EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018SC0139

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online

SWD/2018/139 final

Brussell, 26.4.2018

SWD(2018) 139 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online

{COM(2018) 238 final}
{SEC(2018) 209 final}
{SWD(2018) 138 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt ta’ Proposta għal Regolament dwar il-Promozzjoni tal-Korrettezza fil-Kummerċ Intermedjat Online.

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

In-negozjanti tal-UE li jwettqu kummerċ online jiffaċċjaw bosta prattiċi kummerċjali potenzjalment dannużi meta l-kummerċ tagħhom jiġi intermejdat mill-pjattaformi online. L-evidenza turi li dawn il-prattiċi – fosthom it-tneħħija mil-lista mingħajr raġuni jew bidliet ħesrem fit-Termini u l-Kundizzjonijiet – jistgħu jħallu impatt ħażin ferm fuq in-negozji.

Meta jinqalgħu dawn il-problemi, in-negozji ma jsibu l-ebda mekkaniżmu ta’ rimedju effettiv fl-UE biex isolvu l-problemi tagħhom. Għaldaqstant, in-negozji Ewropej ma jisfruttawx bis-sħiħ il-potenzjal tal-ekonomija tal-pjattaformi online, għad-detriment tal-pjattaformi u fl-aħħar mill-aħħar tal-konsumaturi, l-aktar fejn jidħol il-kummerċ transfruntier. Minbarra dan, il-fatturat tan-negozji qed jintlaqat direttament mill-viżibbiltà li jiksbu fuq il-pjattaformi online u fuq il-magni tat-tiftix ġenerali online. Il-prattiċi tal-ikklassifikar jinfluwenzaw direttament il-viżibbiltà tas-siti web u t-traffiku tal-internet riċevut. Il-prattiċi tal-ikklassifikar li ma jkunux ċari jistgħu iħallu impatt ħażin ħafna fuq in-negozji.

Fl-istess ħin, il-pjattaformi online qed iġarrbu xi diffikultajiet biex joperaw fis-suq uniku minħabba frammentazzjoni li qed tfeġġ fis-suq uniku. Din tillimita l-bejgħ, l-aktar il-bejgħ transfruntier, għan-negozji tal-UE fuq il-pjattaformi.

Dawn il-problemi huma xprunati mill-importanza dejjem akbar tal-pjattaformi online fl-intermedjazzjoni tat-tranżazzjonijiet bejn il-konsumaturi u n-negozji. In-negozji qed kulma jmur isiru aktar dipendenti fuq il-pjattaformi online; u l-effetti b’saħħithom tan-netwerk immexxija mid-dejta flimkien ma’ fattur sinifikanti ta’ biża’ qed iwasslu għal żbilanċ fil-poter tan-negozjar bejn in-negozjanti u l-pjattaformi.

X’mistenni tikseb din l-inizjattiva?

L-għanijiet ta’ politika speċifiċi huma tlieta: Qabelxejn, il-proposta għandha l-ħsieb li tiżgura trattament ġust, trasparenti u prevedibbli lill-utenti kummerċjali mill-pjattaformi online. It-tieni, il-proposta għandha l-għan li tipprovdi alternattivi għal rimedju aktar effettiv lill-utenti kummerċjali meta jsibu xi problemi. It-tielet, l-inizjattiva timmira li toħloq ambjent regolatorju prevedibbli u favur l-innovazzjoni għall-pjattaformi online fl-UE.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Il-pjattaformi online, bħal Booking.com, Facebook, eBay jew Amazon (u bosta oħrajn) jikkollegaw miljuni ta’ konsumaturi u negozjanti minn pajjiżi differenti fl-UE, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment legali tagħhom. Il-problemi sottostanti tal-Valutazzjoni tal-Impatt għandhom aspett tassew transnazzjonali. Saħansitra meta l-pjattaformi online jibdew f’suq nazzjonali wieħed, dawn il-pjattaformi faċilment jinfirxu malajr ’il barra mis-suq oriġinali tagħhom, u fil-fatt ħafna mill-pjattaformi online joperaw mingħajr fruntieri.

Waħedha, azzjoni min-naħa tal-Istati Membri ma tistax tkopri l-karatteristiċi transnazzjonali intrinsiċi tal-problema. Il-valur miżjud tal-UE jinbet mill-fatt li hemm bżonn regoli uniformi li fuqhom tissejjes ir-relazzjoni bejn in-negozjanti u l-pjattaformi ħalli s-Suq Uniku Diġitali jiffunzjona mingħajr intoppi.

L-inizjattiva attwali għandha l-għan li tevita dannu dirett fuq in-negozji fiż-żmien immedjat, u li tħares il-potenzjal tas-Suq Uniku għall-pjattaformi online fiż-żmien medju u fit-tul, billi ssaħħaħ il-fiduċja tal-utenti kummerċjali u billi tippermetti risponsi ta’ politika infurmati sew fil-livell xieraq. Għalhekk, din hija xierqa biex tipproteġi l-interessi tal-parteċipanti kollha fl-ekosistema tal-pjattaformi online.

B. Soluzzjonijiet

X’alternattivi ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm xi alternattiva ppreferuta jew le? Għaliex? 

Il-Valutazzjoni tal-Impatt qieset firxa ta’ alternattivi ta’ politika, li jvarjaw minn approċċi awtoregolatorji purament nonleġiżlattivi sa regoli obbligatorji vinkolanti għalkollox immirati biex jilħqu l-għanijiet ta’ politika.

L-alternattivi ta’ politika purament nonleġiżlattivi meqjusa ffukaw fuq is-sejħiet tal-industrija biex jinħolqu miżuri volontarji li jindirizzaw l-aktar prattiċi kummerċjali problematiċi, u biex isiru impenji min-naħa tal-industrija ħalli jitjieb l-aċċess tal-utenti kummerċjali għal rimedju permezz tal-awtoregolamentazzjoni. Bl-istess mod, strateġija indipendenti tal-monitoraġġ tiddependi fuq impenji min-naħa tal-industrija li tirrapporta dwar l-effikaċja u l-evoluzzjoni tal-problemi. Din l-alternattiva ngħatat il-ġenb għax aktarx ma tissodisfax bis-sħiħ l-għanijiet ta’ politika.

Fost l-alternattivi ta’ politika leġiżlattivi meqjusa, ġew ikkunsidrati soluzzjonijiet koregolatorji (taħlita ta’ elementi leġiżlattivi u mhux) kif ukoll regoli obbligatorji vinkolanti għalkollox mingħajr komponenti volontarji. Soluzzjoni vinkolanti għalkollox tistabbilixxi regoli obbligatorji eżawrjenti li jipprojbixxu l-prattiċi kummerċjali inkwistjoni, flimkien ma’ mekkaniżmu obbligatorju għar-riżoluzzjoni tat-tilwim għall-UE kollha, u rappurtar obbligatorju mill-pjattaformi lil aġenzija regolatorja kompluta (kif ipproponew għadd ta’ Stati Membri). Din ġiet skartata għax hi sproporzjonata.

L-alternattiva ppreferuta hi soluzzjoni koregolatorja li tindirizza l-kwistjonijiet identifikati mill-pjattaformi online u mill-magni tat-tiftix ġenerali online. Dwar il-pjattaformi online, il-parti regolatorja tikkombina sett ta’ obbligi tat-trasparenza legalment vinkolanti għall-pjattaformi, obbligu li jitwaqqfu mekkaniżmi interni ta’ rimedju, u dispożizzjonijiet biex ikun jista’ jinstab rimedju kollettiv għall-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-negozji. Dan jingħaqad ma’ sejħa mhux vinkolanti lill-industrija biex tistabbilixxi korp indipendenti tal-medjazzjoni għall-ilmenti. Fl-aħħar nett, se jitwaqqaf ukoll Osservatorju tal-UE għall-problemi emerġenti, imsejjes fuq grupp ta’ esperti tal-UE, ħalli jimmonitorja x-xejriet emerġenti u l-evoluzzjoni tal-problemi. Fejn jidħlu l-magni tat-tiftix ġenerali online, l-alternattiva ppreferuta hi mmirata biex tindirizza d-dipendenza li jikkawżaw il-prattiċi tal-ikklassifikar potenzjalment dannużi. Il-miżuri previsti huma limitati għall-obbligu tat-trasparenza maħsub (limitat għall-kwistjoni unika tal-ikklassifikar), u għall-pożizzjoni legali tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi biex jaġixxu f’isem il-membri kummerċjali tagħhom.

Liema alternattiva u min jappoġġaha? 

B’mod ġenerali, l-utenti kummerċjali tal-pjattaformi online huma favur regoli vinkolanti aktar estensivi għall-ekonomija tal-pjattaformi biex b’hekk iżidu l-ingranaġġ tagħhom fuq ir-relazzjonijiet intermedjati mill-pjattaformi online. Dawn jinkludu regoli dwar it-tneħħija tan-negozji mil-lista, u t-trasparenza fil-prattiċi diskriminatorji jew fl-ikklassifikar tal-apps, kif ukoll regoli dwar l-aċċess għad-dejta fis-swieq tal-kummerċ elettroniku.

B’mod ġenerali, il-pjattaformi online jappoġġaw il-miżuri awtoregolatorji u ma jaqblux mar-regoli vinkolanti għax iqisuhom peżanti wisq għall-mudelli tan-negozju tagħhom, u sproporzjonati għall-problemi li jkollhom. L-esperti responsabbli għas-Suq Uniku Diġitali kif ukoll l-amministrazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku fl-Istati Membri esprimew l-appoġġ tagħhom, fil-prinċipju, għal approċċ koregolatorju mmexxi mill-problemi.

Fejn tidħol it-trasparenza fl-ikklassifikar u fl-użu tad-dejta, il-pjattaformi jaqblu mal-obbligi tal-iżvelar ta’ livell għoli iżda jwissu dwar tbagħbis u manipulazzjoni tal-algoritmi jekk ikun hemm wisq trasparenza. Il-magni tat-tiftix ġenerali diġà jagħtu gwida komprensiva dwar kif jiġi ottimizzat l-ikklassifikar, iżda jwissu dwar l-ineffettività tal-iżvelar tal-algoritmi, b’mod partikolari fid-dawl tal-bosta bidliet u tal-bidliet frekwenti fl-algoritmi tat-tiftix, kif ukoll dwar ir-riskji tal-manipulazzjoni tar-riżultati tat-tiftix.

C. Impatti tal-alternattiva ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Fuq kollox, l-alternattiva ppreferuta hi mistennija tiġġenera benefiċċji ekonomiċi diretti għan-negozjanti tal-UE b’aktar bejgħ fl-ekonomija tal-pjattaformi diġitali, li minnhom igawdu wkoll il-pjattaformi online. Hu stmat li l-proposta tkun kapaċi treġġa’ lura l-effett dissważiv fuq l-ekonomija tal-pjattaformi online li jħalli n-nuqqas ta’ fiduċja tal-utenti kummerċjali. L-effett dissważiv imreġġa’ lura hu mistenni jvarja bejn EUR 0,81 biljun u EUR 4,05 biljun.

Apparti dan, il-fatturat tan-negozji qed jintlaqat direttament mill-viżibbiltà li jiksbu fuq il-magni tat-tiftix ġenerali online. Għalhekk, obbligu tat-trasparenza fl-ikklassifikar tal-magni tat-tiftix iżid aktar il-prevedibbiltà għall-utenti kummerċjali.

Fl-istess ħin, dan l-obbligu jgħin lin-negozji biex jiżviluppaw strateġiji tal-ottimizzazzjoni tat-tiftix infurmati aħjar, iżid l-intwizzjoni ħalli n-negozji jkunu jistgħu jaċċessaw swieq ġodda u jaħtfu l-opportunitajiet tal-innovazzjoni li joffri l-internet, u b’hekk itejbu wkoll il-kompetittività tagħhom. Dan ikun ta’ benefiċċju b’mod partikolari għall-SMEs u għall-intrapriżi mingħajr preżenza online jew għal dawk li għadhom kemm kisbu preżenza online. Iż-żieda fl-għarfien fuq il-politiki tal-ikklassifikar tgħin lill-utenti kummerċjali biex jaħtfu l-opportunitajiet tal-innovazzjoni li joffri l-internet.

L-alternattiva ppreferuta hi mistennija wkoll li tħalli effett prokompetittiv bejn il-magni tat-tiftix u s-siti tat-tqabbil b’aktar trasparenza, għax il-politiki pubbliċi tal-ikklassifikar jistgħu jagħtu aktar lok għal differenzjar skont in-negozji ġodda, l-entrati ġodda u l-atturi eżistenti. Potenzjalment tista’ tiżdied ukoll il-kompetizzjoni fil-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi fost l-utenti kummerċjali li jiddependu fuq il-magni tat-tiftix għall-istrateġiji tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, għax jiżdied l-għarfien fuq il-politiki tal-ikklassifikar – sal-punt li d-disinn tas-siti web ta’ dawn l-utenti kummerċjali bħalissa hu subottimali biex ikunu jistgħu jiksbu viżibbiltà. Mhux eskluż li l-alternattiva ppreferuta tikkontribwixxi bl-istess mod għal eżitu aktar imparzjali għall-konsumaturi, għax isibuha eħfef biex jagħrfu l-aktar riżultati rilevanti. B’obbligu tat-trasparenza stabbilit fil-liġi tal-UE tissaħħaħ l-abbiltà tan-negozji biex jużaw dispożizzjoni bħal din fil-proċedimenti quddiem il-qrati. Fl-aħħar nett, dan ikun element kumplimentari għall-għodod tal-infurzar li tistabbilixxi l-liġi tal-kompetizzjoni għax jippermetti aktar intwizzjoni fejn tidħol ċerta mġiba diskriminatorja possibbli. Hu mistenni li ż-żieda fil-fiduċja fil-magni tat-tiftix li ġġib magħha din l-inizjattiva, se tibbilanċja l-ispejjeż limitati.

Huma mistennija benefiċċji soċjali diretti b’mod partikolari għall-intraprendituri li jaħdmu għal rashom u għall-mikrointrapriżi li jwettqu n-negozju tagħhom fuq il-pjattaformi diġitali, li jirriżultaw minn aktar prevedibbiltà u trasparenza fuq l-internet. Dawn jinkludu l-utenti professjonali tal-ekonomija tal-pjattaformi kollaborattivi (għalkemm il-konfini bejn l-użu professjonali u l-użu personali huma stabbiliti fil-livell nazzjonali fl-UE), iżda n-natura u l-ambitu preċiżi ta’ dawn il-benefiċċji ma jistgħux jiġu kwantifikati.

L-alternattiva ppreferuta hi mistennija żżid l-opportunitajiet tal-impjiegi jew jibqa’ kollox l-istess.

Mhu mistenni l-ebda benefiċċju ambjentali mill-miżuri.

X’inhuma l-ispejjeż tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

L-ispejjeż ewlenin tal-alternattiva ppreferuta għandhom x’jaqsmu mar-rekwiżit tal-pjattaformi online li jistabbilixxu mekkaniżmu intern ta’ rimedju għall-utenti kummerċjali, u kif ukoll l-ispejjeż ta’ darba tal-konformità legali biex jiġu implimentati r-rekwiżiti tat-trasparenza li fil-prattika jfissru l-adozzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-pjattaformi. Dawn l-ispejjeż ivarjaw b’mod konsiderevoli fid-daqs, il-kumplessità u l-għadd ta’ tranżazzjonijiet intermedjati, iżda jistgħu jammontaw għal persunal wieħed (1 FTE) għall-pjattaformi żgħar u jilħqu ċifri ta’ ~0,03 % fil-fatturat għall-pjattaformi kbar, skont id-dejta tal-industrija. Mhi mistennija l-ebda spiża addizzjonali għan-negozjanti tal-UE li jwettqu kummerċ fuq il-pjattaformi. L-ispejjeż tal-konformità għall-magni tat-tiftix ġenerali online huma mistennija jkunu pjuttost limitati, kemm għall-magni tat-tiftix il-kbar (li provdew gwida għall-ottimizzazzjoni tal-magni tat-tiftix (SEO) li tista’ terġa’ tintuża b’mod siewi għall-utenti kummerċjali, jew li xi drabi tista’ tnebbaħ modi kif jista’ jkun hemm trasparenza sinifikanti), kif ukoll għall-magni tat-tiftix iż-żgħar (għax dawn ikunu jistgħu jiksbu għarfien bl-istess mod mill-aqwa prattiċi eżistenti).

L-alternattiva ppreferuta ma tħalli l-ebda impatt ħażin dirett fuq il-qasam soċjali jew ambjentali.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

In-negozji ta’ kull daqs li jużaw il-pjattaformi online biex iwettqu l-kummerċ huma l-benefiċjarji ewlenin tal-alternattiva ppreferuta. Il-benefiċċji relattivi partikolari se jkunu l-akbar għall-aktar partijiet dgħajfa, fosthom il-mikrointrapriżi li l-poter tan-negozjar tagħhom fl-ekonomija tal-pjattaformi online hu partikolarment limitat.

Fejn jidħlu n-negozji fuq il-pjattaformi, l-alternattiva ppreferuta teżenta lill-intrapriżi ż-żgħar (li jħaddmu inqas minn 50 ruħ) mill-obbligu li jwaqqfu mekkaniżmu intern ta’ rimedju, ħalli waqt il-fażi tal-espansjoni jkunu evitati l-piżijiet għan-negozji tal-UE fuq il-pjattaformi. Fejn tidħol il-possibbiltà li jinħoloq livell limitu ieħor li jeżenta lill-intrapriżi mir-regolamentazzjoni kollha, l-analiżi tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi ma tippermettix li wieħed jasal għall-konklużjoni dwar il-bżonn li tiżdied eżenzjoni orizzontali għall-mekkaniżmu intern b’mod speċifiku.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Le.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

L-aktar notevoli huma l-benefiċċji indiretti potenzjalment sinifikanti għall-konsumaturi, minħabba aktar għażla u aktar fiduċja, għax in-negozjanti ż-żgħar isibu posthom fl-ekonomija tal-pjattaformi, u minħabba aktar trasparenza, pereżempju bl-iżvelar tal-kriterji ġenerali li jistabbilixxu l-mekkaniżmi tal-ikklassifikar. Jistgħu jkunu mistennija wkoll xi benefiċċji indiretti oħrajn fil-qasam tal-innovazzjoni, minħabba ż-żieda fil-fatturat u ż-żieda fil-prevedibbiltà, iżda anki minħabba t-trasparenza fil-modalitajiet tal-politiki dwar l-aċċess għad-dejta. Ġew ivvalutati impatti oħrajn potenzjalment sinifikanti f’oqsma bħad-drittijiet fundamentali u impatti fuq il-pjattaformi li mhumiex tal-UE, u nstab li mhumiex sinifikanti.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-politika proposta hi mfassla biex tiġi rieżaminata wara tliet snin fis-seħħ, u magħha hemm Osservatorju apposta tal-UE li jagħraf u jgħarbel ix-xejriet emerġenti fl-ekonomija diġitali biex jagħti tagħrif għar-rieżami tal-politika Dan hu komponent ewlieni tal-politika, biex ikun żgurat approċċ li jadatta, li jwieġeb u li jkun validu għall-ġejjieni, imfassal apposta għan-natura dinamika ta’ dan il-qasam.

Top