IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.4.2019
COM(2019) 169 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL
Evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol
{SWD(2019) 154 final} - {SWD(2019) 155 final}
1.Introduzzjoni
Bejn l-2007 u l-2013, in-numru ta’ persuni fl-Ewropa li kienu qiegħda għal aktar minn sena rdoppja. Fl-ogħla punt tagħha, din iż-żieda kbira fil-qgħad fit-tul affettwat lil madwar 12-il miljun persuna madwar l-Unjoni Ewropea. Din il-problema kellha tiġi indirizzata bħala waħda mill-isfidi ewlenin tal-aġenda għall-impjiegi u t-tkabbir, dak iż-żmien stabbilita fil-Linji Gwidi Politiċi tal-President Juncker
.
Bl-irkupru ekonomiku li segwa, it-tendenzi tal-qgħad tjiebu, iżda r-rati ta’ sejbien ta’ impjieg fost dawk qiegħda fit-tul baqa’ baxx. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, is-sehem ta’ dawk qiegħda fit-tul fost dawk qiegħda kompla jiżdied, b’konsegwenzi soċjali serji.
Figura 1: Rati tal-qgħad fit-tul u s-sehem tal-qgħad fit-tul, (20-64s), medji annwali 2008-2017, UE28, Eurostat
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol
, adottata fl-2016, għandha l-għan li twieġeb għal dawn l-isfidi billi tippromwovi miżuri li jħaffu r-ritorn għax-xogħol fi żmien qasir/mhux twil wisq. Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex:
1.Jinkoraġġixxu r-reġistrazzjoni ta’ dawk qiegħda fit-tul ma’ servizz għall-impjiegi
2.Iżidu l-appoġġ individwalizzat għal dawk qiegħda fit-tul permezz ta’ valutazzjoni dettaljata tal-bżonnijiet, u jiżguraw it-twassil ta’ ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg (JIA) f’mhux aktar minn 18-il xahar
3.Itejbu l-kontinwità tal-appoġġ billi jikkoordinaw is-servizzi disponibbli għal dawk qiegħda fit-tul permezz ta’ punt uniku ta’ kuntatt (SPOC, single point of contact)
4.Iħeġġu u jiżviluppaw sħubiji bejn impjegaturi, imsieħba soċjali, servizzi għall-impjieg u soċjali, awtoritajiet tal-gvern u fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u jiżviluppaw servizzi għall-impjegaturi
B’dan il-mod, ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li mhux biss issaħħaħ l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri
, iżda wkoll li tikkomplementa r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol
u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2013 li tistabbilixxi Garanzija għaż-Żgħażagħ
.
Fl-aħħar ħames snin, l-UE esperjenzat tkabbir ekonomiku mingħajr interruzzjoni, li kien akkumpanjat minn irkupru fl-investiment, domanda akbar mill-konsumaturi, titjib fil-finanzi pubbliċi u ħolqien kontinwu tal-impjiegi, b’rekord ta’ 240 miljun persuna taħdem. B’riflessjoni għal dan, ir-rata tal-qgħad fit-tul kompliet tonqos, minn 5.2% fl-2013 għal medja ta’ 3.5% fl-UE fl-2017.
Minn meta ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni, in-numru ta’ persuni qiegħda fit-tul naqas b’aktar minn 2.5 miljuni. Madanakollu, is-sitwazzjoni tibqa’ varjata madwar l-UE u f’xi Stati Membri għadha ma laħqitx il-livelli ta’ qabel il-kriżi. Is-sehem ta’ persuni qiegħda fit-tul fost dawk qiegħda għadu ta' madwar 45%.
Figura 2: Rata tal-qgħad fit-tul skont il-pajjiż (20-64 sena), medji annwali tal-2013 u l-2017, Eurostat
2.Sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni
Ir-Rakkomandazzjoni teħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Kunsill fl-2019 dwar l-implimentazzjoni fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE. L-evalwazzjoni tkopri l-ħames kriterji kollha tar-rekwiżiti għar-Regolamentazzjoni Aħjar – effettività, effiċjenza, koerenza, rilevanza u valur miżjud tal-UE.
Il-perjodu kopert huwa mill-ewwel nofs tal-2015 sa Novembru 2018.
L-evalwazzjoni wriet li Stati Membri madwar l-UE implimentaw miżuri f’konformità mar-Rakkomandazzjoni. Il-bidliet fil-politika l-aktar konsiderevoli seħħew fi Stati Membri b’appoġġ anqas żviluppat għal persuni qiegħda fit-tul, li wasslu għal iżjed konverġenza fl-approċċi politiċi madwar l-UE. Madankollu, peress li r-Rakkomandazzjoni titlob li jsiru bidliet li ħafna drabi huma strutturali, li jeħtieġu appoġġ politiku, u jieħdu ż-żmien, għadu kmieni wisq biex naslu għal konklużjoni dwar l-effetti sħaħ tagħha, inkluż l-impatt fuq ir-rati ta’ qgħad. Effetti esterni fuq dawn ir-rati, b'mod partikolari l-iżviluppi ekonomiċi b'mod ġenerali favorevoli, jaffettwaw ukoll. B’mod ġenerali, huwa importanti li jiġi nnotat li valutazzjoni aktar kompluta tal-impatt tar-Rakkomandazzjoni se tkun possibbli biss wara mill-inqas tliet snin sħaħ ta’ data dwar l-implimentazzjoni.
2.1L-effettività
Inħeġġu sensibilizzazzjoni proattiva
Ir-reġistrazzjoni ma’ servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES, public employment services) hija essenzjali biex wieħed jingħata appoġġ għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Karatteristika komuni fost l-Istati Membri b’rati ta’ reġistrazzjoni għoljin hija l-kondizzjonalità tal-benefiċċji.
Figura 3: Bidliet fil-kwalità tal-miżuri li jħeġġu r-reġistrazzjoni (2015-2018)
Sorsi: Studju li jappoġġja l-evalwazzjoni, Ramboll, 2019. Nota: Il-pajjiżi huma kkodifikati bir-rati ta’ reġistrazzjoni ta’ dawk qiegħda fit-tul fl-2014. Ir-rata ta’ reġistrazzjoni ta’ dawk qiegħda fit-tul hija s-sehem ta’ dawk qiegħda fit-tul irreġistrati mal-PES (data tal-LFS).
Kaxxa 1: Eżempju ta’ miżuri ta’ sensibilizzazzjoni
Mill-2017, il-PES f’Malta stabbilixxa miżuri ġodda mmirati għal gruppi ta’ persuni qiegħda fit-tul differenti. F’kooperazzjoni mal-ħaddiema soċjali, assoċjazzjonijiet tal-migranti, istituzzjonijiet edukattivi u NGOs, il-PES organizza servizzi ta’ konsulenza dwar it-tiftix ta’ impjieg għall-migranti u implimenta attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni biex jidentifika u jirreġistra ġenituri waħedhom li huma qiegħda fit-tul.
Fokus fuq l-individwu
Ir-Rakkomandazzjoni tappella biex kull min hu qiegħed fit-tul jiġi offrut valutazzjoni individwalizzata fid-dettall u Ftehim ta’ Integrazzjoni f’Impjieg, mhux aktar tard minn wara 18-il xahar qiegħed. Dan tal-aħħar għandu jinkludi offerta ta’ servizz individwalizzat li tkopri l-impjieg, servizzi soċjali u servizzi oħrajn, kif xieraq, li jitwassal minn punt ta’ kuntatt uniku. Għandu jindika objettivi, skedi taż-żmien, obbligi reċiproċi u miżuri ta’ integrazzjoni disponibbli għar-ritorn għax-xogħol.
Mill-2015, il-kwalità tal-miżuri għal valutazzjonijiet individwali tjiebet fi 12-il Stat Membru (Figura 4), inkluż fi kważi l-Istati Membri kollha li qabel kellhom mekkaniżi dgħajfa fis-seħħ.
Figura 4: Bidliet fil-kwalità tal-miżuri għal valutazzjonijiet individwali (2015-2018)
Sors: Studju li jappoġġja l-evalwazzjoni, Ramboll, 2019. Nota: Aspettattivi mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal (KE, 2015)
F’aktar minn nofs il-PES, dawk qiegħda fit-tul jirċievu valutazzjonijiet individwali u gwida aktar individwalizzati minn gruppi qiegħda oħrajn. Normalment ikollhom aċċess għal sett akbar ta’ servizzi (eż. konsulenza motivazzjonali u għall-immaniġġjar tad-dejn) u kuntatt aktar frekwenti ma’ konsulenti minn gruppi oħra.
Id-data ta’ monitoraġġ
turi li l-maġġoranza tal-PES jipprovdu Pjan ta’ Azzjoni Individwali (IAP, Individual Action Plan) lil kull min ilu qiegħed fit-tul u rreġistrat, ftit wara r-reġistrazzjoni, u ħafna drabi mhux aktar tard minn 6 xhur. Ipprovdut wara valutazzjoni inizjali, il-Pjan ta’ Azzjoni Individwali jistabbilixxi l-offerta tas-servizz, u d-drittijiet u l-obbligi tal-fornitur tas-servizz u l-klijent. Għalhekk il-Pjan iservi effettivament bħala l-bażi tal-Ftehim ta’ Integrazzjoni f’Impjieg imsemmi fir-Rakkomandazzjoni. Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Individwali ġeneralment jiġu eżaminati mill-ġdid minn żmien għal żmien skont il-bżonn.
Il-grad ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Integrazzjoni f’Impjieg ivarja. Nofs l-Istati Membri biss joffru pjan li jinkludi servizzi ta’ appoġġ li jmorru lil hinn mis-servizzi relatati mal-impjieg tipiċi offruti mill-PES bħal servizzi ta’ riabilitazzjoni, saħħa, kura fit-tul, jew akkomodazzjoni. Nofs il-PES biss iwettqu valutazzjoni fid-dettall fil-mument li persuna ssir qiegħda fit-tul (Figura 5).
Figura 5: Valutazzjoni fid-dettall relatata mal-Ftehimiet ta’ Integrazzjoni f’Impjieg jew il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Individwali
Sors: Elaborazzjoni mid-DĠ EMPL tal-Ġbir tad-data għall-monitoraġġ tar-Rakkomandazzjoni dwar Persuni Qiegħda fit-Tul: Rapport tal-2017
Il-proporzjon ta’ persuni qiegħda fit-tul bi Ftehim ta’ Integrazzjoni f’Impjieg ivarja minn 25% għal 100%. L-approċċi differenti (Figura 5) sa issa ma jidhirx li kellhom impatt kbir fuq ir-rati ta’ tranżizzjoni. Madankollu, tendenza promettenti hi li pajjiżi li jipprovdu lil dawk qiegħda fit-tul Ftehim ta’ Integrazzjoni f’Impjieg jew Pjan ta’ Azzjoni Individwali b’valutazzjoni fid-dettall, kellhom proporzjon ogħla ta’ dawn l-individwi li baqgħu f’impjieg sena wara,
meta mqabbla ma’ pajjiżi li joffru biss Pjan ta’ Azzjoni Individwali regolari.
Kaxxa 2: Eżempju ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-approċċ individwalizzat
Il-Kroazja żviluppat għodda ta’ tfassil ta’ profil statistiku li tgħin lill-klijenti tas-segment tal-PES skont id-distanza tagħhom mis-suq tax-xogħol billi tistma l-probabbiltà ta’ impjieg fi żmien 12-il xahar wara r-reġistrazzjoni. Persuni li qed ifittxu impjieg li huma f’riskju għoli ta’ qgħad fit-tul imbagħad jiġu riferuti għal konsulenza fid-dettall addizzjonali.
It-tneħħija tal-ostakli biex tiżdied il-koordinazzjoni
Il-koordinazzjoni tas-servizzi hija importanti biex jiġu indirizzati d-diversi ostakli li ħafna drabi jiffaċċjaw dawk li jkunu qiegħda fit-tul. Ir-Rakkomandazzjoni intensifikat l-isforzi biex jiġi żgurat forniment tas-servizz aktar magħqud, bi 17-il Stat Membru jtejjeb il-kwalità tal-miżuri f’dan il-qasam (Figura 6).
Figura 6: Bidliet fil-kwalità tal-miżuri biex tiżdied il-koordinazzjoni interistituzzjonali u jiġi stabbilit Punt ta’ Kuntatt Uniku (2015-2018)
Sors: Studju li jappoġġja l-evalwazzjoni, Ramboll, 2019
Mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni bejn il-PES u s-servizzi soċjali – bħal ftehimiet tal-kondiviżjoni tad-data jew sistemi ta’ riferiment – issa jeżistu fl-Istati Membri kollha, għalkemm il-forma tvarja. Prattiki tal-kondiviżjoni tad-data huma fost l-iżjed komuni. Dawn huma essenzjali fl-istabbiliment ta’ punt ta’ kuntatt uniku, responsabbli għall-appoġġ tal-persuna permezz ta’ offerta ta’ servizz koordinat li jinvolvi impjieg, servizzi ta’ appoġġ soċjali, u servizzi oħrajn. L-implimentazzjoni tal-punt ta’ kuntatt uniku għandha komponent istituzzjonali b’saħħtu. Hija affettwata mill-qafas legali għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar individwi u tista’ tkun magħmula aktar kumplessa b’livelli ta’ governanza differenti.
Kaxxa 3: Eżempju ta’ punt ta’ kuntatt uniku
Fil-Finlandja, mudell ta’ kooperazzjoni bejn diversi servizzi jippermetti lil persuni qiegħda fit-tul biex jaċċessaw firxa ta’ appoġġ. PES, il-muniċipalità li tipprovdi servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa, u l-Istituzzjoni tal-Assigurazzjoni Soċjali li tipprovdi riabilitazzjoni vokazzjonali, kollha jikkooperaw, jew mill-istess post, one-stop shop fiżiku, jew minn faċilità mobbli.
Mill-15-il Stat Membru li ma kellux punt ta’ kuntatt uniku fis-seħħ fl-2015, disgħa implimentaw jew ippjanaw miżuri biex jistabbilixxu wieħed. Madanakollu, il-grad ta’ implimentazzjoni jvarja. Xi Stati Membri implimentaw elementi ewlenin (bħal mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tad-data) filwaqt li oħrajn innominaw awtorità bħala l-punt ta’ kuntatt uniku, mingħajr ma għadhom żguraw li hija operazzjonali (Figura 7).
Figura 7: Implimentazzjoni ta’ Punt ta’ Kuntatt Uniku
Sors: DĠ EMPL ibbażat fuq studju ta’ appoġġ u l-konklużjonijiet tal-eżaminazzjoni mill-ġdid ta’ EMCO.
Intensifikazzjoni tal-involviment tal-impjegatur
Mir-Rakkomandazzjoni, 14-il Stat Membru tejbu l-kwalità tal-miżuri tagħhom biex iżidu l-involviment tal-impjegatur (Figura 8).
Figura 8: Bidliet fil-kwalità tal-miżuri biex iżidu l-involviment tal-impjegatur (2015-2018)
Sors: Studju li jappoġġja l-evalwazzjoni, Ramboll, 2019
Inċentivi tal-impjegatur huma l-forma l-aktar komuni ta’ involviment tal-impjegatur.
L-Istati Membri kollha issa jipprovdu servizzi lill-impjegaturi bħal skrinjar tal-kandidati u appoġġ fil-kollokament u l-maġġoranza vasta jipprovdu mentoraġġ u tħarriġ fuq il-post tax-xogħol (24).
L-iżviluppi huma inqas mifruxa f’appoġġ għal intrapriżi soċjali u servizzi ta’ appoġġ wara l-kollokament. L-involviment tal-impjegatur jiddependi wkoll fuq il-kuntest lokali, l-ambjent tan-negozju, u l-kapaċità tal-imsieħba soċjali. Approċċi innovattivi li jinvolvu intrapriżi soċjali u NGOs xorta ħafna drabi għadhom fil-livell tal-esperimentazzjoni, b’inqas arranġamenti formali fis-seħħ.
Kaxxa 4: Eżempju ta’ miżuri li jinvolvu sħubija tal-impjegaturi
Fi Franza, il-proġett Territoires zero chômeur de longue durée joħloq kumpaniji orjentati lejn l-impjiegi, li jimpjegaw persuni qiegħda fit-tul fuq kuntratti permanenti bil-ħlas. Dawn il-kumpaniji jinħolqu wara valutazzjoni tal-bżonnijiet tal-komunità. Il-PES tipprovdi l-kandidati biex jimtlew il-postijiet battala, u tippreparahom għall-integrazzjoni fix-xogħol permezz ta’ taħriġ fil-ħiliet. Fl-2017, dan il-pilota twettaq f’10 lokalitajiet u dan se jikber għal 50 fl-2019.
Jinżamm amment tal-progress
Is-sorveljanza multilaterali permezz tas-Semestru Ewropew ikkontribwixxiet għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Biex tkompli tappoġġja dan, l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, implimentaw qafas ta’ monitoraġġ kwantitattiv, li permezz tiegħu nġabret data għall-2016 u l-2017. In-Netwerk tal-PES Ewropew żviluppa sett ta’ standards tal-kwalità għall-punt ta’ kuntatt uniku u l-Ftehim ta’ Integrazzjoni f’Impjieg, il-bażi għal reviżjonijiet kwalitattivi mill-Istati Membri. In-Network tal-PES ikkontribwixxa wkoll għall-ġbir ta’ data kwalitattiva dwar l-implimentazzjoni permezz ta’ stħarriġ dedikat u l-proġett Benchlearning.
Madankollu, l-evalwazzjoni wriet li hemm fejn jitjieb l-aspett tal-kwalità tal-monitoraġġ, li kien ta’ sfida minħabba l-kumplessità tal-varjabbli u n-nuqqas ta’ ċertu data.
2.2L-effiċjenza
Ir-Rakkomandazzjoni kienet mistennija li tiġġenera benefiċċji ekonomiċi iżda fil-perjodu ta’ żmien qasir tal-evalwazzjoni, huwa kmieni wisq biex jiġi vvalutat b’mod preċiż jekk dawn il-benefiċċji ġewx realizzati. Dan huwa partikolarment minħabba li l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri msemmija fir-Rakkomandazzjoni għadha ma seħħitx fil-livell tal-Istat Membru.
Informazzjoni kwalitattiva tissuġġerixxi li f’xi Stati Membri l-ispejjeż assoċjati mal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni jidhru limitati għaliex huma l-aktar assoċjati ma’ bidliet fi proċeduri interni, linji gwida u proċessi, u/jew ċerti elementi kienu diġà fis-seħħ. Fi Stati Membri li implimentaw azzjonijiet ġodda, dawk li jfasslu l-politika u l-prattikanti kienu tal-fehma li l-ispejjeż mhumiex eċċessivament għoljin meta mqabblin mal-benefiċċju perċeput. Madankollu, is-sejbiet juru wkoll li, speċjalment fil-livell reġjonali u lokali, ir-restrizzjonijiet tar-riżorsi huma ostaklu għall-implimentazzjoni.
Barra minn hekk, għadu wisq kmieni biex jiġu vvalutati l-benefiċċji sħaħ tar-Rakkomandazzjoni peress li jrid jgħaddi ċertu ammont ta' żmien qabel ċerti effetti jkunu viżibbli. Huwa wkoll diffiċli li l-effetti jiġu sseparati b’mod sħiħ minn fatturi esterni bħal kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli. Għalhekk kienet diffiċli li tinstab evidenza solida biex jiġu kkwantifikati l-ispejjeż jew il-benefiċċji direttament relatati mar-Rakkomandazzjoni fl-Istati Membri. L-ispejjeż imġarrba fil-livell tal-UE f’għajnejn il-partijiet ikkonċernati jidhru li huma proporzjonali għall-benefiċċji tal-iskambju tal-għarfien u l-monitoraġġ regolari.
2.3Rilevanza
Ir-Rakkomandazzjoni tibqa’ rilevanti. Il-kwalità tal-appoġġ għall-persuni qiegħda fit-tul għadha tvarja, u diskrepanzi fir-rati ta’ qgħad jippersistu. Ir-Rakkomandazzjoni kienet iktar rilevanti għall-Istati Membri b’sistemi inqas żviluppati, fejn żiedet l-għarfien dwar l-isfidi u għenet tissettja l-aġenda politika. Hija rilevanti wkoll għal pajjiżi b’sistemi aktar żviluppati, għaliex il-bidliet fid-demografija u l-issikkar tas-swieq tax-xogħol jagħmluha dejjem aktar importanti li kull min jista’ jaħdem jagħmel dan. Peress li l-Istati Membri ffavorixxew azzjoni aktar kmieni u prattikament l-Istati Membri kollha jipprovdu valutazzjonijiet individwali u Pjanijiet ta’ Azzjonijiet Individwali/Ftehimiet ta’ Integrazzjoni f’Impjieg fi stadju ħafna aktar kmieni biex jiġu rreġistrati persuni qiegħda, ir-referenza speċifika għal 18-il xahar bħala punt ta’ limitu saret inqas rilevanti.
2.4Koerenza
Hemm koerenza qawwija bejn ir-Rakkomandazzjoni u strumenti ta’ politika oħrajn tal-UE li għandhom l-għan li jappoġġjaw lin-nies biex jerġgħu jidħlu fl-impjieg, bħar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva, ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet
kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
Id-dispożizzjonijiet tagħha huma konformi wkoll mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
u l-Linji Gwida dwar l-Impjieg l-aktar riċenti. Hemm sinerġiji kemm mas-Semestru Ewropew kif ukoll mal-ħidma tan-Netwerk tal-PES. Il-miżuri proposti b’mod ġenerali jikkorrispondu mal-prijoritajiet nazzjonali.
L-Istati Membri qed jużaw ukoll il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni. Sa tmiem l-2017, in-numru ta’ parteċipanti qiegħda fit-tul f’interventi tal-FSE kien ta' madwar 2.6 miljun, jiġifieri 17% tal-parteċipanti kollha tal-FSE sal-lum.
2.5Valur miżjud tal-UE
Ir-Rakkomandazzjoni għenet biex iżżomm il-kwistjoni għolja fuq l-aġenda politika fil-livell Ewropew u fl-Istati Membri. B’mod partikolari fi Stati Membri fejn kien mistenni impatt għoli, din influwenzat l-attenzjoni tal-isforzi u ggwidat l-implimentazzjoni. Dan huwa kkonfermat fil-messaġġi ewlenin tal-Kumitat tal-Impjieg (EMCO) tal-2018 rilevanti, kif approvat mill-Kunsill.
Il-Kummissjoni kellha rwol attiv fl-appoġġ għall-isforzi tal-Istati Membri biex jintegraw lill-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol. Hija kkontribwiet għall-bini ta’ qafas ta’ monitoraġġ u għall-ġbir ta’ data kwalitattiva madwar l-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni kkontribwiet ukoll għat-tagħlim reċiproku bejn l-Istati Membri permezz tal-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u n-Netwerk tal-PES, li stabbilixxa wkoll il-bażi għal diskussjonijiet futuri dwar il-politika. Il-Kummissjoni qed tappoġġja aktar it-tagħlim reċiproku permezz ta’ proġett innovattiv taħt in-netwerk għall-Impjieg tal-Kooperazzjoni Transnazzjonali tal-FSE. Il-proġett laqqa’ proġetti ta’ prattika tajba ma’ Stati Membri li jixtiequ jiżviluppaw l-appoġġ tagħhom lejn persuni qiegħda fit-tul. Hemm proġetti piloti għaddejjin bl-għan li jkunu magħmulin ikbar permezz tal-FSE.
3.Nuqqasijiet li fadal fl-implimentazzjoni
L-Istati Membri adottaw firxa ta’ miżuri biex iħeġġu r-reġistrazzjoni iżda dan ma wassalx għal rati ogħla ta’ reġistrazzjoni. Fadal fejn tiżdied is-sensibilizzazzjoni fil-mira mis-servizzi pubbliċi.
Filwaqt li hemm approċċ aktar olistiku lejn l-għoti ta’ appoġġ individwali, il-kwalità tal-valutazzjonijiet individwali tvarja. Din tiddependi fuq il-volumi ta’ każijiet u fuq jekk isseħħx valutazzjoni fid-dettall b’offerta adattata ladarba l-persuna ssir qiegħda fit-tul. Hemm ukoll lok għal fokus miżjud fuq it-tbassir tal-ħiliet u l-valutazzjoni tal-ħiliet fi stadju bikri biex jiġu appoġġjati aħjar approċċi preventivi. Dan huwa importanti biex jiġi evitat li l-qgħad fit-tul isir fattur addizzjonali ta’ vulnerabbiltà.
Għalkemm Ftehimiet ta’ Integrazzjoni f’Impjieg jeżistu f’xi forma fi kważi l-Istati Membri kollha, xi karatteristiċi ewlenin huma neqsin. Normalment jinkludu biss servizzi ta’ impjieg regolari, nuqqas relatat mal-kooperazzjoni dgħajfa bejn il-fornituri tas-servizzi.
L-Istati Membri qed jagħmlu sforzi ċari biex iżidu l-koordinazzjoni tas-servizzi. Madankollu, fadal nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-punt ta’ kuntatt uniku. Il-kapaċità tal-atturi ewlenin li jidderieġu l-integrazzjoni, u l-appoġġ politiku biex tiġi żgurata bidla istituzzjonali u/jew leġiżlattiva, huma ostakli. Hemm ukoll lok biex jiġu involuti aktar atturi fi ftehimiet ta’ koordinazzjoni, b’mod partikolari s-soċjetà ċivili.
L-involviment tal-impjegaturi qed jiżdied, iżda l-inċentivi finanzjarji għadhom l-aktar forma komuni ta’ involviment. Servizzi ta’ appoġġ wara l-kollokament, u appoġġ lil intrapriżi soċjali huma inqas avvanzati. Sħubiji b’diversi partijiet ikkonċernati biex jiżguraw integrazzjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol ukoll normalment ikunu inqas komuni.
Fir-rigward tal-monitoraġġ, l-Istati Membri pprogressaw b’mod sostanzjali fil-ġbir tad-data, u dan ippermetta aktar komparabbiltà abbażi tal-Qafas tal-Indikatur żviluppat mill-Kumitat tal-Impjieg tal-Kunsill.
Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex jittejbu l-kwalità u l-kompletezza tad-data kif ukoll il-kapaċità tal-Istati Membri li jiġbru informazzjoni dwar fejn qegħdin il-persuni wara li ma jibqgħux qiegħda, pereżempju billi tinħoloq rabta bejn reġistri differenti. F’termini ta’ appoġġ tal-UE, il-Kummissjoni kellha rwol attiv fil-monitoraġġ u t-tagħlim reċiproku. Jista’ jkun hemm lok għal aktar azzjoni biex tappoġġja l-innovazzjoni soċjali permezz tal-EaSI, jew inizjattivi volontarji u alleanzi ta’ kumpaniji li jappoġġjaw lil persuni qiegħda fit-tul – b’tal-aħħar ikunu dipendenti ħafna fuq id-domanda fil-prattika.
4.Modi ’l quddiem biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni
L-iżgurar li kull min jista’ jaħdem, jaħdem, huwa kruċjali fl-isfond ta’ tendenzi demografiċi, swieq tax-xogħol iktar stretti, u dinja tax-xogħol li qed tinbidel malajr. Biex isaħħu l-implimentazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jżidu l-isforzi tagħhom f’dawn l-aspetti:
Tiżdied ir-reġistrazzjoni
·Żieda fil-kapaċitajiet tas-servizzi għall-impjieg u servizzi soċjali biex jilħqu lil dawk li mhumiex attivi
·Involviment tas-soċjetà ċivili, l-atturi lokali u l-persuni qiegħda stess fit-tfassil ta’ miżuri ta’ sensibilizzazzjoni
·Żieda fil-fokus fuq approċċi preventivi, permezz ta’ sistemi ta’ twissija bikrija, tbassir ta’ ħiliet u tqabbil ta’ ħiliet
Titjieb il-kwalità tal-appoġġ individwali
·Żieda fil-kapaċitajiet tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi biex jipprovdu appoġġ individwalizzat u olistiku minn kmieni
·Żgurar li l-miżuri tal-Politika Attiva tas-Suq tax-Xogħol (ALMP) offruti lill-persuni qiegħda fit-tul huma mmirati u adatti għall-bżonnijiet tagħhom
Tissokta l-koordinazzjoni tas-servizzi
·Qabża iktar rapida lejn l-implimentazzjoni tal-punt ta’ kuntatt uniku permezz ta’ appoġġ politiku u bidla istituzzjonali u leġiżlattiva biex tkun tista' ssir il-kondiviżjoni tad-data u l-koordinazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet, pereżempju billi tinħoloq rabta bejn reġistri differenti
Jiġi intensifikat l-involviment tal-impjegatur
·Żieda fis-servizzi ta’ appoġġ wara l-kollokament offruti lil impjegaturi mill-PES, anki permezz ta’ sħubiji b’saħħithom ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u msieħba soċjali
·Appoġġ għall-iżvilupp ta’ intrapriżi soċjali li joffru opportunitajiet ta’ impjieg u taħriġ għall-persuni qiegħda fit-tul
·Tħeġġiġ ta' approċċi ta’ impjieg u ‘job carving’ appoġġjati
Monitoraġġ
·Issuktar tal-ħidma dwar it-titjib tal-kwalità u l-kompletezza tad-data, inkluż dwar il-konverġenza ta’ gruppi vulnerabbli
·Jiżguraw sett aktar komplet ta’ data ta’ segwitu għall-monitoraġġ tas-sostenibbiltà tar-riżultati
Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tappoġġja lill-Istati Membri fit-tisħiħ tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni billi:
·Timmonitorja l-aspetti ta’ kwalità ta’ valutazzjonijiet individwali u Ftehimiet ta’ Integrazzjoni f’Impjieg bl-appoġġ tan-Netwerk tal-PES
·Tesplora metodi kif timmonitorja l-livell ta’ integrazzjoni tas-servizzi u l-implimentazzjoni tal-punt ta’ kuntatt uniku u biex tkompli ttejjeb il-kwalità u l-kompletezza tad-data, inkluż dwar il-kopertura ta’ gruppi vulnerabbli
·Tistabbilixxi kriterji ta’ kwalità għal ALMPs effettivi, li jibnu fuq il-ħidma ta’ benchmarking tal-ALMP tal-EMCO
·Tippromwovi tagħlim reċiproku permezz tan-Netwerk tal-PES, il-Kumitat tal-FSE, Evalwazzjonijiet bejn il-Pari, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra
·Tagħmel użu mill-EaSI biex:
oTħeġġeġ esperimentazzjoni tal-politika mal-impjegaturi, servizzi ta’ appoġġ soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili
oTappoġġja evalwazzjonijiet tal-impatt tal-politika ta’ programmi u miżuri li jimmiraw li jolqtu lill-persuni qiegħda fit-tul fl-Istati Membri
·Tħeġġeġ l-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, is-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali kif ukoll fil-futur il-Fond Soċjali Ewropew Plus, l-Għodda għat-Twettiq ta’ Riformi u l-programm InvestEU, biex:
oTipprovdi appoġġ finanzjarju għal miżuri li jimmiraw lill-persuni qiegħda fit-tul, kif ukoll miżuri li jtejbu l-impjegabbiltà u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari ta’ persuni f’riskju ta’ esklużjoni mis-suq tax-xogħol
oTikkontribwixxi għall-bini ta’ kapaċitajiet ta’ servizzi differenti li jaħdmu ma’ persuni qiegħda fit-tul, inkluż investimenti fis-setup tal-punt ta’ kuntatt uniku u fl-infrastruttura tal-IT.