EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0365

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-implimentazzjoni fl-2016 tat-tielet Programm ta’ azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa

COM/2019/365 final

Brussell, 5.8.2019

COM(2019) 365 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-implimentazzjoni fl-2016 tat-tielet Programm ta’ azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa

{SWD(2019) 316 final}


Introduzzjoni

Dan ir-rapport jippreżenta l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-2016 (l-AWP tal-2016) fi ħdan it-Tielet Programm tas-Saħħa 2014-2020 stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 1 .

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha ffinanzjati mill-programm lill-kumitat tal-programm tas-saħħa, u għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informati. Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-baġit tal-2016 u kif intuża.

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma’ dan ir-rapport jippreżenta eżempji ta’ azzjonijiet ewlenin li kienu kofinanzjati fil-qafas tat-tieni 2 u tat-tielet programmi tas-saħħa, li r-riżultati finali tagħhom saru disponibbli fl-2016. Dan jinkludi azzjonijiet dwar it-temi prinċipali (bħall-mard rari u n-Netwerks Ewropej ta’ Referenza, il-koordinazzjoni tal-kura, ir-reġistri, is-sigurtà tas-saħħa — b’mod speċjali fid-dawl tal-epidemija tal-Ebola u l-użu tat-tabakk) li ġew inklużi f’deċiżjonijiet ta’ finanzjament suċċessivi. Dan jinkludi wkoll tabella li tagħti idea dettaljata tal-attivitajiet u l-kuntratti kollha kofinanzjati.

L-AWP tal-2016 iffoka fuq l-istabbiliment u l-appoġġ lin-Netwerks Ewropej ta’ Referenza 3 imwaqqfa skont id-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali 4 . In-Netwerks Ewropej ta’ Referenza huma netwerks virtwali ta’ fornituri tal-kura tas-saħħa Ewropej li jittrattaw il-mard u l-kundizzjonijiet kumplessi jew rari.

Barra minn hekk, l-AWP tal-2016 iffoka ħafna fuq l-objettiv 1 – “Il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u t-trawwim ta’ ambjenti li jappoġġaw stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa filwaqt li jitqies il-prinċipju tas-saħħa fil-politiki kollha”, b’suġġetti ta’ prijorità li jindirizzaw fatturi ta’ stili ta’ ħajja ewlenin (l-alkoħol, it-tabakk, id-drogi), il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-mard kroniku u kwistjonijiet relatati mas-saħħa li jirrigwardaw lill-migranti u lir-refuġjati.

Il-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tat-Tielet Programm tas-Saħħa u tiżgura li r-riżultati tiegħu jkunu ppubblikati b’mod aktar wiesa’. Din tinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri kollha u lill-pajjiżi li mhumiex fl-UE li jikkontribwixxu għall-programm sabiex jieħdu sehem fl-azzjonijiet tagħha u joħolqu r-rabtiet ma’ programmi ta’ finanzjament rilevanti oħrajn tal-UE bħall--Orizzont 2020.

WERREJ

Introduction    

Key themes of 2016    

Implementation of the health programme    

1.    Budget    

2.    Priorities and financing mechanisms    

3.    Implementation by financing mechanism    

4.    Beneficiaries    

Improvements    



Temi ewlenin tal-2016

L-għan tal-AWP tal-2016 huwa li jikkontribwixxi għall-prijoritajiet tas-saħħa tal-Kummissjoni kif deskritti fil-linji gwida politiċi tal-President 5 u fl-ittra tal-missjoni tal-Kummissarju responsabbli għas-saħħa u s-sikurezza tal-ikel 6 .

Netwerks Ewropej ta’ Referenza

L-inizjattiva tas-saħħa ta’ prijorità skont l-AWP 2016 kienet li jiġu stabbiliti n-Netwerks Ewropej ta’ Referenza (ERNs) f’konformità ma’: (a) id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali 7 ; u (b) il-politika tal-UE dwar il-mard rari.

L-ERNs huma netwerks virtwali li jinvolvu ’l fuq minn 900 fornitur tal-kura tas-saħħa madwar l-UE. L-għan tagħhom huwa li jindirizzaw il-mard u l-kundizzjonijiet mediċi rari jew kumplessi li jeħtieġu kura speċjalizzata ħafna u konċentrazzjoni ta’ għarfien u riżorsi.

Intużaw bosta miżuri ta’ finanzjament biex jappoġġaw l-ERNs fl-2016, li kienu jammontaw għal aktar minn EUR 8 miljun (EUR 8 012 343.47). Dawn kienu jinkludu:

·sejħa ta’ interess għall-ERNs kif previst fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/287/UE 8 , segwita mill-approvazzjoni tal-fornituri individwali tal-kura tas-saħħa u tan-netwerks inġenerali, permezz ta’ deċiżjoni korrispondenti tal-Bord tal-Istati Membri kif stipulat fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni;

·talbiet għal servizz għall-korpi ta’ valutazzjoni indipendenti sabiex jivvalutaw l-ERNs kandidati skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Delega 2014/286/UE 9 (EUR 1 646 638.27);

·sejħa għall-finanzjament tal-kostijiet ta’ koordinazzjoni tan-netwerks approvati (EUR 4 386 344.15); u

·sejħa b’appoġġ għar-reġistri ta’ pazjenti b’mard rari għall-ERNs (EUR 1 979 361.05).

Sfond

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/24/UE jeżiġi li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ ERNs 10 . Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/287/UE tistabbilixxi l-proċess u l-kriterji għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu tan-netwerks, mis-sejħa għall-proposti sal-valutazzjoni, l-approvazzjoni, l-istabbiliment u l-evalwazzjoni tal-ERNs. L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (Chafea) appoġġat lill-Kummissjoni f’dawn il-passi kollha, pereżempju billi:

·immaniġġjat is-sejħa għan-netwerks;

·żgurat il-valutazzjoni tan-netwerks kandidati kollha; u

·allokat il-kofinanzjament tal-UE sabiex tappoġġa l-kostijiet ta’ koordinazzjoni tan-netwerks approvati għal ħames snin (2017-2021).

Mira

L-ERNs għandhom l-għan li joffru l-aċċess għall-aqwa għarfien u spiss, għal għarfien li jsalva l-ħajja, lin-nies fl-UE, mingħajr ma jkollhom jivvjaġġaw lejn pajjiż ieħor.

Mezzi

Biex tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tal-ERNs, ġie deċiż li jingħataw għotjiet għall-kooperazzjoni fit-tul permezz ta’ ftehimiet qafas ta’ sħubija (FPAs) bejn Chafea u l-benefiċjarji. Il-kofinanzjament annwali mbagħad jiġi żgurat billi jiġu ffirmati ftehimiet ta’ għotjiet speċifiċi (SGAs) li jkopru l-kostijiet ta’ koordinazzjoni xjentifika u teknika tan-netwerks. Minn Ġunju tal-2017, it-23 ERNs iffirmaw FPAs u żewġ ċikli ta’ SGAs annwali 11 .

Il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard

Minbarra l-fokus ewlieni tas-sena, bosta azzjonijiet appoġġaw il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, b’mod partikolari billi ffukaw fuq l-aħjar prattiki fir-rigward tal-gruppi vulnerabbli tal-migranti u tar-refuġjati.

Sfond

Filwaqt li jibni fuq l-appoġġ finanzjarju pprovdut f’dan il-qasam waqt il-kriżi migratorja fl-2015, il-programm ta’ ħidma annwali tal-2016 ippromwova s-sostenibbiltà permezz tal-bini tal-kapaċità u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki fil-provvediment tal-kura għall-migranti u r-refuġjati vulnerabbli.

Mira

Il-kofinanzjament tal-UE f’dan il-qasam għandu l-għan li jippromwovi l-aħjar prattiki fil-provvediment tal-kura għall-migranti u r-refuġjati vulnerabbli.

Mezzi

F’dan il-qafas globali, l-AWP tal-2016 ikkofinanzja:

·tliet proġetti dwar “Is-saħħa tal-migranti: L-aħjar prattiki fil-provvediment tal-kura għall-migranti u r-refuġjati vulnerabbli” (EUR 2 484 164.99);

·żewġ sejħiet għall-offerti dwar “It-taħriġ għall-professjonisti tas-saħħa mal-migranti u r-refuġjati” (EUR 4 107 214);

·ftehim ta’ għotja diretta mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li jiffoka fuq l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ gwida teknika bil-għan li jiġi appoġġat l-aċċess tal-popolazzjoni tal-migranti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali (EUR 500 000); u

·għotja operattiva lin-“Netwerk tal-vulnerabbiltà” (EUR 326 808.00).

It-tliet proġetti dwar is-saħħa tal-migranti huma:

·MigHealthCare, li fih 14-il sieħeb minn 10 Stati Membri (l-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, Malta, Spanja u l-Iżvezja) qegħdin jiżviluppaw u jittestjaw għall-ewwel darba sett ta’ għodod komprensiv biex jattwaw mudelli ta’ kura bbażati fil-komunità għall-migranti u r-refuġjati vulnerabbli, fosthom mudelli ta’ tbassir, eżempji tal-aħjar prattika, algoritmi u materjali tas-saħħa mfassla apposta.

·MyHealth, li fih 11-il sieħeb minn seba’ Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit) qegħdin jiżviluppaw strateġiji ta’ interventi tas-saħħa għas-saħħa mentali u għall-mard li jittieħed u li ma jittiħidx. Il-proġett se jistabbilixxi wkoll pjattaforma bbażata fuq l-ICT (inkluża mappa interattiva tas-sistemi tas-saħħa tal-UE) li tappoġġa għodod u applikazzjonijiet ta’ informazzjoni dwar is-saħħa kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa.

·ORAMMA, li fih tmien sħab minn erba’ Stati Membri (il-Greċja, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit) jippromwovu l-maternità sikura u jtejbu l-aċċess għall-kura tas-saħħa tal-omm. Il-proġett jiggwida u jevalwa inizjattivi integrati u kosteffettivi għal maternità sikura billi jiffoka fuq in-nisa b’riskji partikolari. Għandu l-għan ukoll li jestendi l-prattiki tajbin fost is-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-UE sabiex tiġi żgurata l-ekwità fost l-Istati Membri.

Iż-żewġ sejħiet għall-offerti dwar it-“Taħriġ għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa mal-migranti u r-refuġjati” (EUR 4 107 214) iffinanzjaw l-iżvilupp ta’ pakkett ta’ taħriġ avvanzat dwar is-saħħa mentali, id-detezzjoni tal-istress postrawmatiku u l-iskrinjar tal-migranti u tar-refuġjati għall-mard li jittieħed, u ffinanzjaw ukoll il-korsijiet ta’ taħriġ stess f’10 pajjiżi Ewropej (il-Bulgarija, il-Kroazja, Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta, in-Norveġja, is-Serbja, is-Slovenja u Spanja).

Il-proġett jindirizza lill-professjonisti tas-saħħa, lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u lill-ħarrieġa tal-ħarrieġa. Għandu jwassal għal fehim aħjar tal-ħtiġijiet tal-popolazzjoni tal-migranti, għal ħiliet imsaħħa għal min hu involut fil-kura tagħhom, u għal impatt pożittiv fuq is-saħħa pubblika kemm fil-pajjiżi magħżula kif ukoll fl-UE inġenerali.

Il-ftehim ta’ għotja diretta mad-WHO jiffoka fuq l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ gwida teknika, inklużi listi ta’ kontroll, Proċeduri Operattivi Standard (SOPs), indikaturi ta’ prattiki tajbin u skedi informattivi f’sitt kwistjonijiet ta’ prijorità b’rabta mas-saħħa tal-migranti [is-Saħħa Mentali, il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Mard li ma Jitteħidx, l-Omm u t-Tarbija tat-Twelid, is-Saħħa tat-Tfal (inkluż it-tilqim) u s-Saħħa tal-Anzjani], bil-għan li jingħata appoġġ lill-aċċess tal-popolazzjoni tal-migranti għas-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali.

Fl-aħħar nett, l-AWP tal-2016 ipprovda appoġġ finanzjarju lin-netwerk Ewropew għat-tnaqqis tal-vulnerabbiltajiet fis-saħħa 12 . Dan in-netwerk ipproduċa r-rapport tal-Osservatorju tal-2016 dwar l-aċċess għall-kura tas-saħħa għall-persuni li jiffaċċjaw bosta vulnerabbiltajiet fis-saħħa (li kopra 31 belt fi 12-il pajjiż) u r-rapport legali tal-2016 dwar l-aċċess għall-kura tas-saħħa (li kien ikopri 17-il pajjiż).

Ir-rendikont dettaljat tal-azzjonijiet kollha ffinanzjati fi ħdan l-AWP 2016 ingħata fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma’ dan ir-rapport.

Implimentazzjoni tal-Programm tas-Saħħa

1.Baġit

Il-baġit globali għat-tielet programm tas-saħħa 2014-2020 huwa ta’ EUR 449.4 miljun. Dan jinkludi EUR 30 miljun għal kostijiet tat-tħaddim tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (Chafea) li ngħatat mandat mill-Kummissjoni biex tkun responsabbli mill-ġestjoni tal-programm. Chafea ilha mill-2005 tagħti l-għajnuna teknika, xjentifika u amministrattiva lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programm tas-saħħa 13 . Din torganizza sejħiet annwali għal proposti, tikkoordina l-evalwazzjoni tas-sottomissjonijiet u tinnegozja, tiffirma u tmexxi l-ftehimiet ta’ għotja relatati, u xxerred ir-riżultati tal-azzjonijiet. Hija responsabbli wkoll minn bosta proċeduri tal-akkwist.

Il-baġit stabbilit fil-pjan ta’ ħidma għall-AWP tal-2016 14 kien ta’ EUR 62 160 000, u tqassam kif ġej:

·Nefqa operattiva: EUR 56 451 000, li jikkorrispondu mal-linja baġitarja 17 03 01 tat-tielet programm tas-saħħa tal-UE (2014-2020) (“It-tħeġġiġ tal-innovazzjoni fis-saħħa, iż-żieda tas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u l-protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni minn theddidiet transfruntieri serji fuq is-saħħa”).

·Nefqa amministrattiva: EUR 1 500 000, li jikkorrispondu għan-nefqa li tappoġġa l-linja baġitarja 17 01 04 02 tat-tielet programm tas-saħħa tal-UE (2014-2020).

·Kontribuzzjoni tal-programm tas-saħħa għall-baġit ta’ Chafea: EUR 4 209 000.

Il-baġit operattiv totali ammonta għal EUR 57 992 112 peress li kien jinkludi EUR 1 541 112 oħra fi krediti tal-EFTA/ŻEE u krediti rkuprati minn snin baġitarji preċedenti.

Total ta’ EUR 56 695 888.83 ġie impenjat taħt l-AWP tal-2016: Chafea kopriet EUR 48 248 609.99 minn dan l-ammont, filwaqt li d-DĠ SANTE impenja EUR 8 447 278.84 oħrajn li jkopru parti mill-akkwist pubbliku u azzjonijiet oħrajn.

2.Prijoritajiet u mekkaniżmi ta’ finanzjament

Fl-2016, il-baġit operattiv totali impenjat (EUR 56 695 888.83) tqassam fuq l-erba’ objettivi speċifiċi tal-programm kif ġej:

1.Il-promozzjoni tas-saħħa: EUR 25 622 317.07 (45 % tal-baġit operattiv fl-2016) għall-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u t-trawwim ta’ ambjenti li jappoġġaw stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa fejn tqies il-prinċipju tas-“saħħa fil-politiki kollha”

2.It-theddid għas-saħħa: EUR 3 947 709.3 (7 %) għall-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE minn theddid transfruntier serju għas-saħħa

3.Is-sistemi tas-saħħa: EUR 8 655 656.8 (15 %) biex jikkontribwixxu għal sistemi tas-saħħa innovattivi, effiċjenti u sostenibbli

4.Kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura: EUR 14 892 153.25 (26 %) għall-iffaċilitar tal-aċċess għal kura tas-saħħa mtejba u aktar sikura għaċ-ċittadini Ewropej

Attivitajiet orizzontali (IT, komunikazzjoni) kienu jammontaw għal EUR 3 578 052.41 (7 %).

Illustrazzjoni 1: Baġit operattiv skont l-għanijiet tat-tielet programm tas-saħħa fl-2016

L-illustrazzjoni ta’ hawn taħt tipprovdi l-informazzjoni dwar il-krediti tal-programm tas-saħħa investiti bħala kontribuzzjoni tal-UE permezz tal-prijoritajiet tematiċi differenti fis-sena 2016.

Illustrazzjoni 2: Baġit operattiv skont it-tema ta’ prijorità fl-2016

Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-programm jinkludi firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ finanzjament. Dawn huma:

·għotjiet għall-proġetti, fosthom l-SGAs għall-ERNs;

·għotjiet għat-tħaddim b’appoġġ għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

·azzjonijiet kofinanzjati mal-awtoritajiet tal-Istati Membri (azzjonijiet konġunti);

·ftehimiet diretti ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali;

·akkwist pubbliku; u

·azzjonijiet oħra, bħall-appoġġ lill-kumitati xjentifiċi, ftehimiet amministrattivi maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u għotjiet għall-konferenzi tal-Presidenzi.

Intużaw proċeduri kompetittivi għall-għażla u l-għoti biex jintgħażlu l-inizjattivi għall-finanzjament. Ma jintużawx proċeduri kompetittivi għall-għażla u l-għoti għall-azzjonijiet konġunti, għall-ftehimiet tal-għotjiet diretti u għall-konferenzi organizzati mill-presidenzi tal-Kunsill billi f’dawk il-każijiet il-proċeduri kompetittivi mhumiex permessi skont ir-regoli speċifiċi jew mhumiex adegwati (pereżempju, minħabba sitwazzjoni ta’ monopolju).

Il-krediti amministrattivi koprew in-nefqa fuq affarijiet bħall-istudji, il-laqgħat tal-esperti, l-ispejjeż ta’ informazzjoni u tal-pubblikazzjoni, u l-assistenza teknika u amministrattiva għas-sistemi tal-IT.

3.L-implimentazzjoni skont il-mekkaniżmu ta’ finanzjament

Tip ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament

Implimentazzjoni (EUR)

Sehem tal-mekkaniżmu fit-total tal-baġit implimentat

Sejħa għall-proposti:

18 323 884.19

32.3 %

Għotjiet għall-proġetti

8 795 212.04

15.5 %

L-SGAs tan-Netwerks Ewropej ta’ Referenza (ERNs) taħt l-FPA skont l-objettiv

4 386 344.15

7.7 %

Għotjiet operattivi

5 142 328.00

9.1 %

Għotjiet għal azzjonijiet konġunti

14 376 881.83

25.4 %

Għotjiet għall-konferenzi lill-Istati Membri li kellhom il-presidenza tal-UE

141 780.43

0.3 %

Ftehimiet dwar għotjiet diretti

4 450 000.00

7.8 %

Akkwist (kuntratti ta’ servizz)

16 089 842.38

28.3 %

Immaniġġjati minn CHAFEA

10 456 063.54

18.4 %

Immaniġġjati mid-DĠ SANTE

5 633 778.84

9.9 %

Azzjonijiet oħrajn

3 313 500

5.9 %

Immaniġġjati minn CHAFEA

500 000.00

0.9 %

Immaniġġjati mid-DĠ SANTE

2 813 500.00

5 %

Baġit implimentat tal-AWP tal-2016

56 695 888.83

97.76 %

Baġit totali disponibbli tal-AWP tal-2016

57 992 112.00

Krediti mhux użati 15  

minn CHAFEA

1 282 128.59

2.22 %

mid-DĠ SANTE

14 094.58

0.02 %

4.Benefiċjarji

Fl-2016, ġew iffirmati aktar minn 200 16 għotja u kuntratt differenti ma’ diversi benefiċjarji u fornituri ta’ servizzi li jvarjaw minn organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi għal istituzzjonijiet akkademiċi u kumpaniji privati.

Il-kategorija “oħrajn” tinkludi benefiċjarji bħall-fornituri tal-kura tas-saħħa u organizzazzjonijiet internazzjonali. L-illustrazzjoni 3 tagħti ħarsa ġenerali lejn id-diversi gruppi ta’ benefiċjarji.

Illustrazzjoni 3: Tipi ta’ benefiċjarji tat-tielet programm tas-saħħa fl-2016

Titjib

L-appoġġ għall-ERNs tal-programm stimula l-innovazzjoni fit-twassil tal-kura tas-saħħa u żied l-aċċess għall-kura ta’ kwalità madwar l-UE.

Chafea użat kull għodda ta’ simplifikazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tissimplifika l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE lill-ERNs. L-għoti ta’ FPAs u għotjiet speċifiċi sussegwenti se jiffaċilitaw l-implimentazzjoni u r-rapportar u se jipprovdu qafas operattiv stabbli għall-ERNs.

Azzjonijiet ewlenin skont l-obbjettivi tal-programm ta’ promozzjoni tas-saħħa u prevenzjoni tal-mard kienu kkofinanzjati ma’ awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri (azzjonijiet konġunti). L-għadd ta’ parteċipanti f’dawn l-azzjonijiet konġunti 17 jirrifletti l-interess tal-Istati Membri li jimpenjaw ruħhom b’mod attiv f’inizjattivi konġunti fl-oqsma tal-kontroll tat-tabakk, tal-prevenzjoni tal-HIV/AIDs, tat-Tuberkulożi u l-epatite virali u tal-mard kroniku.

Wara x-xogħol li sar fl-2015, Chafea kompliet tinvesti b’mod sinifikanti f’attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni tal-informazzjoni b’kollaborazzjoni mill-qrib mad-DĠ SANTE u n-netwerk ta’ Punti Fokali Nazzjonali tal-programm tas-saħħa. Chafea organizzat diversi sessjonijiet ta’ ħidma, ikkollaborat f’konferenzi ewlenin nazzjonali u internazzjonali, u organizzat avvenimenti awtonomi mal-awtoritajiet nazzjonali f’pajjiżi tal-UE. Ipproduċiet ukoll sensiela ta’ fuljetti u skedi ta’ informazzjoni dwar l-oqsma ta’ prijorità ewlenin tal-programm tas-saħħa. Fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ngħataw aktar dettalji dwar l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-2016.

Biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-Programm tas-Saħħa, il-progress li sar skont is-sistema CORDA 18 se jkun segwit minn analiżi tal-feedback dwar l-eżiti tal-programm u l-impatti potenzjali tiegħu.

Peress li ħafna mill-azzjonijiet għadhom fil-fażijiet bikrin tagħhom, għad mhemmx riżultati konkreti. Wieħed ikun jista’ jifhem f’aktar dettall x’ inhu l-impatt globali tal-programm ladarba tkun lesta l-ewwel ġenerazzjoni ta’ azzjonijiet kofinanzjati. Madankollu, il-pjan pluriennali żviluppat fil-bidu tat-tielet programm tas-saħħa jiżgura kontinwità u konsistenza bejn it-tipi differenti ta’ strumenti finanzjarji disponibbli. L-ERNs huma eżempju ċar peress li l-appoġġ tagħhom ġie ottimizzat bl-allinjament tal-akkwist (il-valutazzjoni tal-fornituri tal-kura tas-saħħa u tal-ERNs), tal-għotjiet tal-proġetti (għax-xogħol fuq ir-reġistri tal-pazjenti), tal-azzjonijiet konġunti (fuq il-mard rari u ORPHANET) u tal-għotjiet speċifiċi fi ħdan FPA għall-koordinazzjoni tan-netwerks.

(1)

   ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1.

(2)

     ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.

(3)

    http://ec.europa.eu/health/ern/networks_mt

(4)

    ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45-65.

(5)

    https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/juncker-political-guidelines-speech_mt.pdf

(6)

    https://ec.europa.eu/commission/commissioners/sites/cwt/files/commissioner_mission_letters/andriukaitis_en.pdf

(7)

    ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45-65.

(8)

    ĠU L 147, 17.5.2014, p. 79-87.

(9)

    ĠU L 147, 17.5.2014, p. 71-78.

(10)

   Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/24/UE dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali u miżuri ta’ implimentazzjoni rilevanti, il-Kummissjoni Ewropea żviluppat il-metodoloġija u l-għodod tekniċi għall-valutazzjoni tal-proposti ta’ “Netwerks u fornituri tal-kura tas-saħħa” permezz ta’ kuntratt ta’ servizz ġestit minn Chafea. Il-kuntrattur indirizza l-passi kollha tal-valutazzjoni mill-pubblikazzjoni tas-sejħa għan-netwerks sal-approvazzjoni tagħhom, inklużi l-materjali u l-metodi li għandhom jintużaw u l-prodotti finali mistennija.

(11)

   L-AWP tal-2018 jipprevedi għotja pluriennali, li tkopri l-aħħar tliet snin tal-funzjonament tan-netwerks. Dan il-finanzjament mill-UE jammonta għal EUR 13 800 000 u jdum sal-aħħar ta’ Frar 2022.

(12)

   Għotja operattiva lin-Netwerk tal-Vulnerabbiltà, FPA 2015-2017.

(13)

   Id-Deċiżjoni 2004/858/KE tal-15 ta’ Diċembru 2004 (ĠU L 369, 16.12.2004, p. 73) emendata bid-Deċiżjoni 2008/544/KE tal-20 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 173, 3.7.2008, p. 27); minn Diċembru 2014 CHAFEA ħadet post l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Konsumaturi, għas-Saħħa u l-Konsumaturi (EAHC) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/927/UE .

(14)

   Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-1/3/2016 C(2016) 1158 final.

(15)

   Id-differenzi bejn il-krediti disponibbli għall-użu fl-2016 biss u l-ammonti effettivament ikkuntrattati.

(16)

   Dawn jeskludu l-kuntratti ma’ esperti waħdiena eż. dawk li jipparteċipaw fil-kumitati xjentifiċi.

(17)

   Fl-2016 kien hemm madwar 27 u 44 sieħeb (benefiċjarji, entitajiet affiljati mhux inklużi) għal kull azzjoni konġunta li kienet sfida għall-ġestjoni u l-koordinazzjoni globali tagħhom peress li s-sħab kollha kellhom jiffirmaw il-ftehim ta’ għotja.

(18)

   CORDA tiċċentralizza d-data miġbura għall-azzjonijiet kollha ġestiti minn Chafea u mmonitorjati permezz tal-użu tal-għodod elettroniċi tal-H2020. Din hija implimentata miċ-Ċentru ta’ Appoġġ Komuni tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, hija sors ewlenija ta’ informazzjoni u tagħti feedback dwar il-kisba tal-għanijiet u l-prijoritajiet tal-programm, dwar it-tipi ta’ azzjonijiet u t-tipi ta’ organizzazzjonijiet kofinanzjati.

Top