EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0179

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Eżenzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004

COM/2019/179 final

Brussell, 12.4.2019

COM(2019) 179 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Eżenzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004




RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Eżenzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004

1. INTRODUZZJONI 

1.1. Sfond

Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 1 (“ir-Regolament”) jistipula serje ta’ drittijiet għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bix-xarabank u bil-kowċ fl-Unjoni Ewropea. Dan sar applikabbli fl-1 ta’ Marzu 2013.

Il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta dan ir-rapport skont l-Artikoli 2(6) u 18(2) tar-Regolament, li jobbligaha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżenzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 2(4), 2(5) u 18(1).

1.2 Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament

Ir-Regolament japplika, b’mod ġenerali, għal “servizzi regolari” (servizzi pprovduti f’intervalli speċifikati matul rotot speċifikati, fejn il-passiġġieri jitilgħu u jinżlu f’postijiet ta’ waqfien determinati minn qabel) għal kategoriji mhux speċifikati ta’ passiġġieri, fejn il-punt tal-imbark jew tal-iżbark tal-passiġġieri jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru 2 .

 1.3 Kontenut tar-Regolament

Il-passiġġieri li jkunu qegħdin jivvjaġġaw fuq kwalunkwe tip ta’ servizz regolari, irrispettivament mid-distanza skedata tas-servizz, jibbenefikaw mid-drittijiet ewlenin li ġejjin:

 1) kundizzjonijiet mhux diskriminatorji tat-trasport (partikolarment tariffi mhux diskriminatorji);

2) aċċess għat-trasport għal persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa mingħajr l-ebda ħlas addizzjonali (it-trasportaturi jistgħu jirrifjutaw li jittrasportaw passiġġieri b’diżabbiltà biss jekk il-ġarr tagħhom ikun fiżikament impossibbli minħabba d-disinn tal-vettura, il-post ta’ waqfien tax-xarabank jew l-infrastruttura tat-terminal, jew jekk il-ġarr tagħhom ikun jikser ir-rekwiżiti tas-saħħa u tas-sikurezza);

3) regoli minimi dwar l-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar ipprovduta lill-passiġġieri kollha qabel u matul il-vjaġġ tagħhom, inkluż informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom;

4) mekkaniżmu għall-ġestjoni tal-ilmenti li t-trasportaturi jridu jaraw li jkun disponibbli għall-passiġġieri kollha; u

5) korpi nazzjonali indipendenti tal-infurzar f’kull Stat Membru, li jkollhom il-mandat li jinfurzaw ir-Regolament u, fejn ikun xieraq, li jimponu l-penali 3 .

Il-passiġġieri jibbenefikaw ukoll mid-drittijiet addizzjonali li ġejjin meta jivvjaġġaw fuq servizzi regolari fejn id-distanza skedata tas-servizz tkun ta’ 250 km jew iktar:

6) provvista ta’ biljetti (elettroniċi jew tal-karti) jew kwalunkwe dokument ieħor li jagħti intitolament għat-trasport;

7) kumpens u assistenza fil-każ ta’ mewt, korriment, telf jew ħsara lill-bagalji kkawżati minn aċċident;

8) informazzjoni jekk is-servizz jiġi kkanċellat jew ikun hemm dewmien fit-tluq;

9) dritt għal rimborż tal-prezz sħiħ tal-biljett jew riprogrammar tar-rotta fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil fit-tluq;

10) assistenza adegwata fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil (applikabbli biss meta t-tul skedat tal-vjaġġ ikun iktar minn tliet sigħat);

11) kumpens li jammonta għal 50 % tal-prezz tal-biljett jekk it-trasportatur jonqos milli joffri lill-passiġġier l-għażla bejn rimborż tal-prezz tal-biljett u riprogrammar tar-rotta meta jkun hemm kanċellazzjoni jew dewmien twil; u

12) assistenza speċifika mingħajr l-ebda ħlas addizzjonali għal persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa kemm fit-terminals tax-xarabank kif ukoll abbord.

2. Eżenzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 4

2.1 Eżenzjoni ta’ servizzi regolari domestiċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament f’konformità mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament 

L-Istati Membri setgħu, fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja, jeżentaw dawk is-servizzi regolari purament domestiċi fejn id-distanza skedata kienet ugwali jew iktar minn 250 km mill-applikazzjoni tad-drittijiet mhux ewlenin sat-28 ta’ Frar 2017. Din l-eżenzjoni setgħet tiġġedded darba, għal perjodu ta’ mhux iktar minn erba’ snin (li jintemm mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar 2021).

Fl-2013, meta r-Regolament sar applikabbli, total ta’ 13-il Stat Membru (l-Estonja, Franza, il-Greċja, il-Kroazja, il-Latvja, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka 5 , ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Ungerija 6 ) applikaw eżenzjonijiet ta’ dan it-tip.

Fl-2017, total ta’ tmien Stati Membri (l-Estonja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Portugall, ir-Renju Unit, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Ungerija) iddeċidew li jġeddu din l-eżenzjoni 7 .

2.2 Eżenzjoni ta’ servizzi regolari fejn parti sinifikanti tas-servizz (li jinkludi minn tal-inqas waqfa skedata waħda) hija operata barra mill-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 2(5) tar-Regolament

L-Istati Membri setgħu wkoll jagħtu eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tar-Regolament sħiħ għal servizzi regolari fejn parti sinifikanti tas-servizz (li jinkludi minn tal-inqas waqfa skedata waħda) hija operata barra mill-UE. Dawn l-eżenzjonijiet, li kellhom jingħataw ukoll fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja, skadew fit-28 ta’ Frar 2017, iżda setgħu jiġġeddu darba għal perjodu ta’ mhux iktar minn erba’ snin (li jintemm mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar 2021).

Fl-2013, total ta’ 14-il Stat Membru (l-Awstrija, l-Estonja, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, in-Netherlands, ir-Renju Unit, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Ungerija) taw eżenzjonijiet ta’ dan it-tip.

Fl-2017, total ta’ disa’ Stati Membri (l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, il-Kroazja, il-Latvja, ir-Renju Unit, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Ungerija) iddeċidew li jġeddu din l-eżenzjoni 8 .

2.3 Eżenzjoni ta’ servizzi regolari minn xi wħud mid-dispożizzjonijiet jew mid-dispożizzjonijiet kollha relatati mad-drittijiet tal-passiġġieri b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw is-servizzi domestiċi tagħhom mill-applikazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet jew mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Kapitolu III tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa, diment li jiżguraw li l-livell ta’ protezzjoni tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa skont ir-regoli nazzjonali tagħhom ikun minn tal-inqas l-istess bħal dak skont ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bit-tali eżenzjonijiet mogħtija. Il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni xierqa jekk tali eżenzjoni titqies li ma tkunx konformi mar-rekwiżit li l-livell ta’ protezzjoni tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa skont ir-regoli nazzjonali għandu jkun minn tal-inqas l-istess bħal dak skont ir-Regolament.

L-ebda wieħed mill-Istati Membri ma ta eżenzjonijiet abbażi tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament.



3. Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u mal-korpi nazzjonali tal-infurzar dwar l-eżenzjonijiet

Qabel ma ppreżentat ir-Rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 181/2011 9 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fl-2016 il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament. Matul din il-konsultazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-passiġġieri 10 kkritikaw lill-Istati Membri talli taw wisq eżenzjonijiet. Fl-opinjoni tagħhom, l-użu estensiv ta’ eżenzjonijiet iċaħħad lill-passiġġieri milli jgawdu għalkollox id-drittijiet tagħhom u milli jkollhom ċertezza legali (partikolarment peress li huwa diffiċli li l-passiġġieri jkunu jafu liema Stati Membri japplikaw liema eżenzjonijiet).

Konsegwentement, fl-istess Rapport il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri, li taw eżenzjonijiet mir-Regolament, biex qabel it-28 ta’ Marzu 2017 jirrieżaminaw jekk, fid-dawl tal-esperjenzi tagħhom, huwiex meħtieġ li dawn l-eżenzjonijiet jitkomplew.

F’Settembru 2017, il-Kummissjoni għamlet stħarriġ mal-korpi nazzjonali tal-infurzar fejn talbithom jispjegaw għaliex l-Istat Membru tagħhom iddeċieda li japplika jew li ma japplikax dawn l-eżenzjonijiet 11 .

L-Istati Membri spjegaw id-deċiżjonijiet tagħhom li jagħtu eżenzjonijiet kif ġej: In-Netherlands, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija eżentaw servizzi regolari purament domestiċi biex jagħtu iktar żmien lill-operaturi nazzjonali biex iħejju għall-applikazzjoni tar-Regolament u biex jagħmlu l-investimenti meħtieġa (eż. l-aċċessibbiltà tal-flotta u l-infrastruttura). L-Estonja u l-Latvja eżentaw dawn is-servizzi minħabba li l-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament għal servizzi domestiċi tkun piż sinifikanti għall-operaturi, li ma jibqgħux joperaw ċerti servizzi. Il-Kroazja tat din l-eżenzjoni fuq talba tat-trasportaturi nazzjonali. Ir-Renju Unit ta din l-eżenzjoni f’konformità mal-politika ġenerali tal-gvern li juża l-eżenzjonijiet kollha mil-leġiżlazzjoni tal-UE, li jnaqqsu l-ispejjeż għan-negozji.

L-Estonja, il-Ġermanja, il-Latvja u n-Netherlands spjegaw li huma eżentaw servizzi regolari b’parti sinifikanti tas-servizz operat barra mill-Unjoni Ewropea sabiex jinnegozjaw mill-ġdid ma’ pajjiżi terzi l-ftehimiet bilaterali tagħhom dwar it-trasport tal-passiġġieri bit-triq, u sabiex jintroduċu artikoli simili dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’tali ftehimiet.

4. Konklużjoni

Diversi Stati Membri taw eżenzjonijiet estensivi matul l-ewwel erba’ snin mill-applikazzjoni tar-Regolament sabiex it-trasportaturi tax-xarabank u tal-kowċ setgħu jħejju għall-applikazzjoni tiegħu. Fl-2017, meta kellhom jerġgħu jikkunsidraw jekk għandhomx ikomplu jużaw dawn l-eżenzjonijiet, xi wħud minn dawn l-Istati Membri kkunsidraw li t-trasportaturi bix-xarabank u bil-kowċ kienu lesti biex japplikaw għalkollox ir-Regolament u ma kienx hemm iktar bżonn li dawn l-eżenzjonijiet jiġu applikati. Madankollu, għad hemm għaxar Stati Membri li qegħdin jużaw eżenzjoni waħda jew tnejn minn dawn l-eżenzjonijiet.

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1).

(2)

Barra minn hekk, għadd limitat ta’ dispożizzjonijiet (bl-iktar waħda importanti tkun dik dwar il-kumpens u l-assistenza li t-trasportaturi huma meħtieġa jipprovdu f’każ ta’ mewt, korriment, telf jew ħsara kkawżati minn aċċidenti fit-toroq) japplikaw ukoll għal “servizzi okkażjonali”, fejn il-grupp ta’ passiġġieri jkun ġie kkostitwit fuq l-inizjattiva tal-klijent jew tat-trasportatur innifsu.

(3)

Barra minn hekk, peress li r-Regolament huwa elenkat fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, l-awtoritajiet nazzjonali li jipparteċipaw fil-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi tal-UE jistgħu jikkooperaw ma’ xulxin biex jinvestigaw il-ksur tad-drittijiet tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ tal-UE u jużaw miżuri ta’ infurzar kooperattivi bħala deterrent għall-operaturi biex ma jiksrux dawk id-drittijiet.

(4)

Il-Kummissjoni tippubblika lista aġġornata dwar l-eżenzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fuq:

https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/themes/passengers/road/doc/exemptions-from-bus-coach-passengers-rights-and-obligations.pdf

(5)

Ir-Repubblika Ċeka tat biss eżenzjonijiet mill-Artikoli 8, 19 u 21 tar-Regolament.

(6)

L-eżenzjoni mogħtija mill-Ungerija ma tkoprix l-Artikoli 7 u 16(1) tar-Regolament.

(7)

Fl-20 ta’ Diċembru 2018, meta l-manuskritt tar-rapport ġie ffinalizzat, l-istess Stati Membri applikaw l-eżenzjoni.

(8)

Fl-20 ta’ Diċembru 2018, meta l-manuskritt tar-rapport ġie ffinalizzat, l-istess Stati Membri applikaw l-eżenzjoni.

(9)

COM(2016) 619 final

(10)

Il-Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà (EDF) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Passiġġieri (EPF)

(11)

  http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupMeeting&meetingId=2166&Lang=MT

Top