Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0548

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni li saret min-Netherlands – EGF/2018/001 NL/Attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji

COM/2018/548 final

Brussell, 20.7.2018

COM(2018) 548 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni li saret min-Netherlands – EGF/2018/001 NL/Attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 1 (ir-“Regolament dwar il-FEG”).

2.Fit-23 ta’ Frar 2018, in-Netherlands ippreżentat applikazzjoni EGF/2018/001 NL/Attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji 2 fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 64 tan-NACE Reviżjoni 2 - Attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji, minbarra l-finanzjament ta’ assigurazzjoni u ta’ pensjonijiet, fir-reġjuni tal-livell NUTS 2, NL12 - Friesland, NL13 - Drenthe u NL21 - Overijssel fin-Netherlands.

3.F’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, wara l-valutazzjoni tagħha ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG huma ssodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

Applikazzjoni tal-FEG

EGF/2018/001  NL/Attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji

Stat Membru

In-Netherlands

Reġjun(i) kkonċernati (livell NUTS 3 2)

NL12 - Friesland

NL13 - Drenthe

NL21 - Overijssel

Data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni

23 ta’ Frar 2018

Data tal-konferma tar-riċevuta tal-applikazzjoni

23 ta’ Frar 2018

Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

9 ta’ Marzu 2018

Skadenza għall-forniment tal-informazzjoni addizzjonali

4 ta’ Mejju 2018

 

Skadenza għall-ikkompletar tal-valutazzjoni

27 ta’ Lulju 2018

Kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG


Għadd ta’ intrapriżi kkonċernati

20

Settur(i) ta’ attività ekonomika

(Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 ) 4

Diviżjoni 64 – Attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji, minbarra finanzjament ta’ assigurazzjoni u ta’ pensjonijiet

Perjodu referenzjarju (disa’ xhur):

24 ta’ Marzu 2017 – 24 ta’ Diċembru 2017

Għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli

1 324

Għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

450

Għadd ta’ żgħażagħ fil-mira li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs)

0

Baġit għal servizzi personalizzati (EUR)

1 908 000

Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 5 (EUR)

     79 500

Baġit totali (EUR)

1 987 500

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR)

1 192 500

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Proċedura

4.In-Netherlands ippreżentat l-applikazzjoni EGF/2018/001  NL/Attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji fit-23 ta’ Frar 2018, fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent kif stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-FEG. Il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-applikazzjoni fl-istess jum, u talbet informazzjoni addizzjonali min-Netherlands fid-9 ta’ Marzu 2018. Din l-informazzjoni addizzjonali ingħatat wara li l-iskadenza ta’ sitt ġimgħat ġiet estiża b’ġimgħatejn, fuq talba ġġustifikata tan-Netherlands. L-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa mir-riċevuta tal-applikazzjoni kompluta, li fihom il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, tiskadi fis-27 ta’ Lulju 2018.

Eliġibbiltà tal-applikazzjoni

Intrapriżi u benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni hija relatata mal-1 324 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 64 tan-NACE Reviżjoni 2 - Attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji, minbarra l-finanzjament ta’ assigurazzjoni u ta’ pensjonijiet. Is-sensji jinsabu fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta’ NL12 - Friesland, NL13 - Drenthe u NL21 - Overijssel 6 .

Intrapriżi u għadd ta’ tkeċċijiet fil-perjodu referenzjarju

Rabobank

981

BNP Paribas

3

ING Bank

149

SBOT BV

3

ABN-AMRO

112

KAS Bank NV

2

Volksbank/SNS

29

Pale BV

2

Kredietbank Nederland

11

Royal Bank of Scotland

2

Triodos

6

CEM Finance BV

1

F. Van Lanschot Bankers

5

DNB

1

Lacent BV

5

KBC Bank

1

Santander

5

Krediet Unie BV

1

Kempen & Co NV

4

UBS Europe SE

1



Għadd totali ta’ intrapriżi: 20

Għadd totali ta’ tkeċċijiet: 

1 324

Għadd totali ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività tagħhom: 

0

Għadd totali ta’ ħaddiema u ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li huma eliġibbli:

1 324

Kriterji ta’ intervent

In-Netherlands ippreżentat l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG, li jeħtieġ li mill-inqas 500 ħaddiem jingħataw is-sensja tul perjodu referenzjarju ta’ disa’ xhur f’intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku ddefinit fid-Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2, u li jinsabu f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi ddefiniti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru.  Fir-reġjun ta’ livell NUTS 2, NL21 - Overijssel, kien hemm 610 sensja. Il-perjodu referenzjarju ta’ disa’ xhur għall-applikazzjoni huwa validu mill-24 ta’ Marzu 2017 sal-24 ta’ Diċembru 2017.

Kalkolu tas-sensji u ta’ waqfien mill-attività

6.L-1 324 sensja kollha matul il-perjodu referenzjarju ġew ikkalkulati mid-data tal-avviż individwali tal-impjegatur li se jkeċċi jew itemm il-kuntratt ta’ impjieg tal-ħaddiem.

7.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa 1 324.

Rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali hija indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009

8.Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009, in-Netherlands tippreżenta l-argument li l-kriżi finanzjarja u ekonomika kellha impatt serju fuq is-servizzi u l-funzjonament tal-banek Olandiżi 7   8   9 .

9.L-ambjent ta’ rati baxxi tal-imgħax, introdott bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, il-kundizzjonijiet regolatorji aktar stretti, u t-tnaqqis sostanzjali fis-suq ipotekarju u fil-forniment ta’ kreditu għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), ikkawżaw dejjem inqas profittabbiltà u ħolqu ħtieġa urġenti għat-tnaqqis fil-kostijiet. Ir-rapport tal-pajjiż mill-Kummissjoni għall-2018 jikkonferma r-rati baxxi tal-imgħax, it-tnaqqis fis-self lill-SMEs u l-pożizzjoni ta’ dejn tal-unitajiet domestiċi privati fin-Netherlands 10 .

10.Fis-suq ipotekarju jista’ jiġi osservat tnaqqis sostanzjali mill-2006 sal-2015 11 . Kien hemm kemmxejn ta’ rkupru mill-2016, għalkemm il-livelli għadhom ħafna aktar baxxi milli qabel il-kriżi ekonomika finanzjarja. Ir-rata ta’ tkabbir ta’ ipoteki ġodda annwali issa hija kważi żero; filwaqt li qabel il-kriżi tal-2008, kienet qed tikber b’4-5 % kull sena. Id-dħul ta’ atturi ġodda - bħal fondi ta’ pensjoni u assiguraturi - kompla żied mat-tnaqqis tan-negozju ipotekarju għall-banek.

11.Fil-forniment ta’ kreditu għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) 12 , jidher tnaqqis matul dawn l-aħħar 10 snin, mingħajr ma kien hemm irkupru għal-livell tal-2008.

12.B’riżultat ta’ dan, il-banek naqqsu l-persunal tagħhom, prinċipalment billi għalqu uffiċċji reġjonali u billi qalbu għall-ibbankjar online. Nofs il-fergħat għalqu bejn l-2004 u l-2014 13 , u x-xejra għadha għaddejja. Il-biċċa l-kbira tal-persuni li ngħataw is-sensja huma dawk li kienu f’kuntatt dirett mal-klijienti u dawk li kienu involuti fl-amministrazzjoni relatata.

13.Sa issa, is-settur “Attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji, minbarra l-finanzjament ta’ assigurazzjoni u ta’ pensjoni” ma kien is-suġġett ta’ ebda applikazzjoni tal-FEG.

Avvenimenti li jikkawżaw is-sensji u l-waqfien mill-attività

14.Ir-rati baxxi tal-imgħax (marġnijiet baxxi tal-imgħax) kellhom impatt dirett u negattiv fuq il-profittabbiltà tal-banek. Ir-restawr tal-profittabbiltà prinċipalment jinkiseb permezz tat-tnaqqis tal-kostijiet, tal-għeluq ta’ friegħi reġjonali u tal-awtomatizzazzjoni, sabiex in-negozju jibqa’ għaddej. B’riżultat ta’ dan, l-għadd ta’ impjegati qed jonqos b’mod kostanti fil-banek kollha.

15.L-għadd ta’ sensji fis-settur bankarju Olandiż żdied bi 8,6 % bejn April 2016 u April 2017, filwaqt li l-għadd medju ta’ sensji fis-setturi kollha naqas bi 12,8 % 14 . Rabobank kellu 1 434 fergħa fl-2004; fl-2014 kien għad fadal biss 566 (-60 %). Fl-istess perjodu, ABN-AMRO għalaq 427 mill-uffiċċji tiegħu (-57 %) 15 . Il-Volksbank (SNS) għalaq 14 % mill-uffiċċji reġjonali tiegħu bejn l-2004 u l-2014. It-tnaqqis tal-uffiċċji reġjonali kien l-aktar prevalenti fi Friesland, fi Drenthe u f’Overijssel. Billi ING qatt ma kellu uffiċċji reġjonali daqs il-banek l-oħrajn (276), dan ma għalaqx uffiċċji, iżda naqqas il-persunal fl-uffiċċji eżistenti.

16.Bejn l-2010 u l-2016, l-għadd kumplessiv ta’ impjegati fl-erba’ banek li diġà ssemmew naqas minn 158 588 għal 122 556; dan huwa tnaqqis ta’ 23 % 16 .

17.Barra minn hekk, huma previsti sensji fuq skala kbira f’ABN-AMRO 17 , f’ING 18 u f’Rabobank 19 . Il-Volksbank, li ma għaddhiex minn riorganizzazzjoni jew ristrutturar estensivi matul dawn l-aħħar snin, ħabbar pjanijiet għal riorganizzazzjoni u għal sensji 20 .

18.L-għadd ta’ persuni fuq benefiċċji tal-qgħad fis-settur żdied b’iktar mit-tripplu matul il-perjodu 2008 sal-2015 21   22 , u fl-2016 l-għadd ta’ persuni mis-settur bankarju li applikaw għal benefiċċju tal-qgħad żdied b’27,7 % meta mqabbel mal-2015, bħala konsegwenza tar-riorganizzazzjoni tas-settur. Barra minn hekk, is-settur bankarju kien l-uniku settur fejn l-impjieg naqas fl-2016; is-setturi l-oħra kollha kellhom inqas benefiċċji ġodda tal-qgħad.

19.It-tnaqqis affettwa prinċipalment lil persunal b’livell ta’ edukazzjoni baxx jew medju, bħal persunal amministrattiv u dawk li jilqgħu lill-klijenti. Il-perspettiva tas-suq tax-xogħol għal dawn it-tipi ta’ funzjonijiet hija dgħajfa. Fis-settur bankarju, in-nisa prinċipalment kellhom funzjonijiet ta’ livell baxx u ta’ livell medju; għalhekk, hemm aktar nisa qiegħda (55 %) milli rġiel (45 %). 45 % tal-persuni qiegħda fis-settur bankarju għandhom 55 sena jew aktar.

Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija u l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

20.Is-sensji fis-settur bankarju jippreżentaw sfida partikolari għat-tliet provinċji kkkonċernati 23 . Il-qgħad fit-tliet reġjuni kollha huwa ogħla mill-medja nazzjonali ta’ 5,4 %. Fi Friesland jinsab f’livell ta’ 10,8 % 24 , fi Drenthe huwa 7 % 25 u f’Overijssel huwa 6,3 % 26 . B’mod ġenerali, 66 % tan-nies jistgħu jsibu xogħol ġdid fi żmien sena mit-tkeċċija tagħhom. Fis-settur bankarju, 39 % tan-nies biss sabu xogħol ġdid fi żmien sena 27 .

21.Skont l-Aġenzija għall-Assigurazzjoni tal-Impjiegi tan-Netherlands (UWV), il-prospettivi ta’ dawn in-nies li jsibu impjieg ieħor fl-istess settur huma baxxi ħafna, billi l-impjiegi fis-settur mhumiex mistennija jirkupraw. Skont it-tbassir, fl-2018 se jerġa’ jkun hemm tnaqqis fl-impjiegi fis-settur 28 .

22.Fi Friesland, 16 % tan-nies li applikaw għall-benefiċċji tal-qgħad kellhom funzjonijiet fis-settur bankarju b’tipi ta’ xogħlijiet li ma għadhomx meħtieġa fir-reġjun, billi,fost l-oħrajn, ingħalqu l-fergħat reġjonali tal-banek 29 .

23.F’Overijssel, is-settur bankarju huwa kklassifikat fit-tieni post fuq il-lista ta’ sfondi okkupazzjonali ta’ nies li japplikaw għall-benefiċċji tal-qgħad 30 .

24.L-impatt mistenni tas-sensji fit-territorji affettwati huwa marbut mad-diffikultajiet ta’ riallokazzjoni fi ħdan l-istess settur. L-UWV tagħti parir lin-nies fis-settur bankarju f’dawn it-tliet provinċji biex ifittxu professjoni, settur jew reġjun oħrajn 31   32 . It-tliet reġjuni kkonċernati mhumiex industrijalizzati u ddiversifikati daqs reġjuni oħra fin-Netherlands, u l-biċċa l-kbira mill-kumpaniji huma SMEs 33 .. Madankollu, hemm opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi fis-setturi tas-saħħa, tal-ICT, tal-loġistika, tal-kontroll finanzjarju u f’setturi oħra.

25.Jeżistu gruppi vulnerabbli fost l-1 324 ħaddiem li tkeċċa; persunal klerikali/responsabbli għall-bejgħ (52 % fl-applikazzjoni), nisa (59 %) u persuni anzjani li għandhom aktar minn 55 sena (27 %). Nofs dawk li ngħataw tkeċċew kienu jaħdmu f’impjiegi professjonali/tekniċi. Għalhekk, huwa importanti li tiġi appoġġata r-riintegrazzoni veloċi fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema mkeċċija, billi se jkun diffiċli li jsibu impjieg ieħor mingħajr għajnuna. 

26.Il-perjodu medju ta’ benefiċċji tal-qgħad għall-membri tal-persunal qiegħda fis-settur bankarju huwa ħafna itwal milli dak għal persuni qiegħda minn setturi oħra. Barra minn hekk, id-data mill-UWV turi li mill-inqas 12 % ta’ dawk li applikaw għall-benefiċċju tal-qgħad kellhom xogħol preċedenti fis-settur finanzjarju 34 .

Benefiċjarji fil-mira u azzjonijiet proposti

Benefiċjarji fil-mira

27.Huwa stmat li 450 ħaddiem li ngħataw is-sensja huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri. Il-ħaddiema eliġibbli l-oħra jew qed imorru f’ setturi jew reġjuni oħra, jirtiraw jew qed jipparteċipaw fi skemi nazzjonali u lokali għall-impjieg mill-ġdid. It-tqassim ta’ dawn il-ħaddiema skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-grupp ta’ età hija kif ġej:

Kategorija

Għadd ta’
benefiċjarji fil-mira*

Sess:

Irġiel:

183

(40,7 %)

Nisa:

267

(59,3 %)

Ċittadinanza:

Ċittadini tal-UE:

450

(100,0 %)

ċittadini mhux tal-UE:

0

(0 %)

Grupp ta’ età:

15-24 sena:

38

(8,4 %)

25-29 sena:

50

(11,1 %)

30-54 sena:

241

(53,6 %)

55-64 sena:

104

(23,1 %)

aktar minn 64 sena:

17

(3,8 %)

*:% arrotondat

Eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti

28.Is-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin:

Ammissjoni: din il-miżura se tidentifika l-parteċipanti skont il-kapaċitajiet, il-potenzjal u l-perspettiva tal-impjieg tagħhom. Kull ammissjoni se tiġi konkluża b’parir.

Għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg: din il-miżura se tibda b’offerta għal programm personalizzat. Fost l-oħrajn, din se tinkludi tħejjija ta’ dokumenti ta’ trasferiment, taħriġ intensiv fl-applikazzjoni għal impjiegi, l-organizzazjoni ta’ swieq tax-xogħol u kkuntattjar estensiv ta’ impjegaturi.

Grupp tal-mobbiltà: din il-miżura tikkonsisti minn grupp flessibbli għal persuni li jkunu qed ifittxu impjieg u għal impjegaturi b’impjiegi temporanji. Se jitwaqqfu gruppi tal-mobbiltà reġjonali, speċjalizzati għal dawk li kienu jaħdmu fis-settur bankarju. Din il-miżura se tipprovdi esperjenza ta’ xogħol lill-ħaddiema (mħarrġa mill-ġdid) u se tgħinhom jippreżentaw lilhom infushom lil impjegaturi oħra.

Taħriġ u kkowċjar relatati mal-promozzjoni tal-intraprenditorija: xi wħud mill-parteċipanti jistgħu jużaw il-ħiliet u l-esperjenza tagħhom biex jibdew in-negozju tagħhom stess. Din il-miżura se tipprovdilhom taħriġ u kkowċjar, billi tiżviluppa l-ħiliet tagħhom, tabbozza pjan sostenibbli tan-negozju u tiggwidahom matul il-proċeduri leġiżlattivi.

Taħriġ u taħriġ mill-ġdid: din il-miżura se tipprovdi taħriġ, taħriġ mill-ġdid u faċilitajiet edukattivi oħrajn, kemm għas-settur tal-bejgħ bl-imnut, kif ukoll għal profili okkupazzjonali ġodda, bħat-trasport, is-servizzi tal-IT, professjonijiet tekniċi u oħrajn.

Għajnuna għar-rikollokament: din il-miżura se toffri orjentazzjoni lejn l-impjieg, konsulenza dwar l-impjieg u taħriġ dwar il-kompetenzi.

Għotja għall-promozzjoni tal-intraprenditorija: din il-miżura se tipprovdi għotja biex jiġu koperti l-kostijiet ta’ investiment, jekk il-parteċipant jikseb il-ħiliet neċessarji u jkollu pjan tan-negozju sostenibbli.

29.L-azzjonijiet proposti, deskritti hawnhekk, jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol skont l-azzjonijiet eliġibbli stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwux miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

30.In-Netherlands ipprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriżi kkonċernati bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tissostitwixxi dawn l-azzjonijiet.

Baġit stmat

31.Il-kostijiet totali stmati huma EUR 1 987 500, li jinkludu l-infiq għal servizzi personalizzati ta’ EUR 1 908 000, u l-infiq għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta’ EUR 79 500.

32.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mingħand il-FEG hija ta’ EUR 1 192 500 (60 % tal-kostijiet totali).

Azzjonijiet

Għadd stmat ta’ parteċipanti

Kost stmat għal kull parteċipant*
(EUR)

Kostijiet totali stmati

(EUR)

Servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament dwar il-FEG)

Ammissjoni (Intake)

250

1 152

288 000

Għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg (Trajectbegeleiding reintegratie)

450

900

405 000

Grupp tal-mobbiltà (Mobiliteitspool)

175

3 200

560 000

Taħriġ u kkowċjar relatati mal-promozzjoni tal-intraprenditorija (Promotie, cursussen en begeleiding ondernemerschap)

20

2 000

40 000

Taħriġ u taħriġ mill-ġdid (Scholing en cursussen)

75

3 500

262 500

Għajnuna għar-rikollokament (Outplacement begeleiding)

35

1 500

52 500

Għotja għall-promozzjoni tal-intraprenditorija (Toelage ondernemerschap)

20

15 000

300 000

Subtotal (a):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

1 908 000

(100 %)

Kwoti u inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG)

0

0

0

Subtotal (b):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

0

(100 %)

Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament dwar il-FEG

1. Attivitajiet ta’ tħejjija

0

2. Ġestjoni

19 875

3. Informazzjoni u pubbliċità

39 750

4. Kontroll u rapportar

19 875

Subtotal (c):

Perċentwal tal-ispejjeż totali:

79 500

(%)

Kostijiet totali (a + b + c):

1 987 500

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-kostijiet totali)

1 192 500

*: iċ-ċifri huma arrotondati

33.In-Netherlands ikkonfermat li l-kostijiet tal-investimenti għal impjieg indipendenti, negozji ġodda u akkwiżizzjonijiet mill-impjegati mhumiex se jaqbżu EUR 15 000 għal kull benefiċjarju.

Perjodu ta’ eliġibbiltà tal-infiq

34.Fl-1 ta’ Jannar 2018, in-Netherlands bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira. Għalhekk, mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-23 ta’ Frar 2020, in-nefqa fuq l-azzjonijiet se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

35.Fl-1 ta’ Ottubru 2017, in-Netherlands bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva biex timplimenta l-FEG. Għaldsqstant, l-infiq għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar għandu jkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Ottubru 2017 sat-23 ta’ Awwissu 2020.

Komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

36.Is-sorsi ta’ prefinanzjament jew kofinanzjament nazzjonali huma l-fondi tal-Aġenzija għall-Assigurazzjoni tal-Impjegati (UWV), il-provinċji, fondi edukattivi u fondi tas-sħab soċjali.

37.In-Netherlands ikkonfermat li l-miżuri deskritti hawn fuq li se jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhumiex se jirċievu kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira, mar-rappreżentanti tagħhom, mas-sħab soċjali jew mal-awtoritajiet lokali u reġjonali

38.In-Netherlands indikat li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ partijiet ikkonċernati u sħab soċjali bħall-Assoċjazzjoni Bankarja Olandiża (NVB), il-Federazzjoni Olandiża għat-Trade Unions (FNV) u l-Federazzjoni Nazzjonali Kristjana għat-Trade Unions (CNV), speċjalment fir-rigward tal-abbozzar tal-pakkett ikkoordinat tas-servizzi offruti. Is-sħab soċjali se jipparteċipaw ukoll fil-kumitat ta’ tmexxija, li se jitwaqqaf biex jikkoordina l-miżuri kollha tas-suq tax-xogħol.

39.L-attivitajiet ta’ tħejjija kienu jinkludu laqgħat mar-rappreżentanti tas-settur, mal-muniċipalità ta’ Leeuwarden u mat-tliet provinċji. Il-partijiet ikkonċernati (sħab soċjali, rappreżentanti tas-settur bankarju) flimkien mal-UWV għamlu inventarju tan-natura u l-kobor tal-problema. Tħejja pjan għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex dawn iżidu l-probabbiltà tagħhom li jerġgħu jsibu impjieg.

Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

40.L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Din hija identika għall-istruttura tas-sistema tal-FSE. Il-kostijiet relatati ma’ dawn l-attivitajiet huma inklużi fil-kostijiet totali tal-proġett. In-Netherlands innotifikat lill-Kummissjoni li l-ġestjoni se ssir mill-parti responsabbli għall-Implimentazzjoni tal-Politika tad-dipartiment għas-Servizz, il-Kollaborazzjoni u l-Implimentazzjoni (SZV; il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi).

41.Il-kontroll finanzjarju se jsir mid-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija għall-Intrapriżi tan-Netherlands (RVO) tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Politika dwar il-Klima, bħala awtorità ta’ ċertifikazzjoni. L-awtorità tal-awditjar indipendenti se tkun is-Servizz tal-Awditjar Ċentrali tal-Gvern (il-Ministeru tal-Finanzi).

42.Fir-rigward tal-kontroll intern u s-sistemi kontabilistiċi, il-Gvern provinċjali ta’ Drenthe huwa obbligat iżomm reġistri amministrattivi verifikabbli għall-awditjar.

Impenji mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat

43.In-Netherlands tat l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa rigward dawn li ġejjin:

fl-aċċess għall-azzjonijiet u proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom, se jiġu rispettati l-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u tan-nondiskriminazzjoni,

ġew issodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-UE rigward sensji kollettivi,

l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u se jiġi evitat kwalunkwe finanzjament doppju,

l-azzjonijiet proposti se jikkumplimentaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tikkonforma mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Proposta baġitarja

44.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 35 .

45.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament dwar il-FEG, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont ta’ EUR 1 192 500, li jirrappreżenta 60 % tal-kostijiet totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

46.Id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat il-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 36 .

Atti relatati

47.Fl-istess ħin li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, proposta għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 1 192 500 lejn il-linja baġitarja rilevanti.

48.Fl-istess ħin li tadotta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni li se jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat il-FEG.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni li saret min-Netherlands – EGF/2018/001 NL/Attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 37 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 38 , u b’mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lil ħaddiema li ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività tagħhom b’riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, b’riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b’riżultat ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika ġdida, u li jgħinhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol.

(2)Il-FEG ma jeħtieġx jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 39 .

(3)Fit-23 ta’ Frar 2018, in-Netherlands ippreżentat applikazzjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, fir-rigward tas-sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt il-Klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (“NACE”) Reviżjoni 2 Diviżjoni 64 (Attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji, minbarra il-finanzjament ta’ assigurazzjoni u ta’ pensjonijiet) fir-reġjuni tal-livell 2 tal-Klassifikazzjoni Komuni ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (“NUTS”) 40 , NL 12 - Friesland, NL 13 - Drenthe u NL 21 - Overijssel fin-Netherlands. Din kienet issupplimentata minn informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)Għalhekk, il-FEG jenħtieġ li jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 192 500 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata min-Netherlands.

(5)Sabiex jiġi mminimizzat iż-żmien meħtieġ għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja għall-2018, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 1 192 500 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha]*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2)    Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-FEG.
(3)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
(4)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(5)    F’konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(6)    Friesland (445), Drenthe (269), Overijssel (610)
(7)     https://www.rabobank.com/nl/about-rabobank/results-and-reports/annual-review/2015/organisational-structure/index.html
(8)     https://www.rabobank.com/nl/about-rabobank/results-and-reports/annual-review/2015/organisational-structure/index.html
(9)     https://www.dnb.nl/en/news/news-and-archive/persberichten-2016/dnb341434.jsp https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2016/html/sp161003.en.html https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2017/html/ecb.sp170510.en.html
(10)     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/2018-european-semester-country-report-netherland-en.pdf
(11)    Sors: https://www.dnb.nl/nieuws/nieuwsoverzicht-en-archief/statistisch-nieuws-2017/dnb358895.jsp
(12)     https://www.dnb.nl/nieuws/nieuwsoverzicht-en-archief/dnbulletin-2014/dnb309784.jsp     Skeda Informattiva għall-2016 tal-Federazzjoni Olandiża tal-Banek dwar is-Servizzi Finanzjarji https://www.nvb.nl/media/document/000258_od15799-nvb-factsheet-zakelijke-dienstverlening-2016-04-07-def.pdf .
(13)     https://fd.nl/frontpage/fd-outlook/1086750/hoe-de-bank-uit-de-buurt-verdwijnt-en-straks-elders-weer-verschijnt
(14)    Newsflash Labourmarket, UWV, April 2017
(15)     https://fd.nl/frontpage/fd-outlook/1086750/hoe-de-bank-uit-de-buurt-verdwijnt-en-straks-elders-weer-verschijnt
(16)    Sors: ir-rapporti annwali ta’ ING, ABN-AMRO, RABO-bank u Volksbank
(17)    Diversi rapporti annwali ABN-AMRO 2011-2016
(18)    Ir-rapporti annwali ta’ ING Bank għall-2015 u l-2016.
(19)    Homas Escritt u Toby Sterling (11 ta’ Diċembru 2015). “Rabobank to cut 9,000 jobs and shed assets to boost profit”
(20)     http://www.volkskrant.nl/economie/weer-een-ontslagronde-ook-sns-schrapt-honderden-voltijdbanen~a4435538/
(21)    Il-probabbiltà ta’ impjieg għal persuni fis-settur finanzjarju, UWV, Marzu 2017
(22)     https://fd.nl/economie-politiek/1176581/somber-perspectief-voor-ontslagen-bankmedewerker
(23)    Ċifri għas-sensji fis-settur bankarju UWV.
(24)    Fatti u ċifri għall-provinċja ta’ Friesland: http://fryslan.databank.nl
(25)    Fatti u ċifri għall-provinċja ta’ Drenthe: http://www.provincie.drenthe.nl/feitenencijfers/cijfers/economie/
(26)    Sors: CBS Statline https://www.cbs.nl
(27)    Skeda informattiva dwar is-suq tax-xogħol għas-settur finanzjarju, UWV 23 ta’ Mejju 2017
(28)     https://fd.nl/frontpage/ondernemen/1086910/banken-houden-nog-20-tot-30-kantoren
(29)    Reġjun taħt il-lenti: Friesland, UWV 2016
(30)    Reġjun taħt il-lenti: Zwolle, UWV 2016, Reġjun taħt il-lenti: Twente, UWV 2016
(31)    Ara n-nota 28 – 30
(32)    Skeda informattiva dwar is-suq tax-xogħol għas-settur finanzjarju, UWV 23 ta’ Mejju 2017
(33)    Fatti u ċifri għall-provinċja ta’ Overijssel: http://www.overijssel.nl/over-overijssel/cijfers-kaarten/
(34)    Reġjun taħt il-lenti: Drenthe, UWV 2016
(35)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(36)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(37)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(38)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(39)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(40)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
Top