Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AE0444

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni biex tiġi żgurata konnettività bażika fl-ajru fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni” (COM(2018) 893 final — 2018/0433 (COD))

    EESC 2019/00444

    ĠU C 190, 5.6.2019, p. 42–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 190/42


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni biex tiġi żgurata konnettività bażika fl-ajru fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni”

    (COM(2018) 893 final — 2018/0433 (COD))

    (2019/C 190/07)

    Relatur ġenerali: Jacek KRAWCZYK

    Konsultazzjoni

    Il-Parlament Ewropew, 14.1.2019

    Il-Kunsill, 14.1.2019

    Bażi legali

    L-Artikoli 100(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Deċiżjoni tal-Bureau

    22.1.2019

    Opinjoni adottata fil-plenarja

    20.2.2019

    Sessjoni plenarja Nru

    541

    Riżultat

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    77/1/0

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) konsistentement enfasizza l-importanza u d-daqs taż-Żona Unika Ewropea tal-Avjazzjoni bħala katalist għat-tkabbir ekonomiku, il-prosperità u biex tinżamm il-kompetittività internazzjonali tal-Ewropa. Ladarba tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tar-Renju Unit li ma jibqax membru tal-Unjoni Ewropea (Brexit), is-setturi kollha tal-ekonomija tar-Renju Unit mhux ser jibqgħu parti integrali tas-suq uniku Ewropew; is-settur tal-avjazzjoni tiegħu mhux ser jibqa’ jibbenefika minn, u jikkontribwixxi għaż-Żona Unika Ewropea tal-Avjazzjoni.

    1.2.

    Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Brexit fuq it-traffiku tal-ajru importanti bejn l-UE u r-Renju Unit ser tiddependi fuq il-kapaċità tar-Renju Unit u tal-istituzzjonijiet tal-UE li jadottaw malajr il-miżuri regolatorji xierqa biex jiġu żgurati livelli għolja ta’ kompetittività bejn l-UE27 u s-setturi tal-avjazzjoni tar-Renju Unit.

    1.3.

    F’xenarju – dejjem aktar probabbli – ta’ “l-ebda Ftehim dwar il-Ħruġ”, il-leġislazzjoni tal-UE, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), ma tibqax tapplika għas-servizzi tal-ajru bejn ir-Renju Unit u l-UE. Dan joħloq inċertezza legali u jipperikola l-istabbiltà tal-ippjanar u l-konnettività kontinwa għas-servizzi bejn ir-Renju Unit u l-UE.

    1.4.

    Ir-Regolament propost tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni li jiżguraw konnettività bażika fl-ajru fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni (Regolament) huwa soluzzjoni temporanja u pjan ta’ kontinġenza biex jitnaqqas l-impatt ta’ Brexit mhux mistenni. Il-miżuri proposti huma l-uniku mod realistiku biex jittaffew il-konsegwenzi negattivi serji possibbli li huma mistennija għas-settur tal-avjazzjoni, jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jkunx irratifikat qabel id-29 ta’ Marzu 2019.

    1.5.

    Ir-Regolament ser jipprovdi aktar żmien biex il-Kummissjoni u l-gvern tar-Renju Unit jinnegozjaw ftehim komprensiv dwar is-servizzi tal-ajru, li mbagħad isir il-qafas regolatorju għall-avjazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit. Ser jipprovdi wkoll sabiex tinżamm il-konnettività bażika fl-ajru bejn l-UE u r-Renju Unit fil-frattemp.

    1.6.

    In-negozjati dwar ftehim dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-UE u r-Renju Unit ser ikollhom jitwettqu mingħajr dewmien biex tiġi stabbilita bażi legali għal kompetizzjoni robusta tal-ajru bejn it-trasportaturi taż-żewġ partijiet. Il-KESE huwa lest li jipprovdi l-kontributi meħtieġa mill-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili organizzata mill-UE-27. Fl-interess tal-ekonomija Ewropea, iċ-ċittadini u l-ħaddiema tagħha, il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lir-Renju Unit jadottaw ftehim komprensiv dwar is-servizzi tal-ajru mill-aktar fis possibbli bħala l-unika bażi legali għal suq tal-avjazzjoni miftuħ u kompetittiv.

    1.7.

    Wara li r-Renju Unit ressaq applikazzjoni skont l-Artikolu 50 biex itemm is-sħubija tiegħu fl-UE, il-Kummissjoni żviluppat strateġija koerenti ta’ negozjati u implimentatha b’mod konsistenti u trasparenti bl-approvazzjoni sħiħa u mhux maqsuma tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE (2). Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri għall-unità tagħhom. Li jittieħed approċċ magħqud huwa fl-interess taċ-ċittadini tal-UE. Dan jgħodd ukoll għal dak li jirrigwardja s-settur tal-avjazzjoni ċivili.

    1.8.

    Il-KESE jappoġġja l-enfasi tar-Regolament propost bħala miżura ta’ kontinġenza biex tiġi żgurata l-konnettività bażika fl-ajru, peress li r-Regolament ma jistax jitqies bħala estensjoni tar-Regolament 1008/2008, jew saħansitra bħala Ftehim dwar il-Ħruġ unilaterali. Id-drittijiet li jinsabu fir-Regolament propost huma ġustament limitati fiż-żmien u l-iskop. Il-limitazzjoni tal-opportunitajiet kummerċjali għal servizzi tat-tielet u r-raba’ libertà bejn l-UE u r-Renju Unit hija loġika u konsistenti. Aktar opportunitajiet kummerċjali għal-linji tal-ajru tal-UE u tar-Renju Unit għandhom ikunu s-suġġett ta’ negozjati dwar ftehim futur dwar is-servizzi bejn l-UE u r-Renju Unit.

    1.9.

    Sabiex jiġu żgurati l-konnettività bażika u l-kompetizzjoni ġusta, ir-Regolament propost fih diversi kriterji u proċeduri, bħal limitu fuq il-frekwenzi fil-livell tal-istaġuni tas-sajf u tax-xitwa tal-IATA (3), il-kunċett tal- “ekwivalenza”tad-drittijiet (4), u d-dritt tal-Kummissjoni li tnaqqas, temenda jew tirrevoka d-drittijiet (5). Il-KESE jirrakkomanda li – biex jiġu riflessi aħjar il-kundizzjonijiet attwali tas-suq – il-perjodu ta’ referenza għandu jintemm fid-29 ta’ Marzu 2019 (l-istaġun kollu tal-IATA tas-Sajf u tax-Xitwa 2018/2019).

    1.10.

    Fid-dawl tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta’ dan ix-xenarju tal-agħar każ, huwa kruċjali li l-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmu ta’ monitoraġġ trasparenti u mill-qrib. Tali mekkaniżmu għandu jipprevedi wkoll kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qabel u matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, u waqt li jiġi nnegozjat ftehim ġdid dwar is-servizzi tal-ajru. Monitoraġġ bħal dan għandu jinkludi wkoll il-protezzjoni tal-passiġġieri, il-ħaddiema u l-istandards ambjentali.

    1.11.

    Fil-fehma tal-KESE, ħaddiema tal-avjazzjoni mir-Renju Unit għandhom iżommu d-drittijiet tagħhom mil-leġislazzjoni tal-UE fir-rigward ta’, fost l-oħrajn, il-ħinijiet tax-xogħol għall-ekwipaġġ, l-aġenzija temporanja, il-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir, id-direttiva dwar it-trasferiment tal-impriżi u oħrajn sabiex jinżammu kundizzjonijiet ekwi lejn trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.   Bażi legali għall-provvista ta’ servizzi tal-ajru fi ħdan l-UE

    Kif spjegat fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni (6), l-istati sovrani jorganizzaw it-trasport bl-ajru permezz ta’ ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru. Madankollu, wara l-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fi ħdan l-UE, il-libertà għat-trasportaturi bl-ajru tal-Istati Membri biex jipprovdu servizzi tal-ajru fi ħdan l-UE hija bbażata esklussivament fuq ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll ir-regoli biex tingħata liċenzja lil dawk it-trasportaturi. Fin-nuqqas ta’ ftehim ta’ ħruġ, is-servizzi bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri ma jibqgħux irregolati minn dan ir-Regolament, u għalhekk, mit-30 ta’ Marzu 2019, ma jkun hemm l-ebda bażi legali għall-provvista ta’ servizzi bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri mit-trasportaturi rispettivi. Barra minn hekk, it-trasportaturi tar-Renju Unit jitilfu l-liċenzja operattiva tal-Unjoni.

    Għalkemm l-istati jistgħu japprovaw l-iskedi tat-titjiriet ippreżentati minn linji tal-ajru magħżula għal staġun ta’ titjiriet fuq il-bażi ta’ korteżija u reċiproċità, dawn l-approvazzjonijiet ad hoc ma jipprevedu ebda stabbiltà tal-ippjanar, u jagħtu lok għal piżijiet amministrattivi li bilkemm jistgħu jiġu ġestiti fil-każ ta’ titjiriet bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri tal-UE, kif ukoll il-kwistjoni legali pjuttost kontroversjali dwar jekk l-UE żżommx drittijiet esklussivi biex tinnegozja t-termini ta’ ftehim dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-UE u r-Renju Unit li fin-nuqqas tiegħu l-Istati Membri ma jkunu jistgħu legalment japprovaw l-ebda titjira. Għal servizzi tal-ajru bejn l-UE u r-Renju Unit huwa għalhekk essenzjali li tinħoloq bażi legali biex is-servizzi joperaw wara d-29 ta’ Marzu 2019.

    2.2.   Ftehim ta’ ħruġ – konsegwenzi għall-avjazzjoni

    L-UE u r-Renju Unit innegozjaw Ftehim dwar il-Ħruġ li jinkludi miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tar-Renju Unit mill-istatus ta’ Stat Membru għal dak ta’ pajjiż terz mhux membru tal-UE. Dan il-ftehim jaffettwa s-setturi ekonomiċi kollha. Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit ikun soġġett kemm għal-liġi eżistenti tal-UE kif ukoll għal-liġi tal-UE li tidħol fis-seħħ matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni; madankollu, ir-Renju Unit ma jkollux rwol attiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, inklużi dawk imwettqa minn aġenziji tal-UE bħall-EASA. Dan ikompli sakemm jiġi konkluż ftehim ġdid dwar is-servizzi tal-ajru bejn ir-Renju Unit u l-UE27.

    2.2.1.   Ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE

    Aktar minn 750 ftehim internazzjonali li daħlet għalihom l-UE f’isem l-Istati Membri jista’ jkollhom bżonn jiġu replikati mir-Renju Unit wara l-Brexit. Dawn jinkludu diversi ftehimiet relatati mal-avjazzjoni, b’mod partikolari l-ftehim komprensiv dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti li r-Renju Unit ser jieqaf jibbenefika minnu. Kull meta l-UE kkonkludiet ftehim dwar is-servizzi tal-ajru fuq il-bażi ta’ kompetenza esklussiva, ir-Renju Unit mhux ser jibqa’ jibbenefika minn dak il-ftehim meta dan ma jibqax Stat Membru tal-UE. Kull meta ftehim konkluż abbażi ta’ kompetenza mħallta jagħti benefiċċji lil “Stati Membri tal-UE”, ir-Renju Unit bl-istess mod mhux ser ikun aktar benefiċjarju. L-UE timpenja ruħha fil-Ftehim dwar il-Ħruġ li tinnotifika lill-partijiet internazzjonali kollha fil-ftehimiet tas-servizzi tal-ajru tal-UE li huma għandhom jittrattaw lir-Renju Unit bħala Stat Membru tal-UE matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Madankollu, huwa f’idejn il-parti terza li tiddetermina jekk hijiex ser tagħmel dan; il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma għandu l-ebda effett vinkolanti fuq partijiet terzi biex ikomplu japplikaw benefiċċji għar-Renju Unit wara d-29 ta’ Marzu 2019.

    2.2.2.   Fir-rigward tal-manutenzjoni, it-tiswija u r-rikondizzjonar, il-manifattura tal-avjazzjoni, il-faċilitajiet ta’ tiswija kif ukoll l-istandards tas-sigurtà, dawn l-aspetti huma indirizzati f’opinjoni oħra tal-KESE – TEN/688 “Is-sikurezza fl-avjazzjoni wara l-Brexit”.

    3.   Regolament propost

    3.1.   Kuntest

    Biex tittaffa l-possibbiltà ta’ interruzzjonijiet serji fit-traffiku tal-ajru bejn l-UE u r-Renju Unit fix-xenarju fejn ma jkunx hemm Ftehim dwar il-Ħruġ irratifikat, il-Kummissjoni adottat żewġ proposti għal Regolament:

    Proposta dwar regoli komuni biex tiġi żgurata konnettività bażika fl-ajru fir-rigward tal-Brexit (COM (2018) 893 final – 2018/0433 (COD)), li hija s-suġġett ta’ din l-opinjoni, u

    Proposta dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigward tal-Brexit (COM (2018) 894 final – 2018/0434 (COD)) (7).

    Il-miżuri adottati jirrappreżentaw kwistjonijiet ta’ urġenza f’oqsma speċifiċi tal-liġi tal-Unjoni fin-nuqqas tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. In-numru limitat ta’ miżuri proposti għandhom jitqiesu bħala sforzi ta’ protezzjoni eċċezzjonali ta’ interess vitali għall-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha f’xenarju bħal dan.

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni tenfasizza li dawn la għandhom ikunu replika ta’ benefiċċji tas-sħubija fl-UE, u lanqas it-termini tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst. Il-miżuri ser jiġu adottati b’mod unilaterali mill-UE (il-possibbiltà li tirrevokahom f’kull ħin), u huma applikati limitazzjonijiet ta’ żmien speċifiċi għas-settur għall-miżuri. Barra minn hekk, id-diviżjoni minquxa tal-kompetenzi għandha tiġi rrispettata, u l-miżuri nazzjonali għandhom ikunu konformi mal-liġi tal-UE. Fl-aħħar nett, ma għandhomx jiffunzjonaw bħala rimedju għal nuqqas ta’ miżuri ta’ tħejjija jew azzjoni f’waqtha.

    3.2.   Il-miżuri proposti

    3.2.1.

    Il-proposta għal Regolament tfittex li tiżgura – għal perjodu ta’ 12-il xahar – konnettività bażika fl-ajru bejn ir-Renju Unit u l-UE. Il-proposta tagħti lill-operaturi tar-Renju Unit drittijiet tat-traffiku biex itiru fuq it-territorju tal-UE mingħajr ma jinżlu, jagħmlu waqfiet fit-territorju tal-UE għal skopijiet mhux tat-traffiku, u jipprovdu konnessjonijiet diretti bejn it-territorju tar-Renju Unit u tal-UE, irrispettivament minn jekk is-servizzi humiex għall-passiġġieri jew merkanzija, skedati jew mhux skedati (8). B’mod partikolari, huwa propost li l-kapaċità għat-titjiriet tkun limitata fil-frekwenzi ta’ qabel il-Brexit tal-istaġuni tax-xitwa u tas-sajf tal-IATA tal-2018 (9).

    3.2.2.

    Id-drittijiet mogħtija lit-trasportaturi tar-Renju Unit barra minn hekk jiddependu fuq l-aderenza għall-prinċipju tal-“ekwivalenza tad-drittijiet”, li essenzjalment jinvolvi li l-Kummissjoni ser timmonitorja jekk it-trasportaturi tal-Unjoni jingħatawx drittijiet ekwivalenti de jure u de facto għal dawk li t-trasportaturi tar-Renju Unit ser jirċievu skont ir-Regolament propost. Jekk dan ma jkunx il-każ, jew jekk il-livell ta’ drittijiet ivarja bejn l-operaturi, huwa fid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni li timponi restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kapaċità, titlob lill-Istati Membri biex jirrifjutaw, jissospendu jew jirrevokaw l-awtorizzazzjonijiet tal-operat, jew jadottaw miżuri xierqa oħra (10). L-istess restrizzjonijiet jistgħu jiġu applikati mill-Kummissjoni f’każijiet fejn jinstab li ma tkunx żgurata kompetizzjoni ġusta, pereżempju jekk ir-Renju Unit jipprovdi sussidji lit-trasportaturi tagħhom, jew jekk issir diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi tal-UE (11).

    3.2.3.

    Barra minn hekk, ir-Regolament propost fih rekwiżiti biex jinkisbu awtorizzazzjonijiet operattivi mill-Istati Membri (12), is-sottomissjoni ta’ pjani u skedi operattivi lill-awtoritajiet fl-Istati Membri kkonċernati (13), il-kondizzjonijiet għar-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni tal-awtorizzazzjoni (14), kif ukoll biex jiġi żgurat rikonoxximent kontinwu ta’ ċertifikati tal-ajrunavigabbiltà, ċertifikati tal-kompetenza, jew liċenzji maħruġa mir-Renju Unit (15).

    4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

    4.1.   Friża tal-kapaċità

    4.1.1.

    Il-partijiet interessati Ewropej ma kellhomx l-istess fehma dwar il-ħtieġa li jiġi impost limitu massimu fuq il-kapaċità li għandha tiġi offruta (16). L-argument ewlieni sabiex jitneħħa l-limitu massimu huwa t-tkabbir tas-suq mistenni ta’ 6 % fis-snin li ġejjin.

    4.1.2.

    Madankollu, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-għan ta’ dan ir-Regolament mhuwiex li jestendi l-applikabilità tar-Regolament 1008/2008 u li jiżgura Suq Uniku Ewropew tal-Avjazzjoni de facto li jiffunzjona kompletament. Bħala Regolament li jkopri l-frekwenzi u għalhekk il-kapaċità offruta, fil-fatt jintervjeni fid-dinamika tas-suq. Madankollu, minħabba l-Brexit, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe miżura oħra approvata bħal Ftehim dwar il-Ħruġ, hija meħtieġa azzjoni urġenti. Ir-Regolament għandu għalhekk jitqies fil-kuntest tal-inkapaċità politika li jiġi adottat Ftehim dwar il-Ħruġ xieraq li jestendi l-bażi legali għal żmien limitat filwaqt li jimpenja lir-Renju Unit biex jadotta miżuri bħala pajjiż terz; mingħajr dan il-Ftehim dwar il-Ħruġ, is-setturi ekonomiċi kollha, b’mod partikolari l-avjazzjoni, jiffaċċjaw tfixkil serju.

    4.1.3.

    Il-kapaċità li għandha tiġi offruta permezz ta’ dan ir-Regolament għalhekk mhijiex riflessjoni ta’ suq li jiffunzjona, iżda riflessjoni ta’ miżura urġenti ta’ kontinġenza. Mingħajr dan ir-Regolament, it-trasportaturi tar-Renju Unit jirriskjaw serjament li l-liċenzja tal-operat tagħhom tal-UE tiġi rrevokata. Bir-Regolament, tista’ tiġi żgurata konnettività bażika fl-ajru. Barra minn hekk, il-limitu massimu jipprovdi ċertezza għall-Istati Membri peress li l-ebda Stat Membru ma jista’ japprova frekwenzi addizzjonali, u l-bażi li fuqha tista’ tittieħed azzjoni ta’ rimedju possibilment meħtieġa hija ċara bl-istess mod. Il-limitu massimu fuq il-frekwenzi jenfasizza n-natura ta’ kontinġenza kemm temporanja kif ukoll urġenti tar-Regolament. Biex jiġu riflessi aħjar il-kundizzjonijiet attwali tas-suq, il-perjodu ta’ referenza għandu jintemm fid-29 ta’ Marzu 2019 (l-istaġun kollu tal-IATA tas-Sajf u tax-Xitwa 2018/2019). Ser jidħol fis-seħħ matul iż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq qbil dwar ftehim ġdid dwar is-servizzi tal-ajru, massimu ta’ 12-il xahar.

    4.1.4.

    Il-KESE jappoġġja l-limitu massimu limitat biż-żmien fuq frekwenzi, li jenfasizza n-natura provviżorja u mmirata ta’ kontinġenza tal-miżura. Madankollu, fl-interess tal-ekonomija Ewropea u l-ħaddiema tagħha, il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lir-Renju Unit jadottaw ftehim komprensiv dwar is-servizzi tal-ajru mill-aktar fis possibbli bħala l-unika bażi legali għal suq tal-avjazzjoni miftuħ u kompetittiv.

    4.2.   Estensjoni għall-ftehimiet tal-kondiviżjoni ta’ kodiċi (code-sharing) u tal-kiri

    4.2.1.

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-inklużjoni ta’ klawsoli biex jitkompla l-operat ta’ ftehimiet tal-kondiviżjoni ta’ kodiċi u tal-kiri taqbeż l-iskop tar-Regolament. Dawn il-ftehimiet kummerċjali ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ provvista ta’ konnettività bażika bejn żewġ partijiet. Il-bażi legali għal ftehimiet ta’ kooperazzjoni kummerċjali bħal dawn tinsab fir-Regolament 1008/2008; jekk tali ftehimiet għandhom jitkomplew, ser ikollhom jiġu inklużi fi ftehim futur komprensiv dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-UE u r-Renju Unit.

    4.3.   Estensjoni għall-operat tal-ħames libertà (merkanzija)

    4.3.1.

    Ir-Regolament jipprevedi l-element ewlieni tal-konnettività – servizz tal-ajru bejn żewġ pajjiżi: id-drittijiet tat-traffiku tat-tielet u r-raba’ libertà. Ir-Regolament jinkludi wkoll id-drittijiet tekniċi u d-drittijiet tat-traffiku tal-ewwel u t-tieni libertà. Kwalunkwe dritt li jaqbeż il-konnettività bażika bejn żewġ pajjiżi ma jistax jaqa’ taħt dan ir-Regolament li ma jfittixx li jipprovdi għal opportunitajiet kummerċjali ġodda, jew saħansitra jestendi l-bażi legali għall-operati attwali kollha. Il-KESE jemmen li dan ma jkunx konsistenti mal-iskop u r-raġuni fundamentali tar-Regolament propost biex jestendi b’mod provviżorju d-drittijiet tat-traffiku kummerċjali mogħtija b’mod provviżorju lil hinn mid-drittijiet tat-tielet u r-raba’ libertà.

    4.4.   Implikazzjonijiet għal rekwiżiti ta’ sjieda u ta’ kontroll

    4.4.1.

    Il-KESE huwa tal-fehma li r-rekwiżiti ta’ sjieda u ta’ kontroll tar-Regolament 1008/2008 ma għandhomx jiġu modifikati minħabba l-Brexit. Jekk linja tal-ajru tal-UE tkun f’riskju li titlef il-liċenzja operattiva tagħha tal-UE wara l-Brexit, ir-Regolament propost għandu jipprevedi perjodu addizzjonali suffiċjenti li jippermetti lil-linja tal-ajru taġġusta l-istruttura tas-sjieda tagħha biex tiġi approvata mill-Kummissjoni.

    4.5.   Eżenzjoni mill-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 868/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) għat-traffiku minn trasportaturi tar-Renju Unit lejn l-UE

    4.5.1.

    Il-KESE huwa tal-fehma li r-Regolament (KE) Nru 868/2004 għandu jinżamm bħala strument mingħajr ebda eċċezzjoni, peress li dan joħloq preċedent għal applikazzjonijiet futuri ta’ dan l-istrument ta’ protezzjoni tal-kummerċ. Barra minn hekk, eżenzjoni bħal din mhijiex meħtieġa, peress li r-Regolament innifsu jipprevedi miżuri li jistgħu jiġu attivati, jekk il-Kummissjoni tqis li huma meħtieġa li jinnewtralizzaw atti diskriminatorji kontra t-trasportaturi tal-ajru tal-UE.

    4.6.   Klawżola ta’ ekwivalenza

    4.6.1.

    Tqajjem tħassib dwar il-klawżola ta’ ekwivalenza, li tippermetti lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jirrevokaw jew jillimitaw id-drittijiet tat-trasportaturi tar-Renju Unit biex jipprovdu servizzi. Il-klawsola hija tabilħaqq miftuħa għall-interpretazzjoni, u bl-ebda mod mhuwa fatt li l-Istati Membri kollha ser jinterpretaw din il-klawsola b’mod simili. Il-vantaġġ primarju tagħha huwa li tevita sanzjonijiet awtomatiċi kontra l-linji tal-ajru, u b’hekk tnaqqas il-livell ta’ obbligu ta’ intervent fis-suq. Minħabba n-natura temporanja tar-Regolament, approċċ prammatiku huwa aktar xieraq minn mekkaniżmu formalistiku ta’ ritaljazzjoni b’mod ekwivalenti, b’mod partikolari, kif titlob din il-klawżola.

    4.6.2.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-vantaġġi tal-“ekwivalenza tad-drittijiet de facto jew de jure”kif deskritt fl-Artikolu 4 tar-Regolament propost bħala mezz biex jiġu żgurati kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi għal-linji tal-ajru li joffru servizzi bejn l-UE u r-Renju Unit. Il-linji tal-ajru tar-Renju Unit, fin-nuqqas ta’ Ftehim dwar il-Ħruġ, ma jibqgħux marbuta b’dispożizzjonijiet tal-UE dwar, pereżempju, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet jew il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. Madankollu, mhuwiex biss fl-interessi tal-linji tal-ajru, iżda wkoll fl-interess taċ-ċittadin tal-UE li jkun hemm fehim aħjar ta’ meta ċerti servizzi jistgħu potenzjalment jintemmu biex tiġi stabbilita ekwivalenza “fattwali jew legali”tad-drittijiet.

    4.6.3.

    Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni armonizzata ta’ din il-klawsola b’eżempji potenzjalment aktar speċifiċi ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal ritaljazzjoni mill-UE.

    4.7.   Fil-fehma tal-KESE, ħaddiema tal-avjazzjoni mir-Renju Unit għandhom iżommu d-drittijiet tagħhom mil-leġislazzjoni tal-UE, speċjalment mid-direttiva tal-ħinijiet tax-xogħol, id-direttiva tal-aġenzija temporanja, ir-regolament tal-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir, id-direttiva dwar il-Kunsill tax-Xogħol Ewropew, id-direttiva dwar it-trasferiment tal-impriżi, eċċ, sabiex jinżammu kundizzjonijiet ekwi lejn trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni.

    Brussell, l-20 ta’ Frar 2019.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi ta' l-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 293, 31.10.2018, p. 3).

    (2)  COM(2018) 556 final/2; COM(2018) 880 final

    (3)  COM(2018) 893 final, Artikolu 3 II.

    (4)  COM(2018) 893 final, Artikolu 4.

    (5)  COM(2018) 893 final, Artikolu 4 u Artikolu 5.

    (6)  COM(2018) 895 final.

    (7)  Opinjoni tal-KESE dwar Is-sikurezza tal-avjazzjoni wara l-Brexit, TEN/688 (Ara paġna 37 fil-ĠU).

    (8)  COM(2018) 893 final, Artikolu 3(1)

    (9)  COM(2018) 893 final, Artikolu 3(2)

    (10)  COM(2018) 893 final, Artikolu 4

    (11)  COM(2018) 893 final, Artikolu 5.

    (12)  COM(2018) 893 final, Artikolu 6.

    (13)  COM(2018) 893 final, Artikolu 7.

    (14)  COM(2018) 893 final, Artikolu 8.

    (15)  COM(2018) 893 final, Artikolu 9.

    (16)  COM(2018) 893 final – 2018/0433 (COD)

    (17)  Ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jikkonċerna l-protezzjoni kontra l-issussidjar u l-atti mhux ġusti tal-prezzijiet li jikkawżaw preġudizzju lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità fil-provvista tas-servizzi bl-ajru minn pajjiżi li ma humiex membri ta' l-Komunità Ewropea (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 1).


    Top