EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0776

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-bidu ta’ negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u kull pajjiż individwali tan-Nofsinhar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) għall-fini ta’ qbil dwar it-termini u l-kundizzjonijiet biex il-forniment tas-Sistema Ewropea tan-Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) jiġi estiż għall-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

COM/2018/776 final

Brussell, 30.11.2018

COM(2018) 776 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-bidu ta’ negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u kull pajjiż individwali tan-Nofsinhar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) għall-fini ta’ qbil dwar it-termini u l-kundizzjonijiet biex il-forniment tas-Sistema Ewropea tan-Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) jiġi estiż għall-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-EGNOS, is-sistema Ewropea tan-Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja, tadatta s-sinjali miftuħa tan-navigazzjoni bis-satellita eżistenti għal applikazzjonijiet kritiċi għas-sikurezza fit-trasport, bħall-pilotaġġ u l-inżul ta’ inġenji tal-ajru fejn ma jkunx hemm tagħmir tal-assistenza bir-radju bbażat fuq l-art, jew ikun hemm biss ftit.

L-EGNOS u Galileo huma ż-żewġ programmi tan-navigazzjoni bis-satellita tal-Unjoni Ewropea, irregolati mir-Regolament GNSS 1 .

Il-koperazzjoni dwar in-navigazzjoni bis-satellita bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat 2 (PEV) u l-UE tfasslet bil-koperazzjoni tat-trasport EwroMed. Fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat 3 , il-koperazzjoni tat-trasport EwroMed hi msejsa fuq il-qafas imniedi f’Barċellona (1995) u evolviet, mill-2008, fl-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) skont id-Dikjarazzjoni Konġunta 4 adottata waqt tal-laqgħa tal-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern.

L-Artikolu 2(5), it-tielet paragrafu tar-Regolament (UE) 1285/2013 (“Regolament GNSS”) 5 jistipula li l-kopertura ġeografika tas-Sistema Ewropea tan-Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) tista’ tiġi estiża għall-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), soġġetta għall-fattibbiltà teknika u abbażi ta’ ftehimiet internazzjonali. Dawn l-estensjonijiet ma għandhomx idewmu l-estensjoni tal-kopertura ġeografika tas-sistema EGNOS fit-territorji tal-Istati Membri li jinsabu fl-Ewropa.

L-estensjoni tal-EGNOS għal pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV tikkorrispondi għal dawk il-kriterji u se ssegwi l-azzjonijiet inizjali meħuda mal-installazzjoni ta’ xi stazzjonijiet EGNOS fuq l-art barra mill-Ewropa. Din għandha l-iskop doppju li ssaħħaħ il-kopertura tal-EGNOS lejn il-periferija tal-UE u li tipprovdi kopertura lill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV biex ikunu jistgħu jippermettu l-adozzjoni tal-utent.

L-estensjoni tal-EGNOS għal pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV mhux se ddewwem l-estensjoni tal-kopertura ġeografika tal-EGNOS madwar l-UE. Għall-kuntrarju, din se tikkontribwixxi għal kopertura aħjar fir-reġjuni tan-Nofsinhar/tax-Xlokk/tal-Lbiċ tal-UE, u b’mod partikolari biex titjieb il-kopertura fil-gżejjer Portugiżi/Spanjoli tal-Oċean Atlantiku, kif ukoll lejn Ċipru, il-Greċja, Malta, l-Italja.

Analiżi li għamlet l-Aġenzija Spazjali Ewropea fl-2015 6 imsaħħa bl-offerta tal-industrija tal-2017 għall-iżvilupp tal-Verżjoni 3 tal-EGNOS, ikkonfermat il-fattibbiltà teknika ta’ din l-estensjoni u kkonkludiet li tliet stazzjonijiet EGNOS fuq l-art ikunu biżżejjed biex ikopru l-ispazju kollu tal-ajru tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV.

Id-dipartimenti kkonċernati tal-Kummissjoni ilhom mill-2009 jaħdmu b’koordinazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jestendu l-kopertura EGNOS lejn in-naħa tan-Nofsinhar tal-Mediterran (jiġifieri lejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV) u biex hemmhekk jintroduċu Servizz ta’ Salvagwardja tal-Ħajja (SoL) tal-EGNOS fl-avjazzjoni u f’oqsma oħra tat-trasport. L-estensjoni tal-kopertura tal-EGNOS hi inizjattiva ta’ ġid għaż-żewġ naħat. Din issaħħaħ ir-rabtiet tal-UE mas-sħab ġirien u toħloq opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq għall-industrija tagħha filwaqt li l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV se jiksbu aċċess għall-EGNOS bi spiża marġinali ħafna meta mqabbla mal-investiment pubbliku tal-UE li sar s’issa.

Matul is-snin sar progress sinifikanti u ħareġ fid-dieher interess ġmielu min-naħa tal-awtoritajiet tat-trasport tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV. Is-Servizz ta’ Salvagwardja tal-Ħajja (SoL) tal-EGNOS iqisuh bħala mezz effettiv biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u jidhrilhom li dan jipprovdi teknoloġija abilitanti għal servizzi u applikazzjonijiet ġodda f’oqsma oħra tat-trasport u mhux relatati mat-trasport.

7 Bejn 2014-16 kien hemm sitt pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV li esprimew formalment l-interess tagħhom fl-ogħla livell politiku li jagħmlu dan il-ftehim internazzjonali tal-EGNOS mal-UE.

Hu waqt opportun li l-UE twieġeb b’mod pożittiv għall-aspettattiva tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV biex jiksbu s-Servizz ta’ Salvagwardja tal-Ħajja (SoL) tal-EGNOS. L-aspett strateġiku ta’ din l-estensjoni tal-EGNOS qed kulma jmur issir aktar evidenti fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ fornituri oħra ta’ Sistemi Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita fir-reġjun.

Ftehim internazzjonali bilaterali speċifiku dwar l-EGNOS ma’ kull pajjiż individwali tan-Nofsinhar tal-PEV se jistabbilixxi skemi xierqa ta’ governanza, jiddefinixxi ir-rwoli u r-responsabbiltà ta’ kull Parti u jiddeċiedi dwar ir-responsabbiltajiet finanzjarji għall-iżvilupp u l-operat tal-infrastruttura meħtieġa għall-forniment ta’ servizzi bbażati fuq l-EGNOS f’kull pajjiż tan-Nofsinhar tal-PEV.

Din ir-Rakkomandazzjoni tqis l-aspetti relatati mas-sigurtà ta’ estensjoni tal-EGNOS għall-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV, fosthom il-valutazzjoni tas-SEAE tas-sitwazzjoni ġeopolitika fir-reġjun. L-aspetti tas-sigurtà se jibqgħu jiġu sorveljati u segwiti waqt li jkunu għaddejjin in-negozjati u l-varar. Dawn jinkludu l-għażla tas-siti għall-varar tal-infrastruttura EGNOS fuq l-art kif ukoll il-protezzjoni tagħhom tul il-fażi operattiva tal-EGNOS fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-estensjoni tal-EGNOS għall-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV tinsab fil-Pjan ta’ Azzjoni tat-Trasport Reġjonali 2014-20 u ddaħħlet fir-Riżoluzzjoni tal-Unjoni għall-Mediterran fl-2013 u fl-2014.

L-estensjoni tal-kopertura tas-Servizz ta’ Salvagwardja tal-Ħajja (SoL) tal-EGNOS għat-territorji tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq se toffri livell għoli ta’ sikurezza fil-proċeduri tal-inżul, anki f’destinazzjonijiet iżgħar, turistiċi u reġjonali, u għalhekk tarmonizza l-livell tas-sikurezza bejn l-UE u l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV, biex b’hekk tiżdied l-adozzjoni tal-EGNOS mil-linji tal-ajru li jtiru bejn iż-żewġ reġjuni.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-estensjoni tal-EGNOS għall-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV hi koerenti ma’ estensjonijiet oħra simili tal-EGNOS jew ma’ sistemi bbażati fuq l-EGNOS, notevolment l-estensjoni għall-Ukrajna 8 u l-istabbiliment ta’ sistemi indipendenti ta’ Servizzi ta’ Awmentazzjoni Bbażati fuq is-Satellita li jiddependu mit-teknoloġija EGNOS fl-Afrika, li jibdew fi 17-il pajjiż tal-ASECNA 9 . Għaldaqstant l-EGNOS tiżgura kopertura omoġenja madwar il-kontinent Ewropew u tal-Afrika, u b’hekk ikunu jistgħu jsiru titjiriet u nżul aktar sikuri.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Is-sistemi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita huma elementi importanti tal-politika tal-Unjoni Ewropea biex tkun żgurata l-integrazzjoni sħiħa tal-infrastruttura tat-trasport bl-art, bil-baħar u bl-ajru ħalli n-navigazzjoni tkun sikura, bla interruzzjonijiet, ekonomika u favur l-ambjent. Is-sistemi ġew promossi internazzjonalment fost l-oħrajn bi ftehimiet ta’ koperazzjoni b’rabta man-navigazzjoni bis-satellita li ġew iffirmati ma’ pajjiżi bħall-Marokk, l-Ukrajna, l-Istati Uniti tal-Amerka, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Korea t’Isfel.

Fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM), il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV kollha jimmiraw li jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-ICAO fejn tidħol in-Navigazzjoni Bbażata fuq il-Prestazzjoni (PBN). L-EGNOS hi faċilitatur importanti biex tiġi mmodernizzata l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa u biex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni dwar l-Ajru Uniku Ewropew. L-estensjoni għall-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV se tikkontribwixxi għad-deframmentazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru madwar il-Mediterran. Il-kopertura tal-EGNOS għan-Nofsinhar tal-PEV tikkontribwixxi wkoll biex tissawwar żona ta’ trasport Ewro-Mediterranju integrat li tkopri kważi biljun persuna fl-UE u fil-pajjiżi ġirien tagħha.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikoli 218(3), 218(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri għax il-programm tan-navigazzjoni bis-satellita EGNOS hu inizjattiva Ewropea mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, l-ambitu ta’ ftehim li jrid jiġi nnegozjat ma jistax ikun limitat għal xi Stat Membru wieħed jew għal grupp ta’ Stati Membri iżda jaffettwa lill-UE kollha.

Kwalunkwe soluzzjoni alternattiva (tali netwerk ta’ relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri tal-UE u kull pajjiż tan-Nofsinhar tal-PEV) għandha riskju kbir li tikkawża ineffiċjenzi, dewmien u kontradizzjonijiet li jistgħu jwasslu għal aktar spejjeż mill-baġit tal-Unjoni. Jekk ma tiġix implimentata l-koperazzjoni bejn l-UE u pajjiżi individwali tan-Nofsinhar tal-PEV dwar il-forniment tas-servizzi EGNOS, tkun intilfet opportunità għall-industrija tal-UE u, mil-lat strateġiku, tiddgħajjef il-pożizzjoni tal-UE fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-PEV.

L-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1285/2013 jipprovdi li l-Unjoni tista’ tagħmel ftehimiet ma’ pajjiż terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fil-kuntest tal-programmi skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 218 tat-TFUE.

Proporzjonalità

L-istabbiliment tal-ftehim hu proporzjonali mal-iskopijiet previsti.

Għażla tal-istrument

L-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1285/2013 jipprevedi b’mod espliċitu l-konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehimiet internazzjonali fil-kuntest tal-EGNOS. Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament jipprevedi espressament il-possibbiltà li tiġi estiża l-kopertura ġeografika tas-sistema EGNOS lejn reġjuni oħra fid-dinja, u fost l-oħrajn jispeċifika li dawn l-estensjonijiet jistgħu jikkonċernaw lil pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). Dan jispeċifika wkoll li dan isir bi ftehim internazzjonali, diment li l-estensjoni tkun fattibbli teknikament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-użu ta’ SBAS bħall-EGNOS fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV ġie evalwat minn perspettiva soċjoekonomika u minn perspettiva teknika. Ir-riżultati tal-analiżi tqassmu u ġew diskussi mal-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV f’diversi okkażjonijiet kemm ilha ssir koperazzjoni dwar dan is-suġġett.

Bejn l-2007 u l-2015, il-proġetti GNSS I u II tal-EwroMed, iffinanzjati mill-Kummissjoni, installaw xi infrastruttura EGNOS fuq l-art biex jipprovdu kopertura minima u jeżegwixxu testijiet u provi tekniċi, dwar it-trasferiment tal-għarfien, u dwar it-tiswir tal-kapaċitajiet, ma’ awtoritajiet lokali tal-avjazzjoni ċivili, utenti tal-ispazju tal-ajru u fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru biex jistħarrġu l-proċeduri tal-inżul u jevalwaw il-benefiċċji. F’dan il-kuntest, saret ukoll analiżi regolatorja li identifikat il-qafas regolatorju tal-ICAO speċifiku għall-avjazzjoni, li fuqu se jissejjes il-forniment tas-servizzi, kif ukoll strateġija dettaljata tan-navigazzjoni bis-satellita għal kull pajjiż u pjanijiet ta’ implimentazzjoni.

Saret ukoll analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji (CBA) għal kull pajjiż li kkonfermat ċerti benefiċċji netti pożittivi tal-estensjoni tal-EGNOS għall-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV, li jirfdu l-effetti pożittivi tal-EGNOS għal kull pajjiż tan-Nofsinhar tal-PEV fl-oqsma tal-avjazzjoni u t-trasport multimodali. Is-CBA stmat li benefiċċji netti għar-reġjun tan-Nofsinhar tal-PEV jaqbżu l-EUR 1 biljun. Dawn l-analiżijiet saru bl-involviment sħiħ ta’ kontropartijiet mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV u r-riżultati tqassmu u ġew diskussi ma’ rappreżentanti u partijiet ikkonċernati tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV waqt diversi sessjonijiet ta’ ħidma. Il-konklużjonijiet tal-gruppi ta’ ħidma GNSS kollha tal-EwroMed fl-2013, fl-2012 u fl-2011 jappellaw lill-Kummissjoni biex tlesti l-estensjoni tal-kopertura tal-EGNOS għall-ispazju tal-ajru tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV.

L-industrija spazjali upstream tal-UE se tibbenefika mis-suq relatat mal-varar tal-infrastruttura fuq l-art, u l-industrija downstream tal-UE (għall-applikazzjonijiet EGNOS) se tibbenefika mid-disponibbiltà ta’ suq akbar. Anki l-koperazzjoni teknika u r-rabtiet fost l-awtoritajiet tat-trasport tal-UE/il-partijiet ikkonċernati u l-kontropartijiet tagħhom fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV se jissaħħu, u dan iħalli ġid reċiproku u impatt strateġiku fit-tul.

Ġie kkonfermat ukoll li l-estensjoni tal-EGNOS għall-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV ma għandhiex iddewwem it-tlestija tal-kopertura ġeografika tas-sistema EGNOS fit-territorji kollha tal-Istati Membri tal-UE li jinsabu fl-Ewropa.

Ġbir u użu ta’ għarfien espert

L-oqsma xjentifiċi/tal-għarfien espert ikkonċernati

Esperti fin-navigazzjoni bis-satellita, esperti fl-oqsma kkonċernati mill-utilizzazzjoni tal-pożizzjonament preċiż bis-satellita (il-ġestjoni tat-trasport bl-ajru, bil-baħar, bil-ferrovija, bit-triq, tal-agrikoltura, tal-art, eċċ.)

Il-metodoloġija użata

Konsultazzjoni estensiva u interazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti, kontropartijiet u utenti ta’ żewġ proġetti ffinanzjati mill-programm tal-EwroMed (GNSS I tal-EwroMed fl-2007-11 u GNSS II tal-EwroMed fl-2012-15). Analiżi u riċerka li għamlu konsorzji industrijali, aġenziji tal-UE/Stat Membru u aġenziji ta’ pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV.

L-organizzazzjonijiet/l-esperti ewlenin ikkonsultati

Il-Ministeri għat-Trasport, awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili, ajruporti, linji tal-ajru mill-pajjiżi kollha tan-Nofsinhar tal-PEV. L-Aġenzija Spazjali Ewropea, il-Fornitur tas-Servizzi Satellitari Ewropew, l-Aġenzija Ewropea GNSS (GSA), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-industrija spazjali/tan-navigazzjoni bis-satellita u esperti fl-avjazzjoni u industrija mill-pajjiżi tal-UE u mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV (eż. l-Aġenzija Spazjali Alġerina).

Drittijiet fundamentali

Ma hemmx konsegwenzi fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

In-nefqiet kapitali relatati mal-implimentazzjoni tal-infrastruttura għall-forniment ta’ SBAS f’kull pajjiż tan-Nofsinhar tal-PEV ibbażati fuq l-EGNOS, se jkopruhom il-fondi tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk li jiffinanzjaw il-Politika tal-Viċinat tal-UE. In-nefqiet operazzjonali inkrimentali relatati mal-isfruttar tal-SBAS f’kull pajjiż tan-Nofsinhar tal-PEV ibbażati fuq l-EGNOS, se jiffinanzjahom kull pajjiż tan-Nofsinhar tal-PEV.

Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja li tirriżulta minn dan il-ftehim fuq il-baġit tal-Unjoni allokat għall-programmi GNSS Ewropej. B’konformità mal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013, l-ispiża ta’ din l-estensjoni ma tkunx koperta mir-riżorsi allokati lill-programmi Galileo u EGNOS.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-bidu ta’ negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u kull pajjiż individwali tan-Nofsinhar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) għall-fini ta’ qbil dwar it-termini u l-kundizzjonijiet biex il-forniment tas-Sistema Ewropea tan-Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) jiġi estiż għall-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 huma ssodisfati, fejn jidħlu l-fattibbiltà teknika u l-assigurazzjoni li ma jkunx hemm dewmien fil-kopertura ġeografika tas-sistema EGNOS fit-territorji tal-Istati Membri,

(2)ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 jipprovdi li l-Unjoni tkun is-sid tal-assi tanġibbli u intanġibbli kollha maħluqa jew żviluppati permezz tal-programm EGNOS, li l-Unjoni tista’ tagħmel ftehimiet ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali permezz ta’ dan il-programm u li l-ispiża ta’ xi estensjoni tal-kopertura tas-sistema EGNOS barra mill-Ewropa ma tkunx koperta mir-riżorsi baġitarji allokati skont dan ir-Regolament,

jenħtieġ jinbdew negozjati bil-ħsieb li jsir ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u kull pajjiż individwali tan-Nofsinhar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-forniment ta’ Servizzi ta’ Awmentazzjoni Bbażati fuq is-Satellita (SBAS) fil-Pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV abbażi tas-Sistema Ewropea tan-Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS).

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’dan, il-Kummissjoni hi awtorizzata tinnegozja ftehim internazzjonali, f’isem l-Unjoni, ma’ kull Pajjiż tan-Nofsinhar tal-PEV dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-forniment ta’ Servizzi ta’ Awmentazzjoni Bbażati fuq is-Satellita (SBAS) fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV abbażi tas-Sistema Ewropea tan-Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS).

Artikolu 2

Id-direttivi tan-negozjati huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitmexxew b’konsultazzjoni ma’ [irid iżidha l-Kunsill: Isem il-Kumitat magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri].

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Sistema EGNOS tirreferi għall-infrastruttura tal-ispazju u tal-art, il-ħardwer u is-softwer li jippermettu l-forniment ta’ sinjal ta’ Salvagwardja tal-Ħajja (sinjal SoL) tal-EGNOS. Is-sinjal SoL tal-EGNOS isir servizz EGNOS meta l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili lokali tawtorizzah skont ir-rekwiżiti tal-avjazzjoni internazzjonali. programm EGNOS tirreferi għall-ġestjoni ta’ tas-sistema u tas-servizz EGNOS, fdati lill-Kummissjoni Ewropea.
(2)    Bħalissa: Il-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, il-Libja, l-Eġittu, is-Sirja, il-Ġordan, il-Palestina*, l-Iżrael, il-Libanu. Kif definit fl-Anness 1 tar-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat. (*) Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex titqiesx bħala rikonoxximent ta’ xi Stat tal-Palestina u hi mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni.
(3)

   KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL,

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI “Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat”, JOIN (2015) 50 final.

(4)     http://ufmsecretariat.org/wp-content/uploads/2012/09/ufm_paris_declaration1.pdf  
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(6)    ESA, EGNOS Project Office (EPO), FWC-2 WP-STA-004, it-12 ta’ Marzu 2015.
(7)    L-Alġerija, it-Tuneżija, il-Libja, il-Ġordan, il-Libanu u l-Iżrael kitbu ittri lill-membri tal-Kulleġġ.
(8)    Fit-12 ta’ April 2018, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta deċiżjoni (6934/18) li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati dwar ftehim internazzjonali mal-Ukrajna ħalli l-EGNOS tiġi estiża għall-ispazju tal-ajru tagħha.
(9)    Fit-8 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni ffirmat Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp ta’ navigazzjoni bis-satellita u l-forniment ta’ servizzi relatati fiż-żona tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili.
Top

Brussell, 30.11.2018

COM(2018) 776 final

ANNESS

tar-

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-bidu ta’ negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u kull pajjiż individwali tan-Nofsinhar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) għall-fini ta’ qbil dwar it-termini u l-kundizzjonijiet biex il-forniment tas-Sistema Ewropea tan-Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) jiġi estiż għall-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat


ANNESS
Direttivi għan-negozjati ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u kull pajjiż tan-Nofsinhar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-forniment ta’ Servizzi ta’ Awmentazzjoni Bbażati fuq is-Satellita (SBAS) fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV abbażi tas-Sistema Ewropea tan-Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS)

(1)Il-Kummissjoni se tinnegozja ftehim internazzjonali ma’ kull pajjiż individwali tan-Nofsinhar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) għall-forniment ta’ Servizzi ta’ Awmentazzjoni Bbażati fuq is-Satellita fil-Pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV abbażi tas-Sistema Ewropea tan-Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS).

(2)Il-Kummissjoni għandha tmexxi n-negozjati b’konsultazzjoni mal-[,] li jaġixxi bħala kumitat speċjali u għandha tirrapporta dwar l-eżitu tan-negozjati u, fejn xieraq, dwar kwalunkwe problema li tista’ tinqala’ matul in-negozjati.

1.L-GĦAN TAN-NEGOZJATI

In-negozjati jwasslu għal ftehimiet li jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet għall-koperazzjoni ma’ kull pajjiż tan-Nofsinhar tal-PEV għall-forniment ta’ Servizzi ta’ Awmentazzjoni Bbażati fuq is-Satellita fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV abbażi tas-sistema EGNOS.

2.L-AMBITU TAL-FTEHIM

Kull ftehim ikun ikopri b’mod partikolari l-oqsma li ġejjin:

(1)Dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni: attivitajiet ta’ koperazzjoni għall-istabbiliment u l-operat ta’ SBAS fil-Pajjiżi tal-PEV. Fost l-oħrajn, dawk ikopru l-promozzjoni tal-programm u tas-servizzi EGNOS, l-appoġġ għall-implimentazzjoni u l-operazzjoni tagħhom, il-koperazzjoni dwar kwistjonijiet tal-frekwenza (mingħajr preġudizzju għall-proċeduri tal-UE 1 ), l-istandardizzazzjoni u l-kwistjonijiet kollha dwar is-sistemi tan-navigazzjoni bis-satellita trattati minn organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet internazzjonali, ir-riċerka u l-iżvilupp; il-koperazzjoni għandha tkun konformi mal-ftehimiet ta’ koperazzjoni u l-obbligi eżistenti li jinkludu dawk dwar in-nonproliferazzjoni u l-kontrolli tal-esportazzjoni 2 ; dan huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jaffettwaw is-sigurtà nazzjonali.

(2)Dispożizzjonijiet finanzjarji: il-parteċipazzjoni ta’ kull pajjiż tan-Nofsinhar tal-PEV fin-nefqiet operazzjonali inkrimentali għall-manutenzjoni tas-sistema EGNOS estiża biex tkun tista’ ssir kopertura ta’ Servizzi għas-Sikurezza tal-Ħajja (SoL) għall-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV; l-appoġġ finanzjarju tal-UE biex is-Servizz ta’ Salvagwardja tal-Ħajja (SoL) jiġi estiż għall-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV. B’konformità mal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013, dan l-appoġġ fl-ebda ċirkostanza ma jista’ jiġi ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-baġit previsti għas-sistemi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita u koperti mill-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013;

(3)L-istabbiliment ta’ mekkaniżmi koperattivi xierqa għall-ġestjoni tal-ftehim, l-istabbiliment ta’ reġim xieraq tar-responsabbiltà għall-forniment tas-servizzi EGNOS. Il-garanzija mingħand kull pajjiż tan-Nofsinhar tal-PEV li kwalunkwe possibbiltà ta’ installazzjoni tal-EGNOS bi sjieda tal-UE jew mikrija fit-territorju tiegħu tingħata status xieraq (privileġġi, immunitajiet, eċċ.), kif ukoll garanziji li kull pajjiż tan-Nofsinhar tal-PEV iwettaq il-monitoraġġ tas-sigurtà, in-notifikar u l-protezzjoni meħtieġa tas-sistema EGNOS u tas-siti tal-EGNOS, bid-dispożizzjonijiet dwar is-soluzzjoni tat-tilwim bejn il-partijiet.

(4)Ir-rispett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati u tal-liġijiet applikabbli tal-UE, inkluż ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 3 u r-Regolament (UE) Nru 912/2010 4 , b’mod partikolari fir-rigward tal-governanza tal-programm EGNOS;

(5)Il-konformità tal-elementi tas-sistema EGNOS li jridu jiġu varati fit-territorji tal-Pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV mar-rekwiżiti tas-sigurtà.

(6)L-inklużjoni ta’ klawżola ta’ terminazzjoni li tippermetti li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet meta Pajjiżi individwali tan-Nofsinhar tal-PEV jonqsu milli jirrispettaw l-obbligi tal-ftehim.

(1)    Il-politika dwar l-ispettru tar-radju bbażata fuq id-Deċiżjoni 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 (id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju) li tistabbilixxi koordinazzjoni dwar kwistjonijiet tal-ispettru tar-radju fil-livell tal-UE, fosthom koordinazzjoni mar-responsabbiltà tas-CEPT għal aspetti tekniċi, u r-rappreżentanza tal-interessi tal-UE fil-ħidma mal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU).
(2)    ĠU L 159, 30/06/2000, il-Ftehim ta’ Wassenaar u r-Reġim ta’ Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili (MTCR).
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 347, 20/12/2013, p. 1.
(4)    Ir-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 276, 20/10/2010, p. 11.
Top