġodda għall-prodotti u s-servizzi Ewropej”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2020/C 97/04)

    Relatur:

    Dimitris DIMITRIADIS

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    24.1.2019

    Bażi legali

    Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    19.11.2019

    Adottata fil-plenarja

    11.12.2019

    Sessjoni plenarja Nru

    548

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    191/3/4

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaħseb li l-provvista ta’ prodotti u servizzi innovattivi u speċjalizzati ħafna b’karatteristiċi ewlenin magħrufa sew u ċċertifikati li jaqdu l-bżonnijiet tal-konsumaturi kif ukoll ir-rekwiżiti tas-sostenibbiltà soċjali u ambjentali, jistgħu jsiru l-essenza u l-fokus tal-kompetittività Ewropea moderna. Din l-Opinjoni għandha l-għan li tistabbilixxi identità Ewropea skont il-bidliet soċjoekonomiċi globali u sistemiċi.

    1.2.

    Il-KESE jargumenta li l-iżviluppi reċenti qed jerġgħu jġibu lura l-valur tal-użu fuq quddiem nett tal-kompetizzjoni kontemporanja. Dan iservi bħala rkupru sostenibbli fil-produzzjoni Ewropea fis-setturi u l-industriji kollha. Minbarra l-impatt soċjoekonomiku dokumentat sew tagħhom, l-intrapriżi żgħar u medji Ewropej jistgħu jsiru fattur importanti għad-definizzjoni mill-ġdid tal-pożizzjoni tal-Ewropa fid-distribuzzjoni kontemporanja tax-xogħol, filwaqt li jirrispondu għad-domanda għal varjetà madwar id-dinja.

    1.3.

    Ir-“ritorn għall-valur tal-użu” huwa relatat mal-attributi bażiċi tal-Ewropa, fejn hawn diversità soċjokulturali, ġeoloġika u klimatika sinifikanti. Dan jenfasizza l-importanza tal-mira għal prodotti u servizzi speċjalizzati ħafna: għal raġunijiet ta’ kompetittività, il-proċessi ta’ produzzjoni għandhom ikunu konformi wkoll mal-politiki għas-sostenibbiltà soċjali u ambjentali.

    1.4.

    Jekk inqisu l-ekonomiji ta’ skala enormi fl-ekonomiji emerġenti u li qed jiżviluppaw u ċ-ċaħda tar-responsabbiltà soċjali u ambjentali flimkien mar-ritorn tal-protezzjoniżmu aggressiv f’ħafna pajjiżi żviluppati, l-adozzjoni ta’ xejriet ta’ produzzjoni speċjalizzati, kwalitattivi u sostenibbli x’aktarx li hija l-aħjar (jekk mhux l-unika) soluzzjoni għal din in-nassa, mhux biss għall-Ewropa iżda għad-dinja kollha.

    1.5.

    Għal dan il-għan, il-KESE jirrakkomanda interventi ta’ politika fid-direzzjonijiet li ġejjin: (i) il-governanza nazzjonali u tal-UE għandha tapplika taħlita ta’ politika orjentata lejn il-valur tal-użu, aġġustata b’mod spazjali skont il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet lokali; (ii) l-iżvilupp ta’ politika industrijali daqstant ambizzjuża għall-Ewropa u l-promozzjoni ta’ raggruppamenti u kooperazzjoni bejn il-produtturi (semi-) awtonomi, fejn il-preservazzjoni tal-varjetà taqbel mal-benefiċċji f’segmenti speċifiċi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott; (iii) il-ġeneralizzazzjoni ta’ simbjożi industrijali sabiex tiġi promossa l-ekonomija ċirkolari; (iv) it-titjib tal-aċċess għar-riżorsi finanzjarji permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni dwar l-unjoni tas-swieq kapitali u l-promozzjoni tiegħu ta’ għodod mikrofinanzjarji, kif ukoll permezz ta’ approċċi bankarji ekoloġiċi u relatati mal-valur tal-użu.

    1.6.

    L-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) u t-Tagħlim tul-il-Ħajja (LLL) jipprovdu opportunità eċċellenti għan-netwerking u r-raggruppamenti sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-iżvilupp tal-bniedem, kif ukoll biex jissaħħu l-kapaċitajiet orizzontali kruċjali.

    1.7.

    Il-kapaċità tal-aċċess għad-data u l-immaniġġjar tad-data hija l-qasam li jmiss għall-intervent permezz ta’ politiki. Madankollu, tista’ tkun biċċa xogħol diffiċli mil-lat tekniku u legali biex jiġu żgurati kemm is-sovranità diġitali kif ukoll il-privatezza tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi. Min-naħa l-oħra, il-produtturi ta’ prodotti u servizzi jrid ikollhom ukoll il-possibbiltà u l-kapaċità li jużaw il-metodi u l-proċessi meħtieġa, kemm diġitalizzati kif ukoll mhux. Flimkien mal-provvediment ta’ softwer b’sors miftuħ (OSS), din id-diskussjoni teħodna lura għall-ħtieġa ta’ VET u LLL.

    2.   Sfond għal din l-Opinjoni

    2.1.

    “Valur tal-użu” huwa t-tweġiba għall-mistoqsija “għal xiex inhu utli prodott jew servizz?”. F’approċċ olistiku aktar wiesa’ dan jinkludi l-użi pożittivi jew negattivi differenti kollha, relatati b’mod dirett jew li jirriżultaw b’mod indirett. Il-valur tal-użu jirreferi għall-attributi reali, oġġettivi u/jew antiċipati b’mod suġġettiv kollha ta’ prodott jew servizz matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tiegħu (“mill-benniena sal-qabar”). Kull ħaġa, sew jekk materjali kif ukoll jekk le, li għandha valur tal-użu hija “ġid ekonomiku”. F’era ta’ “ekonomija kummerċjalizzata”, il-valur tal-iskambju (il-prezz) neħħa l-valur tal-użu mill-qafas tas-suq operattiv, biex b’hekk dan tal-aħħar fl-aħjar eventwalità suppost li kien indikat minn dak tal-ewwel.

    2.2.

    Illum il-ġurnata, minħabba li qed jitħaffef it-tkabbir tal-produttività tax-xogħol, il-ħtiġijiet tal-bniedem qed jiġu trasformati b’mod gradwali lejn is-sodisfazzjon ta’ xewqa għal varjetà aktar milli kwantità, li ilha żmien twil li ġiet issaturata fis-swieq dinjija ewlenin. B’mod ġenerali, il-preferenzi tal-konsumatur qed jiċċaqalqu lejn prodotti u servizzi ta’ kwalitajiet speċjalizzati, differenzjati u ċċertifikati. Dan jikkaratterizza anke s-swieq emerġenti, għal segmenti speċjali ta’ domanda lokali skont l-età, l-edukazzjoni, ix-xogħol, il-grad ta’ urbanizzazzjoni, eċċ.

    2.3.

    Mingħajr ebda sorpriża, l-aħħar aġġornamenti teknoloġiċi u proċedurali għandhom l-għan li jespandu l-produttività, mhux biss f’termini tal-produzzjoni ta’ kwantitajiet fuq skala enormi, iżda aktar importanti minn hekk f’termini tal-produzzjoni ta’ kwalitajiet differenzjati, biex b’hekk jittejjeb it-tqabbil dirett bejn il-produzzjoni u preferenzi eżistenti.

    2.4.

    Barra minn hekk, l-aċċellerazzjoni tal-bidla teknika qed twassal ukoll għal oġġetti li jitilfu l-karattru kummerċjali tipiku tagħhom u għal proċess ta’ dekummerċjalizzazzjoni gradwali, għalkemm fi gradi differenti f’industriji differenti. Dan kollu qed ipoġġi l-valur tal-użu lura fuq quddiem tal-kompetizzjoni kontemporanja, u jista’ jservi bħala l-bażi għal irkupru sostenibbli fil-produzzjoni Ewropea fis-setturi kollha.

    2.5.

    L-istituzzjonijiet tal-UE jidhru li rrikonoxxew dawn il-mutazzjonijiet strutturali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2017) 479 tiffoka fuq il-bżonn ta’ investiment f’industrija Ewropea intelliġenti, innovattiva u sostenibbli. Il-KESE rrisponda għall-konsultazzjoni b’Opinjoni (1), fejn enfasizza l-bżonn għall-espansjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u li tingħata spinta lill-innovazzjoni rilevanti.

    2.6.

    F’Opinjoni esploratorja aktar reċenti, il-KESE sejjaħ għal “approċċ olistiku sabiex jiġu rrikonċiljati l-isfidi relatati ma’ tkabbir, klima, ambjent u problemi soċjetali f’disinn ta’ “tranżizzjoni ġusta”. Fuq din il-bażi, il-Kumitat kompla billi ħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri “jadottaw strateġija fit-tul, komprensiva u b’viżjoni globali”, fejn “l-attraenza tal-Ewropa jeħtieġ tkun prijorità għal kwalunkwe politika industrijali bbażata fuq l-innovazzjoni u l-kompetittività” (2).

    2.7.

    Aktar reċenti, minħabba d-dilemma ta’ “spejjeż għoljin vs. l-indirizzar tal-Effett Serra”, l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar il-perspettiva industrijali ta’ rikonċiljazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija (3) tinvestiga l-fattibbiltà teknika u legali ta’ miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri għall-prezz intern ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. F’dak id-dokument, il-KESE ta parir lill-Kummissjoni biex tagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn dan u lejn għażliet ta’ politika oħrajn, bħal sistema riformata għan-negozjar tal-emissjonijiet (ETS), l-aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, u rata ta’ VAT aġġustata għall-intensità tal-karbonju.

    2.8.

    Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tmur pass ieħor ’il quddiem. Hija tirreferi għal dak li għandu jinkludi approċċ komprensiv lejn il-politika industrijali, sabiex tiġi pożizzjonata mill-ġdid il-produzzjoni Ewropea ta’ oġġetti u servizzi fil-kuntest globali, fuq il-bażi ta’ mudell ta’ suq miftuħ ekosoċjali li jwieġeb għat-tradizzjoni u l-ġejjieni tal-UE.

    3.   Il-livell mikro

    3.1.

    Il-bidliet strutturali msemmija jaġġornaw l-“utilizzazzjoni” tal-SMEs: minbarra l-impatt soċjoekonomiku dokumentat sew tagħhom – li jżidu b’mod sinifikanti l-valur miżjud f’soċjetà moderna u joħolqu impjiegi ġodda – l-intrapiżi żgħar u ta’ daqs medju jistgħu jsiru l-fattur ewlieni fil-pożizzjonar mill-ġdid tal-produzzjoni Ewropea, fid-dawl tal-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-swieq speċjalizzati u d-domanda li qed tikber għal varjetà mad-dinja kollha.

    3.2.

    Ir-rikonoxximent tal-importanza kontemporanja tal-SMEs ma jagħmilhomx awtomatikament inqas vulnerabbli. Għalhekk, wieħed mill-għanijiet ta’ din l-Opinjoni huwa li tgħin biex jinstabu modi ġodda ta’ kif jiġu appoġġjati l-produtturi żgħar u ta’ daqs medju Ewropej biex jegħlbu żvantaġġi relatati mad-dimensjoni. Il-KESE jtenni l-appell tiegħu għall-promozzjoni ta’ metodi ġodda ta’ netwerking, raggruppament u kooperatiżmu, il-preservazzjoni tal-awtonomija tal-produtturi fl-interessi tal-produzzjoni ta’ oġġetti ta’ kwalità differenzjata, filwaqt li xi segmenti taċ-ċiklu tal-ħajja tal-output manifatturat se jkunu indirizzati b’mod konġunt bl-użu tal-ekonomiji ta’ skala. Dan jista’ japplika, pereżempju, għad-disinnjar u l-promozzjoni ta’ prodotti, fl-istabbiliment ta’ inkubaturi u preinkubaturi ta’ negozji ġodda, fl-oqsma tat-trasport u l-loġistika, l-aċċess għar-riżorsi finanzjarji, l-aċċess għal, u l-użu, ta’ big data u bażijiet tad-data speċjalizzati, u l-interkonnettività fil-kuntest tal-ekonomija ċirkolari.

    3.3.

    It-titjib tal-aċċess għar-riżorsi u s-servizzi finanzjarji huwa vitali għall-kumpaniji Ewropej u speċjalment għall-SMEs. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija essenzjali, għax tippreżenta għodod ta’ mikrofinanzjament għall-innovazzjoni, negozji ġodda u kumpaniji mhux elenkati, kif ukoll metodi biex isir eħfef li jidħlu u jiġġeneraw kapitali fi swieq pubbliċi, eċċ. Barra minn hekk, minħabba l-importanza ta’ aspetti ambjentali u soċjali li huma relatati ma’ oġġetti u servizzi (jew b’mod dirett jew indirett), approċċi ta’ bbankjar ekoloġiċi u relatati mal-valur tal-użu għandhom jiġu promossi aktar. Ċentri ta’ kompetenza xierqa jistgħu jkunu ta’ ħafna għajnuna għall-inklużjoni ta’ prinċipji ta’ sostenibbiltà fl-operazzjoni tal-SMEs.

    3.4.

    Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, billi l-produtturi jiġu mħeġġa jikkollaboraw u jikkondividu r-riżorsi b’mod effiċjenti. Għal dan il-għan, barra milli jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi Ewropej jingħataw l-aktar informazzjoni oġġettiva, il-KESE jenfasizza wkoll il-ħolqien ta’ parks u distretti ekoindustrijali. Komunità ta’ negozji ta’ manifattura u ta’ servizzi tista’ ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali u ekonomika billi tikkollabora fuq il-ġestjoni ta’ kwistjonijiet ambjentali u ta’ riżorsi, inklużi l-enerġija, l-ilma u l-materjali. Din is-“simbjożi” spazjali trawwem il-kondiviżjoni tar-riżorsi bejn entitajiet fl-istess settur jew anki f’setturi differenti.

    3.5.

    Il-benefiċċji tas-simbjożi industrijali jistgħu jinħassu fil-livelli kollha tas-sostenibbiltà: it-twessigħ tal-konnessjonijiet ’il quddiem u lura fil-parks industrijali u d-distretti ta’ produzzjoni jibdel l-ispiża tar-rimi u t-trattament tal-iskart f’ċentru ta’ qligħ billi jnaqqas l-ispiża tal-materja prima, jimmassimizza l-użu tar-riżorsi u l-faċilitajiet li ma jintużawx biżżejjed, jaqsam l-ispiża ta’ infrastruttura ġdida, u jinvesti fil-kollaborazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati mill-istess settur jew anke minn setturi oħrajn.

    3.6.

    Barra minn hekk, l-immaniġġjar tar-riżorsi jsir sors ta’ innovazzjoni, billi jżid valur għal riżorsi “bla użu” jew li “ma jistgħux jiġu sfruttati” u jiftaħ opportunitajiet ta’ negozju ġodda, filwaqt li jippermetti l-konformità ma’ regolamenti u jelimina r-riskju li jiġġarrbu pieni finanzjarji. Daqstant ieħor huma l-benefiċċji ambjentali: permezz ta’ simbjożi industrijali, l-użu ta’ materja prima, il-ġenerazzjoni tal-iskart nett u l-emissjonijiet tal-karbonju jitnaqqsu mingħajr impatt negattiv fuq l-attività ekonomika. Dawn il-fatturi jistgħu jservu bħala l-bażi għal ċertifikazzjoni globali li tingħaraf tal-produzzjoni finali bl-għan li tiġi enfasizzata aktar il-kwalità tal-prodotti u servizzi Ewropej.

    3.7.

    It-titjib fil-kapaċità tal-kumpaniji Ewropej, u speċjalment ta’ produtturi żgħar u ta’ daqs medju li jimmaniġġjaw b’mod effiċjenti kwalunkwe data u informazzjoni rilevanti (l-intelliġenza tan-negozju hija terminu rilevanti ġdid) iżid iċ-ċans tagħhom li jsalvaw, iżda wkoll il-kapaċità tagħhom li jadattaw għal suq globali li qed jinbidel:

    użu aktar intelliġenti tar-riżorsi, peress li data f’ħin reali dwar l-istat ta’ prodotti bħal vetturi u makkinarju ieħor jippermetti lill-kumpaniji jidentifikaw nuqqasijiet possibbli u jippjanaw manutenzjoni u tiswijiet kif xieraq, biex b’hekk jestendu t-tul tal-ħajja tal-prodotti;

    sigurtà tal-provvista akbar li tirriżulta mit-tranżizzjoni li għaddejja lejn ekonomija ċirkolari, jiġifieri tnaqqis fid-dipendenza fuq riżorsi “verġni”, u żieda fl-użu ta’ oġġetti rriċiklati, li tirriżulta f’inqas esponiment għall-kumpaniji għal prezzijiet ta’ materja prima volatili, u b’hekk iżżid ir-reżiljenza tagħhom;

    il-provvista ta’ prodotti bħala servizz, bl-użu ta’ sensers biex jiġi mmonitorjat l-użu tagħhom — il-konsumaturi jistgħu mbagħad iħallsu tariffi skont il-konsum tagħhom, filwaqt li l-kumpaniji jibqgħu s-sidien tal-prodott, u b’hekk il-prodotti jkunu jistgħu jintużaw għal perjodi itwal, bil-konsumaturi jħallsu biss għal dak li verament jużaw;

    żieda fil-flessibbiltà u l-kompetittività bħala riżultat tal-indirizzar kif xieraq ta’ sfidi bħal volatilità akbar, interazzjoni mal-klijenti u lealtà, u l-kwistjoni ta’ spiża tar-rimi tal-iskart;

    modi ġodda ta’ involviment kreattiv tal-konsumaturi, li bih il-kumpaniji jistgħu jistabbilixxu relazzjonijiet ta’ servizz aktar mill-qrib magħhom, u jadattaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom b’mod aktar effettiv.

    3.8.

    L-aħħar iżda mhux l-inqas, il-kwistjoni tan-netwerking u r-raggruppament tapplika wkoll għall-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa fost l-impjegati. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) enfasizza l-bżonn għal aktar kooperazzjoni, speċjalment fit-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, universitajiet, ċentri ta’ riċerka u kumpaniji. Il-ħiliet orizzontali għandhom jiġu msaħħa permezz ta’ proċessi inizjali kif ukoll ta’ tagħlim tul il-ħajja, sabiex jinħolqu proċessi ta’ manifattura aktar flessibbli u jiżdiedu l-kreattività u l-innovazzjoni, inkluż fir-rigward tat-trasformazzjoni diġitali, eċċ.

    4.   Il-livell makro

    4.1.

    L-industrijalizzazzjoni mill-ġdid fis-sens tal-bini mill-ġdid ta’ struttura ta’ produzzjoni multisettorjali fl-Ewropa ħarġet bil-qawwa wara perjodu ta’ deindustrijalizzazzjoni u żieda fl-esternalizzazzjoni lejn reġjuni oħra, l-aktar dawk mhux Ewropej. Ir-restawr ta’ “ekosistema” diversa, produttiva u sostenibbli huwa rikonoxxut li għandu diversi effetti pożittivi fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku. Dan għaliex huwa: (i) joħloq rabtiet produttivi li jħarsu ’l quddiem u lura, (ii) isaħħaħ is-swieq lokali, (iii) inaqqas il-grad tad-dipendenza produttiva, biex b’hekk irawwem ir-reżiljenza tal-ekonomija lokali; u (iv) jipprovoka attivitajiet interdixxiplinarji ta’ riċerka u żvilupp li jżidu l-innovazzjoni fir-rigward tal-proċessi tal-produzzjoni u l-karatteristiċi tal-prodotti u servizzi offruti.

    4.2.

    Sabiex jinkiseb irkupru fil-produzzjoni Ewropea u tiġi sfruttata x-xejra globali eżistenti ta’ rilokalizzazzjoni, il-kompetittività Ewropea trid terġa’ tiġi stabbilita fil-qafas tas-swieq internazzjonalizzati kontemporanji. Ktajjen tal-valur globali jesperjenzaw bidliet sinifikanti: (i) kontrazzjoni kontinwa mill-kriżi finanzjarja globali; (ii) “reġjonalizzazzjoni” bħala strateġija ta’ tqarrib lejn is-swieq tal-konsumaturi ewlenin; (iii) ristrutturar tat-tkissir spazjali tal-ktajjen tal-produzzjoni.

    4.3.

    Il-prijoritizzazzjoni tal-kwalità fil-konfront tal-prezz u li l-prodotti jitilfu l-karattru kummerċjali tipiku tagħhom huma aspetti marbuta mal-attributi bażiċi tal-Ewropa – żona mimlija b’diversità soċjokulturali, ġeoloġika u klimatika, fejn, fl-istess ħin – jew forsi preċiżament għal dik ir-raġuni – l-SMEs għad għandhom rwol sinifikanti bħala “intensifikaturi” fl-ekonomija. Għalhekk, il-provvista ta’ prodotti u servizzi innovattivi u speċjalizzati ħafna b’karatteristiċi ewlenin magħrufa sew u ċċertifikati li jaqdu l-bżonnijiet tal-konsumaturi kif ukoll is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali, jistgħu jsiru l-essenza u l-attenzjoni tal-kompetittività Ewropea moderna.

    4.4.

    Dan l-argument huwa aktar konvinċenti jekk nikkunsidraw id-dinja bipolari ġdida li qiegħda tevolvi: ekonomiji ta’ skala massivi f’ekonomiji emerġenti u li qed jiżviluppaw u ċ-ċaħda tar-responsabbiltà soċjali u ambjentali flimkien mar-ritorn tal-protezzjoniżmu aggressiv f’ħafna pajjiżi żviluppati, bl-Ewropa maqbuda fin-nofs (pereżempju li tiġi affettwata mill-gwerra kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina). Bidliet teknoloġiċi, soċjali u demografiċi spettakolari qed iġibu magħhom trasformazzjonijiet drammatiċi fin-natura u l-istruttura tal-ekonomija globali, u qed jitfaċċaw swieq u bżonnijiet lokali ġodda. L-adattament għal żviluppi sistemiċi u l-adozzjoni tal-karatteristiċi msemmija aktar kmieni ta’ produzzjoni speċjalizzata, kwalitattiva u sostenibbli jistgħu jipprovdu soluzzjoni, mhux biss għall-Ewropa iżda għad-dinja inġenerali.

    5.   Proposta ta’ politika rilevanti fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE

    5.1.

    Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi kollha assoċjati mal-istabbiliment ta’ identità Ewropea u jiġi affermat mill-ġdid ir-rwol tal-prodotti u s-servizzi Ewropej fl-ekonomija globali, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jinvestu ammont konsiderevolment akbar ta’ riżorsi fir-riċerka u l-iżvilupp, fl-edukazzjoni, fl-infrastruttura, fil-kummerċjalizzazzjoni u fit-teknoloġiji innovattivi. Għal dan l-għan, kif irrakkomandat mill-imsieħba soċjali Ewropej, is-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra, hemm bżonn ta’ politika industrijali ambizzjuża għall-Ewropa li tiffoka fuq l-innovazzjoni, ir-regolamentazzjoni intelliġenti, is-sħubija soċjali, il-kummerċ ħieles, u r-responsabbiltà soċjali u ambjentali.

    5.2.

    Minħabba l-kompetizzjoni globali li qed tittrasforma u tintensifika b’mod rapidu, politika kummerċjali hija inevitabbli. Barra minn hekk, hija essenzjali biex jiġu miġġielda l-falliment tas-suq iġġenerati fuq livell intern. Madankollu, minflok tinqabad f’ċirku spirali ta’ protezzjoniżmu, il-governanza nazzjonali u tal-UE għandha tiżviluppa u tapplika taħlita ta’ politiki orjentata lejn il-valur tal-użu, bl-ispazju aġġustat skont il-karatteristiċi u l-bżonnijiet lokali: (i) miżuri ta’ standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni għal protezzjoni domestika u għal promozzjoni extra-Ewropea tad-ditti Ewropej; (ii) diplomazija ekonomika (pro)attiva li tisfrutta r-rabtiet politiċi, kulturali u soċjoekonomiċi internazzjonali; (iii) l-użu tal-akkwist mis-settur pubbliku bħala strument għall-infurzar ta’ standards kwalitattivi fis-swieq Ewropej; (iv) il-promozzjoni tal-investimenti fl-infrastruttura meħtieġa u l-arranġamenti istituzzjonali li jsaħħu aktar il-kompetittività tal-produzzjoni lokali.

    5.3.

    Ir-regolamenti dwar il-kummerċ intelliġenti msemmija hawn fuq għandhom jimxu id f’id mal-politiki industrijali intelliġenti tal-UE u nazzjonali: (i) applikazzjonijiet ta’ diġitalizzazzjoni, ċibernetizzazzjoni u intelliġenza artifiċjali fil-produzzjoni; (ii) investiment fl-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi differenzjati aktar u speċjalizzati ħafna; (iii) investiment fil-kapaċità teknika biex jiġu prodotti b’mod effiċjenti varjetajiet differenzjati; (iv) il-promozzjoni tar-raggruppament u l-kooperatiżmu ta’ produtturi (semi)awtonomi, li permezz tagħhom il-preservazzjoni tal-varjetà taqbel mal-benefiċċji tal-iskala f’segmenti speċifiċi u magħżula b’attenzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti; (v) ġeneralizzazzjoni tas-sistema ta’ simbjożi industrijali għall-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari; (vi) aktar tisħiħ tar-rabtiet bejn il-produzzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp, anki f’oqsma xjentifiċi inqas applikati (ara d-diskussjoni rilevanti għall-programm il-ġdid Orizzont Ewropa 2020-2025).

    5.4.

    B’mod partikolari għall-promozzjoni msemmija hawn fuq tar-raggruppament immirat u tas-simbjożi industrijali, se jkunu meħtieġa studji reġjonali speċifiċi għall-fergħa biex jiżvelaw is-segmenti tal-produzzjoni lokali fejn jistgħu jiġu stabbiliti t-tipi differenti ta’ netwerking u kooperatiżmu.

    5.5.

    Kif diġà ssemma, l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja it-tnejn huma għodod għan-netwerking u r-raggruppament sabiex jinkisbu benefiċċji ta’ skala rigward l-ispejjeż tal-iżvilupp uman li l-impjegaturi għandhom iġarrbu, kif ukoll mod kif jissaħħu l-kapaċitajiet kruċjali biex jiżdiedu l-kreattività, l-innovazzjoni u l-aġġustabbiltà fil-proċess tal-produzzjoni. Politika Ewropea futura dwar l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja se jkollha tipprijoritizza dawn il-ħiliet orizzontali f’varjetà ta’ modijiet, inkluż metodi ta’ tagħlim ġodda, l-użu ta’ teknoloġija aġġornata u mekkaniżmi ta’ finanzjament ġodda, li bihom unitajiet ta’ produzzjoni jiġu megħjuna jadottaw l-aktar kisbiet ġodda u jużawhom fl-iżvilupp ta’ prodotti differenzjati ġodda.

    5.6.

    Il-kapaċità tal-aċċess għad-data u l-ġestjoni tad-data hija l-qasam li jmiss tal-intervent tal-politika li jirreferi għall-iskop tal-appoġġ tal-produtturi u l-fornituri tas-servizzi Ewropej fir-rispons għall-evoluzzjoni kontemporanja tas-swieq globalizzati u l-utilizzazzjoni tal-vantaġġ komparattiv tagħhom f’oġġetti u servizzi speċjalizzati ħafna. Dan huwa essenzjali b’mod speċjali għall-SMEs. Madankollu, il-ħelsien tal-aċċess għad-data jimxi id f’id ma’ żieda fir-riskju ta’ abbuż tad-data. Tista’ tkun biċċa xogħol diffiċli mil-lat tekniku u legali biex jiġu żgurati kemm is-sovranità diġitali kif ukoll il-privatezza tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, iżda fl-istess ħin dan huwa essenzjali.

    5.7.

    Fl-aħħar nett, flimkien mal-aċċess li diġà huwa eħfef għal ammont ta’ data li qed jikber b’mod esponenzjali, il-produtturi ta’ prodotti u servizzi jeħtieġ ukoll li jkollhom il-possibbiltà u l-kapaċità li jużaw is-“sett ta’ għodod” meħtieġ għall-ġestjoni tad-data li tikkonsisti minn metodi u proċessi, diġitalizzati jew le. L-intelliġenza tan-negozju huwa terminu relattivament ġdid fil-letteratura rilevanti u jiddeskrivi eżatt il-kapaċità li jintużaw informazzjoni u settijiet ta’ data. Flimkien mal-interventi tekniċi u legali għall-provvista ta’ softwer b’sors miftuħ (OSS), din id-diskussjoni teħodna lura għall-ħiliet orizzontali rilevanti li jridu jiġu żviluppati permezz tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja.

    Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2019.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  ĠU C 227, 28.6.2018, p. 70.

    (2)  ĠU C 197, 8.6.2018, p. 10.

    (3)  ĠU C 353, 18.10.2019, p. 59.


    Top