EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AE0033

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adattament tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza fl-enerġija [kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/2002] u r-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija], minħabba l-irtirar tar-Renju Unit mill Unjoni Ewropea (COM(2018)744 final — 2018/0385 (COD))

EESC 2019/00033

ĠU C 159, 10.5.2019, p. 68–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 159/68


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adattament tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza fl-enerġija [kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/2002] u r-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija], minħabba l-irtirar tar-Renju Unit mill Unjoni Ewropea

(COM(2018)744 final — 2018/0385 (COD))

(2019/C 159/11)

Relatur ġenerali: Séamus BOLAND

Konsultazzjoni

Il-Parlament Ewropew, 15.11.2018

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 26.11.2018

Bażi ġuridika

Artikoli 192(1), 194(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Kompetenza

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Deċiżjoni tal-Bureau

11.12.2018

Adottata fil-plenarja

23.1.2019

Sessjoni plenarja Nru

540

Riżultat

(favur/kontra/astensjonijiet)

106/0/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li tiġi emendata l-leġislazzjoni tal-UE li tirregola l-effiċjenza fl-enerġija fuq il-bażi li l-bidliet huma meħtieġa bħala riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.

1.2.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-bidliet huma tekniċi u jilqa’ l-fatt li dawn ser jippermettu lill-UE l-ġdida ta’ 27 membru biex tkompli bil-pjani biex timplimenta d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar l-effiċjenza fl-enerġija u r-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

1.3.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-bidliet proposti mhux ser jaffettwaw il-momentum ulterjuri tad-Direttivi ta’ enerġija rilevanti kif innutat fil-pubblikazzjoni tal-ftehim politiku f’Ġunju 2018.

1.4.

Il-KESE jirrakkomanda li l-UE tħeġġeġ lir-Renju Unit biex jallinja ruħu mal-għanijiet li jinsabu fil-ftehim dwar il-miri kif stipulati mid-Direttiva, wara l-Brexit.

1.5.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tal-UE timpenja ruħha biex tintroduċi strateġija ta’ komunikazzjoni komprensiva madwar l-UE kollha, li tiżgura li l-objettivi tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u Regolament dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija jintlaħqu bħala kwistjoni ta’ urġenza, speċjalment wara l-Brexit.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-UE għandha tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet kollha biex tinvolvi lis-soċjetà ċivili fil-kisba tal-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija, inkluż il-proċess ta’ emendi, kif meħtieġ minħabba l-Brexit.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu ħsieb li tiżgura li mhux se jkun hemm konsegwenzi mhux intenzjonati f’termini ta’ baġit jew tad-drittijiet tal-bniedem bħala riżultat ta’ dawn il-bidliet.

2.   Kuntest

2.1.

Id-Direttiva tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u r-Regolament dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija huma strumenti essenzjali biex jiġi żgurat li l-UE tilħaq l-impenji tagħha biex jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza enerġetika sal-2030 u b’hekk tonora l-impenji ambjentali tagħha maqbula f’diversi ftehimiet internazzjonali.

2.2.

Bħala parti mit-tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tiġi emendata l-leġislazzjoni tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u r-Regolament dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

2.3.

Il-ħtieġa ta’ din il-proposta toriġina mill-fatt li ċ-ċifri tal-konsum tal-enerġija li huma deskritti fid-Direttiva riveduta dwar l-effiċjenza fl-enerġija u r-Regolament dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija huma bbażati fuq Unjoni ta’ 28 stat u għalhekk jeħtieġ li dawn jiġu emendati biex jirriflettu Unjoni ġdida ta’ 27 membru.

2.4.

Il-proposta mhix se taffettwa l-miri tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija kif iddikjarati fil-ftehim politiku ta’ Ġunju 2018, li jissottolinja l-impenn għall-kisba ta’ mira ta’ effiċjenza għall-2030 ta’ 32,5 %.

3.   Sfond

3.1.

Fit-23 ta’ Ġunju 2016, wara referendum dwar is-sħubija fl-UE, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ivvutaw biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni tinkludi t-territorju ta’ Ġibiltà.

3.2.

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni. Dan ifisser li, sakemm ma jkunx hemm ftehim irratifikat li jistabbilixxi bidla fid-data, il-liġi primarja u sekondarja kollha tal-Unjoni mhix ser tibqa’ tapplika għar-Renju Unit mit-30 ta’ Marzu 2019, (“id-data tal-ħruġ”). Ir-Renju Unit imbagħad isir pajjiż terz.

3.3.

Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija għandha l-għan li tikseb mira ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ 32,5 % għall-2030 billi tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu kontribuzzjonijiet indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija.

3.4.

Għalhekk, l-Istati Membri huma mistennija li jieħdu kont tat-tbassir tal-konsum tal-enerġija tal-Unjoni.

3.5.

Il-proposta tirreferi għar-Regolament dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, li jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jieħdu kont tal-konsum tal-enerġija tal-2030 meta jiġu biex jistabbilixxu l-kontribuzzjoni lejn il-mira tal-Unjoni għall-2030.

3.6.

Peress li r-Regolament dwar il-Governanza jirrepeti l-valuri assoluti li jinsabu fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, dawk il-valuri jeħtieġ li jiġu emendati kif xieraq.

3.7.

It-tbassiriet tal-UE juru li l-konsum ta’ enerġija primarja fl-2030 għandu jkun ta’ mhux aktar minn 1,273 Mtoe (miljun tunnellata ta’ ekwivalenti taż-żejt) fejn il-konsum aħħari tal-enerġija ma jkunx aktar minn 956 Mtoe. It-tbassiriet ekwivalenti għas-27 membru tal-UE se juru li l-konsum ta’ enerġija primarja għandu jkun ta’ mhux aktar minn 1,128 Mtoe, fejn il-konsum tal-enerġija finali ma jkunx aktar minn 846 Mtoe.

3.8.

Il-prinċipji tas-sussidjarjetà (l-Artikolu 5(3) TUE) u tal-proporzjonalità (l-Artikolu 5(4) TUE) huma rispettati bis-sħiħ, prinċipalment għaliex il-proposta qed tfittex bidliet tekniċi biss, li ma jaffettwawx il-leġislazzjoni diġà adottata.

3.9.

Huwa diġà aċċettat mill-partijiet interessati kollha li dawn huma bidliet tekniċi meħtieġa, li ser jippermettu lill-Unjoni Ewropea ta’ 27 membru biex tikseb l-objettivi li jinsabu fid-Direttivi rilevanti.

4.   Kummenti tal-KESE

4.1.

Huwa ċar li din il-proposta għandha l-għan li tikseb bidla teknika neċessarja fil-leġislazzjoni rilevanti tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija bħala riżultat tal-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

4.2.

Fil-konsiderazzjoni ta’ opinjonijiet reċenti tal-KESE dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija (3) u r-Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (4) (is-Sur Manoliu), huwa ċar ukoll li r-rakkomandazzjonijiet kollha li jinsabu fihom jibqgħu kompletament validi u għandhom jiġu promossi bil-qawwa mill-KESE.

4.3.

Filwaqt li huwa aċċettat li l-proposta ma għandha l-ebda effett fuq kwistjonijiet usa’ bħal baġit jew id-drittijiet tal-bniedem, għadu meħtieġ li tiġi żgurata viġilanza f’dan il-qasam ħalli ma jkunx hemm konsegwenzi mhux intenzjonati, li jistgħu jikkawżaw effett baġitarju jew tad-drittijiet tal-bniedem.

4.4.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità huma rispettati b’mod sħiħ.

4.5.

Filwaqt li jaċċettat li l-proposta hija maħsuba biex temenda l-leġislazzjoni eżistenti li taffettwa l-enerġija u li impenji b’saħħithom lejn ċerti miri jibqgħu, għandu jiġi nnutat li r-riżultati jistgħu jiġu affettwati kemm jekk ir-Renju Unit ser jissokta li jilħaq l-istess miri f’konformità mas-27 membru li jifdal, u kemm jekk le.

4.6.

F’dan ir-rigward il-KESE jagħti l-parir li għandha tiġi implimentata strateġija ta’ komunikazzjoni b’saħħitha, imfassla biex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda konfużjoni fost il-partijiet interessati ikkawżata mill-Brexit f’dak li għandu x’jaqsam mal-impenn u l-implimentazzjoni ta’ pjani diġà miftiehma fost l-Istati Membri biex jintlaħqu ċerti miri tal-effiċjenza fl-enerġija.

4.7.

Il-KESE jinnota li l-bidliet proposti huma tekniċi u ma tirrikjedix konsultazzjoni pubblika; madankollu huwa jirrakkomanda bil-qawwa wkoll li għandhom jittieħdu l-opportunitajiet kollha biex jinvolvu lis-soċjetà ċivili fl-appoġġ tal-pjani tal-implimentazzjoni tal-gvernijiet.

4.8.

Il-KESE jinnota li hemm bżonn ta’ dawn il-bidliet tekniċi u jemmen li dawn se jtejbu l-implimentazzjoni tad-direttiva.

4.9.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-ftehim proviżorju ta’ Ġunju 2018 dwar reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija mhux se jiġi affettwat minn din id-Deċiżjoni.

4.10.

Apparti l-ħtieġa li tiġi żgurata strateġija ta’ komunikazzjoni biex twarrab kwalunkwe konfużjoni dwar l-implimentazzjoni kontinwa tad-Direttivi, il-KESE huwa sodisfatt li l-proposta mhix se taffettwa materjalment pjani mill-Istati Membri biex jiksbu l-miri ddikjarati.

Brussell, it-23 ta’ Jannar 2019.

Il-president

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p.1).

(3)  ĠU C 246, 28.7.2017, p. 34.

(4)  ĠU C 246, 28.7.2017, p. 42.


Top