EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018SC0258

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku

SWD/2018/258 final - 2018/0173 (CNS)

Brussell, 25.5.2018

SWD(2018) 258 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill

li temenda d-Direttiva 92/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku

{COM(2018) 334 final}
{SEC(2018) 254 final}
{SWD(2018) 259 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 1992/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

Skont ir-Rapport tal-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill f’Ottubru tal-2016, li kien ibbażat fuq studju indipendenti li sar bejn l-2014 u l-2016, deher biċ-ċar li d-Direttiva 1992/83/KEE kienet effettiva u ġeneralment adattata għall-ġbir tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku.

Madankollu, ġew identifikati xi problemi u għad hemm xi ineffiċjenzi li jistgħu joħolqu distorsjonijiet fis-suq intern:

·In-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għall-alkoħol żnaturat;

·In-nuqqasijiet fil-klassifikazzjoni ta’ ċertu xorb alkoħoliku;

·In-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa tat-taxxi tas-sisa;

·Dispożizzjonijiet mhux ċari għall-kejl tal-grad Plato għall-birra ħelwa / aromatizzata.

X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?

L-inizjattiva għandha l-għan li tikseb:

·it-trattament fiskali ugwali tal-operaturi ekonomiċi fis-setturi tal-alkoħol kollha, li jinkludu l-produtturi żgħar ta’ kull tip ta’ alkoħol;

·il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta’ kull distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għall-alkoħol żnaturat u r-rati mnaqqsa tat-taxxi tas-sisa;

·il-provvista ta’ regoli ċari u effiċjenti għal kull tip ta’ alkoħol żnaturat u l-użi tiegħu;

·it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u tal-ispejjeż ta’ konformità għall-operaturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet tat-taxxa;

·iċ-ċertezza tad-dritt fil-qasam tal-klassifikazzjoni, l-eżenzjoni għall-alkoħol żnaturat u l-grad Plato tal-birra ħelwa / aromatizzata;

·it-tnaqqis tal-frodi u tal-evażjoni tat-taxxa, speċjalment fil-qasam tal-alkoħol żnaturat.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Jidher li l-funzjonament tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE għall-istruttura tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku qed ifixkel kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-operaturi ekonomiċi. In-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-UE jikkorrispondi għas-sitwazzjoni attwali, fejn:

·se jippersistu l-interpretazzjonijiet diverġenti u l-inċertezza tad-dritt;

·se jkomplu l-impatti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq intern;

·se jippersistu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni;

·se jibqa’ jkun hemm problemi ta' implimentazzjoni li jirriżultaw f’piżijiet amministrattivi u fi spejjeż ta' konformità għall-operaturi ekonomiċi u għall-Istati Membri.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

In-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għall-alkoħol żnaturat;

·Biex tiġi indirizzata din il-problema ġew ikkunsidrati kemm l-għażliet leġiżlattivi kif ukoll dawk mhux leġiżlattivi. Ġew ikkunsidrati wkoll miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja / tal-kapaċità bħala għażla indipendenti, madankollu din l-għażla ma tantx twassal għal riżultati tajbin. Għalhekk l-għażla ppreferuta hija li jiġi kkjarifikat it-test tad-Direttiva biex tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt f’dan il-qasam.

In-nuqqasijiet fil-klassifikazzjoni ta’ ċertu xorb alkoħoliku

·L-għażla ppreferuta hija emenda tad-Direttiva biex tinħoloq kategorija ġdida għax-xorb iffermentat b’mod tradizzjonali bħas-sidru u l-perry. Din tiżgura konsistenza fl-implimentazzjoni fl-Istati Membri kollha. L-adozzjoni ta’ linji gwida u ta’ strumenti oħra mhux vinkolanti huma għażliet komplementari li se jagħmlu parti mis-segwitu tal-għażla ppreferuta.

In-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa

·L-għażliet ikkunsidrati biex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt fit-tħaddim tar-rati mnaqqsa għall-produtturi ż-żgħar inkludew kemm għażla regolatorja kif ukoll waħda mhux regolatorja. Minħabba s-suċċess tal-interventi mhux vinkolanti preċedenti u r-ritmu mgħaġġel tal-iżviluppi f’dan il-qasam, qed tiġi ppreferuta l-għażla mhux regolatorja.

·It-titjib tal-funzjonament transfruntier tal-iskema tar-rati mnaqqsa jista’ jiġi indirizzat bi strument mhux vinkolanti jew b’emenda tad-Direttiva. Fin-nuqqas ta’ approċċ armonizzat, hija ppreferuta l-għażla leġiżlattiva peress li din se tiżgura l-konsistenza fl-Ewropa kollha.

·Biex jiġi żgurat it-trattament fiskali ugwali tal-operaturi ekonomiċi, l-għażla ppreferuta hija emenda leġiżlattiva li testendi r-rati mnaqqsa għall-produtturi ż-żgħar tas-sidru u żżid il-livell limitu tal-qawwa alkoħolika li jistgħu jiġu applikati r-rati mnaqqsa għalih.

Dispożizzjonijiet mhux ċari għall-kejl tal-grad Plato għall-birra ħelwa / aromatizzata

·Ġew ikkunsidrati diversi għażliet ta’ politika biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni. L-emenda tad-Direttiva hija ppreferuta peress li l-operaturi ekonomiċi mhux se jibdlu minn jeddhom l-approċċ attwali tagħhom. Għalhekk, il-linji gwida mhux vinkolanti ma jiksbux l-għan taċ-ċertezza tad-dritt.

Liema għażla u min jappoġġaha? 

·In-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għall-alkoħol żnaturat;

L-Istati Membri jappoġġaw approċċ komuni aktar b’saħħtu f’dan il-qasam minħabba r-riskju għoli ta’ frodi fiskali u ta’ spejjeż ta’ infurzar f’dan is-settur. Min-naħa l-oħra, l-operaturi ekonomiċi jippreferu l-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja u tal-kapaċità biex titjieb l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni.

·In-nuqqasijiet fil-klassifikazzjoni ta’ ċertu xorb alkoħoliku

Dawk li wieġbu l-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa ammettew li l-kjarifika tas-sitwazzjoni attwali tista’ twassal għal valur miżjud. Madankollu, dawn jemmnu li r-riskji perċepiti ta’ bidla leġiżlattiva ġeneralment jegħlbu l-benefiċċji perċepiti, ħlief għall-individwi. Il-ħolqien ta’ kategorija ġdida għax-xorb iffermentat b’mod tradizzjonali huwa appoġġat mill-industriji tas-sidru u tal-birra. Ir-rispons mill-Istati Membri kien jindika li d-dispożizzjonijiet attwali ma jipproteġux għalkollox l-interessi finanzjarji tagħhom rigward il-ġbir tad-dħul mit-taxxi tas-sisa u li l-klassifikazzjoni mogħtija mid-Direttiva hija ambigwa.

·In-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa

Kemm l-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-Istati Membri jappoġġaw l-għażliet biex itejbu l-funzjonament tal-iskema tar-rati mnaqqsa għall-produtturi ż-żgħar. It-tnejn li huma jappoġġaw l-estensjoni tal-eżenzjoni għall-produtturi ż-żgħar tas-sidru. Għall-kuntrarju tal-industrija tal-ispirti, l-industrija tal-birra kienet favur iż-żieda tal-livell limitu għall-alkoħol b’qawwa alkoħolika baxxa.

·Dispożizzjonijiet mhux ċari għall-kejl tal-grad Plato għall-birra ħelwa / aromatizzata

Maġġoranza żgħira ta’ dawk li wieġbu l-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa jappoġġaw emenda regolatorja biex tikkjarifika dawn id-dispożizzjonijiet. Kemm l-Istati Membri kif ukoll l-operaturi ekonomiċi jappoġġaw din l-emenda li tikkonforma mal-approċċ attwali tagħhom.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X'inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Il-benefiċċji tal-għażliet ippreferuti jinkludu:

·Żieda taċ-ċertezza tad-dritt

·Tnaqqis tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

·Tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u tal-ispejjeż ta’ konformità

·Tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa

X’inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)? 

L-adattament ta’ xi proċessi ta’ kontroll u monitoraġġ jinvolvi spejjeż ta’ aġġustament għal kull għażla ppreferuta. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-ispejjeż huma negliġibbli. Għal analiżi dettaljata tal-ispejjeż għal kull qasam problematiku, ara l-Valutazzjoni tal-Impatt, tal-Anness III.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Iż-żieda fiċ-ċertezza tad-dritt se tiżgura t-trattament konsistenti tal-operaturi ekonomiċi fl-UE kollha u b’hekk jitnaqqsu d-differenzi transfruntiera u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Mhu mistenni l-ebda impatt negattiv sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

L-awtoritajiet nazzjonali tad-dwana u tas-sisa, l-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi huma l-partijiet ikkonċernati ewlenin rigward il-problemi u l-għażliet ta’ din l-inizjattiva. It-tnaqqis fil-frodi b'rabta mal-alkoħol żnaturat se jkollu impatt pożittiv fuq is-saħħa pubblika. Mhu mistenni li jkun hemm l-ebda impatt fuq oqsma oħra ta’ politika.

   D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Mill-inqas ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, il-Kummissjoni se tħejji evalwazzjoni retrospettiva dwar il-funzjonament tal-leġiżlazzjoni l-ġdida biex is-swieq ikollhom ċans jaġġustaw ruħhom u jilħqu jimmaterjalizzaw ir-riżultati u l-impatti.

Top