EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AP0302

P8_TA(2019)0302 Is-swieq fl-istrumenti finanzjarji: fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (COM(2018)0099 – C8-0102/2018 – 2018/0047(COD)) P8_TC1-COD(2018)0047 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-27 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU C 108, 26.3.2021, p. 563–565 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 108/563


P8_TA(2019)0302

Is-swieq fl-istrumenti finanzjarji: fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (COM(2018)0099 – C8-0102/2018 – 2018/0047(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 108/39)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0099),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0102/2018),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2018 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0362/2018),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 65.


P8_TC1-COD(2018)0047

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-27 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)

Il-finanzjament kollettiv huwa soluzzjoni tat-teknoloġija finanzjarja li tipprovdi lill-SMEs, u, b'mod partikolari, lin-negozji l-ġodda u n-negozju li qed jespandu, aċċess alternattiv għall-finanzjament , sabiex titrawwem intraprenditorija innovattiva fl-Unjoni , biex b'hekk tissaħħaħ l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Dan imbagħad jikkontribwixxi għal sistema finanzjarja aktar diversifikata li tkun inqas dipendenti fuq il-finanzjament bankarju, u b'hekk ir-riskji sistemiċi u ta' konċentrazzjoni jiġu limitati. Benefiċċji oħra tal-promozzjoni tal-intraprenditorija innovattiva permezz tal-finanzjament kollettiv huma l-iżblukkar ta' kapital iffriżat għal investimenti fi proġetti ġodda u innovattivi, l-aċċellerazzjoni tal-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u d-diversifikazzjoni tal-assi.

(2)

Skont ir-Regolament (UE) XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) il-persuni ġuridiċi jistgħu jagħżlu li jippreżentaw applikazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti għal awtorizzazzjoni bħala fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv.

(3)

Ir-Regolament (UE) XXX/XXXX [ir-Regolament dwar il-fornituri tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv Ewropej] jipprevedi rekwiżiti uniformi, proporzjonati u applikabbli direttament għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv▌.

(4)

Biex tingħata ċertezza tad-dritt fir-rigward tal-ambitu ta' persuni u ta' attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni rispettiv tar-Regolament (UE) XXX/XXXX u tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u sabiex jiġi evitat li l-istess attività tkun soġġetta għal awtorizzazzjonijiet differenti fi ħdan l-Unjoni, jenħtieġ li persuni ġuridiċi awtorizzati bħala fornituri tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv skont ir-Regolament (UE) XXX/XXXX [ir-Regolament dwar il-fornituri tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv Ewropej] jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE.

(5)

Billi l-emenda prevista f'din id-Direttiva hija direttament marbuta mar-Regolament (UE) XXX/XXXX [ir-Regolament dwar is-servizzi ta' finanzjament kollettiv fl-Unjoni Ewropea], jenħtieġ li d-data li fiha l-Istati Membri jridu japplikaw il-miżuri nazzjonali li jittrasponu dik l-emenda, tiġi differita biex tikkoinċidi mad-data tal-applikazzjoni stabbilita f'dak ir-Regolament.

(5a)

Il-muniti virtwali qed jintużaw mill-investituri fil-livell tal-konsumatur bħala sostituti għal assi oħra. B'differenza minn strumenti finanzjarji oħra, attwalment il-muniti virtwali, fil-biċċa l-kbira tagħhom, mhumiex regolati. B'konsegwenza ta' dan, is-swieq għall-muniti virtwali għandhom nuqqas ta' trasparenza, jistgħu jkunu suxxettibbli għal abbuż tas-suq u jbatu minn nuqqas ta' protezzjoni bażika tal-investitur. Il-Kummissjoni jenħtieġ li żżomm il-muniti virtwali taħt rieżami u tipproponi gwida ċara li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom il-muniti virtwali jistgħu jiġu kklassifikati bħala strumenti finanzjarji u, jekk ikun neċessarju, iżżid il-muniti virtwali mal-lista ta' strumenti finanzjarji, bħala kategorija ġdida. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li huwa xieraq li l-muniti virtwali jiġu rregolati, jenħtieġ li tissottometti proposta f'dan ir-rigward lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, jiżdied il-punt (p) li ġej:

“(p)

il-fornituri tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv kif definiti fl-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament (UE) XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u l-persuni li jipprovdu servizzi ta' finanzjament kollettiv f'konformità mad-dritt nazzjonali, dment li jkunu taħt is-soll tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (UE) XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn … [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: 6 xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-Finanzjament Kollettiv], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri minn … [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-Finanzjament Kollettiv].

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C […], […], p. […].

(2)  ĠU C […], […], p. […].

(3)  Ir-Regolament (UE) XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fornituri tas-servizzi ta' finanzjament kollettiv Ewropej (ĠU L […], […], p. […]).

(4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).


Top