Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0608

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku

    COM/2018/608 final

    Brussell, 31.8.2018

    COM(2018) 608 final

    2018/0320(NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar għandu jirrestawra u jżomm il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada 'l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY). Għodda importanti f’dan ir-rigward hija l-istabbiliment annwali tal-opportunitajiet tas-sajd fl-għamla ta' qabdiet totali permissibbli (TACs), u kwoti.

    Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet ikompli jispeċifika l-valuri tal-mortalitajiet mis-sajd espressi bħala meded li huma użati f’din il-proposta sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS, speċjalment il-ksib u ż-żamma tal-MSY.

    L-għan ta' din il-proposta huwa li jiġu ffissati għall-2019 l-opportunitajiet tas-sajd għall-Istati Membri fir-rigward tal-iktar stokkijiet kummerċjalment importanti fil-Baħar Baltiku. Bil-għan li jiġu ssimplifikati u ċċarati d-deċiżjonijiet annwali dwar it-TAC u l-kwoti, l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku ilhom li ġew stabbiliti mill-2006 permezz ta' Regolament separat.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-proposta tistabbilixxi kwoti fil-livelli konsistenti mal-għanijiet tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-miżuri proposti huma konformi mal-għanijiet u r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Proporzjonalità

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

    Il-Politika Komuni tas-Sajd hija politika komuni. Skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE, hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta l-miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

    Ir-Regolament tal-Kunsill inkwistjoni jalloka l-opportunitajiet tas-sajd lill-Istati Membri. B'kunsiderazzjoni tal-Artikolu 16(6) u (7) u tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri huma liberi li jallokaw dawn l-opportunitajiet fost ir-reġjuni jew l-operaturi skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli msemmija. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom spazju kemm iridu biex jimmanuvraw dwar deċiżjonijiet relatati mal-mudell soċjali/ekonomiku tal-għażla tagħhom biex jisfruttaw l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom.

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja ġdida għall-Istati Membri. Dan ir-Regolament partikolari jiġi adottat mill-Kunsill kull sena, u l-mezzi pubbliċi u privati għall-implimentazzjoni tiegħu diġà jinsabu fis-seħħ.

    Għażla tal-istrument

    L-istrument li qed jiġi propost: Regolament.

    Din hija proposta għall-ġestjoni tas-sajd abbażi tal-Artikolu 43(3) tat-TFUE.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Il-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar Baltiku (BSAC) ġie kkonsultat abbażi tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Konsultazzjoni dwar l-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2019 skont il-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2018) 452 final). Il-bażi xjentifika tal-proposta ngħatat mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES). Tqiesu l-opinjonijiet preliminari espressi dwar l-istokkijiet tal-ħut kollha kkonċernati u ġew ikkunsidrati kemm jista' jkun fil-proposta mingħajr ma nħolqu kontradizzjonijiet mal-politiki eżistenti jew deterjorament fl-istat tar-riżorzi vulnerabbli.

    Il-parir xjentifiku dwar il-limitazzjonijiet u l-istatus tal-qbid ġie diskuss ukoll mal-Istati Membri fil-forum reġjonali BALTFISH f’Ġunju 2018.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    L-organizzazzjoni xjentifika kkonsultata kienet l-ICES.

    Kull sena, l-Unjoni titlob lill-ICES għal parir xjentifiku dwar il-qagħda ta’ stokkijiet ta’ ħut importanti. Il-parir li tirċievi jkopri l-istokkijiet kollha tal-Baltiku u jiġu proposti TACs għal dawk l-aktar importanti kummerċjalment.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-proposta hija wkoll parti minn approċċ fit-tul fejn il-livell tas-sajd jiġi aġġustat u jinżamm f’livelli ta' sostenibbiltà fit-tul. Dan l-approċċ se jirriżulta fi pressjoni tas-sajd stabbli, kwoti ogħla u għalhekk dħul aħjar għas-sajjieda u għall-familji tagħhom. Iż-żieda tal-ħatt l-art hija mistennija li tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, għall-industrija tas-sajd, għall-industrija tal-ipproċessar u għall-bejgħ bl-imnut kif ukoll għall-bqija tal-industrija anċillari marbuta mas-sajd kummerċjali u rikreattiv.

    Id-deċiżjonijiet meħuda dwar l-opportunitajiet tas-sajd tal-Baħar Baltiku tul dawn l-aħħar snin diġà rnexxilhom iġibu l-mortalità mis-sajd f’konformità mal-MSY għall-istokkijiet kollha ħlief għal wieħed, u li jirrestawraw l-istokkijiet u jibbilanċjaw mill-ġdid il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd. Madankollu, għad hemm il-lok għall-progress biex jiġu rrestawrati l-istokkijiet kollha - xi wħud minnhom għadhom taħt il-limiti tal-bijomassa sikuri - u biex l-istokkijiet kollha jinġiebu f’konformità mal-MSY.

    B’kunsiderazzjoni ta’ dak imsemmi hawn fuq, il-proposta tal-Kummissjoni tnaqqas l-opportunitajiet tas-sajd għall-aringi fil-Punent tal-Baltiku b’63%, għall-aringi fil-Baltiku Ċentrali b’26 %, għall-aringi fil-Golf ta’ Bothnia b’7 %, għall-bakkaljaw fil-Baltiku tal-Lvant bi 15 % u għas-salamun tal-Golf tal-Finlandja b’1 %. Il-proposta tal-Kummissjoni żżid l-opportunitajiet tas-sajd għall-aringi tal-Golf ta’ Riga b’7 %, għal-laċċa kaħla bi 3 %, għall-barbun tat-tbajja’ bi 43 %, għall-Bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent b’31 % u bi 15 % tas-salamun fil-baċir ewlieni.

    L-impatt tal-proposti għall-2019 għalhekk se jkun differenzjat ħafna skont it-tip ta’ sajd. Kollox ma’ kollox, il-proposta tal-Kummissjoni twassal għal livell ta’ madwar [609 elf tunnellata għall-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku, tnaqqis ta’ 9,7 % meta mqabbel mal-2018].

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Il-proposta tibqa’ flessibbli fl-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ skambju ta’ kwoti li kienu diġà introdotti fis-snin preċedenti fir-Regolamenti dwar l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku. Ma hemm l-ebda element ġdid jew proċeduri amministrattivi ġodda proposti għall-awtoritajiet pubbliċi (tal-UE jew nazzjonali) li jistgħu jżidu l-piż amministrattiv.

    Il-proposta tikkonċerna Regolament annwali għall-2019 u għalhekk ma tinkludix klawsola ta’ reviżjoni.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    Il-monitoraġġ tal-użu tal-opportunitajiet tas-sajd fil-forma ta’ qabdiet totali permissibbli (TACs) u ta’ kwoti ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Il-proposta tistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 għal ċerti stokkijiet jew gruppi ta' stokkijiet għas-sajd tal-Istati Membri fil-Baħar Baltiku.

    Opportunitajiet tas-sajd

    Il-pjan pluriennali l-ġdid għas-sajd fil-Baħar Baltiku daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Lulju 2016 1 . Skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-pjan, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati skont il-miri tal-pjan u għandhom jikkonformaw mal-meded ta’ mortalità mis-sajd fil-mira stabbiliti fih. F’każijiet fejn il-bijomassa tal-istokk tkun inqas mill-punti ta’ referenza stabbiliti fil-pjan, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati f’livell li jikkorrispondi għall-mortalità mis-sajd li huwa mnaqqas b’mod proporzjonat b’kont meħud tat-tnaqqis tal-bijomassa tal-istokk.

    L-opportunitajiet tas-sajd huma proposti skont l-Artikolu 16(1) (li jirreferi għall-prinċipju tal-istabbiltà relattiva) u skont l-Artikolu 16(4) (li jirreferi għall-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd u għar-regoli previsti fil-pjanijiet pluriennali) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.

    Fejn rilevanti, sabiex jiġu ffissati l-kwoti tal-UE għal stokkijiet maqsuma mal-Federazzjoni Russa, il-kwantitajiet rispettivi ta’ dawn l-istokkijiet tnaqqsu mit-TACs skont il-parir mogħti mill-ICES. It-TACs u l-kwoti allokati lill-Istati Membri jinsabu fl-Anness tar-Regolament.

    It-TACs proposti għall-istokkijiet tal-aringa fil-Golf ta’ Riga u fil-Golf ta’ Bothnia, kif ukoll it-TACs proposti għall-laċċa kaħla, għall-bakkaljaw tal-Punent tal-Baltiku u għas-salamun tal-baċir ewlieni jikkorrispondu għall-firxa tal-mortalità mis-sajd tal-MSY kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) u fl-Anness I, il-Kolonna A tar-Regolament (UE) 2016/1139. Għall-aringi tal-Baltiku Ċentrali, it-TAC huwa stabbilit f’livell li jikkorrispondi għal medda tal-mortalità mis-sajd kif imsemmi fl-Artikolu 4(4) u fl-Anness I, il-Kolonna B ta’ dak ir-Regolament, sabiex jiġu llimitati l-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd bejn is-snin konsekuttivi. Għall-aringi fil-Punent tal-Baltiku, id-daqs tal-istokk stmat mill-ICES huwa taħt il-livell minimu tal-punt ta’ referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk (MSY Btrigger) kif definit fl-Anness II, il-Kolonna A tar-Regolament (UE) 2016/1139. Barra minn hekk, wara stima mill-ġdid tal-punti ta’ referenza xierqa mill-ICES, skont l-aħħar parir tal-ICES 2 , id-daqs tal-istokk huwa taħt il-limitu tal-punt ta’ referenza tal-bijomassa (Blim).

    L-Artikolu 5(2) tar-Regolament 2016/1139 jirrikjedi li, meta parir xjentifiku jindika li l-istokk ikun inqas mil-livell minimu tal-punt ta’ referenza tal-bijomassa riproduttiva kif stabbilit fl-Anness II, il-kolonna A, għandhom jiġu adottati l-miżuri ta’ rimedju xierqa kollha biex jiżguraw li l-istokk ikkonċernat jiġi rrestawrat għal livell li kapaċi jipproduċi MSY. Biex jintlaħaq dan il-livell, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokk ikkonċernat għandhom jiġu ffissati f’livell konsistenti mal-mortalità mis-sajd li titnaqqas taħt il-medda stipulata fl-Anness I, il-kolonna B tar-Regolament 2016/1139. Jekk wieħed iqis it-tnaqqis tal-bijomassa tal-aringa tal-Punent tal-Baltiku, il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2016/1139 u li tistabbilixxi t-TAC f’livell aktar baxx minn dawk stipulati fl-Anness I, il-kolonna A. Dan jikkorrispondi għal TAC ta’ 6 404 t (-63 %), biex ikun hemm irkupru iktar rapidu tal-istokk billi skont l-ICES dan il-livell tat-TAC jippermetti żieda fil-bijomassa ta’ 9,3% sal-2019.

    Il-Kummissjoni tqis li l-meded tal-mortalità mis-sajd stipulati fl-Anness I u l-punti ta’ referenza tal-konservazzjoni fl-Anness II tar-Regolament 2016/1139 ma għadhomx jirriflettu b’mod korrett l-aħjar parir xjentifiku disponibbli. Ir-Regolament (UE) 2016/1139 irid jinġieb f’konformità max-xjenza aġġornata bid-dispożizzjonijiet proposti fl-Artikolu 17 tal-proposta tal-Kummissjoni COM (2018) 149 3 .

    It-TAC għall-barbun tat-tbajja’ jikkorrispondi għal taħlita tal-parir dwar l-MSY għall-istokk fis-sottodiviżjonijiet 21 sa 23 u tal-approċċ tal-ICES għal stokkijiet b’data limitata għall-istokk fis-sottodiviżjonijiet 24 sa 32. It-TACs għas-salamun tal-Golf tal-Finlandja u l-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant jikkorrispondu għall-approċċ żviluppat mill-ICES li jiġi applikat għall-istokkijiet b'data limitata.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 daħħal kundizzjonijiet addizzjonali għall-ġestjoni minn sena għal sena tat-TACs, li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà skont l-Artikoli 3 u 4 għall-istokkijiet prekawzjonali u analitiċi rispettivament. Skont l-Artikolu 2 tiegħu, meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill għandu jiddeċiedi liema huma l-istokkijiet li għalihom ma japplikawx l-Artikoli 3 u 4, b’mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet. Fi żmien aktar riċenti, iddaħħal il-mekkaniżmu ta' flessibbiltà għall-istokkijiet kollha koperti bl-obbligu ta’ ħatt l-art mill-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għalhekk, sabiex tiġi evitata l-flessibbiltà eċċessiva li ddgħajjef il-prinċipju tal-isfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar u tfixkel il-ksib tal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplikaw biss fejn l-Istati Membri ma jużawx il-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament 1380/2013.

    2018/0320 (NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1) L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 jesiġi li jiġu addottati miżuri ta' konservazzjoni filwaqt li jitqiesu l-pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi disponibbli inkluż, fejn rilevanti, rapporti mfassla mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) u minn korpi konsultattivi oħra, kif ukoll fid-dawl ta' kwalunkwe parir mogħti minn Kunsilli Konsultattivi stabbiliti għaż-żoni ġeografiċi jew oqsma ta’ kompetenza u rakkomandazzjonijiet konġunti li jsiru mill-Istati Membri.

    (2)Il-Kunsill għandu r-responsabbiltà li jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, inklużi ċerti kundizzjonijiet li huma funzjonalment marbuta magħhom, kif ikun jixraq. L-opportunitajiet tas-sajd jenħtieġ li jiġu allokati lill-Istati Membri b'mod li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta' kull Stat Membru għal kull stokk jew attività tas-sajd filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (3)L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li l-għan tal-PKS ikun li tintlaħaq ir-rata ta' sfruttament tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) sal-2015 sa fejn possibbli u, fuq bażi progressiva u inkrementali sa mhux aktar tard mill-2020.

    (4)Għalhekk, il-qabdiet totali permissibbli (TACs) jenħtieġ li jiġu stabbiliti, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, abbażi tal-pariri xjentifiċi disponibbli, b'kont meħud tal-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll wara li jiġu kkunsidrati l-opinjonijiet espressi matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

    (5)Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet (“il-pjan”). Il-pjan għandu l-għan li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar ireġġa' lura u jżomm lill-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet maqbuda f'livelli 'l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Għal dak il-għan, il-mortalità mis-sajd fil-mira għall-istokkijiet ikkonċernati, espressa f'meded, trid tintlaħaq kemm jista' jkun malajr u, fuq bażi progressiva u inkrementali, sal-2020. Huwa xieraq li l-limiti ta' qbid applikabbli fl-2019 għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku jiġu stabbiliti f’konformità mal-għanijiet tal-pjan.

    (6)Il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) indika li l-bijomassa tal-aringi tal-Punent tal-Baltiku fis-sottodiviżjonijiet 20 sa 24 hija taħt il-punti ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk kif stabbilit fl-Anness II, il-kolonna A taar-Regolament 2016/1139. F’konformità mal-Artikolu 5(2) ta’ dak ir-Regolament, għandhom jiġu adottati l-miżuri ta’ rimedju xierqa kollha biex jiżguraw restawr rapidu tal-istokk ikkonċernat għal livell li kapaċi jipproduċi MSY. Għal dak l-għan, huwa neċessarju li jitqiesu l-iskeda ta' żmien għall-kisba tal-għanijiet tal-PKS b'mod ġenerali u dawk tal-pjan b'mod partikolari minħabba l-effett mistenni tal-miżuri ta' rimedju meħuda, filwaqt li fl-istess ħin iżommu mal-għanijiet tal-ksib tal-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta' impjieg, kif stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għaldaqstant, u f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2016/1139, jixraq li l-opportunitajiet ta’ sajd għall-aringi tal-Punent tal-Baltiku jiġu stabbiliti taħt il-medda tal-mortalità mis-sajd fl-Anness I, il-kolonna A, ta’ dak ir-Regolament, billi tali livell iqis it-tnaqqis tal-bijomassa.

    (7)Fir-rigward tal-istokk tal-bakkaljaw fil-Punent tal-Baħar Baltiku, il-parir xjentifiku jindika li s-sajd rikreattiv jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-mortalità mis-sajd ġenerali ta’ dak l-istokk. Filwaqt li jitqies l-istat attwali ta' dak l-istokk, huwa xieraq li jinżamm limitu tal-qabda ta’ kuljum għal kull sajjied. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-istabbiltà relattiva applikabbli għall-attivitajiet ta' sajd kummerċjali.

    (8)Fir-rigward tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Lvant tal-Baltiku, l-ICES għadu ma jistax jistabbilixxi punti ta’ referenza bijoloġiċi, wara l-bidliet fil-bijoloġija tal-istokk. Huwa xieraq, għalhekk, li sabiex jingħata kontribut għall-ksib tal-għanijiet tal-pjan, it-TAC għall-bakkaljaw tal-Lvant tal-Baltiku jiġi stabbilit skont l-approċċ ta' prekawzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament 1380/2013.

    (9)L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd stipulati f'dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 6 , u b'mod partikolari għall-Artikoli 33 u 34 tiegħu li jikkonċernaw id-dokumentazzjoni tal-qabdiet u l-isforz tas-sajd, u għat-trażmissjoni tad-data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd lill-Kummissjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika l-kodiċijiet marbuta mal-ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament li jridu jintużaw mill-Istati Membri meta jibagħtu d-data lill-Kummissjoni.

    (10)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 7 introduċa kundizzjonijiet addizzjonali għall-ġestjoni minn sena għal sena tat-TACs, li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà skont l-Artikoli 3 u 4 għat-TACs prekawzjonarji u analitiċi rispettivament. Skont l-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament, meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill irid jiddeċiedi liema huma l-istokkijiet li għalihom ma għandhomx japplikaw l-Artikoli 3 jew 4, b'mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet. Aktar reċentement, permezz tal-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 iddaħħal il-mekkaniżmu ta' flessibbiltà minn sena għal sena għall-istokkijiet kollha li huma soġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art. Għalhekk, sabiex tiġi evitata flessibilità eċċessiva li ddgħajjef il-prinċipju ta' sfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin, ixxekkel il-kisba tal-miri tal-PKS u twassal biex tmur għall-agħar il-qagħda bijoloġika tal-istokkijiet, jenħtieġ li jiġi stabbilit li l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplikaw għat-TACs biss meta l-flessibilità minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma tintużax.

    (11)Sabiex tkun evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Jannar 2019. Għal raġunijiet ta' urġenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut fil-Baħar Baltiku għall-2019.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fil-Baħar Baltiku.

    2. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għas-sajd rikreattiv fejn jiġi msemmi b'mod ċar fid-dispożizzjonijiet rilevanti.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)“sottodiviżjoni” tfisser sottodiviżjoni tal-ICES tal-Baħar Baltiku kif iddefinita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 8 ;

    (2)“qabda totali permissibbli” (TAC) tfisser il-kwantità ta' kull stokk li tista' tinqabad fuq perjodu ta' sena;

    (3)“kwota” tfisser proporzjon mit-TAC allokata lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz;

    (4)“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar għal rikreazzjoni, turiżmu jew sport.

    KAPITOLU II

    OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

    Artikolu 4

    TACs u allokazzjonijiet

    It-TACs, il-kwoti u l-kondizzjonijiet marbutin b'mod funzjonali magħhom, fejn xieraq, huma stipulati fl-Anness.

    Artikolu 5

    Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet tal-opportunitajiet tas-sajd

    L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stipulat f'dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:

    (a)skambji magħmula skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (b)tnaqqis u riallokazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

    (c)ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jew skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (d)kwantitajiet miżmuma skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jew trasferiti skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (e)tnaqqis magħmul skont l-Artikoli 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

    Artikolu 6

    Kondizzjonijiet għall-ħatt l-art ta' qabdiet u ta' qabdiet aċċessorji

    L-istokkijiet ta' speċijiet mhux fil-mira fil-limiti bijoloġiċi sikuri msemmija fl-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jikkwalifikaw għad-deroga mill-obbligu li l-qabdiet jingħaddu skont il-kwoti rilevanti, huma identifikati fl-Anness.

    Artikolu 7

    Miżuri dwar is-sajd rikreattiv għall-bakkaljaw fis-sottodiviżjonijiet 22-24

    1. Fis-sajd rikreattiv, mhux aktar minn ħames kampjuni ta' bakkaljaw jistgħu jinżammu għal kull sajjied kuljum fis-sottodiviżjonijiet 22-24.

    2. Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti.

    .

    KAPITOLU III

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 8

    Trażmissjoni tad-data

    Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni d-data li tirrigwarda l-kwantitajiet tal-istokkijiet maqbuda jew li nħattu l-art, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 9

    Flessibbiltà

    1. Ħlief meta jkun speċifikat mod ieħor fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għandu japplika għall-istokkijiet soġġetti għal TACs prekawzjonarji u l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament għandhom japplikaw għal stokkijiet soġġetti għal TAC analitika.

    2. L-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà ta' sena b'sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2019.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007, ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1–15.
    (2)    http://ices.dk/sites/pub/Publication%20Reports/Advice/2018/2018/her.27.20-24.pdf
    (3)

       Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-ħut fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1139 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-Baħar Baltiku, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) 509/2007 u (KE) 1300/2008

    (4)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
    (5)    Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007, ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1.
    (6)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 ( ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1 ).
    (7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3).
    (8)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 tal-21 ta' Diċembru 2005 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound ( ĠU L 349, 31.12.2005, p. 1 ).
    Top

    Brussell, 31.8.2018

    COM(2018) 608 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku


    TACs APPLIKABBLI GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI FIŻ-ŻONI LI GĦALIHOM JEŻISTU TACs SKONT L-ISPEĊI U Ż-ŻONA

    It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f'tunnellati ta' piż ħaj, ħlief fejn ikun speċifikat mod ieħor) skont l-istokk u l-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom.

    Ir-referenzi għaż-żoni tas-sajd huma referenzi għaż-żoni tal-ICES, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    L-istokkijiet tal-ħut huma msemmija skont l-ordni alfabetika tal-ismijiet bil-Latin tal-ispeċi.

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, qed tingħata din it-tabella komparattiva bl-ismijiet bil-Latin u bl-ismijiet komuni:

    Isem xjentifiku

    Kodiċi Alfa-3

    Isem komuni

    Clupea harengus

    HER

    Aringi

    Gadus morhua

    COD

    Bakkaljaw

    Pleuronectes platessa

    PLE

    Barbun tat-tbajja'

    Salmo salar

    SAL

    Salamun

    Sprattus sprattus

    SPR

    Laċċa kaħla

    Speċi:

    Aringi

    Żona:

    Sottodiviżjonijiet 30-31

    Clupea harengus

    (HER/30/31.)

    Il-Finlandja

    72724

    L-Iżvezja

    15979

    L-Unjoni

    88703

    TAC

    88703

    TAC analitika

    Speċi:

    Aringi

    Żona:

    Sottodiviżjonijiet 22-24

    Clupea harengus

    (HER/3BC+24)

    Id-Danimarka

    898

    Il-Ġermanja

    3533

    Il-Finlandja

    0

    Il-Polonja

    833

    L-Iżvezja

    1139

    L-Unjoni

    6404

    TAC

    6404

    TAC analitika

    L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.




    Speċi:

    Aringi

    Żona:

    L-ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 25-27, 28.2, 29 u 32

    Clupea harengus

    (HER/3D-R30)

    Id-Danimarka

    3748

    Il-Ġermanja

    994

    L-Estonja

    19139

    Il-Finlandja

    37360

    Il-Latvja

    4723

    Il-Litwanja

    4973

    Il-Polonja

    42444

    L-Iżvezja

    56979

    L-Unjoni

    170360

    TAC

    Mhux relevanti

    TAC analitika

    Għandu japplika l-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

    Speċi:

    Aringi

    Żona:

    Is-Sottodiviżjoni 28.1

    Clupea harengus

    (HER/03D.RG)

    L-Estonja

    14336

    Il-Latvja

    16708

    L-Unjoni

    31044

    TAC

    31044

    TAC analitika

    Għandu japplika l-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

    Speċi:

    Bakkaljaw

    Żona:

    L-ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 25-32

    Gadus morhua

    (COD/3DX32.)

    Id-Danimarka

    5539

    (1)

    Il-Ġermanja

    2203

    (1)

    L-Estonja

    540

    (1)

    Il-Finlandja

    424

    (1)

    Il-Latvja

    2060

    (1)

    Il-Litwanja

    1357

    (1)

    Il-Polonja

    6378

    (1)

    L-Iżvezja

    5612

    (1)

    L-Unjoni

    24112

    (1)

    TAC

    Mhux relevanti

    TAC ta' prekawzjoni

    L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    __________

    (1) Fis-sottodiviżjonijiet 25 u 26, il-bastimenti tas-sajd għandhom jiġu pprojbiti milli jistadu bi xbieki tat-tkarkir, bit-tartaruni Daniżi jew irkaptu simili b’malji ta’ 90 mm jew ikbar, bl-għeżula, bi xbieki tat-tħabbil jew bil-pariti li għandhom malji ta’ 90 mm jew akbar, b’konzijiet tal-qiegħ, b’konzijiet ħlief il-konzijiet mitluqa, ix-xolfa tal-idejn u l-irkaptu tat-trejjix, li jistadu din il-kwota mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu.

    B'deroga mill-ewwel paragrafu, dak il-perjodu ta' għeluq ma għandux japplika għal bastimenti tas-sajd ta' tul totali ta' anqas minn 12-il metru li jistadu f'żoni fejn il-fond tal-ilma hu inqas minn 20 metru skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali. Dawk il-bastimenti għandhom jiżguraw li l-attività tas-sajd tagħhom tista' tiġi ssorveljata f'kull ħin. Għal dak il-għan, huma jistgħu pereżempju jkunu mgħammra b'sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti (VMS), jew sistema ekwivalenti ta' monitoraġġ elettroniku ċċertifikata mill-awtorità tal-kontroll, jew ġurnali ta' abbord dwar is-sajd bil-miktub flimkien ma' proċeduri stabbiliti ta' spezzjoni u sorveljanza f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.



    Speċi:

    Bakkaljaw

    Żona:

    Sottodiviżjonijiet 22-24

    Gadus morhua

    (COD/3BC+24)

    Id-Danimarka

    3204

    Il-Ġermanja

    1566

    L-Estonja

    71

    Il-Finlandja

    63

    Il-Latvja

    265

    Il-Litwanja

    172

    Il-Polonja

    857

    L-Iżvezja

    1141

    L-Unjoni

    7340

    TAC

    7340

    TAC analitika

    L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.




    Speċi:

    Barbun tat-tbajja'

    Żona:

    L-ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 22-32

    Pleuronectes platessa

    (PLE/3BCD-C)

    Id-Danimarka

    7251

    Il-Ġermanja

    806

    Il-Polonja

    1518

    L-Iżvezja

    547

    L-Unjoni

    10122

    TAC

    10122

    TAC analitika

    Għandu japplika l-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

    Speċi:

    Salamun

    Żona:

    L-ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 22-31

    Salmo salar

    (SAL/3BCD-F)

    Id-Danimarka

    21758

    (1)

    Il-Ġermanja

    2421

    (1)

    L-Estonja

    2211

    (1)

    Il-Finlandja

    27130

    (1)

    Il-Latvja

    13839

    (1)

    Il-Litwanja

    1627

    (1)

    Il-Polonja

    6600

    (1)

    L-Iżvezja

    29410

    (1)

    L-Unjoni

    104996

    (1)

    TAC

    Mhux relevanti

    TAC analitika

    L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    __________

    (1) Espress fl-għadd ta’ ħut individwali.



    Speċi:

    Salamun

    Żona:

    L-ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjoni 32

    Salmo salar

    (SAL/3D32.)

    L-Estonja

    1013

    (1)

    Il-Finlandja

    8866

    (1)

    L-Unjoni

    9879

    (1)

    TAC

    Mhux relevanti

    TAC ta' prekawzjoni

    __________

    (1) Espress fl-għadd ta’ ħut individwali.

    Speċi:

    Laċċa kaħla

    Żona:

    L-ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 22-32

    Sprattus sprattus

    (SPR/3BCD-C)

    Id-Danimarka

    26710

    Il-Ġermanja

    16921

    L-Estonja

    31016

    Il-Finlandja

    13982

    Il-Latvja

    37460

    Il-Litwanja

    13551

    Il-Polonja

    79497

    L-Iżvezja

    51635

    L-Unjoni

    270772

    TAC

    Mhux relevanti

    TAC analitika

    Għandu japplika l-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

    Top