EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018SC0069

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol

SWD/2018/069 final - 2018/064 (COD)

Strasburgu,13.3.2018

SWD(2018) 69 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol

{COM(2018) 131 final}

{SWD(2018) 68 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar [Proposta għal Regolament li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol

A. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

Il-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi huwa assi ewlieni għall-UE. Madankollu, dan jiddependi fuq regoli ċari, ġusti u effettivament infurzati dwar il-mobilità transfruntiera tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. L-UE żviluppat korp estensiv ta’ leġiżlazzjoni li tirregola l-moviment liberu tal-ħaddiema, l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-kuntest tal-forniment tas-servizzi u r-regoli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Il-Kummissjoni Juncker issottomettiet diversi proposti biex ittejjeb dan il-qafas regolatorju, inkluża r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema u tar-Regolament dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali, kif ukoll il-lex specialis dwar l-istazzjonar fis-settur tat-trasport internazzjonali bit-triq.

Madankollu, għad hemm tħassib dwar il-konformità mar-regoli tal-UE, u dwar l-infurzar tagħhom, li jistgħu jipperikolaw il-fiduċja u l-ġustizzja fis-Suq Intern. B’mod partikolari jispikkaw żewġ problemi: l-ewwel, il-funzjoni ta’ informazzjoni, ta’ appoġġ u ta’ gwida inadegwati għall-individwi u għal min iħaddem f’sitwazzjonijiet transfruntiera; it-tieni, il-kooperazzjoni inadegwata bejn l-awtoritajiet nazzjonali dwar l-infurzar tar-regoli.

Din il-proposta timmira li tindirizza l-isfidi speċifiċi li ġejjin:

-L-appoġġ u l-gwida inadegwati għall-individwi u għan-negozji f’sitwazzjonijiet transfruntiera, inkluża l-informazzjoni inkompleta jew skarsa għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom;

-Insuffiċjenza tal-aċċess għall-informazzjoni, u tal-qsim tagħha, bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-oqsma differenti tal-mobilità tal-forza tax-xogħol u tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali;

-Kapaċità insuffiċjenti tal-awtoritajiet nazzjonali li jorganizzaw kooperazzjoni mal-awtoritajiet min-naħa għall-oħra tal-fruntieri;

-Mekkaniżmi dgħajfa jew nieqsa għall-attivitajiet ta’ infurzar konġunti fil-livell transfruntiera;

-In-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ medjazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri fl-oqsma kollha tal-mobilità tal-forza tax-xogħol u tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali;

-Struttura ta’ kooperazzjoni insuffiċjenti fil-livell tal-UE f’dan il-qasam.

Il-mobilità tal-forza tax-xogħol tal-UE wriet xejra ’l fuq matul il-kriżi. Sal-2017, 17-il miljun ċittadin għexu jew ħadmu fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tagħhom. Iċ-ċifri kważi rdoppjaw meta mqabbla ma’ għaxar snin ilu. L-istazzjonar żdied bi 68 % mill-2010 għal 2,3 miljuni fl-2016. 1.4 miljun ċittadin tal-UE jivvjaġġaw biex imorru jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali u ta’ azzjoni amministrattiva miftiehma biex jiġi ġestit is-suq tax-xogħol Ewropew li dejjem qed jikber.

X’inhu mistenni li tikseb din l-inizjattiva?

L-objettiv ġenerali tal-inizjattiva huwa li tgħin biex jissaħħu l-ġustizzja u l-fiduċja fis-suq intern u li tappoġġa l-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi. L-objettivi speċifiċi tal-inizjattiva huma rispettivament li:

-ittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni minn individwi u minn min iħaddem, dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fl-oqsma tal-mobilità tal-forza tax-xogħol u tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, kif ukoll l-aċċess għas-servizzi rilevanti;

-issaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva bejn l-awtoritajiet fl-infurzar transfruntiera tal-liġi rilevanti tal-Unjoni, inkluż l-iffaċilitar tal-ispezzjonijiet konġunti;

-timmedja u tiffaċilita s-soluzzjonijiet f’każijiet ta’ tilwim bejn l-awtoritajiet nazzjonali u ta’ tfixkil fis-suq tax-xogħol transfruntiera, bħalma huwa r-ristrutturar tal-kumpaniji li jaffettwa diversi Stati Membri.

X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE? 

Filwaqt li l-infurzar tal-liġi tal-UE jibqa’ l-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, il-moviment liberu tal-ħaddiema, l-istazzjonar tal-ħaddiema u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali huma fir-realtà kwistjonijiet transnazzjonali li jirrikjedu azzjoni fil-livell tal-UE.

B. Soluzzjonijiet

Liema huma l-għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li tqiesu? Teżisti għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

Ġew ikkunsidrati tliet għażliet ta’ politika għall-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, ikkaratterizzati minn żieda fil-livelli ta’ ambizzjoni, (1) l-għażla ta’ appoġġ, (2) l-għażla operattiva, u (3) l-għażla superviżorja. Kull għażla tkopri dawn il-kompiti li tista’ twettaq l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol:

-Is-servizzi ta’ mobilità tal-forza tax-xogħol għall-individwi u għan-negozji;

-Il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali;

-L-appoġġ għall-ispezzjonijiet konġunti;

-L-analiżijiet tas-suq tax-xogħol u l-valutazzjoni tar-riskju;

-L-appoġġ għall-bini ta’ kapaċità;

-Il-medjazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali;

-L-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti f’każ ta’ tfixkil fis-suq tax-xogħol transfruntiera.

F’termini ta’ twettiq, ġew ikkunsidrati l-għażliet li ġejjin:

-jiġi stabbilit Netwerk Ewropew li jikkoordina l-korpi tal-mobilità tal-forza tax-xogħol eżistenti tal-UE u l-Kummissjoni tieħu f’idejha kompiti operattivi ġodda; (1)

-tiġi stabbilita Awtorità Ewropea tax-Xogħol ġdida li twettaq kompiti operattivi, li tibni fuq il-korpi tal-mobilità tal-forza tax-xogħol eżistenti;(2)

-tiġi stabbilita Awtorità Ewropea tax-Xogħol ġdida li tibni fuq Aġenzija eżistenti tal-UE fil-qasam tal-impjieg.(3)

L-għażla ppreferuta tgħaqqad l-għażla ta’ politika operattiva (2) li trid titwettaq permezz ta’ Awtorità Ewropea tax-Xogħol ġdida (2). Permezz ta’ dan l-approċċ il-Kummissjoni tista’ żżomm it-tmexxija politika, flimkien mal-Istati Membri bħal-lum, u b’hekk tikkonforma mad-duttrina tan-nondelegazzjoni.

L-għażla ta’ politika operattiva tikseb l-aħjar bilanċ biex jintlaħqu l-objettivi, filwaqt li tiżgura l-impatti pożittivi għall-awtoritajiet nazzjonali, għall-ħaddiema u għan-negozji mingħajr ma żżid l-ispejjeż b’mod sinifikanti, u għandha appoġġ qawwi mill-partijiet ikkonċernati. L-għażla ta’ twettiq li tiġi stabbilita Awtorità Ewropea tax-Xogħol ġdida li tibni fuq korpi tal-mobilità eżistenti fil-livell tal-UE tgħaqqad l-effettività fit-twettiq tal-kompiti operattivi mal-appoġġ għall-attivitajiet tal-korpi eżistenti tal-UE filwaqt li tirrazzjonalizzahom, b’mod proporzjonat u b’rispett għas-sussidjarjetà, it-tħassib imqajjem mill-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Huwa meħtieġ strument leġiżlattiv (Regolament) biex tiġi stabbilita aġenzija ġdida.

Min jappoġġa l-għażliet differenti? 

Il-livell ta’ appoġġ ivarja fost il-partijiet ikkonċernati u fost il-miżuri u l-għażliet. Hemm appoġġ wiesa’ għal titjib fl-iskambju ta’ informazzjoni u fil-valutazzjoni tar-riskju, iżda hemm riluttanza kbira mill-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, li jiġu imposti b’mod konġunt spezzjonijiet, deċiżjonijiet vinkolanti, jew mekkaniżmi vinkolanti għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-livell transfruntiera. Fit-trasport internazzjonali bit-triq l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar jappoġġaw b’mod aktar qawwi l-mekkaniżmu fil-livell tal-UE li jiffaċilita l-infurzar transfruntiera armonizzat tar-regoli. It-trejdunjins jappoġġaw il-mekkaniżmi ta’ konċiljazzjoni tal-UE. Kemm it-trejdunjins kif ukoll iċ-ċittadini jkunu favur li s-soluzzjoni tat-tilwim tiġi estiża lil hinn mill-awtoritajiet nazzjonali għat-tilwim transfruntier individwali.

Bi ftit eċċezzjonijiet, l-appoġġ għat-twaqqif ta’ Awtorità ġdida jiddependi fuq l-ambitu u l-objettivi kkonferiti lilha, kif ukoll fuq l-ispejjeż possibbli tagħha. Il-partijiet ikkonċernati għandhom it-tendenza li jiffavorixxu l-għażla ta’ razzjonalizzazzjoni u żieda fl-effiċjenza tan-netwerks u tal-istrutturi eżistenti.

C. L-impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, u jekk m’hemmx, x’inhuma l-benefiċċji ewlenin)? 

Il-benefiċċji għall-individwi, speċjalment il-ħaddiema mobbli, se jkunu t-titjib fil-protezzjoni u t-tnaqqis fl-esponiment għar-riskju ta’ frodi u abbuż, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport bit-triq. Aktar benefiċċji jinħolqu jekk ikun hemm possibbiltajiet aħjar li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal moviment liberu.

In-negozji, speċjalment l-SMEs, se jibbenefikaw minn kompetizzjoni aktar ġusta u kundizzjonijiet ekwi u minn inqas inċertezza rigward is-sitwazzjoni tagħhom, rilevanti b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-istazzjonar tal-ħaddiema. Dan, flimkien ma’ titjib fl-informazzjoni, jista’ jiffaċilita d-deċiżjonijiet tagħhom li jipparteċipaw f’attivitajiet transfruntiera.

Il-benefiċċji għall-awtoritajiet nazzjonali jinħolqu permezz tal-kooperazzjoni msaħħa u l-kapaċitajiet ta’ kontroll tagħhom għal infurzar aħjar tar-regoli. Il-benefiċċji ta’ kooperazzjoni strutturata mistennija jiżdiedu maż-żmien hekk kif aktar awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu li jużaw il-qafas disponibbli.

Ġeneralment jinħolqu benefiċċji makroekonomiċi usa’ permezz ta’ funzjonament imtejjeb u aktar ġust tas-suq intern, li jikkontribwixxi għall-kompetizzjoni globali ġusta u għat-tiġdid tal-fiduċja bejn l-amministrazzjonijiet.

X’inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, u jekk m’hemmx, x’inhuma l-ispejjeż ewlenin)? 

Taħt l-għażla kkombinata ppreferuta, it-total tal-ispejjeż tal-baġit tal-UE tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol huwa stmat li jkun 50,9 miljun fis-sena b’ritmu veloċi fl-2023. Ma hemm l-ebda impatt ambjentali. 

Kif se jiġu affettwati n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

In-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi għandhom jiġu affettwati b’mod pożittiv. Għandhom jibbenefikaw minn titjib fl-effiċjenza amministrattiva u minn funzjonament aħjar tas-suq intern, b’mod partikolari permezz ta’ kundizzjonijiet ekwi infurzati aħjar. Ma hemmx spejjeż għan-negozji li jikkonformaw mar-regoli.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Se jkun hemm impatti minimi fuq il-baġits nazzjonali minħabba l-appoġġ għall-proposta fil-baġit tal-UE. Mhuwiex possibbli li jiġu kkwantifikati eżattament l-impatti fuq l-amministrazzjonijiet, iżda fuq il-bażi ta’ studji tal-każ l-impatt mistenni li jkun pożittiv billi l-infurzar aħjar tar-regoli se jaqbad il-kontribuzzjonijiet soċjali li qabel ma kinux jitħallsu.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti oħra? 

Il-proposta se twassal għal razzjonalizzazzjoni ta’ xi wħud mill-korpi tal-mobilità eżistenti tal-UE, jiġifieri: (i) l-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni tal-EURES; (ii) il-Bord ta’ Konċiljazzjoni mill-Kummissjoni Amministrattiva (KA) dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (iii) il-Bord tal-Verifika u (iv) il-Kummissjoni Teknika tal-KA; (v) il-Pjattaforma Ewropea biex tindirizza x-Xogħol Mhux Iddikjarat; (vi) il-Kumitat tal-Esperti dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema; u (vii) il-Kumitat Tekniku dwar il-Moviment Liberu tal-Ħaddiema. Il-kompiti li bħalissa jitwettqu minn dawn il-korpi, ikunu mwettqa mill-Awtorità. Minflok, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol se tiżviluppa l-kooperazzjoni mat-tliet kumitati li fadal fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-mobilità tal-forza tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali (il-Kummissjoni Amministrattiva u l-Kumitat Konsultattiv) u l-Kumitat Konsultattiv dwar il-Moviment Liberu tal-Ħaddiema. Il-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq għandhom ukoll jibqgħu mhux mibdula.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-applikazzjoni tar-Regolament ħames snin wara li jidħol fis-seħħ b’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju u mal-Linji Gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar.

Top