Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AP0226

    P8_TA(2019)0226 Regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (riformulazzjoni) (COM(2016)0864 – C8-0495/2016 – 2016/0380(COD)) P8_TC1-COD(2016)0380 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-26 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (riformulazzjoni)

    ĠU C 108, 26.3.2021, p. 187–189 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.3.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 108/187


    P8_TA(2019)0226

    Regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku ***I

    Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (riformulazzjoni) (COM(2016)0864 – C8-0495/2016 – 2016/0380(COD))

    (Proċedura leġiżlattiva ordinarja – riformulazzjoni)

    (2021/C 108/19)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0864),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0495/2016),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Parlament Ungeriż, il-Kunsill Federali Awstrijak u s-Senat Pollakk, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017 (1);

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta' Lulju 2017 (2);

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali (3),

    wara li kkunsidra l-ittra tas-7 ta' Settembru 2017 mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija skont l-Artikolu 104(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-18 ta' Jannar 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 104 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0044/2018),

    A.

    billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f'dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali;

    1.

    Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

    2.

    Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma 'din ir-riżoluzzjoni;

    3.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

    4.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

    (1)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 91.

    (2)  ĠU C 342, 12.10.2017, p. 79.

    (3)  ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.


    P8_TC1-COD(2016)0380

    Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-26 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (riformulazzjoni)

    (Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Direttiva (UE) 2019/944.)


    ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

    DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI DWAR ID-DEFINIZZJONI TA’ INTERKONNETTUR

    “Il-Kummissjoni tieħu nota tal-ftehim tal-koleġiżlaturi rigward ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Elettriku u r-riformulazzjoni tar-Regolament dwar l-Elettriku, li jerġgħu lura għad-definizzjoni ta’ ‘interkonnettur’ kif intużat fid-Direttiva 2009/72/KE u fir-Regolament (KE) Nru 714/2009. Il-Kummissjoni taqbel li s-swieq tal-elettriku huma differenti minn swieq oħra bħal dak tal-gass naturali, pereżempju permezz tal-kummerċ ta’ prodotti li attwalment ma jistgħux jinħażnu faċilment u li jiġu prodotti minn varjetà kbira ta’ installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni, inkluż installazzjonijiet fil-livell tad-distribuzzjoni. B’konsegwenza ta’ dan, ir-rwol tal-konnessjonijiet ma’ pajjiżi terzi jvarja b’mod sinifikanti bejn is-setturi tal-elettriku u tal-gass u jistgħu jintgħażlu approċċi regolatorji differenti.

    Il-Kummissjoni se tkompli teżamina l-impatt ta’ dan il-ftehim u se tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fejn ikun meħtieġ.

    Għal raġunijiet ta’ ċarezza ġuridika, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza dan li ġej:

    Id-definizzjoni maqbula ta’ interkonnettur fid-Direttiva dwar l-Elettriku tirreferi għal tagħmir ta’ konnessjoni tas-sistemi tal-elettriku. Din il-formulazzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn oqfsa regolatorji jew sitwazzjonijiet tekniċi differenti, u b’hekk tinkludi minn qabel il-konnessjonijiet tal-elettriku kollha lejn pajjiżi terzi fl-ambitu tal-applikazzjoni. Fir-rigward tad-definizzjoni maqbula ta’ interkonnettur fir-Regolament dwar l-Elettriku, il-Kummissjoni tisħaq li l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku teħtieġ livell għoli ta’ kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema, il-parteċipanti fis-suq u r-regolaturi. Filwaqt li l-ambitu tar-regoli applikabbli jista’ jvarja skont il-livell ta’ integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku, jenħtieġ li l-integrazzjoni mill-qrib ta’ pajjiżi terzi fis-suq intern tal-elettriku, bħall-parteċipazzjoni fi proġetti tal-akkoppjament tas-swieq, tkun ibbażata fuq ftehimiet li jeħtieġu l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni rilevanti.”

    DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI DWAR IS-SOLUZZJONI ALTERNATTIVA GĦAT-TILWIM

    Il-Kummissjoni tieħu nota tal-ftehim tal-koleġiżlaturi li għandu x’jaqsam mal-Artikolu 26 biex jirregolaw li fil-livell tal-UE il-parteċipazzjoni tal-fornituri tas-servizzi tal-enerġija fis-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim għandha tkun obbligatorja. Il-Kummissjoni mhijiex kuntenta b’din id-deċiżjoni peress li l-proposta tagħha ħalliet din l-għażla f’idejn l-Istati Membri f’konformità mal-approċċ adottat fid-Direttiva 2013/11/UE dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim tal-konsumaturi (id-Direttiva ADR) u b’kunsiderazzjoni għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

    Mhuwiex ir-rwol tal-Kummissjoni li twettaq valutazzjonijiet komparattivi tal-mudelli individwali ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim stabbiliti mill-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-effettività ġenerali tal-mudelli nazzjonali ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim fil-kuntest tal-obbligu ġenerali tagħha li tissorvelja t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni effettiva tal-liġi tal-Unjoni.


    Top